Language of document :

Appell ippreżentat fid-29 ta’ Novembru 2019 minn PlasticsEurope mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fl-20 ta’ Settembru 2019 fil-Kawża T-636/17, PlasticsEurope vs ECHA

(Kawża C-876/19 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: PlasticsEurope (rappreżentanti: R. Cana, E. Mullier, F. Mattioli, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, ir-Repubblika Franċiża, ClientEarth

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-636/17;

tannulla d-deċiżjoni ED/30/2017 tad-Direttur Eżekuttiv tal-ECHA tas-6 ta’ Lulju 2017;

sussidjarjament, tirrinvija l-kawża lura lill-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni dwar ir-rikors għal annullament tal-appellanti.

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż ta’ proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell, l-appellanti tqajjem l-aggravji li ġejjin:

A.    Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi interpretat ir-Regolament REACH 1 b’mod żbaljat u billi sostniet li l-Aġenzija ma hijiex meħtieġa turi l-eżistenza ta’ provi xjentifiċi ta’ probabbiltà ta’ effetti serji bis-saħħa tal-Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH.

B.    Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-provi għad-disponibbiltà tagħha u fl-evalwazzjoni tal-fatti ssostanzjati minn dawn il-provi. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali wettqet żball billi kkonkludiet li l-ECHA kienet ikkonstatat “probabbiltà” ta’ effetti serji, naqset milli tevalwa jekk l-ECHA kinitx effettivament evalwat l-informazzjoni dwar il-livell ekwivalenti ta’ tħassib u minflok b’mod żbaljat straħet fuq id-dikjarazzjoni tal-ECHA li l-kriterju kien ġie ssodisfatt; wettqet żball billi ċaħdet il-motiv tal-appellanti relatat mar-rilevanza tal-konklużjonijiet tal-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel (EFSA) għall-każ inkwistjoni; wettqet żball billi kkonkludiet li l-konklużjonijiet tal-EFSA jissostanzjaw u huma konsistenti mad-deċiżjoni tal-ECHA; żnaturat il-provi prodotti mill-partijiet.

C.    Il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi l-appellanti ġiet ittrattata b’mod inqas favorevoli mill-ECHA.

D.    Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 2(8)(b) tar-Regolament REACH u kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha billi naqset milli tindirizza l-argumenti addizzjonali dwar sustanzi intermedjarji magħmula mill-appellanti.

____________

1 Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU 2006, L 396, p. 1, u r-rettifiki).