Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Latvja) fis-7 ta’ Ottubru 2019 – Euromin Holdings (Cyprus) Limited vs Finanšu un kapitāla tirgus komisija

(Kawża C-735/19)

Lingwa tal-kawża: il-Latvjan

Qorti tar-rinviju

Augstākā tiesa (Senāts)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Euromin Holdings (Cyprus) Limited

Konvenuta: Finanšu un kapitāla tirgus komisija

Domandi preliminari

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 fuq offerti ta’ xiri 1 , jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, għall-finijiet ta’ offerta obbligatorja ta’ xiri lura, il-valur tal-azzjoni għandu jiġi kkalkolat billi l-attiv nett tal-kumpannija li qegħda tirċievi l-offerta (inkluż is-sehem ta’ azzjonist minoritarju li, għaldaqstant, ma jagħtix kontroll) jiġi diviż bin-numru ta’ azzjonijiet maħruġa?

Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta negattiva fir-rigward tal-punt dwar jekk is-sehem ta’ azzjonist minoritarju (li, għaldaqstant, ma jagħtix kontroll) għandux jiġi inkluż fl-attiv nett tal-kumpannija li qegħda tirċievi l-offerta, il-metodu tal-iffissar tal-prezz tal-azzjoni jista’ jitqies bħala ddeterminat b’mod ċar fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25, jekk ikun neċessarju, sabiex jinftiehem il-kontenut ta’ dan il-metodu, li jiġi applikat wieħed mill-metodi ta’ interpretazzjoni praetorjana tad-dritt, jiġifieri dak tat-tnaqqis teleoloġiku?

L-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25, jiġifieri d-dispożizzjoni ta’ din id-direttiva dwar l-iffissar ta’ prezz ekwu, jipprekludi leġiżlazzjoni li tipprevedi li għandu jintgħażel l-ogħla prezz fost it-tliet varjanti possibbli sussegwenti?

Il-prezz li l-offerent jew li l-persuni li qegħdin jaġixxu bi qbil miegħu kisbu għall-azzjonijiet tal-kumpannija li qegħda tirċievi l-offerta matul l-aħħar tnax-il xahar. Jekk l-azzjonijiet inxtraw bi prezzijiet differenti, il-prezz ta’ xiri lura għandu jkun l-ogħla prezz ta’ xiri tal-azzjonijiet matul it-tnax-il xahar preċedenti għat-tnissil tal-obbligu legali li ssir offerta ta’ xiri lura;

Il-prezz medju ponderat tal-azzjoni f’suq irregolat jew f’sistema multilaterali ta’ kummerċ bl-ikbar volum ta’ skambji għall-azzjoni kkonċernata matul l-aħħar tnax-il xahar. Il-prezz medju ponderat tal-azzjoni għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-aħħar tnax-il xahar preċedenti għat-tnissil tal-obbligu legali li ssir offerta ta’ xiri lura;

Il-valur tal-azzjoni li jiġi kkalkolat billi l-attiv nett tal-kumpannija li qegħda tirċievi l-offerta jiġi diviż bin-numru ta’ azzjonijiet maħruġa. Sabiex jiġi kkalkolat l-attiv nett, għandhom jitnaqqsu mill-attiv totali l-azzjonijiet miżmuma mill-kumpannija stess li qegħda tirċievi l-offerta, kif ukoll l-impenji tagħha. Jekk il-kumpannija li qegħda tirċievi l-offerta jkollha azzjonijiet b’valuri nominali differenti, sabiex jiġi kkalkolat il-valur tal-azzjoni, l-attiv nett għandu jinqasam skont x’jirrappreżentaw proporzjonalment l-azzjonijiet ta’ ċertu valur nominali fil-kapital tal-kumpannija.

Jekk il-metodu ta’ kalkolu ddefinit fil-leġiżlazzjoni nazzjonali (fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li l-Istati Membri għandhom permezz tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25) iwassal għal prezz ogħla minn dak li kieku ġie applikat l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tal-istess direttiva, ikun konformi mal-għan tad-Direttiva li dejjem jintgħażel l-ogħla prezz?

Jekk individwu jissubixxi dannu minħabba l-applikazzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni, id-dritt nazzjonali jista’ jipprevedi limitu fir-rigward tal-kumpens għal dan id-dannu meta tali limitu japplika kemm fir-rigward tad-danni subiti minħabba applikazzjoni żbaljata tad-dritt nazzjonali kif ukoll fir-rigward ta’ dawk subiti minħabba applikazzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni?

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/25, bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża, jagħtu drittijiet lill-individwi; fi kliem ieħor, ir-rekwiżit korrispondenti għar-responsabbiltà tal-Istat huwa ssodisfatt?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 20.