Language of document :

Rikors ippreżentat fit-30 ta' Mejju 2007 - Tiralongo vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-55/07)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrent: Giuseppe Tiralongo (Ladispoli, L-Italja) (rappreżentanti: F. Sciaudone, R. Sciaudone u S. Frazzani, avvocati )

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

jiddikjara dan ir-rikors ammissibbli;

jordna lill-Kummissjoni tipprovdi l-informazzjoni u tipproduċi d-dokumenti relattivi għar-reklutaġġ u għat-tiġdid suċċessiv tal-kuntratt ma' l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (iktar 'il quddiem l-"OLAF") tas-Sinjura X, kif ukoll isejjaħ lil din ta' l-aħħar bħala xhud;

jadotta l-miżuri kollha ta' organizzazzjoni tal-proċedura u istruttorji neċessarji għall-finijiet li jiġi evalwat il-ksur tal-prinċipji ta' trattament ugwali u ta' non-diskriminazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni;

jikkundanna l-Kummissjoni tħallas is-somma ta' 460 000 EUR, jew somma oħra li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jidhirlu li hija ġusta, bħala kumpens għad-dannu materjali kkawżat lir-rikorrent;

jikkundanna l-Kummissjoni tħallas is-somma ta' 100 000 EUR, jew somma oħra li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jidhirlu li hija ġusta, bħala kumpens għad-dannu morali kkawżat lir-rikorrent;

jordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrent, membru tal-persunal temporanju ma' l-OLAF sat-30 ta' April 2005, jitlob kumpens għad-dannu li skondu jirriżulta minn sensiela ta' aġir illegali li wettqet il-Kummissjoni fil-kuntest tat-tiġdid tal-kuntratt tiegħu. Dan l-aġir illegali jirrigwarda b'mod partikolari: i) il-ksur tar-reġoli applikabbli u tal-ġurisprudenza rilevanti fir-rigward tas-servizz pubbliku; ii) il-ksur tal-prinċipju ta' l-aspettattivi leġittimi; iii) il-ksur tal-prinċipji ta' trattament ugwali u ta' non-diskriminazzjoni.

____________