Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Latvja) fl-4 ta’ Ġunju 2020 – SIA “Sātiņi-S” vs Lauku atbalsta dienests

(Kawża C-234/20)

Lingwa tal-kawża: il-Latvjan

Qorti tar-rinviju

Augstākā tiesa (Senāts)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: SIA “Sātiņi-S”

Parti oħra fil-proċedura: Lauku atbalsta dienests

Domandi preliminari

L-Artikolu 30(6)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 1 , għandu jiġi interpretat fis-sens li art bil-pit hija kompletament eskluża mill-ħlasijiet taħt Natura 2000?

F’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, l-art bil-pit tagħmel parti miż-żoni agrikoli jew forestali?

F’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1305/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jista’ jeskludi kompletament l-art bil-pit mill-ħlasijiet taħt Natura 2000 u li tali dispożizzjonijiet nazzjonali huma kompatibbli mal-għan kompensatorju ta’ tali ħlasijiet previst mir-Regolament Nru 1305/2013?

L-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1305/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jista’ jillimita l-ħlasijiet tal-għajnuna għaż-żoni tan-network Natura 2000 billi jipprovdi għajnuna biss għal-limitazzjoni imposta għal tip speċifiku ta’ attività ekonomika, bħal, pereżempju, fiż-żoni forestali, biss għall-attivitajiet forestali?

L-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 1305/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna għandha d-dritt, meta jkollha proġetti għal attività ekonomika ġdida, għal ħlas taħt Natura 2000 jekk, fil-mument meta tkun akkwistat il-proprjetà, diġà kienet taf bil-limiti li kienet suġġetta għalihom l-imsemmija proprjetà?

____________

1 ĠU 2013, L 347, p. 487, rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 1.