Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal de l’entreprise de Liège (il-Belġju) fil-31 ta’ Diċembru 2018 – SI, Brompton Bicycle Ltd vs Chedech / Get2Get

(Kawża C-833/18)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal de l’entreprise de Liège

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: SI, Brompton Bicycle Ltd

Konvenuta: Chedech / Get2Get

Domandi preliminari

Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari, id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni 1 , li tistabbilixxi b’mod partikolari l-varji drittijiet esklużivi rrikonoxxuti lill-proprjetarji tad-drittijiet tal-awtur fl-Artikoli 2 sa 5 tagħha, għandu jiġi interpretat bħala li jeskludi mill-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur ix-xogħlijiet li l-forma tagħhom hija neċessarja sabiex jintlaħaq ir-riżultat tekniku?

Sabiex tiġi evalwata n-natura neċessarja ta’ forma sabiex jintlaħaq ir-riżultat tekniku, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji li ġejjin:

L-eżistenza ta’ forom oħra possibbli li jippermettu li jintlaħaq l-istess riżultat tekniku?

L-effettività tal-forma sabiex jintlaħaq l-imsemmi riżultat?

Ir-rieda tal-allegata persuna li tkun wettqet il-ksur li tilħaq dan ir-riżultat?

L-eżistenza ta’ privattiva preċedenti, li llum skadiet, fuq il-proċess li jippermetti li jintlaħaq ir-riżultat tekniku mfittex?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230.