Language of document :

Appell ippreżentat fl-4 ta’ Diċembru 2019 minn Fiat Chrysler Finance Europe mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla, Awla Estiża) fl-24 ta’ Settembru 2019 fil-Kawżi magħquda T-755/15 u T-759/15, Il-Lussemburgu u Fiat Chrysler Finance Europe vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-885/19 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Fiat Chrysler Finance Europe (rappreżentanti: J. Rodriguez, abogado, N. de Boynes, avocat, M. Engel, Rechtsanwalt, G. Maisto, avvocato)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, l-Irlanda

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla Estiża) tal-24 ta’ Settembru 2019 fil-Kawża magħquda T-755/15 u T-759/15;

tannulla d-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Ottubru 2015 1 skont l-Artikolu 263(4) TFUE; sussidjarjament, jekk u sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx f’pożizzjoni li tagħti deċiżjoni finali, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali; u

tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lil Fiat Chrysler Finance Europe l-ispejjeż skont l-Artikoli 138(1), 184(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u tħallas lil Fiat Chrysler Finance Europe l-ispejjeż tal-ewwel istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju: l-analiżi tal-Qorti Ġenerali dwar jekk Fiat Chrysler Finance Europe ħaditx vantaġġ mill-ftehimiet preċedenti dwar il-prezzijiet (iktar ’il quddiem il-“FPP”) jikser l-Artikolu 107 TFUE minħabba li (i) il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat it-test legali dwar jekk il-FPP applikawx metodoloġija li teċċedi s-setgħa diskrezzjonali appplikabbli, u (ii) in-nuqqas tal-Qorti Ġenerali li tiddefinixxi b’mod xieraq l-impriża relevanti li kienet il-benefiċjarja tal-FPP.

It-tieni aggravju: l-analiżi tal-Qorti Ġenerali tal-bażi legali tal-prinċipju ta’ distakk ma hijiex adegwata u hija kontradittorja u tikser il-prinċipju ġenerali li jingħataw raġunijiet adegwati u koerenti.

It-tielet aggravju: il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju fundamentali ta’ ċertezza legali billi (i) aċċettat il-prinċipju mhux iddefinit sew ta’ distakk mingħajr ma kkunsidrat il-portata u l-kontenut tiegħu, u billi (ii) aċċettat l-applikazzjoni tal-preżunzjoni ta’ selettività għall-prinċipju ta’ distakk.

____________

1 Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2326 tal-21 ta’ Ottubru 2015 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.38375 (2014/C) (ex 2014/NN) implimentata mil-Lussemburgu għal Fiat (notifikata bid-dokument numru C(2015) 7152) (ĠU 2016, L 351, p. 1).