Language of document :

Appell ippreżentat fl-4 ta’ Diċembru 2019 minn GMB Glasmanufaktur Brandenburg GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fl-24 ta’ Settembru 2019 fil-Kawża T-586/14 RENV, Xinyi PV Products (Anhui) Holdings vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-888/19 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: GMB Glasmanufaktur Brandenburg GmbH (rappreżentant: R. MacLean, Solicitor)

Partijiet oħra fil-proċedura: Xinyi PV Products (Anhui) Holdings Ltd, Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiċħad għaliex infondata t-tieni parti tal-ewwel motiv tar-rikors fl-ewwel istanza, kif ipparafrażata fis-sentenza appellata;

tiddeċiedi hija stess dwar il-mertu tat-tieni parti tal-ewwel motiv tar-rikors fl-ewwel istanza, kif ipparafrażata fis-sentenza appellata;

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-motivi restanti bbażati fuq ksur ta’ liġi; u

tikkundanna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż legali tal-appellanti f’din il-proċedura kif ukoll għal dawk sostnuti minnha fil-kuntest tal-proċeduri fl-ewwel istanza u fl-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tqis li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata abbażi ta’ tliet aggravji separati.

L-ewwel aggravju: Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fis-sentenza appellata fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-kunċetti relatati ta’ “distorsjoni sinjifikanti” u ta’ “sitwazzjoni finanzjarja” previsti fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament Antidumping Bażiku 1 u l-qlib, b’konsegwenza ta’ dan, tal-oneru tal-prova tal-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq (iktar ’il quddiem “SIES”) mirr-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-Kummissjoni.

It-tieni aggravju: Il-Qorti Ġenerali ma osservatx il-limiti tal-marġni diskrezzjonali li l-Kummissjoni għandha fil-kuntest tal-evalwazzjoni tas-SIES u ssostitwixxiet l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni bl-evalwazzjoni tagħha.

It-tielet aggravju: L-appellanti titlob l-annullament tal-ewwel paragrafu tad-dispożittiv tas-sentenza appellata peress li l-Qorti Ġenerali, billi ddeċidiet b’dan il-mod, iddeċidiet ultra petita.

____________

1     Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51).