Language of document : ECLI:EU:C:2014:254

Kawża C‑435/12

ACI Adam BV et

vs

Stichting de Thuiskopie

u

Stichting Onderhandelingen Thuiskopie vergoeding

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Proprjetà intellettwali — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni — Direttiva 2001/29/KE — Artikolu 5(2)(b) u (5) — Dritt ta’ riproduzzjoni — Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet — Riproduzzjoni għal użu privat — Natura legali tal-oriġini tal-kopja — Direttiva 2004/48/KE — Kamp ta’ applikazzjoni”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-10 ta’ April 2014

1.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Direttiva 2001/29 — Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni — Dritt ta’ riproduzzjoni — Eċċezzjoni ta’ kopja privata — Interpretazzjoni stretta — Possibbiltà li jiġi impost fuq id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur li jittolleraw il-ksur tad-drittijiet tagħhom — Inammissibbiltà

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, Artikolu 5(2))

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Direttiva 2001/29 — Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni — Dritt ta’ riproduzzjoni — Eċċezzjoni ta’ kopja privata — Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tagħmilx distinzjoni bejn in-natura legali jew illegali tas-sors li minnu jistgħu jitwettqu r-riproduzzjonijiet — Inammissibbiltà — Assenza ta’ miżuri teknoloġiċi sabiex jiġi miġġieled it-twettiq ta’ kopji privati illegali — Assenza ta’ effett

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, premessa 31, Artikolu 5(2)(b) u (5) u Artikolu 6)

3.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali — Direttiva 2004/48 — Kamp ta’ applikazzjoni — Rikors intiż li jikkonstata l-kumpens ġust dovut lid-detenturi ta’ drittijiet tal-awtur mill-operaturi ekonomiċi — Esklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/48)

1.        Fid-dawl tal-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta tad-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li jidderogaw minn prinċipju ġenerali stabbilit minn din l-istess direttiva, id-diversi eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2001/29 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, għandhom ikunu suġġetti għal interpretazzjoni stretta. Tali interpretazzjoni teżiġi li din id-dispożizzjoni li tirrigwarda l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet u tal-limitazzjonijiet tad-dritt ta’ riproduzzjoni tiġi interpretata fis-sens li hija tipprojbixxi, ċertament, lid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur milli jużaw id-dritt esklużiv tagħhom li jawtorizzaw jew jipprojbixxu riproduzzjonijiet fir-rigward ta’ persuni li jwettqu kopji privati tax-xogħlijiet tagħhom, madankollu din tipprekludi li l-imsemmija dispożizzjoni tiġi interpretata fis-sens li timponi, lil hinn minn din il-limitazzjoni prevista espliċitament, fuq id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur li jittolleraw ksur tad-drittijiet tagħhom li jistgħu jakkompanjaw it-twettiq ta’ kopji privati.

(ara l-punti 22, 23, 25, 31)

2.        Fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata prevista fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-imsemmija dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, li ma tagħmilx distinzjoni bejn is-sitwazzjoni fejn is-sors li minnu ssir riproduzzjoni għal użu privat huwa legali u dik fejn dan is-sors huwa illegali. Iċ-ċirkustanza li ma teżisti l-ebda miżura teknoloġika, fis-sens tal-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, applikabbli sabiex jiġi miġġieled it-twettiq ta’ kopji privati illegali ma hijiex ta’ natura li tikkonfuta din il-konstatazzjoni.

Fil-fatt, għalkemm l-Istati Membri għandhom l-għażla li jistabbilixxu jew li ma jistabbilixxux id-diversi eċċezzjonijiet previsti fl-imsemmi Artikolu 5, u dan skont it-tradizzjonijiet legali tagħhom, ladarba huma jagħżlu li jintroduċu ċerta eċċezzjoni, din tal-aħħar għandha tiġi applikata b’mod koerenti, b’tali mod li ma tkunx tista’ tippreġudika l-għanijiet tad-Direttiva 2001/29 intiżi li jiżguraw funzjonament tajjeb tas-suq intern. Issa, li kieku l-Istati Membri jkollhom l-għażla li jadottaw jew li ma jadottawx leġiżlazzjoni li tagħti l-possibbiltà li riproduzzjonijiet għal użu privat ikunu wkoll magħmula minn sors illegali, minn dan jirriżulta, b’mod ċar, preġudizzju għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

Barra minn hekk, fil-waqt tal-applikazzjoni tagħha, tali leġiżlazzjoni tista’ tikser ċerti kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29. Fil-fatt, minn naħa, jekk jiġi aċċettat li tali riproduzzjonijiet jistgħu jsiru minn sors illegali, dan jinkoraġġixxi d-distribuzzjoni ta’ xogħlijiet falsifikati jew ikkupjati illegalment u għalhekk inaqqas neċessarjament il-volum ta’ bejgħ jew ta’ tranżazzjonijiet legali oħra relatati ma xogħlijiet protetti, b’tali mod li l-użu normali tagħhom jiġi ppreġudikat. Min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni ta’ tali leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tinvolvi dannu inġustifikat lid-detenturi ta’ drittijiet tal-awtur.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kumpens ġust mogħti lid-detenturi tad-drittijiet, sistema ta’ ħlas, li ma tagħmilx distinzjoni, fir-rigward tal-kalkolu tal-kumpens ġust dovut lill-benefiċjarji tagħha, bejn is-sitwazzjoni fejn is-sors li minnu ssir riproduzzjoni għal użu privat huwa legali u dik fejn dan is-sors huwa illegali, ma tosservax il-bilanċ ġust bejn id-drittijiet u l-interessi tal-awturi, benefiċjarji tal-kumpens ġust, minn naħa, u dawk tal-utenti ta’ materjal protett, min-naħa l-oħra. Fil-fatt, f’tali sistema, id-dannu kkawżat, u għalhekk l-ammont tal-kumpens ġust dovut lill-benefiċjarji, huwa kkalkolat abbażi tal-kriterju ta’ dannu kkawżat lill-awturi kemm mir-riproduzzjonijiet għal użu privat, imwettqa minn sors legali, kif ukoll mir-riproduzzjonijiet imwettqa minn sors illegali. L-ammont hekk ikkalkolat huwa sussegwentement, definittivament, trażmess fil-prezz li l-utenti ta’ materjal protett iħallsu fil-mument tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tagħhom ta’ attrezzaturi, tagħmir u mezzi li jippermettu t-twettiq ta’ kopji privati.

(ara l-punti 34, 35, 38-40, 45, 46, 53-55, 58 u d-dispożittiv 1)

3.        Id-Direttiva 2004/48, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tapplikax għal proċedura fejn il-persuni suġġetti għal ħlas tal-kumpens ġust jitolbu lill-qorti tar-rinviju tiddeċiedi kontra l-organizzazzjoni inkarigata mill-ġbir u mit-tqassim ta’ dan il-kumpens bejn id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur, li qed tiddefendi ruħha kontra din it-talba. Fil-fatt, id-direttiva 2004/48 ma hijiex applikabbli għal proċedura li ma għandhiex bħala oriġini azzjoni mressqa minn detenturi tad-dritt intiża li tipprevjeni, twaqqaf jew tirrimedja kull ksur tad-dritt għall-proprjetà intellettwali eżistenti, iżda azzjoni mressqa minn operaturi ekonomiċi fir-rigward tal-kumpens ġust li huma obbligati jħallsu.

(ara l-punti 63-65 u d-dispożittiv 2)