Language of document :

Appell ippreżentat fit-28 ta’ Novembru 2019 mir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) fl-20 ta’ Settembru 2019 fil-Kawża T-65/18, Il-Venezwela vs Il-Kunsill

(Kawża C-872/19 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela (rappreżentanti: L. Giuliano u F. Di Gianni, avvocati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata sa fejn din ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli;

tiddikjara ammissibbli r-rikors ippreżentat mill-appellanti u tibgħat l-kawża lura lill-Qorti Ġenerali sabiex hija tiddeċiedi dwar il-mertu tal-kawża; u

tikkundanna lill-Kunsill iħallas l-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri u tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell, l-appellanti tinvoka aggravju wieħed maqsum fi tliet partijiet.

Il-Qorti Ġenerali interpretat ħażin il-kriterju ta’ inċidenza diretta previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE fid-dawl tal-ġurisprudenza Almaz-Antey:

Il-Qorti Ġenerali applikat il-kriterju żbaljat sabiex tevalwa jekk id-dispożizzjonijiet ikkontestati 1 jikkonċernawx direttament lir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi peress li ma ħaditx inkunsiderazzjoni xi ċirkustanzi essenzjali tal-kawża inkwistjoni meta applikat il-kriterju ta’ inċidenza diretta kif stabbilit fil-kawża Almaz-Antey.

Il-Qorti Ġenerali naqset milli tqis l-effetti fattwali tad-dispożizzjonijiet ikkontestati fuq ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela.

____________

1 Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2074 tat-13 ta’ Novembru 2017 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (ĠU 2017, L 295, p. 60).