Language of document :

Rikors ippreżentat fit-28 ta' Mejju 2007 - Il-Polonja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-183/07)

Lingwa tal-kawża: Il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Polonja (rappreżentant: E. Ośniecka -Tamecka, aġent)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla kompletament jew parzjalment, abbażi ta' l-Artikolu 230 KE, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni K (2007) 1295, fil-verżjoni definittiva tagħha tas-26 ta' Marzu 2007, dwar il-pjan nazzjonali ta' allokazzjoni ta' kwoti ta' gassijiet serra nnotifikat mill-Polonja skond id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

tiddeċiedi l-kawża fil-lingwa Pollakka, skond l-Artikolu 35(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza;

tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż legali tal-Polonja.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti qiegħda titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni K (2007) 1295, fil-verżjoni definittiva tagħha tas-26 ta' Marzu 2007, dwar il-pjan nazzjonali ta' allokazzjoni ta' kwoti ta' gassijiet serra nnotifikat mill-Polonja skond id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill,1 li fih il-Kummissjoni ddeċidiet li ċerti aspetti tal-pjan nazzjonali ta' allokazzjoni ta' kwoti għal emissjonijiet ta' CO2 għall-perijodu bejn l-2008 u l-2012, innotifikat lill-Kummissjoni fit-30 ta' Ġunju 2006, ma kinux kompatibbli ma' l-Artikoli 9(1) u (3), 10 u 13(2) tad-Direttiva 2003/87/KE kif ukoll mal-kriterji stabbiliti fl-Anness III ta' din l-istess direttiva. Id-deċiżjoni kkontestata tistabbilixxi l-allokazzjoni annwali medja ta' kwoti ta' emissjonijiet għall-Polonja, għall-perijodu bejn l-2008 u l-2012, f'livell ekwivalenti għal madwar 208,5 miljuni ta' tunnellati ta' dijossidu karboniku. B'hekk il-Kummissjoni naqqset b'26.7 % l-limitu ta' emissjonijiet ta' dijossidu karboniku ta' 284.6 miljuni ta' tunnellati propost mill-Polonja għall-perijodu bejn l-2008 u l-2012 fil-pjan nazzjonali ta' allokazzjoni ta' kwoti ta' emissjonijiet innotifikat lill-Kummissjoni.

Fil-motivi tar-rikors ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, billi adottat id-deċiżjoni wara l-iskadenza tat-terminu ta' tliet xhur allokat sabiex jiġi miċħud, kompletament jew parzjalment, il-pjan nazzjonali ta' allokazzjoni nnotifikat mill-Polonja, kisret l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87/KE. Għalhekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret rekwiżiti proċedurali essenzjali u aġixxiet ultra vires.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni, meta evalwat il-pjan nazzjonali ta' allokazzjoni ta' kwoti għall-perijodu bejn l-2008 u l-2012 propost mill-Polonja, naqset, mingħajr ġustifikazzjoni, milli tevalwa l-fatti sottomessi mill-Polonja fil-pjan nazzjonali ta' allokazzjoni u ssostitwixxiet analizi ta' dawn il-fatti b'analiżi tal-fatti tagħha stess miksuba permezz ta' l-applikazzjoni inkonsistenti tal-mudell ta' analiżi ekonomika magħżul mill-Kummissjoni, u b'hekk kisret l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2003/87/KE u l-kriterju 3 stabbilit fl-Anness III ta' l-istess direttiva. Għalhekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret rekwiżiti proċedurali essenzjali.

Minbarra dan, ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni kisret rekwiżiti proċedurali essenzjali u ssostni li, peress li meta adottat id-deċiżjoni kkontestata naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni deċiżjonijiet internazzjonali li jorbtu lill-Komunità (b'mod partikolari l-Protokoll ta' Kyoto), hija kisret il-kriterji 1, 2 u 12 stabbiliti fl-Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE.

Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli, fid-deċiżjoni kkontestata, illimitat, mingħajr ġustifikazzjoni, il-possibbiltà li kwoti għal emissjoni ta' CO2 jiġu trasferiti mill-ewwel perijodu (2005-2007) għat-tieni perijodu (2008-2012), u b'hekk kisret l-Artikoli 9(3) u 13(2) tad-Direttiva 2003/87/KE. Għalhekk, ir-rikorrenti qiegħda ssostni li l-Kummissjoni aġixxiet ultra vires.

Ir-rikorrenti tilmenta wkoll li l-Kummissjoni kisret rekwiżiti proċedurali essenzjali fid-dawl tal-fatt li r-rikorrenti ma kellhiex quddiemha, qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni, ir-raġunijiet li abbażi tagħhom il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tieħu d-deċiżjoni tagħha. Għaldaqstant, skond ir-rikorrenti, hija ma kinitx f'pożizzjoni, b'mod partikolari, li tevalwa l-kompatibbiltà tad-deċiżjoni kkontestata ma' l-Artikolu 175(2)(c) KE flimkien ma' l-Artikolu 7(1) KE.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li, billi ħadet id-deċiżjoni mingħajr ma kkonsultatha minn qabel u billi ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-bilanċ ta' enerġija speċifiku tal-Polonja, il-Kummissjoni tista', permezz tad-deċiżjoni kkontestata, taffettwa s-sigurtà ta' l-enerġija tar-rikorrenti u għalhekk aġixxiet ultra vires.

____________

1 - Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).