Language of document :

Appell ippreżentat fit-28 ta’ Novembru 2019 minn FV mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fid-19 ta’ Settembru 2019 fil-Kawża T-153/17, FV vs Il-Kunsill

(Kawża C-877/19 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: FV (rappreżentant: É. Boigelot, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2019 (T-153/17);

konsegwentement, tilqa’ t-talbiet tal-appellant fl-ewwel istanza u, għalhekk, tannulla r-rapporti ta’ evalwazzjoni relatati mas-snin 2014 u 2015 adottati definittivament fil-5 ta’ Diċembru 2016;

tikkundanna lill-appellat għall-ispejjeż kollha taż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

Is-sentenza appellata ċaħdet it-talba għal annullament tar-rapporti ta’ evalwazzjoni għas-snin 2014 u 2015.

L-appellant jinvoka bħala aggravju, minn naħa, il-ksur tad-dmir ta’ kontroll u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, kif ukoll l-iżnaturament tal-proċess u, min-naħa l-oħra, il-ksur tal-gwida dwar l-evalwazzjoni, l-obbligu ta ’motivazzjoni u premura, kif ukoll l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni.

Skont l-appellant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u żnaturat l-fatti meta qieset li l-aġir tiegħu, li allegatament ma kienx xieraq, kien l-unika raġuni għalfejn l-amministrazzjoni kienet ikklassifikatu bħala “passabbli” fir-rigward tas-“sens ta’ responsabbiltà”, meta din it-taqsima hija ddefinita mill-gwida dwar l-evalwazzjoni bħala “l-impenn tal-persuna kkonċernata fix-xogħol tagħha, id-disponibbiltà tagħha sabiex twettaq il-kompiti tagħha fi spirtu attiv u kostruttiv”.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma kkontrollatx korrettament it-tnaqqis fil-kompiti tal-appellant. L-istat ta’ saħħa u x-xogħol part-time minħabba raġunijiet mediċi ma jistgħux jiġġustifikaw it-tneħħija ta’ parti mill-kompiti ta’ uffiċjal, barra minn hekk, mingħajr il-kunsens tiegħu.

Minnbarra dan, l-appellant jikkontesta l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali rigward il-bidla fl-uffiċċju u fil-pożizzjoni, kif ukoll l-aġir tiegħu matul l-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni tal-2014 u jargumenta li dawn jikkostitwixxu żnaturament tal-proċess.

Fl-aħħar nett, is-sentenza appellata naqset milli tirrikonoxxi n-nuqqas ta’ premura, b’mod partikolari fil-każ ta’ uffiċjal li s-saħħa psikoloġika tiegħu hija affettwata, u ma applikatx l-Artikolu 59(1)(3) tar-Regolamenti tal-Persunal.

____________