Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy w Białymstoku (il-Polonja) fit-13 ta’ Diċembru 2019 – CNP spółka z o.o. vs Gefion Insurance A/S

(Kawża C-913/19)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Rejonowy w Białymstoku

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: CNP spółka z o.o.

Konvenuta: Gefion Insurance A/S

Domandi preliminari

L-Artikolu 13(2) moqri flimkien mal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali 1 , għandu jiġi interpretat fis-sens li f’kontenzjuż bejn, minn naħa, professjonist li akkwista pretensjoni mingħand persuna leża kontra kumpannija tal-assigurazzjoni għal assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili, u, min-naħa l-oħra din il-kumpannija tal-assigurazzjoni, ma hijiex eskluża l-ġurisdizzjoni tal-qorti fuq il-bażi tal-punt 2 tal-Artikolu 7 jew tal-punt 5 tal-Artikolu 7 tar-Regolament?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, il-punt 5 tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li kumpannija rregolata mil-liġi kummerċjali, li topera fi Stat Membru, li tillikwida d-danni fuq il-proprjetà fir-rigward tal-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili obbligatorja għall-possessuri ta’ vetturi bil-mutur, u li topera fil-kuntest ta’ kuntratt ma’ kumpannija tal-assigurazzjoni li s-sede tagħha tinsab fi Stat Membru ieħor, għandha tiġi kkunsidrata bħala fergħa tagħha, aġenzija jew tip ta’ stabbiliment ieħor?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, il-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jikkostitwixxi bażi legali indipendenti tal-ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru li fih seħħew id-danni u li quddiemha l-kreditur li jakkwista l-pretensjoni mingħand il-parti leża fir-rigward tal-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili obbligatorja jippreżenta azzjoni kontra l-kumpannija tal-assigurazzjoni li s-sede tagħha tinsab fi Stat Membru ieħor?

____________

1 ĠU 2012, L 351, p. 1.