Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Törvényszék (l-Ungerija) fit-23 ta’ Jannar 2019  – Telenor Magyarország Zrt. vs Nemzeti Média- és Hírközlési Hatóság Elnöke

(Kawża C-39/19)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Törvényszék

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Telenor Magyarország Zrt.

Konvenuta: Nemzeti Média- és Hírközlési Hatóság Elnöke

Domandi preliminari

Ftehim kummerċjali konkluż bejn fornitur ta’ aċċess għall-internet u utent finali, li bis-saħħa tiegħu l-fornitur ta’ aċċess għall-internet, fil-konfront tal-utent finali, japplika, fir-rigward ta’ ċerti applikazzjonijiet, tariffa żero (fi kliem ieħor, it-traffiku ġġenerat mill-applikazzjoni partikolari ma jingħaddx fil-konsum ta’ data eventwali, u l-veloċità tiegħu lanqas ma hija mnaqqsa meta dan il-pakkett ta’ data jispiċċa), u d-differenzazzjoni hija stabbilita biss skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim konkluż mal-utent finali, fil-kuntest ta’ dan il-ftehim u biss lejn dan il-konsumatur finali, u mhux lejn l-utenti finali li ma humiex parti għal dan il-ftehim, għandu jiġi interpretat konformement mal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi miżuri dwar aċċess għal Internet miftuħ u li jemenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u r-Regolament (UE) Nru 531/2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni 1 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament”)?

Jekk għandha tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda, l-Artikolu 3(3) tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li, fid-dawl ukoll tal-premessa 7 tiegħu, huwa neċessarju, sabiex jiġi kkonstatat il-ksur, li jiġi eżaminat, abbażi tal-impatt u tas-suq, jekk il-miżuri tal-fornitur ta’ aċċess għall-internet effettivament irrestrinġewx, u sa liema punt, id-drittijiet tal-utenti finali msemmija fil-punt 3(1) tar-Regolament?

Indipendentement mid-domandi 1 u 2, l-Artikolu 3(3) tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li l-projbizzjoni li huwa jipprevedi hija ta’ natura inkundizzjonata, ġenerali u oġġettiva, fis-sens li, fuq din il-bażi, huma pprojbiti l-miżuri kollha ta’ amministrazzjoni tat-traffiku li jistabbilixxu differenzazzjoni bejn id-diversi kontenuti tal-internet, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-fornitur ta’ aċċess għall-internet għamilx dan permezz ta’ ftehim, ta’ prattika kummerċjali jew ta’ aġir ieħor?

Jekk għandha tingħata risposta pożittiva għat-tielet domanda, jista’ jiġi konkluż ukoll, mingħajr ma jitwettqu eżaminazzjonijiet oħrajn tas-suq u tal-impatt, billi wieħed jibbaża ruħu fuq il-fatt tad-diskriminazzjoni fiha nfisha, li hemm ksur tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament, u l-eżami tal-konformità mal-Artikolu 3(1) u (2) tar-Regolament huwa mingħajr skop f’tali każ?

____________

1     ĠU 2015, L 310, p. 1.