Language of document : ECLI:EU:T:2019:221

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

4 ta’ April 2019 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ revoka – Trade mark tal-Unjoni Ewropea figurattiva TESTA ROSSA – Dikjarazzjoni parzjali ta’ revoka – Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 58(1)(a) tar-Regolament (UE) 2017/1001) – Prova tal-użu – Użu estern tat-trade mark ikkontestata – Ugwaljanza fit-trattament”

Fil-Kawżi T‑910/16 u T‑911/16,

Kurt Hesse, residenti f’Nürnberg (il-Ġermanja), irrappreżentat minn M. Krogmann, avukat,

rikorrent fil-Kawża T‑910/16,

Wedl & Hofmann GmbH, stabbilita f’Mils (l‑Awstrija), irrappreżentata minn T. Raubal, avukat,

rikorrenti fil-Kawża T‑911/16,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn M. Fischer, bħala aġent,

konvenut,

il-partijiet l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, rispettivament fil-Kawża T‑910/16 u fil-Kawża T‑911/16, huma,

Wedl & Hofmann GmbH,

u

Kurt Hesse,

li għandhom bħala suġġett rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO tal‑5 ta’ Ottubru 2016 (Każ R 68/2016‑1), dwar proċedimenti ta’ revoka bejn K. Hesse u Wedl & Hofmann,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn D. Gratsias, President, I. Labucka u I. Ulloa Rubio (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑23 ta’ Diċembru 2016,

wara li rat ir-risposti tal-EUIPO ddepożitati fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ Marzu 2017,

wara li rat ir-risposti tal-intervenjenti ddepożitati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑9 ta’ Marzu (Kawża T‑910/16) u fit‑23 ta’ Marzu 2017 (Kawża T‑911/16),

fid-dawl tal-assenza ta’ tressiq talba għall-iffissar ta’ seduta mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat min-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u peress li ddeċidiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr ma jkun hemm fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit‑8 ta’ Lulju 2008, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑911/16 u intervenjenti fil-Kawża T‑910/16, Wedl & Hofmann GmbH, ressqet applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), bis-saħħa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal‑20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat (issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), li min-naħa tiegħu ġie ssostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)).

2        It-trade mark li tagħha qed tintalab ir-reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv, li fir-rigward tiegħu ġew invokati l-kuluri iswed u aħmar (Pantone 186 C), li ġej:

Image not found

3        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 7, 11, 20, 21, 25, 28, 30, 34 u 38 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        Klassi 7: “Magni tad-dħin ta’ kafé minbarra dawk operati bl-idejn (elettriċi)”;

–        Klassi 11: “Kaffettieri elettriċi; utensili ta’ tisjir elettriċi, b’mod partikolari apparati għall-ħolqien ta’ xarbiet sħan u kesħin; apparati u magni tal-ġelati”;

–        Klassi 20: “Għamara”;

–        Klassi 21: “Utensili u reċipjenti għal użu domestiku, għall-kċina; apparati (mhux elettriċi) għall-filtrazzjoni tal-kafé; kaffettieri (mhux elettriċi); magni tad-dħin operat bl-idejn, prodotti tal-ħġieġ, porċellana, b’mod partikolari reċipjenti tal-ħġieġ għall-użu domestiku; tazzi għal xarbiet”;

–        Klassi 25: “Ħwejjeġ, b’mod partikolari ħwejjeġ ta’ ġinnastika u ta’ sport, fradal, qomos, polos u t‑shirts; xedd ir-ras”;

–        Klassi 28: “Logħob, ġugarelli; prodotti għall-ġinnastika u għall-isport, b’mod partikolari clubs tal-golf, basktijiet tal-golf, blalen tal-golf, blalen tal-futbol, pali tat-tennis, basktijiet tat-tennis, blalen tat-tennis, mhux inklużi fi klassijiet oħra”;

–        Klassi 30: “Kafé, té, kakaw, zokkor; pastiċċerija u ħlewwiet, ġelati kommestibbli; ċikkulata; xarbiet b’bażi ta’ ċikkulata; ħelwiet”;

–        Klassi 34: “Prodotti għal nies li jpejpju; sulfarini”;

–        Klassi 38: “Telekomunikazzjoni, b’mod partikolari tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ konnessjonijiet ta’ telekomunikazzjoni fuq netwerk informatiku globali”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 43/2008, tas-27 ta’ Ottubru 2008. It-trade mark ġiet irreġistrata fil‑11 ta’ Mejju 2009 bin-numru 007070519 għall-prodotti u s-servizzi msemmija fil-punt 3 hawn fuq.

5        Fil‑15 ta’ Ottubru 2014, ir-rikorrent fil-Kawża T‑910/16 u intervenjent fil-Kawża T‑911/16, Kurt Hesse, ippreżenta talba għal revoka parzjali tat-trade mark ikkontestata fuq il-bażi tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 58(1)(a) tar-Regolament 2017/1001) għall-prodotti u servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 7, 11, 20, 21, 25, 28, 30, 34 u 38 bl-eċċezzjoni tal-prodotti “kafé, té, kakaw, zokkor; ċikkulata; xarbiet b’bażi ta’ ċikkulata; ħelwiet” li jaqgħu fil-klassi 30.

6        Fis‑17 ta’ Frar 2015, Wedl & Hofmann ifformulat osservazzjonijiet dwar l-użu tat-trade mark ikkontestata, fit-terminu mogħti, u talbet iċ-ċaħda tat-talba għal revoka, madankollu mingħajr ma pproduċiet ġabra tal-provi ta’ użu. Wedl & Hofmann bagħtet bil-posta l-provi tal-użu li waslu għand l-EUIPO fit‑23 ta’ Frar 2015, wara l-iskadenza tat-terminu. Fl‑10 ta’ Mejju 2015, Wedl & Hofmann ipproduċiet dokumenti supplimentari intiżi sabiex jipprovaw l-użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata.

7        Fis‑17 ta’ Novembru 2015, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni rrevokat mid-drittijiet tagħha lil Wedl & Hofmann fir-rigward tal-prodotti u servizzi kollha msemmija mit-talba għal revoka, b’effett mill‑15 ta’ Ottubru 2014.

8        Fit‑13 ta’ Jannar 2016, Wedl & Hofmann ippreżentat appell quddiem l-EUIPO, taħt l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009 (li saru l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament 2017/1001), kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Ottubru 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord tal-appell tal-EUIPO laqgħet parzjalment l-appell ta’ Wedl & Hofmann u annullat parzjalment id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni sa fejn hija żammet fis-seħħ ir-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata għar-“reċipjenti għal użu domestiku, għall-kċina; prodotti tal-ħġieġ, porċellana, b’mod partikolari reċipjenti tal-ħġieġ għall-użu domestiku; tazzi għal xarbiet” li jaqgħu fil-klassi 21 u l-“ħwejjeġ, b’mod partikolari fradal, qomos, polos u t‑shirts; xedd ir-ras” li jaqgħu fil-klassi 25 (iktar ’il quddiem il-“prodotti kkontestati li jaqgħu fil-klassijiet 21 u 25”). B’mod partikolari, qabel kollox, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-provi prodotti tardivament minn Wedl & Hofmann kienu ammissibbli fuq il-bażi tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 95(2) tar-Regolament 2017/1001). F’dan ir-rigward, huwa fakkar, fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009 kien jagħti lill-EUIPO setgħa diskrezzjonali sabiex jiddeċiedi jekk kienx hemm lok jew le li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti u l-provi prodotti tardivament u żied li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ddeċidiet li, bħala regola ġenerali, u sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni kuntrarja, il-produzzjoni ta’ fatti u ta’ provi tibqa’ possibbli wara l-iskadenza tat-termini li għalihom kienet tinsab tali produzzjoni, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 207/2009, u li b’ebda mod ma kien ipprojbit li l-EUIPO tieħu inkunsiderazzjoni fatti u provi hekk tardivament invokati jew prodotti. Sussegwentement, il-Bord tal-Appell enfasizza li l-użu lejn direzzjoni esterna ta’ trade mark ma kienx neċessarjament ekwivalenti għal użu orjentat lejn il-konsumaturi finali u li n-natura ġenwina tal-użu invokat minn Wedl & Hofmann ma setax jiġi eskluż taħt is-sempliċi fatt li l-atti kummerċjali invokati minnha ma kinux indirizzati lill-konsumaturi finali, iżda lil klijenti industrijali bħal pussessuri ta’ liċenzja jew konċessjoni. Għalhekk, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li Wedl & Hofmann, fuq il-bażi tal-provi prodotti, kienet ipprovat l-użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata għal dak li jikkonċerna l-prodotti kkontestati li jaqgħu fil-klassijiet 21 u 25. Fl-aħħar nett, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-provi kienu insuffiċjenti sabiex jiġi pprovat l-użu tat-trade mark ikkontestata għall-kumplament tal-prodotti u tas-servizzi msemmija mit-talba għal revoka.

 It-talbiet tal-partijiet

 Kawża T-910/16

10      K. Hesse jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tiddikjara r-revoka tad-drittijiet ta’ Wedl & Hofmann ukoll għall-prodotti kkontestati li jaqgħu fil-klassijiet 21 u 25;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

11      L-EUIPO u Wedl & Hofmann jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lil K. Hesse għall-ispejjeż.

 Kawża T-911/16

12      Wedl & Hofmann titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla jew tirriforma d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

13      L-EUIPO u K. Hesse jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lil Wedl & Hofmann għall-ispejjeż.

 Id-dritt

14      Wara li l-partijiet instemgħu fuq dan il-punt, jeħtieġ li jingħaqdu l-kawżi preżenti għall-finijiet tad-deċiżjoni li ttemm l-istanza, konformement mal-Artikolu 19(2) u mal-Artikolu 68(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

15      Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell qies li l-provi ta’ użu kienu juru użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata għall-prodotti kkontestati li jaqgħu fil-klassijiet 21 u 25. Min-naħa l-oħra huwa kkonkluda li kienet assenti n-natura ġenwina tal-użu tat-trade mark ikkontestata għall-kumplament tal-prodotti u tas-servizzi msemmija mit-talba għal revoka. Permezz tar-rikorsi rispettivi tagħhom, K. Hesse jitlob li t-talba għal revoka tintlaqa’ għall-prodotti u s-servizzi kollha msemmija u Wedl & Hofmann titlob li din tiġi miċħuda fl-intier tagħha.

16      Insostenn tar-rikors tiegħu fil-Kawża T‑910/16, K. Hesse jinvoka motiv wieħed, ibbażat, essenzjalment, fuq il-ksur tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009.

17      Fil-kawża T‑911/16, Wedl & Hofmann invokat żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, tal-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament 2017/1001) u tar-Regola 40(5) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat‑13 ta’ Diċembru 1995 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189, u r-Rettifika ĠU 2016, L 110 p. 4) (li saret l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1430 tat‑18 ta’ Mejju 2017 li jissupplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 […] u li jirrevoka r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 u (KE) Nru 216/96 (ĠU 2017, L 205, p. 1)), moqrija flimkien mar-Regola 22(3) u (4) tar-Regolament Nru 2868/95 (li sar l-Artikolu 10(3) u (4) tar-Regolament Delegat 2017/1430), u, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

18      Il-Qorti Ġenerali jqis li jeħtieġ, fl-ewwel lok, li jiġu ttrattati flimkien il-motiv uniku fil-Kawża T‑910/16 u l-ewwel motiv fil-Kawża T‑911/16, peress li t-tnejn li huma bbażati, essenzjalment, fuq il-ksur tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, u, fit-tieni lok, li jiġi ttrattat it-tieni motiv fil-Kawża T‑911/16.

19      Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-partijiet ma jikkontestawx, fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ammissibbiltà tal-provi prodotti minn Wedl & Hofmann quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

20      Ċertament, fil-punt 5 tan-nota ddepożitata fil-kuntest tal-Kawża T‑911/16 u qabel ma ppreżenta l-argumenti tiegħu intiżi li jikkontestaw it-talbiet ta’ Wedl & Hofmann fuq il-mertu, K. Hesse jindika li “ir-rikors huwa infondat anki għaliex ir-rikorrenti kkomunikat […] il-provi tagħha tal-użu […] wara l-iskadenza tat-terminu tas‑17 ta’ Diċembru 2015 mogħti lill-[EUIPO]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Insostenn tal-argumenti tiegħu, K. Hesse jiċċita, barra minn hekk, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, New Yorker SHK Jeans vs UASI (C‑621/11 P, EU:C:2013:484).

21      Madankollu, sa fejn, permezz tar-risposta tiegħu, K. Hesse ma jitlobx l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata minħabba żball ta’ liġi li allegatament wettaq il-Bord tal-Appell billi ħa inkunsiderazzjoni dawn il-provi, iżda jitlob pjuttost iċ-ċaħda tar-rikors ippreżentat minn Wedl & Hofmann, hemm lok li dan l-argument jiġi miċħud bħala ineffettiv.

22      Fl-aħħar nett, anki li kieku kellu jiġi kkunsidrat li, permezz ta’ dan l-argument, K. Hesse jitlob, fil-verità, li l-Qorti Ġenerali tiċħad ir-rikors ta’ Wedl & Hofmann u tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata għal raġuni li ma hijiex dik invokata mill-Bord tal-Appell fl-imsemmija deċiżjoni, tali argument għandu jiġi miċħud. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-Qorti Ġenerali twettaq stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-istanzi tal-EUIPO. Jekk hija tikkonkludi li tali deċiżjoni, imqiegħda inkwistjoni f’rikors ippreżentat quddiemha, hija vvizzjata b’illegalità, hija għandha tannullaha. Hija ma tistax tiċħad ir-rikors billi tissostitwixxi l-motivazzjoni tagħha nnifisha ma’ dik tal-istanza kompetenti tal-EUIPO (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2010, Axis vs UASI – Etra Investigación y Desarrollo (ETRAX), T‑70/08, EU:T:2010:375, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq il-motiv uniku fil-Kawża T‑910/16 u fuq l-ewwel motiv fil-Kawża T‑911/16, ibbażati, essenzjalment, fuq il-ksur tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009

23      Fil-kuntest tal-motiv uniku tiegħu fil-Kawża T‑910/16, K. Hesse iqis li l-Bord tal-Appell imissu kkonferma r-revoka kompleta tat-trade mark ikkontestata.

24      Fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha fil-Kawża T‑911/16, Wedl & Hofmann issostni, essenzjalment, li hija pproduċiet il-prova tal-użu ġenwin għall-prodotti u servizzi kollha li għalihom it-trade mark ġiet irreġistrata u mhux biss għall-prodotti kkontestati li jaqgħu fil-klassijiet 21 u 25.

25      Skont l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, fuq talba ppreżentata quddiem l-EUIPO jew fuq kontrotalba fi proċedimenti ta’ ksur, id-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni għandhom jiġu rrevokati jekk, għal perijodu mhux interrott ta’ ħames snin, ma jkunx sar użu ġenwin tat-trade mark fl-Unjoni Ewropea għall-prodotti jew is-servizzi li għalihom hija tkun irreġistrata u jekk ma jkunx hemm raġunijiet siewja għan-nuqqas ta’ użu.

26      Skont l-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, il-prova tal-użu ġenwin ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea tinkludi wkoll il-prova tal-użu tagħha f’forma li tkun differenti permezz ta’ elementi li ma jbiddlux il-karattru distintiv tat-trade mark fil-forma li taħtha tkun ġiet irreġistrata.

27      Bis-saħħa tar-Regola 22 tar-Regolament Nru 2868/95, applikabbli għall-proċeduri ta’ revoka konformement mar-Regola 40(5) tal-istess regolament, il-prova tal-użu ta’ trade mark għandha tindika l-post, it-tul ta’ żmien, l-importanza u n-natura tal-użu li jkun sar mit-trade mark u għandha tkun limitata, bħala prinċipju, għall-produzzjoni ta’ dokumenti ta’ sostenn, bħal imballaġġi, tikketti, lista ta’ prezzijiet, katalogi, fatturi, ritratti, riklami fil-gazzetti, kif ukoll mad-dikjarazzjonijiet bil-miktub imsemmija fl-Artikolu 76(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 97(1)(f) tar-Regolament 2017/1001) (sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 2004, Sunrider vs UASI – Espadafor Caba (VITAFRUIT), T‑203/02, EU:T:2004:225, punt 37, u tal‑10 ta’ Settembru 2008, Boston Scientific vs UASI – Terumo (CAPIO), T‑325/06, mhux ippubblikata, EU:T:2008:338, punt 27).

28      Fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ użu ġenwin, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li r‑ratio legis tar-rekwiżit li t-trade mark kellu jkun suġġett għal użu ġenwin ma huwa intiż la sabiex jevalwa s-suċċess kummerċjali, u lanqas sabiex jistħarreġ l-istrateġija ekonomika ta’ impriża, u lanqas ukoll sabiex jirriżerva l-protezzjoni tat-trade mark biss lill-operaturi kummerċjali kwantitattivament importanti tagħhom (ara s-sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 2004, MFE Marienfelde vs UASI – Vétoquinol (HIPOVITON), T‑334/01, EU:T:2004:223, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑27 ta’ Settembru 2007, La Mer Technology vs UASI – Laboratoires Goëmar (LA MER), T‑418/03, mhux ippubblikata, EU:T:2007:299, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, ikun sar użu ġenwin ta’ trade mark meta din tintuża, konformement mal-funzjoni essenzjali tagħha li hija li tiġi ggarantita l-identità tal-oriġini tal-prodotti u tas-servizzi li għalihom hija ġiet irreġistrata, sabiex toħloq jew tikkonserva żbokk għal dawn il-prodotti jew dawn is-servizzi, bl-esklużjoni ta’ użu ta’ natura simbolika li l-uniku skop tiegħu jkun ż-żamma tad-drittijiet li jirriżultaw mit-trade mark (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2003, Ansul, C‑40/01, EU:C:2003:145, punt 43). Barra minn hekk, il-kundizzjoni relatata mal-użu ġenwin mit-trade mark tirrikjedi li din tal-aħħar, hekk kif protetta fit-territorju rilevanti, tintuża pubblikament u lejn direzzjoni esterna (ara s-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2004, Vitakraft‑Werke Wührmann vs UASI – Krafft (VITAKRAFT), T‑356/02, EU:T:2004:292, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑4 ta’ Lulju 2014, Construcción, Promociones e Instalaciones vs UASI – Copisa Proyectos y Mantenimientos Industriales (CPI COPISA INDUSTRIAL), T‑345/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:614, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      L-evalwazzjoni tan-natura ġenwina tal-użu tat-trade mark għandha tkun ibbażata fuq il-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha xierqa sabiex tiġi stabbilita r-realtà tal-operat kummerċjali tagħha, b’mod partikolari l-użu kkunsidrat bħala ġġustifikat fis-settur ekonomiku kkonċernat sabiex jinżammu jew jinħolqu ishma fis-suq favur prodotti jew servizzi protetti mit-trade mark, in-natura ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi, il-karatteristiċi tas-suq, il-firxa u l-frekwenza tal-użu tat-trade mark (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2008, CAPIO, T‑325/06, mhux ippubblikata, EU:T:2008:338, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Barra minn hekk, l-użu ġenwin ta’ trade mark ma jistax jiġi pprovat permezz ta’ probabbiltajiet jew preżunzjonijiet iżda għandu jkun ibbażat fuq provi konkreti u oġġettivi ta’ użu effettiv u suffiċjenti tat-trade mark fis-suq ikkonċernat (ara s-sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2009, Cohausz vs UASI – Izquierdo Faces (acopat), T‑409/07, mhux ippubblikata, EU:T:2009:354, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, jeħtieġ li ssir evalwazzjoni globali li tqis il-fatturi kollha rilevanti għall-każ inkwistjoni u li tinvolvi ċerta interdipendenza tal-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2011, Advance Magazine Publishers vs UASI – Capela & Irmãos (VOGUE), T‑382/08, mhux ippubblikata, EU:T:2011:9, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li jeħtieġ li tiġi eżaminata l-analiżi tal-Bord tal-Appell, fir-rigward, minn naħa, tan-natura ġenwina tal-użu tat-trade mark ikkontestata għall-prodotti kkontestati li jaqgħu fil-klassijiet 21 u 25 u, min-naħa l-oħra, tal-assenza ta’ natura ġenwina tal-użu tat-trade mark ikkontestata għall-kumplament tal-prodotti u servizzi koperti mit-talba għal revoka.

33      Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi osservat li peress li t-talba għal revoka tat-trade mark ikkontestata ġiet imressqa fil‑15 ta’ Ottubru 2014, il-perijodu ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, bħalma rrileva ġustament il-Bord tal-Appell fil-punt 43 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa bejn il‑15 ta’ Ottubru 2009 u l-14 ta’ Ottubru 2014.

34      Għall-finijiet tal-eżami tan-natura ġenwina tal-użu tat-trade mark ikkontestata, il-Bord tal-Appell ibbaża ruħu fuq il-provi li ġejjin prodotti minn Wedl & Hofmann, hekk kif inhuma deskritti fid-deċiżjoni kkontestata:

–        immaġini tal-iskrin provenjenti mis-sit internet “www.testarossacafe.com”, li jinkludu informazzjoni dwar il-postijiet ta’ operat ta’ Wedl & Hofmann inkwantu operatur tal-katina ta’ “barijiet‑kafé” fl-Ewropea, fl-Asja, fil-Lvant Qarib u fl-Eġittu;

–        żewġ riproduzzjonijiet ta’ flokk tal-futbol li juri, fil-wiċċ ta’ quddiem, it-trade mark ikkontestata taħt forma kemmxejn immodifikata;

–        verżjonijiet stampati ta’ reklami u ritratti ta’ “barijiet‑kafé” tat-trade mark ikkontestata fil-Ġermanja, fl-Ungerija jew fir-Renju Unit;

–        posta elettronika, datata Frar 2014, li tinkludi l-konferma ta’ ordni minn riklam għall-“kafé” tat-trade mark ikkontestata, li jammonta għal EUR 30 000, fil-magażin Body & Soul;

–        lista ta’ postijiet ta’ operat tal-“barijiet‑kafé” tat-trade mark ikkontestata stabbiliti fil-Ġermanja, fl-Italja, fl-Ungerija, fl-Awstrija u fir-Rumanija sa mill‑2009;

–        erba’ verżjonijiet stampati ta’ riklam tal-katina kummerċjali Müller għall-“kafé” tat-trade mark ikkontestata;

–        diversi tabelli maħruġa mill-proprjetarju tat-trade mark ikkontestata li jinsabu fil-ħarsa ġenerali ta’ bejgħ għas-snin 2009 sal‑2015 ta’ prodotti koperti mit-trade mark ikkontestata, b’mod partikolari t-tazzi tal-kartun, is-srievet tal-karti, kafé, tazzi, kapsoli, biros, pożati, ashtrays, lighters, arloġġi, keychains u umbrelel, bl-indikazzjonijiet korrispondenti tal-kwantitajiet u tal-valur tal-bejgħ tal-prodotti ddistribwiti kif ukoll tad-destinatarji ta’ dan il-bejgħ;

–        diversi tabelli maħruġa mill-proprjetarju tat-trade mark ikkontestata li jindikaw l-ordnijiet u l-kunsinni ta’ tessuti tat-trade mark ikkontestata għas-snin 2010 sal‑2012, bl-indikazzjonijiet tal-prezzijiet u tad-destinatarji;

–        diversi ritratti ta’ “barijiet‑kafé” tat-trade mark ikkontestata;

–        lista għar-Rumanija ta’ prodotti koperti mit-trade mark ikkontestata mibjugħa lil-diversi konċessjonijiet, b’mod partikolari ħelwiet, reċipjenti tal-ħġieġ, porċellana, prodotti pubbliċitarji, basktijiet, umbrelel, lapel pins u ħwejjeġ bħal fradal, kpiepel u polos, bl-indikazzjonijiet tal-prezzijiet u tal-kwantitajiet korrispondenti;

–        ritratt li jirrappreżenta żewġ lighters li juru t-trade mark ikkontestata;

–        skambju ta’ posta elettronika bejn is-Sur W. u s-Sur F., li permezz tagħhom dan tal-aħħar jinforma lil W. li Wedl & Hofmann għandha numru tat-telefon sa mill‑1998, li lejh jistgħu jsiru telefonati mill-Ġermanja, Franza, l-Italja u l-Isvizzera;

–        fuljett pubbliċitarju tat-trade mark ikkontestata li juri, b’mod partikolari, l-oriġini u l-proċess ta’ fabbrikazzjoni u ta’ produzzjoni tal-kafé tat-trade mark ikkontestata. Dan il-fuljett juri wkoll kapsoli ta’ kafé u prodotti oħra koperti mit-trade mark ikkontestata, bħal kikkri u tazzi tal-kafé, magni tal-kafé, qratas taz-zokkor, kuċċarini, fradal, polos, basktijiet tal-waiters u srievet tal-karti, kollha jindikaw it-trade mark ikkontestata;

–        speċifikazzjonijiet ta’ konċessjoni tat-trade mark ikkontestata li jiddeskrivu l-kunċett ta’ konċessjoni kif ukoll prodotti differenti koperti mit-trade mark ikkontestata.

35      Fl-ewwel lok, K. Hesse isostni li l-provi prodotti minn Wedl & Hofmann ma jistgħux juru l-eżistenza ta’ użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata għall-prodotti kkontestati li jaqgħu fil-klassijiet 21 u 25, inkwantu dawn il-provi ta’ użu ma humiex relatati ma’ bejgħ lil konsumaturi finali. F’dan ir-rigward, K. Hesse isostni li t-tabelli ta’ bejgħ prodotti bħala prova tal-użu minn Wedl & Hofmann huma indirizzati lil persuni li ngħataw liċenzja u lil persuni li ngħataw konċessjoni, iżda ma jipprovawx li l-prodotti ġew iddistribwiti lill-konsumaturi finali.

36      L-EUIPO u Wedl & Hofmann jikkontestaw l-argumenti ta’ K. Hesse.

37      F’dan il-każ, jeħtieġ li jitfakkar li, ċertament, skont il-ġurisprudenza, l-użu ġenwin ta’ trade mark jirrikjedi li din tintuża pubblikament u lejn direzzjoni esterna (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2004, VITAFRUIT, T‑203/02, EU:T:2004:225, punt 39; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2003, Ansul, C‑40/01, EU:C:2003:145, punt 37). Huwa wkoll minnu li l-evalwazzjoni tan-natura ġenwina tal-użu tat-trade mark għandha tistrieħ fuq il-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha xierqa sabiex jiġi stabbilit jekk l-operat kummerċjali tagħha huwiex reali, b’mod partikolari l-użu kkunsidrat bħala ġġustifikat fis-settur ekonomiku kkonċernat, sabiex jinżammu jew jinħolqu ishma fis-suq favur prodotti jew servizzi protetti mit-trade mark, in-natura ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi, il karatteristiċi tas-suq, il-firxa u l-frekwenza tal-użu tat-trade mark (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2004, VITAFRUIT, T‑203/02, EU:T:2004:225, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Madankollu, il-Bord tal-Appell, fil-punti 58 u 59 tad-deċiżjoni kkontestata, jippreċiża ġustament li dan l-użu lejn direzzjoni esterna ma jfissirx li dan neċessarjament jirrigwarda użu dirett lejn il-konsumaturi finali. Fil-fatt, l-użu effettiv tat-trade mark ikun relatat mas-suq li fih il-proprjetarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea jeżerċita l-attivitajiet kummerċjali tiegħu u li fih huwa jixtieq jagħmel użu mit-trade mark tiegħu. B’hekk, kunsiderazzjoni li tqis li l-użu lejn direzzjoni esterna ta’ trade mark, fis-sens tal-ġurisprudenza, neċessarjament jikkonsisti f’użu dirett lejn il-konsumaturi finali tkun teskludi t-trade marks użati biss fir-relazzjonijiet bejn kumpanniji mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 207/2009. Fil-fatt, il-pubbliku rilevanti li lilu huma intiżi li jiġu indirizzati t-trade marks ma jinkludix biss lill-konsumaturi finali, iżda wkoll speċjalisti, klijenti industrijali u utenti professjonisti oħra (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2016, Fruit of the Loom vs EUIPO – Takko (FRUIT), T‑431/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:395, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mill-ħafna dokumenti pprovduti minn Wedl & Hofmann bħala prova tal-użu tat-trade mark ikkontestata, huwa paċifiku li Wedl & Hofmann topera katina ta’ “barijiet‑kafé” permezz tal-konċessjonarji u tal-pussessuri ta’ liċenzja tagħha u li l-prodotti kkontestati li jaqgħu taħt il-klassijiet 21 u 25 għaddew minn dawn tal-aħħar, fil-qafas tal-ftehim ta’ konċessjoni jew ta’ liċenzja, fis-suq għal għand konsumaturi finali. B’hekk, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita fil-punt 38 iktar ’il fuq, dan il-bejgħ jista’ jistabbilixxi użu pubbliku u lejn direzzjoni esterna tat-trade mark ikkonċernata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li Wedl & Hofmann ma kellhiex relazzjonijiet diretti mal-konsumaturi finali huwa mingħajr effett.

40      Din l-evalwazzjoni ma tistax titqiegħed inkwistjoni bl-argument ta’ K. Hesse li l-fatt li Wedl & Hofmann issottoskriviet kuntratti ta’ konċessjoni u ta’ liċenzja li jimponu lill-pussessuri ta’ liċenzja u lill-konċessjonarji numru ta’ obbligi fil-qasam tar-reklamar, ta’ promozzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni jqarreb il-kuntratti ta’ konċessjoni jew ta’ liċenzja għal sempliċi relazzjonijiet mal-impjegati u mal-aġenti tagħha, li ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala użu serju fis-sens tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 207/2009. F’dan ir-rigward, il-kuntratt ta’ konċessjoni jew ta’ liċenzja huwa mod ta’ organizzazzjoni kurrenti fil-ħajja tan-negozju li ma jistax jiġi kkunsidrat bħala użu purament intern. Jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, f’suq bħal dak tal-Unjoni, sabiex jiġu ppreżervati żbokki għall-prodotti bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ, hija prassi li wieħed jindirizza ruħu, permezz ta’ atti kummerċjali, lil professjonisti fis-settur, jiġifieri b’mod partikolari lil bejjiegħa. B’hekk, bħala prinċipju ma jistax jiġi eskluż li l-użu ta’ trade mark muri permezz ta’ atti kummerċjali indirizzati lil professjonisti fis-settur jista’ jiġi kkunsidrat bħala użu konformi mal-funzjoni essenzjali tat-trade mark fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 30 iktar ’il fuq (sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2016, FRUIT, T‑431/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:395, punt 50).

41      Fi kwalunkwe każ, jeħtieġ li jiġi indikat li mill-provi, b’mod partikolari mit-tabelli ta’ tagħrif li juru l-kwantitajiet u l-valur tal-bejgħ tal-prodotti li ġew iddistribwiti mill‑2009 sal‑2015, jirriżulta li l-ordnijiet huma wkoll indirizzati lil kumpanniji minbarra dawk tal-konċessjonarji u tal-pussessuri ta’ liċenzja. Dan juri li użu tat- trade mark ikkontestat sar pubblikament u lejn direzzjoni esterna u mhux biss ġewwa l-impriża proprjetarja tat-trade mark ikkontestata jew f’netwerk ta’ konċessjonarji u ta’ pussessuri ta’ liċenzja.

42      Għaldaqstant il-Bord tal-Appell ġustament ikkonkluda li l-kundizzjoni li t-trade mark tintuża pubblikament u lejn direzzjoni esterna tidher li ġiet issodisfatta f’dan il-każ.

43      Fit-tieni lok, K. Hesse isostni li l-provvista tal-prodotti kkontestati li jaqgħu fil-klassijiet 21 u 25 minn Wedl & Hofmann ma għandhiex raġuni kummerċjali oħra għajr dik li tippromwovi prodotti jew servizzi oħra koperti mit-trade mark ikkontestata, bħall-“kafé” jew is-servizzi “bar-kafé”. F’tali ċirkustanzi, it-tqegħid tat-trade mark ikkontestata fuq dawn il-prodotti ma jikkontribwixxix sabiex jinħoloq żbokk għalihom u lanqas sabiex issir distinzjoni fl-interess tal-konsumaturi bejn dawn il-prodotti u prodotti minn impriżi oħra, peress li dawn il-prodotti ma jinsabux f’kompetizzjoni ma’ prodotti jew servizzi oħra fis-suq.

44      L-EUIPO u Wedl & Hofmann jikkontestaw l-argumenti ta’ K. Hesse.

45      Hija ġurisprudenza stabbilita li l-kunċett ta’ użu ġenwin għandu jinftiehem bħala użu effettiv, skont il-funzjoni essenzjali tat-trade mark, li hija li tiggarantixxi l-identità tal-oriġini ta’ prodott jew ta’ servizz lill-konsumatur jew lill-utent finali, billi tippermettilu jiddistingwi, mingħajr konfużjoni possibbli, dan il-prodott jew servizz minn oħrajn li għandhom oriġini oħra (sentenzi tal‑11 ta’ Marzu 2003, Ansul, C‑40/01, EU:C:2003:145, punti 35 u 36, u tad‑9 ta’ Diċembru 2008, Verein Radetzky‑Orden, C‑442/07, EU:C:2008:696, punt 13).

46      F’dan ir-rigward, mill-kunċett ta’ użu ġenwin jirriżulta li l-protezzjoni tat-trade mark u l-effetti li r-reġistrazzjoni tagħha toħloq il-possibbiltà ta’ kontestazzjoni minn terzi ma jkunux jippersistu li kieku t-trade mark kellha titlef l-iskop kummerċjali tagħha, li jikkonsisti fil-ħolqien jew fil-ħarsien ta’ żbokk għall-prodotti jew is-servizzi li fuqhom ikun hemm is-sinjal li jikkostitwixxiha fil-konfront tal-prodotti jew tas-servizzi provenjenti minn impriżi oħra (sentenzi tal‑11 ta’ Marzu 2003, Ansul, C‑40/01, EU:C:2003:145, punt 37, u tad‑9 ta’ Diċembru 2008, Verein Radetzky‑Orden, C‑442/07, EU:C:2008:696, punt 14).

47      Għalhekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-użu ġenwin ġiex ipprovat jew le, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk, permezz tal-użu tat-trade mark tagħha, l-impriża għandhiex intenzjoni li toħloq jew li tħares żbokk għall-prodotti jew is-servizzi tagħha fl-Unjoni fil-konfront tal-prodotti jew tas-servizzi ta’ impriżi oħra. Dan ma jkunx il-każ li kieku dawn il-prodotti jew dawn is-servizzi ma jidħlux f’kompetizzjoni mal-prodotti jew mas-servizzi proposti fis-suq minn impriżi oħra, jiġifieri jekk ma jiġux – u ma jkollhomx vokazzjoni li jiġu – iddistribwiti fiċ-ċirkwit kummerċjali (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2011, Omnicare vs UASI – Astellas Pharma (OMNICARE CLINICAL RESEARCH), T‑289/09, mhux ippubblikata, EU:T:2011:452, punt 68).

48      F’dan il-każ, anki li kieku ma jistax jiġi eskluż li l-prodotti kkontestati li jaqgħu fil-klassijiet 21 u 25 jistgħu jiġu proposti b’għan aħħari li jinċentivaw lill-pubbliku rilevanti għax-xiri tal-“kafé” mibjugħ minn Wedl & Hofmann, madankollu dawn ma humiex iddistribwiti sabiex jirrikumpensaw ix-xiri ta’ prodotti oħra, bħall-“kafé”, u lanqas sabiex jippromwovu l-bejgħ ta’ dawn tal-aħħar, peress li mill-provi prodotti minn Wedl & Hofmann, b’mod partikolari mill-materjal pubbliċitarju, mill-ispeċifikazzjonijiet ta’ konċessjoni kif ukoll mil-listi ta’ bejgħ jirriżulta li l-prodotti kkontestati li jaqgħu fil-klassijiet 21 u 25 jitniżżlu fil-kontabbiltà u huma proposti b’mod separat b’numri tal-ordnijiet, bi kwantitajiet u b’valuri ta’ bejgħ, indipendentement mill-“kafé”, anki meta jitqies li dan il-prodott jikkostitwixxi dak li huwa prinċipalment ikkummerċjalizzat minn Wedl & Hofmann. Dan il-bejgħ jikkostitwixxi att ta’ użu oġġettivament xieraq sabiex jinħoloq jew jiġi ppreżervat żbokk għall-prodotti inkwistjoni li l-volum kummerċjali tagħhom, fid-dawl tat-tul u tal-frekwenza tal-użu, ma huwiex daqshekk baxx li jwassal għall-konklużjoni li huwa użu purament simboliku, minimu jew fittizju bl-iskop waħdieni li tinżamm il-protezzjoni tad-dritt għat-trade mark. Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkunsidrat li dawn huma prodotti awtonomi intiżi li jkollhom żbokk għalihom infushom.

49      Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi osservat li l-prodotti kkontestati li jaqgħu fil-klassijiet 21 u 25 jikkompetu ma’ prodotti oħra simili fis-suq, b’mod partikolari meta dawn jiġu pprovduti minn impriżi preżenti fis-suq tal-kafé, li jistgħu wkoll jipprovdu prodotti bħal “tazzi tal-kartun”, “kikkri għall-kafé”, “tazzi” jew “qratas taz-zokkor” sabiex jippromwovu l-prodott prinċipali, jiġifieri l-kafé.

50      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, permezz ta’ tali użu tat-trade mark tagħha, Wedl & Hofmann għandha l-intenzjoni li toħloq jew li tħares żbokk għall-prodotti kkontestati li jaqgħu fil-klassijiet 21 u 25 f’suq fejn huma preżenti impriżi oħra.

51      Għaldaqstant il-Bord tal-Appell ġustament ikkonkluda li d-dokumenti dwar l-użu tat-trade mark ikkontestata prodotti minn Wedl & Hofmann kienu jipprovaw li t-trade mark ikkontestata ma kinitx intużat b’mod purament intern għall-prodotti kkontestati li jaqgħu fil-klassijiet 21 u 25 bil-għan esklużiv tal-promozzjoni tal-bejgħ ta’ prodotti oħra ta’ Wedl & Hofmann.

52      Fit-tielet lok, Wedl & Hofmann issostni, essenzjalment, li hija pproduċiet il-prova tal-użu ġenwin għall-prodotti u s-servizzi kollha li għalihom it-trade mark ġiet irreġistrata u mhux biss għall-prodotti kkontestati li jaqgħu fil-klassijiet 21 u 25. F’dan ir-rigward, hija ssostni li, kieku l-Bord tal-Appell kien evalwa korrettament id-dokumenti prodotti bħala prova tal-użu, huwa missu kkonkluda li kienet ġiet prodotta prova suffiċjenti tal-użu għall-prodotti u s-servizzi kollha msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

53      L-EUIPO u K. Hesse jikkontestaw l-argumenti ta’ Wedl & Hofmann.

54      F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li d-dokumenti prodotti minn Wedl & Hofmann ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li l-Bord tal-Appell wettaq żball billi ma kkonstatax l-eżistenza ta’ użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata għall-prodotti u s-servizzi minbarra l-prodotti kkontestati li jaqgħu fil-klassijiet 21 u 25.

55      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi enfasizzat li, hekk kif ikkonstata ġustament il-Bord tal-Appell, Wedl & Hofmann ipprovdiet biss indikazzjonijiet suffiċjenti għal dak li jikkonċerna l-post, it-tul ta’ żmien u l-importanza tal-użu tat-trade mark ikkontestata għall-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 21 u 25, b’mod partikolari taħt forma ta’ tabelli li juru ammont ta’ tagħrif distint dwar id-data, il-pajjiż, il-prodotti, il-prezzijiet u l-valur tal-bejgħ. Barra minn hekk, l-indikazzjonijiet li jinsabu fit-tabelli huma kkorroborati minn provi oħra bħal ritratti, riklami, fuljett pubbliċitarju u speċifikazzjonijiet ta’ konċessjoni. Fir-rigward tal-kumplament tal-prodotti u servizzi, Wedl & Hofmann ma pproduċiet ebda prova li tippermetti li jiġi stabbilit li tali prodotti nbiegħu fi ħdan l-Unjoni matul il-perijodu rilevanti. Issa, kellha tkun Wedl & Hofmann li turi l-użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata, jiġifieri li tipproduċi sensiela ta’ provi bbażati mhux biss fuq probabbiltajiet jew fuq preżunzjonijiet, iżda fuq elementi konkreti u oġġettivi, li jippermettulha li turi li l-imsemmija trade mark kienet tintuża b’mod effettiv u suffiċjenti fis-suq ikkonċernat (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2009, acopat, T‑409/07, mhux ippubblikata, EU:T:2009:354, punti 69 u 70).

56      B’mod iktar speċifiku, l-ewwel nett, jeħtieġ li jiġi osservat li ebda indikazzjoni u ebda prova tal-użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata għal dak li jikkonċerna l-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 7, 11, 20 u 28 ma jistgħu jiġu dedotti minn dawn id-dokumenti. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi enfasizzat li Wedl & Hofmann ma pproduċiet ebda fattura, ebda formola ta’ ordni, ebda figuri ta’ bejgħ, ebda figuri pubbliċitarji u ebda tagħrif li jindikaw is-sehem mis-suq ta’ prodotti bħal pereżempju “magni tad-dħin ta’ kafé” li jaqgħu fl-klassi 7, “għamara” li taqa’ fil-klassi 20, “logħob” u “ġugarelli” li jaqgħu fil-klassi 28, “kaffettieri” u “utensili ta’ tisjir elettriċi” li jaqgħu fil-klassi 11 jew ukoll “prodotti għall-isport” li jaqgħu, b’mod partikolari, fil-klassi 28 ikkummerċjalizzati taħt it-trade mark ikkontestata. Barra minn hekk, fir-rigward tal-“ħwejjeġ ta’ ġinnastika u ta’ sport” li jaqgħu fil-klassi 25, il-Bord tal-Appell osserva ġustament, fil-punt 66 tad-deċiżjoni kkontestata, li, sabiex jiġi kkonstatat użu ġenwin ta’ dawn il-prodotti, ma kienx suffiċjenti li jiġi prodott biss ritratt ta’ flokk tal-futbol li juri t-trade mark ikkontestata, mingħajr provi supplimentari.

57      It-tieni nett, fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu fil-klassi 34, jiġifieri “prodotti għal nies li jpejpju” u “sulfarini”, jeħtieġ li jiġi osservat li, għalkemm jirriżulta, fil-fatt, mit-tabelli ta’ tagħrif dwar il-bejgħ ipprovduti minn Wedl & Hofmann, bejgħ ta’ “lighters” u ta’ “ashtrays”, il-volum tagħhom kien baxx ħafna, saħansitra kważi insinjifikanti, meta mqabbel ma’ dak ta’ prodotti oħra bħall-“kafé”, it-“tazzi tal-kartun” jew il-“kikkri” jew “tazzi” għall-kafé. Għaldaqstant il-provi ma jippermettux li jiġi kkonstatat jekk dan huwiex użu speċifiku, li ma jmurx lil hinn minn użu simboliku, jew minn użu suffiċjentement importanti li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni.

58      It-tielet nett, fir-rigward tas-servizzi inklużi fil-klassi 38, jeħtieġ li jiġi osservat li l-prova tal-użu lanqas ma ġiet prodotta. Fil-fatt, ebda prova ma turi li Wedl & Hofmann ipprovdiet servizzi ta’ telekomunikazzjoni. Kif jindika ġustament il-Bord tal-Appell, fil-punt 67 tad-deċiżjoni kkontestata, is-sempliċi fatt li Wedl & Hofmann ħolqot numru tat-telefon professjonali ma jipprovax li ġew ipprovduti servizzi ta’ telekomunikazzjoni minn Wedl & Hofmann taħt it-trade mark ikkontestata. Fil-fatt, is-sempliċi tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ numru tat-telefon professjonali jew ta’ linja diretta għall-klijentela ma jikkostitwixxix servizz awtonomu pprovdut b’korrispettiv ta’ remunerazzjoni mit-terzi u ma jistax jitqies li joħloq żbokk, iżda jista’ jitqies biss bħala servizz ta’ assistenza marbut mal-bejgħ tal-prodotti effettivament ikkummerċjalizzati mill-proprjetarju tat-trade mark. Fl-assenza ta’ fatturi jew ta’ informazzjoni oġġettiva dwar id-dħul mill-bejgħ iġġenerat mill-offerta ta’ dawn is-servizzi kif ukoll ta’ preċiżazzjonijiet dwar id-data, il-kwantità jew il-kwalità tas-servizzi pprovduti, is-sempliċi skambju ta’ posta elettronika msemmija fil-punt 34 iktar ’il fuq ma jippermettix li jiġi konkluż li t-trade mark ikkontestata kienet suġġetta għal użu ġenwin.

59      Fir-rigward tat-talba għal smigħ tas-Sur W., jeħtieġ sempliċement li jiġi enfasizzat li din għandha, fi kwalunkwe ipoteżi, tiġi miċħuda, peress li, fid-dawl tal-iżviluppi kollha hawn fuq, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx utilment tagħti deċiżjoni fuq il-bażi tat-talbiet, tal-motivi u tal-argumenti żviluppati.

60      Għaldaqstant il-Bord tal-Appell ġustament ikkonkluda li kienet assenti n-natura ġenwina tal-użu tat-trade mark ikkontestata għall-prodotti u s-servizzi minbarra l-prodotti kkontestati li jaqgħu fil-klassijiet 21 u 25.

61      Mill-punti preċedenti jirriżulta li, fil-Kawża T‑910/16, il-motiv uniku invokat minn K. Hesse, ibbażat, essenzjalment, fuq il-ksur tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, għandu jiġi miċħud. Konsegwentement, ir-rikors f’din il-kawża huwa miċħud.

62      Mill-punti preċedenti jirriżulta wkoll li, fil-Kawża T‑911/16, l-ewwel motiv invokat minn Wedl & Hofmann, ibbażat, essenzjalment, fuq il-ksur tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu wkoll jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv fil-Kawża T‑911/16, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

63      Permezz tat-tieni motiv tagħha, Wedl & Hofmann issostni li huwa ferm iktar diffiċli li jiġi pprovat l-użu ġenwin ta’ trade mark miżmuma minn impriża żgħira bħal ma hija dik tagħha. Skont Wedl & Hofmann, peress li d-deċiżjoni kkontestata timponilha rekwiżiti onerużi fir-rigward tal-produzzjoni ta’ provi tal-użu, din tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

64      L-EUIPO u K. Hesse jikkontestaw l-argumenti ta’ Wedl & Hofmann.

65      Hija ġurisprudenza stabbilita li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti, iżda wkoll li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 1997, National Farmers’ Union et, C‑354/95, EU:C:1997:379, punt 61, u tas‑16 ta’ Settembru 2004, Merida, C‑400/02, EU:C:2004:537, punt 22).

66      Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, filwaqt li l-użu ġenwin huwa evalwat każ b’każ, l-evalwazzjoni tiegħu ma jikkonsistix essenzjalment f’li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ magħmul jew il-volum tal-bejgħ matul il-perijodu rilevanti. Fil-fatt, l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 u r-Regola 22(3) tar-Regolament 2868/95 ma huma intiżi la biex jevalwaw is-suċċess kummerċjali, u lanqas biex jivverifikaw l-istrateġija kummerċjali ta’ impriża, u lanqas ukoll sabiex jirriżervaw il-protezzjoni tat-trade marks biss lill-impriżi kummerċjali li jkunu kwantitattivament importanti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2004, VITAFRUIT, T‑203/02, EU:T:2004:225, punti 36 sa 38).

67      Issa, il-Bord tal-Appell qies li l-provi prodotti minn Wedl & Hofmann ma kinux suffiċjenti sabiex jipprovaw l-użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata għall-prodotti u s-servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 7, 11, 20, 21, 25, 28, 30, 34 u 38, bl-eċċezzjoni tal-prodotti kkontestati li jaqgħu fil-klassijiet 21 u 25, wara li wettaq evalwazzjoni globali, billi ħa inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti għall-każ inkwistjoni.

68      Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tan-natura ġenwina tal-użu ta’ trade mark ma tistax toħloq differenza fit-trattament bejn impriżi kbar u żgħar, sa fejn tali evalwazzjoni tistrieħ fuq il-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha li jistgħu jistabbilixxu r-realtà tal-użu kummerċjali ta’ din it-trade mark, b’mod partikolari l-użu meqjus bħala ġġustifikat fis-settur ekonomiku kkonċernat sabiex jinżammu jew jinħolqu ishma mis-suq favur prodotti jew servizzi protetti mit-trade mark, in-natura ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi, il-karatteristiċi tas-suq, il-firxa u l-frekwenza tal-użu tat-trade mark (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2004, VITAFRUIT, T‑203/02, EU:T:2004:225, punt 40).

69      Għalhekk ma jistax jiġi konkluż li hemm differenza fit-trattament fl-evalwazzjoni tal-użu ġenwin ta’ trade mark skont id-daqs tal-impriża proprjetarja, sa fejn in-natura ġenwina tal-użu tagħha hija evalwata fir-rigward tal-istess kriterji oġġettivi deskritti fil-punt 68 iktar ’il fuq, ikun liema jkun id-daqs tal-impriża.

70      Mill-punti preċedenti jirriżulta li, fil-Kawża T‑911/16, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi miċħud. Peress li dan il-motiv kif ukoll dak ibbażat, essenzjalment, fuq il-ksur tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 ġew miċħuda, ir-rikors f’din il-kawża huwa, konsegwentement miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

71      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

72      Fil-Kawża T‑910/16, peress li K. Hesse tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-EUIPO u ta’ Wedl & Hofmann.

73      Fil-Kawża T‑911/16, peress li Wedl & Hofmann tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-EUIPO u ta’ K. Hesse.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Kawżi T‑910/16 u T‑911/16 huma magħquda għall-finijiet tas-sentenza.

2)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

3)      Fil-Kawża T-910/16, Kurt Hesse huwa kkundannat għall-ispejjeż.

4)      Fil-Kawża T‑911/16, Wedl & Hofmann GmbH hija kkundannata għall-ispejjeż.

GratsiasLabuckaUlloa Rubio

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-4 ta’ April 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.