Language of document :

Appell ippreżentat fl-24 ta’ Jannar 2019 minn Mouvement pour une Europe des nations et des libertés mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fis-27 ta’ Novembru 2018 fil-Kawża T-829/16, Mouvement pour une Europe des nations et des libertés vs Il-Parlament

(Kawża C-60/19 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Mouvement pour une Europe des nations et des libertés (rappreżentant: A. Varaut, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla d-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Settembru 2016 li tiddikkjara ċerti spejjeż ineleġibbli għall-finijiet ta’ sussidju fis-sena finanzjarja 2015;

tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż kollha;

talloka lill-appellant dak li għandu dritt għalih bħala spejjeż tal-proċedura.

Aggravji u argumenti prinċipali

Il-Mouvement pour une Europe des nations et des libertés (MENL) editja poster relatat mal-kriżi ta’ migrazzjoni u għall-Ftehim ta’ Schengen bil-logo tagħha kif ukoll, b’mod ħafna iktar diskret, il-logos tal-Front National u tal-Vlaams Belang.

Il-Parlament ċaħad l-ispejjeż relatati ma’ dan il-poster billi kkunsidra li jikkostitwixxu vantaġġ indebitu minn partit politiku nazzjonali.

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tal-MENL intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni.

Il-MENL jitlob l-annullament tas-sentenza appellata għall-iżbalji ta’ liġi segwenti:

il-fatti tal-kawża ġew żnaturati peress li l-Qorti Ġenerali, wara li kkonstatat li l-Uffiċċju tal-Parlament ma kienx ġie informat bil-mezzi ta’ difiża tal-MENL, mandankollu kkunsidrat li dan seta’ jiddefendi ruħu għaliex il-motivi tiegħu kienu ġew trażmessi lil assistent ta’ wieħed mill-membri tal-Uffiċċju;

l-Artikolu 41 tal-Karta, l-Artikolu 16 tal-Kodiċi Ewropew għal prattika amministrattiva tajba u l-Artikolu 8 tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Parlament tad-29 ta’ Marzu 2004 li tistabbilixxi l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tar- Regolament (KE) Nru 2004/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 dwar ir-regolamenti li jirregolaw il-partiti politiċi f’livell Ewropew u r-regoli dwar il-finanzjament tagħhom 1 inkisru sa fejn il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li xogħol deċiżjonali tas-servizzi tal-Parlament jista’ jissostitwixxi deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Parlament;

il-Qorti Ġenerali ċaħdet b’mod żbaljat l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2004/2003 mqajjma abbażi tal-Artikolu 277 TFUE meta ddeċidiet li l-kontenut tal-projbizzjoni tal-finanzjament indirett huwa kunċett ġuridiku indeterminat filwaqt li rrikonoxxiet l-applikazzjoni tiegħu;

il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2004/2003 billi kkunsidrat li l-preżenza tal-logo ta’ partit politiku, ikun xi jkun id-daqs tiegħu, fuq poster ta’ partit politiku Ewropew jikkostitwixxi min-natura tiegħu finanzjament dirett illeċitu tal-imsemmi partit

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 1, Vol. 4, p. 500