Language of document : ECLI:EU:C:2014:42

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fit-30 ta’ Jannar 2013 (1)

Kawża C‑382/12

MasterCard et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Kompetizzjoni — Artikolu 81 KE — Sistema ta’ ħlas permezz ta’ karti ta’ debitu, b’debitu ddifferit u ta’ kreditu — Kummissjonijiet multilaterali ta’ skambju awtomatiku — Deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi — Effett ta’ restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni — Kunċett ta’ ‘restrizzjoni anċillari’ — Natura oġġettivament neċessarja — Ftehim dwar kummissjonijiet multilaterali ta’ skambju intra-ŻEE applikati minn MasterCard għat-tranżazzjonijiet b’karta ta’ ħlas transkonfinali — Kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni taħt l-Artikolu 81(3) KE — Proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali — Kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tal-annessi għar-rikors”





I –    Introduzzjoni

1.        Is-suġġett ta’ din il-kawża huwa appell ippreżentat mill-kumpannija holding MasterCard Incorporated u ż-żewġ sussidjarji tagħha, iktar ’il quddiem rispettivament “MasterCard Inc.”, “MasterCard International Inc.” u “MasterCard Europe”, u, flimkien, ir-“rikorrenti fl-appell prinċipali”), kif ukoll żewġ appelli inċidentali ppreżentati rispettivament minn The Royal Bank of Scotland Plc (iktar ’il quddiem “RBS”) u minn Lloyds TSB Bank plc (iktar ’il quddiem “LTSB”) u Bank of Scotland Plc (iktar ’il quddiem “BOS”) mis-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2012, MasterCard et vs Il-Kummissjoni, (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata (2)”), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għal annullament tar-rikorrenti kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 6474 finali, tad-19 ta’ Diċembru 2007, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każijiet COMP/34.579 – MasterCard, COMP/36.518 – EuroCommerce, COMP/38.580 – Commercial Cards, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

2.        Fil-qalba tal-kawża nsibu l-organizzazzjoni tal-ħlas irrappreżentata mir-rikorrenti fl-appell prinċipali (iktar ’il quddiem l-“organizzazzjoni tal-ħlas MasterCard” jew “MasterCard”). Din l-organizzazzjoni kienet proprjetà ta’ u amministrata mill-istabbilimenti bankarji affiljati sal-25 ta’ Mejju 2006. F’din id-data, u fiż-żmien meta l-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet tinsab għaddejja, MasterCard Inc. ġiet introdotta fil-Borża ta’ New-York (l-Istati Uniti) (iktar ’il quddiem l-“IPO”) li mmodifikat l-istruttura u l-governanza tagħha.

3.        MasterCard tiġġestixxi sistema ta’ karti ta’ ħlas imsejħa “miftuħa” (jew “kwadripartita”). B’differenza minn sistema magħluqa (jew “tripartita”), bħal dik ta’ American Express, fejn il-proprjetarju tas-sistema jikkonkludi huwa stess kuntratti mad-detenturi tal-karti u l-kummerċjanti, sistema miftuħa, li magħha jistgħu jaffiljaw ruħhom diversi istituzzjonijiet finanzjarji taħt marka ta’ karti komuni, timplika tliet livelli ta’ interazzjoni: l-ewwel wieħed bejn il-proprjetarju tas-sistema u l-banek affiljati, it-tieni wieħed bejn il-banek ta’ ħruġ (jew l-emittenti (3)) u ta’ akkwist (jew l-akkwirenti (4)), u t-tielet wieħed bejn dawk il-banek u l-klijenti rispettivi tagħhom, jiġifieri d-detenturi tal-karti u l-kummerċjanti (5). F’sistema ta’ din ix-xorta, il-proprjetarju tagħha, minbarra li jkollu l-pussess u jippromwovi l-logo tal-karti ta’ ħlas, jikkoordina b’mod ġenerali l-prattiki tal-banek affiljati u jista’ jaġixxi bħala operatur ta’ netwerk, billi jipprovdi sistema ta’ informatika għat-trażmissjoni tal-messaġġi elettroniċi li jagħlqu t-tranżazzjonijiet. Huwa joħroġ il-fatturi għall-ħlasijiet u għall-kontribuzzjonijiet lill-banek għall-parteċipazzjoni fis-sistema u, meta jaġixxi bħala operatur tan-netwerks, għall-ispejjeż għall-ipproċessar tal-ħlasijiet bil-karti (6).

4.        Din il-kawża tirrigwarda, b’mod iktar preċiż, id-deċiżjonijiet ta’ MasterCard li jiffissaw il-kummissjonijiet multilaterali ta’ skambju li japplikaw fi ħdan iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jew iż-żona tal-Euro awtomatikament, jiġifieri fin-nuqqas ta’ ftehim bilaterali bejn il-bank akkwirenti u l-bank emittenti jew kummissjonijiet ta’ skambju ffissati b’mod kollettiv fil-livell nazzjonali (iktar ’il quddiem il-“KMS (7)”). Dawn il-kummissjonijiet jitħallsu mill-banek akkwirenti lill-banek emittenti għal kull tranżazzjoni li ssir permezz ta’ karti ta’ ħlas bil-logo MasterCard jew Maestro (8) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-“karti MasterCard”) bejn l-Istati Membri taż-ŻEE jew taż-żona tal-Euro. Fil-prinċipju, il-KMS huma inklużi għalkollox fl-ispejjeż iffatturati mill-banek akkwirenti lill-kummerċjanti [“merchant service charges”, spejjeż għas-servizz lill-kummerċjant (iktar ’il quddiem l-“MSC (9)”)] u li b’hekk jiġu assorbiti minn dawn tal-aħħar bħala spejjeż ta’ produzzjoni komuni (10). Skont l-argument tar-rikorrenti fl-appell prinċipali matul il-proċedura amministrattiva, u li ġie aċċettat mill-Kummissjoni bħala bażi għall-evalwazzjoni tagħha, il-KMS jikkostitwixxu “mekkaniżmu intiż biex jintlaħaq bilanċ bejn id-domanda tad-detentur tal-karta, minn naħa waħda, u tal-kummerċjant, min-naħa l-oħra”, sabiex l-ispiża għall-forniment tas-servizz tinqasam bejn l-emittenti u l-akkwirenti tas-sistema (11).

5.        Sal-25 ta’ Mejju 2006, il-KMS kienu ffissati mill-bord tad-diretturi reġjonali għall-Ewropa ta’ MasterCard (iktar ’il quddiem il-“bord tad-diretturi Ewropew”), li jiġbor fi ħdanu r-rappreżentanti tal-banek stabbiliti fiż-ŻEE kollha. Wara din id-data, kien biss il-bord tad-diretturi dinji ta’ MasterCard, fil-kompożizzjoni ġdida tiegħu, li baqa’ kompetenti biex jieħu deċiżjonijiet dwar il-KMS.

6.        Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li d-deċiżjonijiet li jiffissaw il-KMS, li hija kkwalifikat bħala deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi fis-sens tal-Artikolu  81(1) KE, kienu jirrestrinġu l-kompetizzjoni bejn il-banek akkwirenti bi ksur ta’ dan l-istess Artikolu u tal-Artikolu  53 tal-ftehim ŻEE, inkwantu dawn effettivament jiffissaw limitu minimu għall-MSC (12). Għaldaqstant, hija intimat lill-organizzazzjoni tal-ħlas MasterCard u lir-rikorrenti fl-appell prinċipali, taħt piena ta’ multa ta’ kuljum (13), biex itemmu l-ksur fi żmien sitt xhur, jiġifieri sal-21 ta’ Ġunju 2008, billi jirrevokaw il-KMS (14), jemendaw bħala konsegwenza r-regoli tan-netwerk, jannullaw id-deċiżjonijiet kollha li jikkonċernaw il-KMS (15) kif ukoll billi jikkomunikaw l-azzjonijiet meħuda lill-istabbilimenti finanzjarji li jappartjenu lin-netwerk MasterCard (16).

7.        Quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti fl-appell prinċipali talbu, prinċipalment, li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata fit-totalità tagħha u, sussidjarjament, biex jiġu annullati l-Artikoli 3 sa 5 u 7 ta’ din id-deċiżjoni, li permezz tagħhom il-Kummissjoni ffissat il-miżuri korrettivi msemmija hawn fuq kif ukoll il-multa ta’ kuljum. Sitt stabbilimenti finanzjarji, fosthom it-tliet rikorrenti fl-appelli inċidentali, intervjenew insostenn tal-imsemmija talbiet, waqt li r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq kif ukoll żewġ assoċjazzjonijiet, li waħda minnhom tirrappreżenta l-bejjiegħa bl-imnut fir-Renju Unit waqt li l-oħra tirrappreżenta l-kummerċ bl-imnut, bl-ingrossa u dak internazzjonali fi ħdan l-Unjoni Ewropea, jiġifieri rispettivament British Retail Consortium (iktar ’il quddiem “BRC”) u Eurocommerce, intervjenew insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni għaċ-ċaħda tar-rikors. Il-Qorti Ġenerali, wara li eżaminat il-motivi kollha ssollevati insostenn tat-talbiet imressqa b’mod prinċipali u dawk imressqa b’mod sussidjarju, u wara li ddikjarat bħala inammissibbli ċerti annessi għar-rikors, ċaħdet l-azzjoni u kkundannat lir-rikorrenti fl-appell għall-ispejjeż.

8.        Fit-12 ta’ Ġunju 2008, MasterCard waqqfet proviżorjament il-KMS transkonfinali, waqt li ssoktat bid-diskussjonijiet mal-Kummissjoni. Dawn finalment wasslu għal impenji minn MasterCard li jirrigwardaw, inter alia, l-adozzjoni ta’ metodu ġdid ta’ kalkolu tal-KMS, qabel ma jitnaqqas sostanzjalment il-livell tagħhom meta mqabbel ma’ dak iġġudikat li jmur kontra r-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat (17).

9.        Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Awwissu 2012, MasterCard International Inc. u MasterCard Europe ressqu l-appell prinċipali f’din il-kawża. Insostenn tat-talbiet tagħhom, intervjenew MBNA Europe Bank Ltd. (iktar ’il quddiem “MBNA”) u HSBC Bank PLC (iktar ’il quddiem “HSBC”), minbarra RBS u LTSB u BOS, li wkoll ippreżentaw appell inċidentali. Intervjenew insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni li jirrigwardaw iċ-ċaħda tal-appell prinċipali BRC, Eurocommerce u r-Renju Unit.

II – Fuq l-appelli

A –    Fuq l-ammissibbiltà

10.      Il-Kummissjoni tiddubita l-ammissibbiltà tal-appelli inċidentali minħabba n-nuqqas ta’ konformità tagħhom mal-kundizzjonijiet formali previsti fl-Artikolu 176(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2012. Din id-dispożizzjoni, li temenda r-regoli tal-proċedura l-qodma, tipprovdi li l-appell inċidentali għandu jitressaq permezz ta’ att separat, distint mir-risposta.

11.      F’din il-kawża, l-appelli inċidentali ta’ RBS u ta’ LTSB u BOS intbagħtu b’email fil-31 ta’ Ottubru 2012 u l-oriġinal ta’ dawn l-atti wasal fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament fit-2 u fil-5 ta’ Novembru 2012. Skont l-Artikolu 57(7) tar-Regoli tal-Proċedura, “id-data u s-siegħa li fihom kopja tal-oriġinal iffirmat ta’ att proċedurali [...] tasal fir-Reġistru permezz ta’ faks jew permezz ta’ kull mezz tekniku ta’ komunikazzjoni ieħor użat mill-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-osservanza tat-termini proċedurali jekk l-oriġinal iffirmat tal-att, flimkien mal-annessi u mal-kopji msemmija fil-paragrafu 2, jiġi ppreżentat fir-Reġistru sa mhux iktar tard minn għaxart’ijiem wara”. Peress li l-appelli inċidentali ġew ippreżentati fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja qabel l-1 ta’ Novembru 2012, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni ma treġix de facto, u b’hekk għandha tiġi miċħuda.

12.      Il-Kummissjoni tqajjem ukoll serje ta’ lmenti speċifiċi dwar inammissibbiltà, li jirrigwardaw l-biċċa l-kbira tal-motivi u l-argumenti ssollevati insostenn kemm tal-appell prinċipali kif ukoll tal-appelli inċidentali. L-imsemmija lmenti ser jiġu eżaminati separatament, fil-kuntest tal-analiżi ta’ dawn id-diversi motivi u argumenti.

B –    Fuq il-mertu

13.      MasterCard Inc., MasterCard International Inc. u MasterCard Europe jinvokaw tliet aggravji insostenn tal-appell tagħhom. L-ewwel tnejn jirrigwardaw żball ta’ liġi u/jew nuqqas ta’ motivazzjoni li bihom huma allegatament ivvizzjati l-partijiet tas-sentenza appellata li fihom il-Qorti Ġenerali eżaminat, rispettivament, in-natura oġġettivament neċessarja tal-allegata restrizzjoni tal-kompetizzjoni u n-natura tal-assoċjazzjoni tal-impriżi ta’ MasterCard. Permezz tat-tielet aggravju tagħhom, huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali warrbet bħala inammissibbli diversi annessi għar-rikors fl-ewwel istanza.

14.      Insostenn tal-appell inċidentali, RBS tinvoka aggravju wieħed, ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni. L-appell inċidentali konġunt ta’ LTSB u BOS (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “LBG”), min-naħa l-oħra, huwa bbażat fuq żewġ aggravji. L-ewwel wieħed jallega, bl-istess mod bħall-ewwel aggravju issollevat insostenn tal-appell inċidentali ta’ RBS, żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali relatata mal-effetti tal-KMS fuq il-kompetizzjoni. Permezz tat-tieni motiv tagħha, LBG tallega li l-Qorti Ġenerali kkommettiet żball ta’ liġi fl-analiżi tagħha abbażi tal-Artikolu 81(3) KE. Kemm RBS kif ukoll LBG isostnu u jiżviluppaw l-ewwel u t-tieni aggravju tal-appell prinċipali.

15.      Bl-eċċezzjoni tat-tielet aggravju tal-appell prinċipali, id-diversi aggravji u argumenti insostenn tal-appelli, kemm dawk prinċipali kif ukoll l-appelli inċidentali, jistgħu jinġabru taħt dawn l-erba’ temi: il-klassifikazzjoni ta’ MasterCard bħala assoċjazzjoni ta’ impriżi, l-eżistenza ta’ effetti li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, in-natura neċessarja tar-restrizzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) KE.

16.      Qabel ma nindirizzaw kull waħda minn dawn it-temi, għandu jiġi eżaminat it-tielet aggravju tal-appell prinċipali, sa fejn, inkwantu jallega li l-Qorti Ġenerali warrbet b’mod illegali ċerti dokumenti annessi għar-rikors, dan huwa intiż, essenzjalment, li juri li din tal-aħħar ibbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq kuntest probatorju mhux komplut.

1.      Fuq it-tielet aggravju tal-appell prinċipali, li jallega li l-Qorti Ġenerali warrbet b’mod żbaljat, bħala inammissibbli, diversi annessi għar-rikors fl-ewwel istanza

17.      Ir-rikorrenti fl-appell prinċipali jargumentaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta ddikjarat bħala inammissibbli ċerti annessi li huma pproduċew quddiemha. Fl-ewwel lok, huma jikkontestaw l-eżistenza ta’ bażi legali li tiġġustifika l-approċċ segwit fis-sentenza appellata. Id-dispożizzjonijiet li għalihom tirreferi l-Qorti Ġenerali fl-imsemmija sentenza jeżiġu sempliċement li r-rikorrent isemmi fir-rikors tiegħu s-suġġett tal-kawża kif ukoll spjegazzjoni fil-qosor tal-motivi invokati. Min-naħa l-oħra, ma hemmx bażi legali li żżomm lil rikorrent milli jissostanzja l-motivi tiegħu billi jinkludi argumenti fl-annessi, kemm-il darba dawn jinġabru fil-qosor b’mod ċar fir-rikors. L-approċċ ferm restrittiv adottat mill-Qorti Ġenerali b’hekk jikser kemm il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantit kemm mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u mill-Artikolu 6(1) KEDB, li kull limitazzjoni tiegħu għandha tkun prevista mil-liġi, kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti fl-appell prinċipali jikkontestaw il-mod kif il-Qorti Ġenerali ttrattat b’mod konkret ċerti annessi.

18.      F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-ilment li jikkonċerna l-bażi legali għat-trattament tal-annessi, għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 68 u 69 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u fuq l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u dikjarazzjoni sommarja tal-motivi invokati.

19.      Fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tikkjarifika liema għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sabiex rikors ikun ammissibbli, jeħtieġ li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom ikun ibbażat ikunu jirriżultaw, ta’ mill-inqas b’mod sommarju, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess u li, għalkemm il-korp tiegħu jista’ jiġi ssostanzjat u kkompletat, fuq punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal siltiet speċifikati minn dokumenti li jkunu annessi miegħu, riferiment globali għal dokumenti oħrajn, li jkunu wkoll annessi mar-rikors, ma tistax timmitiga n-nuqqas ta’ elementi essenzjali tal-argumentazzjoni legali, li, skont id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, għandhom ikunu inklużi fir-rikors. Fl-istess kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li rekwiżiti analogi huma meħtieġa meta argument jiġi invokat insostenn ta’ motiv (18). Il-bażi ta’ din l-interpretazzjoni tinsab fil-funzjoni purament probatorja u strumentali tal-annessi li timplika li, meta dokument anness mar-rikors ikun jinkludi punti ta’ liġi li fuqhom ikunu bbażati ċerti motivi fformulati fir-rikors, dawn il-punti għandhom jidhru fit-test innifsu tar-rikors li miegħu jkun anness dan id-dokument jew, tal-inqas, għandhom ikunu identifikati b’mod suffiċjenti fih. Effettivament, fid-dawl ta’ din il-funzjoni tal-annessi, ma huwiex fil-kompetenza tal-Qorti Ġenerali li tfittex li tidentifika, fl-annessi, il-motivi li hija tista’ tikkunsidra li jikkostitwixxu l-bażi tar-rikors (19).

20.      Tali interpretazzjoni tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali lanqas ma tmur kontra l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) rigward l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) KEDB, li għandu jsir riferiment għalih skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, jirriżulta li d-dritt għal rimedju ġudizzjarju ma huwiex assolut. L-eżerċizzju ta’ dan id-dritt huwa suġġett għal limitazzjonijiet, b’mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors (20) u b’hekk, a fortiori, ta’ motiv, ta’ argument jew ta’ anness għall-iskritturi tal-partijiet. Madankollu, dawn il-limitazzjonijiet huma ammissibbli biss, skont l-istess Qorti tal-Ġustizzja, kemm-il darba jkunu jsegwu għan leġittimu, ikunu proporzjonati ma’ dan l-għan u ma jirrestrinġux l-aċċess tal-individwu għal qorti sal-punt li tiġi ppreġudikata n-natura stess ta’ dan id-dritt (21). Barra minn hekk, jekk il-persuni kkonċernati jippretendu li jiġu applikati dawn il-limitazzjonijiet, l-applikazzjoni li ssir ma għandhiex madankollu twaqqaf lill-individwi milli jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom mezz ta’ azzjoni legali (22).

21.      F’dak li jirrigwarda l-għan segwit mill-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, jiġifieri li tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, ir-rikorrenti fl-appell prinċipali stess jirrikonoxxu li dan huwa leġittimu. Barra minn hekk, approċċ li jeżiġi li r-rikorrenti jesponi fir-rikors, ta’ mill-inqas fil-qosor, il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huma bbażati l-motivi u l-argumenti invokati ma jidhirx li huwa sproporzjonat meta mqabbel ma’ dawn l-għanijiet u lanqas ma jmur kontra s-sustanza tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju.

22.      Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li, billi bbażat fuq is-sentenza appellata, b’mod partikolari l-punti 68 u 69 tagħha, l-approċċ tagħha fit-trattament tal-annessi għall-iskritturi tal-partijiet dwar id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 20 iktar ’il fuq kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi.

23.      Fit-tieni lok, għandu jiġi analizzat kif il-Qorti Ġenerali applikat b’mod konkret dawn id-dispożizzjonijiet f’dak li jirrigwarda l-annessi li l-kunsiderazzjoni tagħhom hija kkontestata mir-rikorrenti fl-appell prinċipali. L-argumenti tagħhom jirrigwardaw b’mod speċifiku l-analiżi li tinsab fil-punti 183 sa 190 tas-sentenza appellata u, b’mod partikolari, il-kunsiderazzjoni tal-annessi A.13, A.14 u A.15, kif ukoll l-analiżi li tinsab fil-punti 275 sa 282 tas-sentenza appellata u, b’mod partikolari, il-kunsiderazzjoni tal-anness A.20. Ir-rikorrenti fl-appell prinċipali jsostnu li huma għamlu sinteżi tal-motivi fir-rikors u li kemm il-Qorti Ġenerali kif ukoll il-Kummissjoni fehmu l-argumenti mressqa minnhom. Barra minn hekk, il-punti msemmija fl-annessi huma punti ta’ fatt. Meta l-annessi jkunu jinkludu biss punti fattwali, dawn il-punti ma għandhomx ikunu esposti fil-korp tar-rikors. Il-Qorti Ġenerali b’hekk kien imissha kkonkludiet li r-rikors kien suffiċjentement preċiż f’dak li jirrigwarda l-motivi u l-argumenti invokati u li l-imsemmija annessi b’hekk kienu ammissibbli.

24.      F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-kunsiderazzjoni tal-annessi A.13, A.14 u A.15, il-qari tar-rikors ippreżentat mir-rikorrenti fl-appell prinċipali fl-ewwel istanza juri li l-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat li huma kienu spjegaw l-ilment tagħhom — dwar l-eżami tal-provi ekonomiċi ppreżentati matul il-proċedura amministrattiva — b’mod tant konċiż li ma kienx possibbli li jiġi identifikat fit-test tar-rikors argument ta’ tali natura li jista’ jissostanzjah. Effettivament, l-argumenti insostenn tal-ilment jinsabu, u għandhom jiġu mfittxija, totalment fl-imsemmija annessi. Dan jirriżulta barra minn hekk b’mod ċar mill-punti 185 u 186 tas-sentenza appellata. L-istess analiżi tapplika għall-kunsiderazzjoni tal-anness A.20 imsemmi fil-punt 280 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda dan l-anness, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti fl-appell prinċipali fir-rikors tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali sempliċement għamlu riferiment globali għal dak l-anness f’nota ta’ qiegħ il-paġna mingħajr ma speċifikaw xejn iżjed. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball fil-kunsiderazzjonijiet tagħha tal-imsemmija annessi.

25.      Rigward l-argument li meta l-annessi jkun fihom biss punti fattwali, dawn il-punti ma għandhomx jiġu esposti fil-korp tar-rikors, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 19 preċedenti, il-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom huwa bbażat ir-rikors, jew motiv jew saħansitra argument, għandhom mhux biss jiġu esposti fil-qosor fir-rikors, iżda għandhom jirriżultaw, b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tiegħu, li, kif jirriżulta mill-punt 24 iktar ’il fuq, ma huwiex il-każ f’din il-kawża.

26.      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, jidhirli li l-motiv ibbażat fuq żbalji ta’ liġi fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ ċerti annessi għandu jiġi miċħud.

2.      Fuq in-natura tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi ta’ MasterCard (it-tieni aggravju tal-appell prinċipali)

a)      Is-sentenza appellata

27.      Il-Qorti Ġenerali indirizzat il-kwistjoni tal-klassifikazzjoni ta’ MasterCard u tad-deċiżjonijiet li jiffissaw il-KMS fid-dawl tal-Artikolu 81(1) KE fil-punti 241 sa 260 tas-sentenza appellata. Fl-ewwel lok, hija ddelimitat il-portata ta’ din il-kwistjoni għall-punt jekk, “minkejja l-bidliet li seħħew f’MasterCard permezz tal-IPO, l-organizzazzjoni tal-ħlas MasterCard [baqgħetx] forma istituzzjonalizzata ta’ koordinazzjoni tal-aġir tal-banek” (punt 244) u l-KMS l-espressjoni ta’ din il-koordinazzjoni (23). Sussegwentement, minn naħa waħda, hija kkonstatat fil-punti 245 sa 247 li, wara l-IPO, “il-banek [kienu] komplew jeżerċitaw kollettivament setgħa deċiżjonali fuq aspetti essenzjali tal-funzjonament tal-organizzazzjoni tal-ħlas MasterCard, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell Ewropew”, u li ż-żamma ta’ tali setgħa deċiżjonali “kellha t-tendenza li tirrelativizza bil-kbir il-konsegwenzi li għandhom jiġu dderivati mill-IPO”. Min-naħa l-oħra, fil-punti 250 sa 258, ġie deċiż li, minħabba l-eżistenza ta’ interessi komuni bejn MasterCard u l-banek fl-iffissar tal-KMS f’livell għoli, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra b’mod validu li “[l-KMS] kienu jirriflettu l-interessi tal-banek, minkejja li, mill-IPO, dawn ma baqgħux jikkontrollaw lil MasterCard”. Hija b’hekk ikkonkludiet, fid-dawl tal-istess elementi ta’ kontinwità li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni, li din tal-aħħar kienet korretta meta rriteniet il-klassifikazzjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi ta’ MasterCard kif ukoll dik ta’ deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-korpi ta’ MasterCard li ffissaw il-KMS.

b)      L-appell

28.      Ir-rikorrenti fl-appell prinċipali, sostnuti minn RBS, LBG, HSBC u MBNA, jargumentaw li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li MasterCard hija assoċjazzjoni ta’ impriżi meta hija tiffissa l-KMS hija vvizzjata bi żball ta’ liġi u/jew nuqqas ta’ motivazzjoni. Huma jsostnu, minn naħa waħda, li l-ewwel motiv aċċettat fis-sentenza appellata bħala bażi għal dik il-konklużjoni, jiġifieri l-fatt li, wara l-IPO, il-banek żammu setgħa deċiżjonali residwa fi ħdan l-organizzazzjoni tal-ħlas MasterCard, huwa irrilevanti, peress li dik is-setgħa hija eżerċitata fuq kwistjonijiet oħrajn apparti l-iffissar tal-KMS u li l-Qorti Ġenerali stess irrikonoxxiet, fil-punt 245 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjonijiet relatati ma’ dawn il-kummissjonijiet “[ġew] adottati mill-korpi tal-organizzazzjoni tal-ħlas MasterCard u li l-banek ma kinux jipparteċipaw f’dan il-proċess deċiżjonali”. Min-naħa l-oħra, huma jsostnu li t-tieni motiv li fuqu tibbaża ruħha l-Qorti Ġenerali, jiġifieri l-allegati interessi komuni bejn l-organizzazzjoni tal-ħlas MasterCard u l-banek fl-iffissar tal-KMS, la huwa rilevanti, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u lanqas ma huwa suffiċjenti biex tintwera l-eżistenza ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi, peress li din ma tistax, b’mod partikolari, tiġi inferita mis-sempliċi ċirkustanza li kumpannija tista’ tkun inklinata li tikkunsidra, fid-deċiżjonijiet kummerċjali tagħha, l-interessi tal-klijenti tagħha. Barra minn hekk, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali jwassal sabiex jiġi sostnut li l-banek akkwirenti stess għandhom interess li l-KMS ikunu ffissati f’livell għoli, minkejja li dan iwassal għal żieda fl-ispejjeż tagħhom u b’hekk tnaqqis potenzjali tal-profitti tagħhom.

c)      Analiżi

29.      Il-kwistjoni tal-klassifikazzjoni ta’ MasterCard u tad-deċiżjonijiet tagħha fid-dawl tal-Artikolu 81(1) KE wara l-introduzzjoni fil-Borża ta’ MasterCard Inc. taqa’, sa mill-proċedura amministrattiva, taħt dijalettika bejn qtugħ u kontinwità. Għalkemm ir-rikorrenti fl-appell prinċipali — li ma kkontestawx il-klassifikazzjoni ta’ MasterCard bħala assoċjazzjoni ta’ impriżi għall-perijodu qabel il-25 ta’ Mejju 2006 — insistew dwar l-importanza tal-bidliet fil-livell tal-istruttura u tal-governanza tal-organizzazzjoni wara din id-data, kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Qorti Ġenerali kkonstataw li l-mod ta’ funzjonament tagħha qabel u wara l-IPO kien sostanzjalment identiku, u kkonkludew li din tal-aħħar la bidlet il-bilanċ li kien jeżisti qabel tal-interessi reċiproċi tad-diversi atturi tas-sistema u lanqas ir-realtà ekonomika tal-KMS.

30.      Għalkemm, f’tali kuntest, l-ilmenti li qegħdin jiġu analizzati jirċievu diversi elementi ta’ kritika mill-evalwazzjonijiet li fil-fatt saru mill-Qorti Ġenerali, dawn madankollu jissollevaw, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, kwistjoni ta’ dritt, li tirrigwarda l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni f’din il-kawża tal-kunċett ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE.

i)      Fuq l-allegazzjoni li ma ġietx ikkunsidrata il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward il-kunċett ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi

31.      Ir-rikorrenti fl-appell prinċipali jilmentaw, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali injorat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan il-kunċett. Huma tal-fehma li, skont din il-ġurisprudenza, entità ma tistax tiġi kklassifikata bħala assoċjazzjoni ta’ impriżi fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE ħlief jekk tkun komposta minn maġġoranza ta’ rappreżentanti tal-impriżi inkwistjoni u jekk, meta titqies il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, hija tkun libera li tieħu d-deċiżjonijiet tagħha fl-interess esklużiv tal-imsemmija impriżi.

32.      Fl-ewwel lok nirrimarka li jidhirli li tali interpretazzjoni hija eċċessivament restrittiva. Għalkemm din hija effettivament ibbażata fuq żewġ kriterji, li huma marbuta mal-kompożizzjoni u l-qafas legali tal-attivitajiet tal-entità inkwistjoni, li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din madankollu timmilita favur applikazzjoni stretta tagħhom li ma tistax tiġi faċilment irrikonċiljata mal-għan tal-Artikolu 81 KE li jkopri kull forma ta’ kooperazzjoni bejn l-impriżi b’mod kuntrarju għall-għanijiet li huwa jfittex kif ukoll mal-portata wiesgħa li l-ġurisprudenza tirrikonoxxi lill-kunċett ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi.

33.      Kif ġustament fakkret il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata (24), jirriżulta, b’mod ġenerali, mill-ġurisprudenza li l-kunċetti ta’ “akkordju”, ta’ “prattika miftiehma” u ta’ “deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi” li jinsabu fl-Artikolu 81(1) KE huma intiżi biex ikopru kull kollużjoni bejn impriżi li tista’ tipproduċi l-effetti pprojbiti minn din id-dispożizzjoni, indipendentement mill-forma li fihom timmanifesta ruħha (25). B’hekk, l-impriżi ma jistgħux jaħarbu mill-projbizzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni bis-sempliċi fatt li huma jikkoordinaw l-aġir tagħhom fis-suq permezz ta’ korp jew struttura komuni jew li huma jafdaw din il-koordinazzjoni f’idejn korp indipendenti (26). B’mod iktar speċifiku, fir-rigward tal-kunċett ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi, dan ġie interpretat fil-biċċa l-kbira bħala li jirreferi għal kull korp, anki jekk ma jkollux personalità ġuridika jew ma jkollux skop ta’ qligħ (27) u indipendentement kemm mill-klassifikazzjoni ġuridika tiegħu taħt id-dritt nazzjonali (28) kif ukoll miċ-ċirkustanza li l-membri tiegħu jkunu persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew, huma stess, assoċjazzjonijiet ta’ impriżi (29). Tintuża wkoll interpretazzjoni wiesgħa fir-rigward tal-kunċett ta’ deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi. Effettivament, jirriżulta mill-ġurisprudenza li dan ikopri kull att, anki jekk ma jkunx ta’ natura obbligatorja (30), li irrispettivament mill-istatus legali preċiż, jikkostitwixxi l-espressjoni fidila tal-volontà tal-assoċjazzjoni li tikkoordina l-imġiba tal-membri tagħha (31).

34.      Għall-kuntrarju ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti fl-appell prinċipali, wieħed ma jistax jiddeduċi mill-preċedenti fil-ġurisprudenza li huma jiċċitaw, u b’mod partikolari mis-sentenza Wouters (32), li ż-żewġ kriterji msemmija hawn fuq huma intiżi biex japplikaw irrispettivament mill-korp inkwistjoni. Il-kawża li tat lok għal din is-sentenza, bl-istess mod bħall-kawżi l-oħrajn li għalihom jirreferu r-rikorrenti fl-appell prinċipali (33), ma kkonċernatx korpi privati ta’ natura purament kummerċjali, bħal MasterCard, iżda korpi pubbliċi b’għanijiet partikolarment professjonali, li spiss ikunu mogħtija mil-liġi setgħat regolatorji u li jsegwu, minbarra l-interessi kollettivi tal-membri tagħhom, għanijiet ta’ interess ġenerali (34). F’dawn il-kawżi kollha, essenzjalment kienet kwistjoni li jiġi evalwat jekk, fid-dawl tar-reġim tad-dritt pubbliku li għalih kienu sottomessi dawn il-korpi, dawn kinux jaġixxu fis-suq b’mod awtonomu, b’mod li l-imġiba tagħhom u l-atti li kienu jiddeċiedu, jew li fl-adozzjoni tagħhom kienu jipparteċipaw, setgħu jitqiesu bħala akkordji fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet inklinata, bħal fil-kawża Wouters u, iktar reċentement, fil-kawża Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas (35), biex tiddisassoċja l-attivitajiet li fihom l-entità inkwistjoni kienet taġixxi bħala korp b’setgħat pubbliċi u/jew kienet issegwi għanijiet ta’ interess pubbliku minn dawk li fihom hija kienet tikkomporta ruħha bħala assoċjazzjoni li taġixxi fl-interess esklużiv tal-membri tagħha.

35.      Huwa f’dan il-kuntest ta’ amalgamazzjoni bejn setgħat u interessi pubbliċi u privati li ġew elaborati u applikati mill-Qorti tal-Ġustizzja ż-żewġ kriterji li fuqhom ibbażaw ruħhom ir-rikorrenti fl-appell prinċipali. Kien f’dan l-istess kuntest li l-Qorti tal-Ġustizzja segwiet l-approċċ funzjonali li ġie invokat ukoll minnhom, li entità tista’ tikkostitwixxi assoċjazzjoni ta’ impriżi fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE meta hija twettaq ċerti kompiti u mhux oħrajn, b’mod li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni korretta tagħha fid-dawl tar-regoli tal-kompetizzjoni, hija rilevanti biss in-natura tal-funzjonijiet li hija teżerċita meta tadotta l-att bi ksur ta’ dawn ir-regoli.

36.      Ma huwiex ikkontestat li MasterCard hija entità taħt id-dritt privat bi skop kummerċjali. Hija ma hijiex suġġetta għal reġim tad-dritt pubbliku, u lanqas ma hija inkarigata minn servizz pubbliku u d-deċiżjonijiet meħuda mill-korpi tagħha huma bbażati biss fuq interessi privati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, meta jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 34 u 35 iktar ’il fuq, ma kienx meħtieġ li jiġu applikati dawn il-kriterji, li ġew elaborati sabiex jiġu evalwati kuntesti sostanzjalment differenti minn dak f’din il-kawża, u l-Qorti Ġenerali setgħet, mingħajr ma tmur kontra l-kunċett ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tieħu inkunsiderazzjoni elementi oħrajn għall-finijiet tal-evalwazzjoni.

ii)    Fuq l-allegat nuqqas ta’ rilevanza tal-elementi li fuqhom ibbażat ruħha l-Qorti Ġenerali

37.      Ir-rikorrenti fl-appell prinċipali jargumentaw, sussegwentement, li l-elementi li fuqhom ibbażat ruħha l-Qorti Ġenerali, jiġifieri, minn naħa waħda, il-fatt li l-banek żammew setgħa deċiżjonali residwa fi ħdan l-organizzazzjoni tal-ħlas MasterCard u, min-naħa l-oħra, l-allegati interessi komuni bejn din l-organizzazzjoni u l-banek fl-iffissar tal-KMS, huma irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni dwar jekk teżistix assoċjazzjoni ta’ impriżi fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE u, fi kwalunkwe każ, huma insuffiċjenti biex jikkaratterizzaw tali assoċjazzjoni.

38.      Fir-rigward tal-ewwel wieħed minn dawn l-elementi, huma jargumentaw li l-fatt li l-banek żammew setgħat deċiżjonali wara l-IPO ma huwiex rilevanti inkwantu dawn is-setgħat ma jirrigwardawx l-iffissar tal-KMS. Fil-fehma tagħhom, billi l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq dan il-fatt biex tikkonkludi li MasterCard kienet qiegħda taġixxi bħala assoċjazzjoni ta’ impriżi meta ffissat il-KMS, il-Qorti Ġenerali marret kontra l-approċċ funzjonali segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Wouters.

39.      F’dan ir-rigward, mingħajr ma nidħol fil-fondatezza tal-evalwazzjoni li saret mill-Qorti Ġenerali dwar l-importanza mogħtija lill-imsemmija setgħat deċiżjonali, fuq bażi preliminari nikkonstata li din l-evalwazzjoni hija differenti minn dik tar-rikorrenti fl-appell prinċipali, li huma inklinati li jippreżentaw dawn is-setgħat bħala sostanzjalment negliġibbli. Fil-punt 247 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, fil-fatt, enfasizzat li l-bord tad-diretturi Ewropew kien żamm kompetenza biex jiddeċiedi dwar “kwistjonijiet essenzjali” li jirrigwardaw diversi aspetti tal-funzjonament tal-organizzazzjoni fuq livell reġjonali.

40.      Dan premess, nirreferi għall-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 34 u 35 iktar ’il fuq, kif ukoll għall-konstatazzjonijiet li saru fil-punt 36 iktar ’il fuq, li minnhom jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma kinitx obbligata, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża, li ssegwi dan l-approċċ funzjonali u setgħet, għaldaqstant, tieħu inkunsiderazzjoni, bħala element għall-finijiet tal-evalwazzjoni, is-setgħat deċiżjonali adottati mill-banek wara l-IPO, mingħajr ma kienet obbligata li tivverifika, kif jallegaw ir-rikorrenti fl-appell prinċipali, jekk dawn is-setgħat setgħux ikollhom impatt fuq l-iffissar tal-KMS.

41.      F’dak li jirrigwarda t-tieni wieħed mill-elementi msemmija hawn fuq, jiġifieri l-eżistenza ta’ interessi komuni bejn MasterCard u l-banek fl-iffissar tal-KMS, ir-rikorrenti fl-appell prinċipali essenzjalment isostnu li jekk minn sempliċi koinċidenza tal-interessi bejn żewġ operaturi ekonomiċi jew iktar, wieħed jinferixxi l-eżistenza ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi, dan iwassal għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE fin-nuqqas ta’ kwalunkwe prova ta’ kollużjoni, li tippresupponi rieda komuni.

42.      Dan l-argument għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi miċħud. Effettivament, f’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali kkonstatat l-eżistenza ta’ qafas istituzzjonalizzat li miegħu jaderixxu l-banek u li fi ħdanu huma jikkooperaw bejniethom u ma’ MasterCard għall-finijiet tat-twettiq ta’ proġetti komuni li joħloq limitazzjonijiet fl-awtonomija kummerċjali tagħhom u jiddefinixxi l-linji tal-azzjoni reċiproka tagħhom. B’hekk, dan huwa każ ferm differenti minn dak ta’ sempliċi mġiba parallela, imsemmija mir-rikorrenti fl-appell prinċipali, fejn l-interess tal-impriżi kkonċernati biex ma jikkompetux huwa segwit minn kull waħda minnhom b’mod awtonomu, billi tallinja l-imġiba tagħha ma’ dak tal-kompetituri. Din il-kawża hija distinta wkoll mill-kawża Bayer (36), invokata minn LBG. Waqt li huwa minnu li, f’dik il-kawża, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li peress li ma stabbilixxietx rieda komuni bejn Bayer u l-bejjiegħa bl-ingrossa tagħha biex inaqqsu l-kummerċ parallel, il-Kummissjoni kienet stabbilixxiet b’mod żbaljat l-eżistenza ta’ ftehim abbażi tal-Artikolu 81 KE, dik il-konklużjoni kienet ibbażata fuq il-konstatazzjoni li r-rieda rispettiva tal-partijiet kienet ġiet interpretata b’mod żbaljat u li la l-intenzjoni ta’ Bayer li timponi projbizzjoni fuq l-esportazzjoni, u lanqas aċċettazzjoni, għalkemm taċita, ta’ dik l-impożizzjoni min-naħa tal-bejjiegħa bl-ingrossa ma ġew ipprovati (37).

43.      Mill-analiżi li saret fil-punti 32 sa 35 iktar ’il fuq jirriżulta li korp jaqa’ taħt il-kunċett ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni meta jkun jikkostitwixxi l-qafas li fi ħdanu jew l-istrument li permezz tiegħu l-impriżi jikkoordinaw l-imġiba tagħhom fis-suq, kemm-il darba din il-koordinazzjoni jew ir-riżultati li hija tikseb, ma jkunux imposti mill-awtoritajiet pubbliċi. Barra minn hekk, jirriżulta minn din l-analiżi li, meta titqies il-funzjoni li jwettqu l-kunċetti ta’ “assoċjazzjoni ta’ impriżi” u ta’ “deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi” fl-ambitu tal-Artikolu 81(1) KE, il-kwistjoni jekk dawn japplikawx f’każ konkret għandha tiġi evalwata waqt li jitqiesu elementi rilevanti tal-każ, li minnhom għandha tirriżulta r-rieda tal-impriżi inkwistjoni li jikkoordinaw l-imġiba tagħhom fis-suq permezz ta’ struttura kollettiva jew korp komuni.

44.      Ir-rilevanza taż-żewġ elementi msemmija fil-punt 37 iktar ’il fuq ma tistax tiġi kkontestata fiċ-ċirkustanzi tal-każ, fejn il-kwistjoni tal-klassifikazzjoni ta’ MasterCard bħala assoċjazzjoni ta’ impriżi fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE essenzjalment timplika li jiġi evalwat l-impatt tal-IPO fuq il-mod kif huma jiffunzjonaw, fuq ir-relazzjonijiet tagħha mal-banek affiljati kif ukoll, b’mod iktar ġenerali, fuq il-bilanċi interni tagħha. F’dan ir-rigward, infakkar li l-argumenti mressqa fl-ewwel istanza mir-rikorrenti fl-appell prinċipali sabiex jikkontestaw tali klassifikazzjoni huma bbażati essenzjalment fuq l-affermazzjoni li ebda koordinazzjoni ma tista’ tiġi imputata lill-banek wara l-25 ta’ Mejju 2006 f’dak li jirrigwarda l-KMS, peress li minn dak iż-żmien ’il quddiem dawn kienu ffissati minn MasterCard u applikati għall-banek affiljati fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ bejn fornitur u klijent.

45.      Rigward il-kwistjoni ta’ jekk l-imsemmija elementi kinux suffiċjenti f’din il-kawża sabiex tiġi kkonfermata l-klassifikazzjoni ta’ MasterCard bħala assoċjazzjoni ta’ impriżi mill-Kummissjoni, jidhirli, fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, li ma jistax jiġi eskluż a priori li korp jista’ jiġi kklassifikat bħala assoċjazzjoni ta’ impriżi anki meta, bħal fil-każ ta’ MasterCard, id-deċiżjonijiet li huwa jadotta ma jittieħdux minn maġġoranza tar-rappreżentanti tal-impriżi inkwistjoni u lanqas fl-interess esklużiv tagħhom, jekk dan ikun jirriżulta minn evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ li l-imsemmija impriżi jkollhom l-intenzjoni jew, ta’ mill-inqas, jaċċettaw li jikkoordinaw l-imġiba tagħhom fis-suq permezz ta’ dawn id-deċiżjonijiet u li l-interessi kollettivi tagħhom jikkoinċidu ma’ dawk meħuda fil-ħin tal-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjonijiet. Tali klassifikazzjoni lanqas ma tista’ tiġi eskluża a priori f’kuntest bħal dak ta’ din il-kawża fejn l-impriżi inkwistjoni segwew, għal bosta snin, l-istess għan ta’ regolazzjoni komuni tas-suq fil-kuntest tal-istess organizzazzjoni, għalkemm taħt forom differenti.

46.      Fuq il-bażi tal-evalwazzjoni tagħha tal-fatti u ċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li d-deċiżjonijiet tal-bord tad-diretturi dinji ta’ MasterCard Inc. li jiffissaw il-KMS, komplew jirriflettu l-interessi kollettivi tal-banek affiljati mas-sistema u li dawn komplew xjentement jikkoordinaw il-politika tagħhom dwar il-kummissjonijiet ta’ skambju transkonfinali permezz tal-imsemmija deċiżjonijiet, minkejja l-fatt li huma ma baqgħux jieħdu sehem fil-proċess deċiżjonali li wassal għall-adozzjoni tagħhom. Din l-evalwazzjoni, taħt riżerva ta’ żnaturament tal-fatti u/jew tal-provi (38), hija fiha nfisha suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja.

47.      F’dan ir-rigward, għandha tiġi miċħuda l-kritika li r-rikorrenti fl-appell prinċipali, sostnuti minn HSBC, jagħmlu kontra l-Qorti Ġenerali li hija kkonfermat l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-banek akkwirenti kellhom ukoll interess li jiffissaw KMS għoljin. Fl-ewwel lok, din il-kritika tpoġġi inkwistjoni l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi li saret mill-Qorti Ġenerali mingħajr ma ġie sollevat żnaturament ta’ xi wieħed jew ieħor, u mingħajr ma tressqet xi prova li tmur lil hinn minn sempliċi asserzjonijiet (39). Fit-tieni lok, għall-kuntrarju ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti fl-appell prinċipali, il-Qorti Ġenerali ma llimitatx ruħha, fuq dan is-suġġett, li tikkonstata li l-banek akkwirenti kellhom il-possibbiltà li jitfgħu l-effetti tal-KMS fuq il-klijenti tagħhom, iżda hija ppreċiżat li sistema ta’ ffissar awtomatiku multilaterali tal-kummissjonijiet ta’ skambju bħal dik tal-KMS tagħti lill-banek akkwirenti assigurazzjoni dwar il-fatt li żieda tal-imsemmija kummissjonijiet ma kellhiex effett fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħhom (40). Finalment, rigward ir-riferiment li sar mill-Qorti Ġenerali għar-regola tas-sistema MasterCard, li tgħid li l-banek li jixtiequ jakkwistaw tranżazzjonijiet kienu obbligati li jkollhom ukoll attività ta’ ħruġ ta’ karti, ir-rikorrenti fl-appell prinċipali ma jistgħux isostnu n-nuqqas ta’ rilevanza sempliċement billi jibbażaw ruħhom fuq il-fatt li dik ir-regola kienet applikata sal-31 ta’ Diċembru 2004 u ma kinitx għadha fis-seħħ fid-data tal-IPO. Fil-fatt, mill-punt 254 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali aċċettat l-ispjegazzjoni tal-Kummissjoni, fejn qalet li bis-saħħa tar-regola msemmija hawn fuq, is-sistema evolviet fis-sens li kważi l-banek kollha li kellhom attività ta’ akkwist kienu wkoll emittenti ta’ karti, u b’hekk kienu jibbenefikaw mill-KMS, u dan baqa’ l-istess wara r-revoka tal-imsemmija regola. Barra minn hekk, jirriżulta mill-istess punt tas-sentenza appellata li r-rikorrenti ma ressqux, quddiem il-Qorti Ġenerali, provi li jikkontestaw il-fondatezza ta’ din l-ispjegazzjoni.

48.      Bħala konklużjoni, l-eżami tal-ilmenti inkwistjoni ma ppermettiex li jiġi stabbilit li, billi kkonfermat il-klassifikazzjoni ta’ MasterCard bħala assoċjazzjoni ta’ impriżi mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali marret kontra l-kunċett ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, kif interpretat mill-qorti tal-Unjoni.

3.      Fuq l-eżistenza ta’ effetti restrittivi għall-kompetizzjoni (l-uniku aggravju tal-appell inċidentali ta’ RBS u l-ewwel aggravju tal-appell inċidentali ta’ LBG)

a)      Id-deċiżjoni kkontestata u s-sentenza appellata

49.      Għall-finijiet ta’ ċarezza, għandhom jiġu ċċitati fil-qosor id-diversi siltiet tal-analiżi li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-effetti tal-KMS fuq il-kompetizzjoni. F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li, inkwantu dawn kienu jinfluwenzaw l-ammont tal-kummissjonijiet ta’ skambju miġbura mill-banek emittenti għall-banek akkwirenti (41), li kienu jitfgħu din l-ispiża fuq l-ispejjeż imputati lill-kummerċjanti, il-KMS kienu jipproduċu effetti restrittivi għall-kompetizzjoni fuq il-prezzijiet fis-suq tal-akkwist, għad-detriment tal-kummerċjanti u l-klijenti tagħhom (42). Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, hija fl-ewwel lok ikkonstatat, billi bbażat ruħha fuq żewġ analiżi kwantitattivi, li l-KMS kienu jikkostitwixxu livell ta’ limitu minimu għall-ispejjeż imputati mill-banek akkwirenti lill-kummerċjanti indipendentement mid-daqs tagħhom (43). Fit-tieni lok, hija ddeduċiet minn investigazzjoni fost il-kummerċjanti mwettqa minnha stess fl-2004 (iktar ’il quddiem: l-“istudju tas-suq tal-2004”) li l-KMS kienu jipprekludu tnaqqis tal-MSC iktar ’l isfel minn ċertu livell. Fit-tielet lok, wara li ċaħdet l-argumenti ta’ MasterCard li jirrifjutaw it-teżi ta’ effett restrittiv tal-KMS fuq il-kompetizzjoni fis-suq tal-akkwist (44), il-Kummissjoni eżaminat l-effetti tal-KMS fuq is-suq tal-ħruġ, u kkonkludiet li l-banek attivi f’dak is-suq kellhom tendenza li jiffavorixxu l-karti li jiġġeneraw l-ikbar dħul ta’ skambju u li dik l-istrateġija setgħet iżżid l-ispiża tal-aċċettazzjoni tal-karti fis-suq tal-akkwist (45). Fir-raba’ lok, hija rrimarkat li l-kompetizzjoni intersistemi (bejn id-diversi netwerks ta’ ħlas bil-karti, essenzjalment bejn Visa u MasterCard) mhux biss ma kinitx tipprekludi lil MasterCard milli żżomm il-kummissjonijiet ta’ skambju f’livell għoli iżda kienet teżerċita fuqhom pressjoni ta’ żieda, li b’hekk kienet tamplifika d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq tal-akkwist (46). Fil-ħames lok, hija kkonstatat li l-KMS ma kienu suġġetti għal ebda restrizzjoni la min-naħa tal-banek akkwirenti u lanqas min-naħa tal-kummerċjanti (47). F’dan l-aħħar rigward, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, fost fatturi oħrajn, ir-regola tan-netwerk MasterCard li kienet tobbliga lill-kummerċjanti (u lill-banek akkwirenti) li jonoraw il-karti kollha, jiġifieri l-prodotti kollha offruti minn MasterCard fis-suq tal-ħruġ u jkun liema jkun il-bank emittenti (Honour-All-Cards Rule, iktar ’il quddiem l-“HACR”). Finalment, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-membri ta’ MasterCard kienu jeżerċitaw kollettivament poter fis-suq fir-rigward tal-kummerċjanti u l-klijenti tagħhom u li l-KMS kienu jippermettulhom li jisfruttawh.

50.      Il-Qorti Ġenerali eżaminat il-kwistjoni tal-effetti tal-KMS fuq il-kompetizzjoni fil-punti 123 sa 193 tas-sentenza appellata. Fl-ewwel lok, hija indirizzat u ċaħdet l-ilmenti li jallegaw li ma ġiex eżaminat l-iżvolġiment tal-kompetizzjoni fin-nuqqas tal-KMS. F’dan il-kuntest hija ċaħdet, minn naħa waħda, il-kritiki dwar il-fatt li fl-analiżi kontrofattwali tagħha l-Kummissjoni kkunsidrat regola li tipprojbixxi l-impożizzjoni ta’ tariffi a posteriori (48) bħala regola li awtomatikament tissostitwixxi l-KMS (punt 132 tas-sentenza appellata) u, min-naħa l-oħra, dawk li jirrigwardaw ir-riferiment li sar mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din l-analiżi, għall-fatt li kienu jsiru negozjati bilaterali bejn banek emittenti u banek akkwirenti, li eventwalment wasslu għall-eliminazzjoni tal-kummissjonijiet ta’ skambju (punt 133). Sussegwentement, hija ċaħdet l-argumenti li jikkritikaw lill-Kummissjoni li ma wrietx li t-tneħħija tal-KMS kienet iżżid il-grad ta’ kompetizzjoni li teżisti bejn l-akkwirenti (punti 135 sa 136) u, b’mod partikolari, dak li jallega assimilazzjoni tal-KMS għal spiża ta’ dħul komuni, li hija newtrali mill-perspettiva tal-kompetizzjoni (punt 143). Fit-tieni lok, fil-punti 168 sa 182 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indirizzat u ċaħdet għadd ta’ lmenti marbuta mal-eżami tas-suq tal-prodotti, u kkonfermat l-analiżi tas-suq adottata fid-deċiżjoni kkontestata. F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ suq awtonomu tal-akkwist, hija enfasizzat li, minkejja ċerta kumplimentarjetà bejn il-komponenti “ħruġ” u “akkwist”, minn naħa waħda, setgħet issir distinzjoni bejn is-servizzi pprovduti lid-detenturi ta’ karti u lill-kummerċjanti u, min-naħa l-oħra, id-detenturi ta’ karti u l-kummerċjanti kienu jeżerċitaw pressjonijiet kompetittivi separati fuq, rispettivament, il-banek emittenti u l-banek akkwirenti (punti 176 u 177). F’dan l-istess kuntest, hija kkunsidrat li l-kritiki dwar il-fatt li ma kinitx ġiet meqjusa n-natura duplika tas-suq kienu jenfasizzaw il-vantaġġi ekonomiċi li jirriżultaw mill-KMS, u għaldaqstant kienu irrilevanti fil-kuntest ta’ motiv li jallega ksur tal-Artikolu 81(1) KE. Finalment, il-Qorti Ġenerali ċaħdet kemm l-ilment dwar l-eżami tal-provi ekonomiċi ppreżentati matul il-proċedura amministrattiva li ġie ssollevat mir-rikorrenti fl-appell prinċipali (ara l-punti 139 et sequitur iktar ’il quddiem) kif ukoll l-ilment li jallega nuqqas ta’ motivazzjoni minħabba bidla fl-approċċ tal-Kummissjoni fid-dawl tad-deċiżjoni Visa tal-24 ta’ Lulju 2002 (49).

b)      Fuq l-uniku aggravju tal-appell inċidentali ta’ RBS

i)      Fuq l-ilment ibbażat fuq żball ta’ liġi li jaffettwa l-analiżi kontrofattwali mwettqa mill-Qorti Ġenerali

51.      Permezz tal-uniku aggravju tagħha, RBS, sostnuta mir-rikorrenti fl-appell prinċipali, fl-ewwel lok tilmenta li l-Qorti Ġenerali ma vverifikatx jekk l-ipoteżi elaborata mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-analiżi kontrofattwali tagħha, ibbażata fuq l-applikazzjoni ta’ regola li tipprojbixxi lill-banek emittenti milli jimponu tariffi a posteriori, setgħetx probabbilment isseħħ fin-nuqqas tal-KMS. Billi llimitat ruħha li tafferma l-vijabbiltà ekonomika ta’ tali regola, hija kkonfondiet l-analiżi tal-effetti tal-KMS fuq il-kompetizzjoni u dik tan-neċessità oġġettiva tar-restrizzjoni li huma jipproduċu.

52.      Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat jekk ftehim (jew deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi) għandux jitqies li huwa pprojbit minħabba l-effetti tiegħu fuq is-suq, għandu jiġi eżaminat l-iżvolġiment tal-kompetizzjoni fil-kuntest reali li fih iseħħ fin-nuqqas tal-ftehim (jew tad-deċiżjoni) inkwistjoni (50). Il-metodu ta’ analiżi indikat mill-Qorti tal-Ġustizzja jimplika, barra minn hekk, paragun bejn l-istruttura kompetittiva maħluqa mill-allegata restrizzjoni u dik li kienet tipprevali fin-nuqqas tagħha.

53.      Peress li t-tieni terminu ta’ dan il-paragun huwa r-riżultat ta’ evalwazzjoni bbażata fuq ipoteżijiet, ma jistax jintalab li tinġieb prova li x-xenarju użat fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni ser iseħħ inevitabbilment fin-nuqqas tar-restrizzjoni preżunta (51). Dan ix-xenarju għandu madankollu jirriżulta li huwa suffiċjentement realistiku u plawżibbli, u b’hekk mhux biss teoretikament possibbli, fid-dawl ta’ analiżi tal-fatturi rilevanti kollha, bħal, b’mod partikolari, il-karatteristiċi tal-prodotti jew servizzi kkonċernati, il-pożizzjoni tal-partijiet fil-ftehim fis-suq inkwistjoni (52), l-istruttura tiegħu kif ukoll il-kuntest ekonomiku, ġuridiku u tekniku li jirregola l-funzjonament tiegħu (53), il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni kemm attwali kif ukoll potenzjali (54), l-eżistenza ta’ ostakli għad-dħul (55), il-grad ta’ saturazzjoni tas-suq u l-lealtà tal-konsumaturi lejn is-swieq eżistenti (56), u l-eżistenza jew l-eżerċitar ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

54.      F’din il-kawża, il-Kummissjoni eżaminat il-proċess kompetittiv li kien jiżviluppa fis-suq tal-akkwist fin-nuqqas tal-KMS fil-punti 458 sa 460 tad-deċiżjoni kkontestata, biex tikkonkludi li, fin-nuqqas tal-KMS u bi projbizzjoni tal-impożizzjoni ta’ tariffi a posteriori, il-prezzijiet iffatturati lill-kummerċjanti mill-akkwirenti “kienu jiġu ffissati billi jitqiesu biss l-ispejjeż marġinali tal-akkwirent u l-marġni kummerċjali tiegħu”. Skont il-Kummissjoni, “l-inċertezza tal-banek akkwirenti fir-rigward tal-livell tal-kummissjonijiet ta’ skambju li l-kompetituri tagħhom kienu jaċċettaw, fuq bażi bilaterali, li jħallsu lill-emittenti kienet teżerċita restrizzjoni għall-akkwirenti”, b’mod li, “fuq medda ta’ żmien twil, wieħed jista’ jistenna li tali proċess iwassal għall-ħolqien ta’ krediti u djun interbankarji għall-valur nominali tal-ħlas, jiġifieri mingħajr tnaqqis tal-inqas kummissjoni ta’ skambju”. Fil-punt 133 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonfermat din l-analiżi. B’hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li r-rikorrenti fl-appell prinċipali argumentaw b’mod partikolari matul is-seduta, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex nieqsa minn analiżi kontrofattwali u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi billi ma kkundannatx lill-Kummissjoni għal tali nuqqas allegat.

55.      RBS tikkontesta l-affermazzjoni li tinsab fil-punt 132 tas-sentenza appellata, li tgħid li “il-fatt li l-ipoteżi ta’ sistema MasterCard li tiffunzjona mingħajr KMS — fuq il-bażi biss ta’ regola li tipprojbixxi t-tariffar ex post — tidher li hija ekonomikament vijabbli, huwa biżżejjed biex ikun iġġustifikat it-teħid inkunsiderazzjoni tagħha fl-analiżi tal-effetti tal-KMS fuq il-kompetizzjoni”.

56.      Sabiex jinftiehmu s-sens u l-portata ta’ dan il-punt, għandu jiġi rrilevat li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indirizzat l-ilmenti li jallegaw żbalji ta’ evalwazzjoni fl-analiżi tal-effetti tal-KMS fuq il-kompetizzjoni wara dak li jallega eżami żbaljat tan-natura oġġettivament neċessarja tal-KMS. Effettivament, hija kkunsidrat, wara li qieset il-kritiki ssollevati kontra l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 81(1) KE, li kien preferibbli li tiġi vverifikata n-natura ekonomikament vijabbli ta’ sistema MasterCard li tiffunzjona mingħajr KMS qabel ma tevalwa, kif meħtieġ ukoll mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 52 iktar ’il fuq, kif il-kompetizzjoni fis-suq tal-akkwist kienet issir fil-kuntest ta’ tali sistema.

57.      Dan l-approċċ wassal lill-Qorti Ġenerali tegħleb fil-kuntest tal-eżami tal-effetti tal-KMS fuq il-kompetizzjoni l-konklużjonijiet li kienet waslet għalihom matul l-eżami tagħha dwar in-natura oġġettivament neċessarja tagħhom. B’hekk, billi kkonkludiet, fi tmiem dan l-eżami, li l-Kummissjoni setgħet leġittimament tikkonstata li mekkaniżmu ta’ regolament li awtomatikament japplika KMS f’livell pożittiv ma kienx oġġettivament neċessarju għall-vijabbiltà tas-sistema MasterCard, u li dan seta’ jiffunzjona fuq il-bażi ta’ alternattiva inqas restrittiva, jiġifieri regola ta’ projbizzjoni tal-impożizzjoni ta’ tariffi a posteriori, hija kkunsidrat, fl-imsemmi punt 132, li kien leġittimu għal din l-istituzzjoni li tassumi bħala punt ta’ tluq tal-analiżi tagħha tal-iżvolġiment tal-kompetizzjoni fin-nuqqas tal-KMS, xenarju kkaratterizzat minn tali regola. Għall-kuntrarju ta’ dak li sostniet RBS matul is-seduta, tali xenarju kontrofattwali ma ġiex elaborat mill-Qorti Ġenerali sabiex tpatti għal lakuna fid-deċiżjoni kkontestata, iżda dan kien diġà jinsab fiha (57).

58.      Il-Qorti Ġenerali b’hekk ma kkonfondietx il-kriterji tal-analiżi tal-effetti ta’ restrizzjoni fuq il-kompetizzjoni u dawk applikabbli għall-eżami tan-natura oġġettivament neċessarja ta’ restrizzjoni anċillari, u lanqas ma marret kontra l-prinċipji ffissati mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 52 iktar ’il fuq, li tissostitwixxi l-“qafas reali” li fih għandha tiġi evalwata l-kompetizzjoni fin-nuqqas tar-restrizzjoni preżunta b’qafas “ekonomikament vijabbli”. Fil-punt 132 imsemmi iktar ’il fuq tas-sentenza appellata, hija sempliċement fakkret, fuq il-bażi tar-riżultati tal-evalwazzjoni tagħha tan-natura oġġettivament neċessarja tal-KMS, il-kundizzjonijiet li fihom, fin-nuqqas tar-restrizzjoni preżunta, is-sistema MasterCard setgħet tkompli tiffunzjona.

59.      F’dak li jirrigwarda l-allegazzjoni li r-rikorrenti fl-appell prinċipali jsostnu fir-risposta tagħhom għall-appell inċidentali ta’ RBS, li tgħid li l-introduzzjoni ta’ regola li tipprojbixxi l-impożizzjoni ta’ tariffi awtomatikament ma hijiex realistika, li tali regola ma hijiex ir-riżultat tal-forzi tas-suq u li qatt ma kienet ser tiġi adottata minn MasterCard, ħlief f’każ fejn tkun imġiegħla tagħmel dan minn intervent regolatorju, nirreferi għall-kunsiderazzjonijiet elaborati fil-punti 101 sa 106 iktar ’il quddiem fil-kuntest tal-eżami tan-neċessità oġġettiva tal-KMS. F’dan l-istadju, ser nillimita ruħi li nirrileva li, fl-ewwel istanza, ir-rikorrenti fl-appell prinċipali insistew fit-tul, minn naħa waħda, dwar il-fatt li mekkaniżmu li jirregola awtomatikament it-tranżazzjonijiet huwa rekwiżit essenzjali ta’ kull sistema kwadripartita kkaratterizzata mill-HACR u, min-naħa l-oħra, dwar in-nuqqas ta’ proċess ta’ suq bejn il-banek emittenti u l-banek akkwirenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, nistaqsi jekk tali mekkaniżmu awtomatiku huwiex neċessarjament ir-riżultat ta’ intervent estranju għall-forzi tas-suq, kemm jekk jikkonsisti f’deċiżjoni meħuda fi ħdan is-sistema ta’ ħlas (58) kif ukoll jekk jikkonsisti f’intervent tal-awtorità tal-kompetizzjoni (59).

60.      B’hekk, hawnhekk għandna każ ferm differenti minn dak li wassal għas-sentenza O2 (60), li ġiet invokata wkoll mir-rikorrenti fl-appell prinċipali fir-risposta tagħhom għall-appell inċidentali ta’ RBS. F’dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkundannat lill-Kummissjoni talli ma reġgħetx bniet l-istruttura kompetittiva li kienet teżisti fin-nuqqas tal-ftehim inkwistjoni, inkwantu hija, b’mod partikolari, ikkunsidrat li kienet ġiet akkwistata l-preżenza ta’ O2 fis-suq tat-telefonija ċellulari 3G, waqt li tali informazzjoni mhux talli ma kinitx ġiet stabbilita iżda kienet, barra minn hekk, kontradetta mill-analiżi li hija għamlet abbażi tal-Artikolu 81(3) KE. Fil-każ ineżami, min-naħa l-oħra, hija essenzjalment ikkritikat lill-Kummissjoni li eżaminat is-sitwazzjoni kompetittiva fis-suq tal-akkwist fin-nuqqas tal-KMS mingħajr ma qieset il-mekkaniżmu awtomatiku li MasterCard kienet probabbilment ser tiddeċiedi li tadotta sabiex tissostitwixxi l-KMS.

61.      Għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq, jidhirli li għandu jiġi miċħud l-ilment ta’ RBS ibbażat fuq żball ta’ liġi li jaffettwa l-analiżi kontrofattwali mwettqa mill-Qorti Ġenerali.

ii)    Fuq l-ilment ibbażat fuq analiżi insuffiċjenti tal-effetti tal-KMS fuq il-kompetizzjoni

62.      RBS sussegwentement tikkritika lill-Kummissjoni u lill-Qorti Ġenerali li ma bbażawx l-analiżi tagħhom tal-effetti tal-KMS fuq il-kompetizzjoni fuq provi speċifiċi u konkreti iżda llimitat ruħha għal kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali u sempliċi spekulazzjonijiet, billi segwiet approċċ li huwa xieraq meta għan restrittiv ikun preżunt u mhux meta, bħal fil-każ ineżami, ikun hemm restrizzjoni bħala effett.

63.      Dan l-ilment ma huwiex issostanzjat wisq, u huwa llimitat sostanzjalment għal evokazzjoni tan-natura ġenerika tal-affermazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, u jirriżulta minn qari selettiv tas-sentenza appellata. Għall-kuntrarju ta’ dak li tagħti x’tifhem RBS meta tirreferi għat-termini użati fit-tieni frażi tal-punt 143 tas-sentenza appellata (61), il-Qorti Ġenerali ma llimitatx ruħha li tiddeduċi l-effetti restrittivi tal-KMS mis-sempliċi konstatazzjoni li huma ffissaw limitu minimu fuq l-MSC. Għall-kuntrarju, fl-ewwel lok hija fakkret, fil-punt 140 tas-sentenza appellata, il-kontenut tal-Artikolu 81(1)(a) KE billi enfasizzat li l-għan tiegħu huwa “li jipprojbixxi lill-impriżi milli joħolqu distorsjoni tal-evoluzzjoni normali tal-prezzijiet fis-suq”. Fit-tieni lok, waqt li ċaħdet l-ilment li l-KMS aġixxew bħala spiża tad-dħul komuni, hija spjegat li “[il-KMS] jillimitaw il-pressjoni li n-negozjanti jistgħu jeżerċitaw fuq il-banek tal-akkwist matul in-negozjati tagħhom dwar l-MSC billi jitnaqqsu l-possibbiltajiet li l-prezzijiet jinżlu taħt ċertu livell” (punt 143, it-tielet sentenza). Fit-tielet lok, hija indirizzat u ċaħdet id-diversi lmenti u argumenti ppreżentati mir-rikorrenti fl-appell prinċipali kif ukoll mill-intervenjenti kontra l-analiżi tal-effetti restrittivi tal-KMS li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata. F’dan il-kuntest, hija eżaminat u kkonfermat l-evalwazzjoni li saret mill-Kummissjoni fir-rigward, b’mod partikolari, tal-punti jekk din tal-aħħar wrietx b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi li l-KMS kienu jiffissaw limitu minimu għall-MSC (punti 159 sa 165) u li l-limitu eżerċitat mill-kummerċjanti fuq il-KMS kien insuffiċjenti (punti 157 u 158), jekk hija ddefinixxietx b’mod korrett is-suq tal-prodotti (punti 169 sa 173) u kkunsidratx bħala suq awtonomu u rilevanti dak tal-akkwist (punti 175 sa 178) u jekk hija warrbitx ġustament l-analiżi tagħha tal-pressjoni kompetittiva eżerċitata minn metodi oħrajn ta’ ħlas fil-livell tal-KMS (punt 180) kif ukoll in-natura duplika tas-suq (punti 181 u 182). Finalment, il-Qorti Ġenerali eżaminat u kkonfermat kemm il-vijabbiltà kif ukoll il-valur probatorju tad-dokumenti li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni, jiġifieri, minn naħa waħda, id-dikjarazzjonijiet ta’ kumpannija taż-żejt, ta’ katina ta’ supermarkets ibbażata fir-Renju Unit, ta’ kumpannija tal-ajru u ta’ ħanut tal-għamara (punti 146 u 147) u, min-naħa l-oħra, l-istudju tas-suq tal-2004 (punti 148 sa 158).

64.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, fil-fehma tiegħi l-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi akkużata li għamlet, kif issostni wkoll RBS, analiżi insuffiċjenti fir-rigward ta’ restrizzjoni bħala effett. Fi kwalunkwe każ, waqt li huwa minnu li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma ħaditx pożizzjoni definittiva fir-rigward tal-iskop possibbilment antikompetittiv tal-KMS u li, għaldaqstant, hija kienet obbligata li tevalwa l-effetti tagħhom fis-suq, xorta jibqa’ l-fatt li, meta jkun hemm, bħal f’din il-kawża, akkordju li jolqot direttament il-mekkaniżmu tal-formazzjoni tal-prezzijiet, il-kapaċità tiegħu li joħloq distorsjoni fl-evoluzzjoni normali tal-prezzijiet fis-suq tista’ tirriżulta konkretament iktar faċli biex tiġi pprovata. F’dan ir-rigward, nirrileva li fis-sentenza dwar il-banek Awstrijaċi (62), il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma ġiet kontradetta mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell (63), affermat li biex jiġi stabbilit jekk akkordju dwar il-prezzijiet implementat mill-impriżi li jkunu pparteċipaw fih kellux impatt konkret fis-suq, “huwa biżżejjed li l-prezzijiet miftiehma jkunu servew bħala bażi għall-iffissar tal-prezzijiet ta’ tranżazzjoni individwali, li b’hekk jillimitaw il-marġni ta’ negozjar tal-klijenti (64)”. Huwa minnu li l-akkordju inkwistjoni fil-kawża li wasslet għal dik is-sentenza kien meqjus iktar restrittiv fl-iskop tiegħu u li l-Kummissjoni qieset l-effetti tiegħu fis-suq biss meta evalwat il-gravità tal-ksur għall-finijiet tal-iffissar tal-multa. Madankollu, ma jistax jitqies li grad inqas ta’ rigorożità fil-prova tal-effetti ta’ akkordju fuq is-suq huwa meħtieġ għall-finijiet tal-iffissar tal-livell tal-multa kif ukoll sabiex jiġi evalwat jekk jaqax taħt l-Artikolu 81(1) KE (65).

iii) Fuq l-ilment ibbażat fuq kontradizzjoni li tivvizzja l-motivi tas-sentenza appellata

65.      RBS tirrileva, finalment, kontradizzjoni dwar il-kapaċità tal-kummerċjanti li jinfluwenzaw il-politika ta’ MasterCard u tal-membri tagħha fir-rigward tal-prezz bejn dak li huwa affermat fil-punt 143 tas-sentenza appellata u l-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-punti 150, 157 u 158 ta’ dik l-istess sentenza.

66.      Dan l-ilment għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi miċħud ukoll. Fil-fatt, ir-“restrizzjoni” inkwistjoni fil-punti 150, 157 u 158 tas-sentenza appellata hija dik li l-kummerċjanti setgħu jeżerċitaw fil-livell tal-KMS billi jirrifjutaw jew jiskoraġġixxu l-użu tal-karti MasterCard, restrizzjoni li, fuq il-bażi tal-istudju tas-suq tal-2004, il-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali ddeċidew li hija insuffiċjenti, minħabba r-riperkussjonijiet negattivi li tali mġiba min-naħa tal-kummerċjanti seta’ kellha fuq il-klijentela tagħhom (66). Min-naħa l-oħra, fil-punt 143 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tirreferi għall-“pressjoni” li l-kummerċjanti jistgħu jeżerċitaw fuq il-banek akkwirenti meta jinnegozjaw l-MSC, liema pressjoni hija limitata mill-KMS — li jikkostitwixxu l-livell minimu li taħtu l-MSC fil-prinċipju ma jistgħux ikomplu jbaxxu — iżda li tiżdied f’suq tal-akkwist li jiffunzjona fl-assenza tagħhom. B’hekk, b’mod ċar, ma hemm ebda kontradizzjoni bejn il-punti tas-sentenza appellata msemmija minn RBS, inkwantu dawn jikkonċernaw sitwazzjonijiet differenti.

iv)    Konklużjonijiet dwar l-uniku aggravju tal-appell inċidentali ta’ RBS

67.      Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jidhirli li l-uniku aggravju tal-appell inċidentali ta’ RBS, u b’hekk, l-appell inċidentali fih innifsu, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

c)      Fuq l-ewwel aggravju tal-appell inċidentali ta’ LBG

68.      Fil-kuntest tal-ewwel aggravju tagħha, LBG tqajjem, essenzjalment, tliet kritiki kontra s-sentenza appellata.

69.      Fl-ewwel lok, hija tilmenta li l-Qorti Ġenerali ma pprovdietx motivazzjoni adegwata għar-raġuni għalfejn il-KMS joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-akkwist għalkemm jikkostitwixxu spiża tad-dħul komuni. F’dan ir-rigward, biżżejjed infakkru li l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ilment li l-KMS aġixxew bħala spiża tad-dħul komuni fil-punt 143 tas-sentenza appellata, fejn hija spjegat li, meta mqabbla ma’ suq tal-akkwist li jiffunzjona fin-nuqqas tagħhom, “[il-KMS] jillimitaw il-pressjoni li l-kummerċjanti jistgħu jeżerċitaw fuq il-banek akkwirenti meta jinnegozjaw l-MSC billi jnaqqsu l-possibbiltajiet li l-prezzijiet jonqsu taħt ċertu livell minimu”. Din l-ispjegazzjoni hija akkumpanjata b’riferiment għall-konstatazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni, u kkonfermata mill-Qorti Ġenerali, fir-rigward tal-vijabbiltà tas-sistema MasterCard li tiffunzjona mingħajr KMS. Fit-totalità tagħha, tali motivazzjoni, li hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ relazzjoni proporzjonata inversa bejn il-marġni tan-negozjar tal-kummerċjanti fuq l-MSC u l-livell tal-KMS, kif ukoll fuq l-affermazzjoni tan-natura artifiċjali u mhux oġġettivament neċessarja tal-KMS, hija fil-fehma tiegħi suffiċjenti biex tippermetti li jinftiehem ir-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali.

70.      Fit-tieni lok, LBG essenzjalment tikkritika lill-Qorti Ġenerali li kkonstatat l-eżistenza ta’ akkordju dwar il-prezzijiet fis-suq tal-ħruġ iżda li eżaminat l-effetti fuq is-suq downstream tal-akkwist. F’dan ir-rigward, hija llimitat ruħha għal riferiment għall-argumenti elaborati fil-punti 48 sa 52 tan-nota ta’ intervent tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, li għaliha din tal-aħħar ma tatx risposta.

71.      Skont il-Kummissjoni, dan l-ilment huwa inammissibbli għaliex, fil-kwalità tagħha bħala intervenjenti, LBG ma kinitx awtorizzata li tinvoka dawn l-argumenti, li fir-realtà ssollevaw motiv ġdid meta mqabbla ma’ dawk invokati insostenn tar-rikors, ibbażat fuq żball fid-definizzjoni tas-suq rilevanti. F’dan ir-rigward, nirrileva li, fil-punti msemmija hawn fuq tan-nota ta’ intervent fl-ewwel istanza ta’ LBG, din tal-aħħar essenzjalment fittxet li tikkritika lill-Kummissjoni, fl-ewwel lok, talli għażlet ipoteżi fl-analiżi kontrofattwali tagħha — jiġifieri sistema MasterCard li tiffunzjona mingħajr KMS iżda b’regola li tipprojbixxi l-impożizzjoni ta’ tariffi a posteriori — bl-istess impatt fuq il-kompetizzjoni bejn il-banek akkwirenti bħall-KMS (punti 49 u 50), fit-tieni lok, li bbażat fuq l-istudju tas-suq tal-2004, li l-valur probatorju tiegħu ġie kkontestat (punt 51) u, fit-tielet lok, li adottat approċċ “mhux tas-soltu”, billi eżaminat l-effetti restrittivi tal-KMS fuq is-suq tal-akkwist u mhux fuq dak tal-ħruġ, fejn l-akkordju ġie stabbilit (punti 52 sa 54). Il-Qorti Ġenerali rrispondiet għall-ewwel żewġ ilmenti, jew għal ilmenti ferm simili ssollevati fl-ewwel istanza mir-rikorrenti fl-appell prinċipali, rispettivament fil-punti 143 u 149 sa 156 tas-sentenza appellata. Fir-rigward tat-tielet ilment, dan huwa parzjalment simili għal dak li jallega li ma ġietx ikkunsidrata n-natura duplika tas-suq, li ġie ssollevat ukoll minn LBG fl-ewwel istanza, u li huwa inkwistjoni fit-tielet kritika mqajma minn din tal-aħħar fil-kuntest tal-aggravju li qiegħed jiġi analizzat, eżaminata fil-punti 73 sa 75 iktar ’il quddiem, u parzjalment huwa intiż li jpoġġi inkwistjoni l-għażla tas-suq rilevanti li saret mill-Kummissjoni. Dwar dan l-aħħar aspett, il-Qorti Ġenerali tat risposta fil-punti 168 sa 178 tas-sentenza appellata. Għaldaqstant, fil-prinċipju kien ammissibbli li LBG tallega żbalji ta’ liġi li jaffettwaw l-evalwazzjonijiet li jinsabu fil-punti msemmija hawn fuq tas-sentenza appellata.

72.      Inkwantu jallega nuqqas li tittieħed deċiżjoni, l-ilment li qiegħed jiġi analizzat għandu jiġi miċħud fuq il-mertu, peress li kif għadni kif għidt, il-Qorti Ġenerali fir-realtà rrispondiet għad-diversi argumenti mqajma minn LBG fil-punti msemmija hawn fuq fin-nota ta’ intervent tagħha. Għall-kumplament, fin-nuqqas ta’ kontestazzjonijiet indirizzati speċifikament kontra l-punti tas-sentenza appellata li fihom tinsab tali risposta, is-sempliċi affermazzjoni li l-Qorti Ġenerali ma “ttrattax b’mod xieraq” l-argumenti u l-provi mressqa quddiemha ma tistax tiġi interpretata mod ieħor għajr bħala talba indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja għal eżami mill-ġdid ta’ dawn l-argumenti u provi li, bħala tali, hija inammissibbli fl-istadju tal-appell.

73.      L-istess jgħodd għat-tielet kritika mressqa minn LBG kontra s-sentenza appellata, li tallega li l-Qorti Ġenerali la kkunsidrat l-importanza tar-restrizzjonijiet eżerċitati mis-“sistemi tal-ħlas l-oħrajn” fuq is-suq tal-ħruġ, u lanqas in-natura duplika tas-suq.

74.      Fil-fatt, LBG essenzjalment illimitat ruħha li tafferma li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat warrbet dawn il-kwistjonijiet mill-analiżi tagħha abbażi tal-Artikolu 81(1) KE u rrikonoxxiet ir-rilevanza tagħhom unikament għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, iżda mingħajr ma spjegat ir-raġunijiet għalfejn tali approċċ kien żbaljat, u sempliċement tenniet l-argumenti li diġà kienet qajmet fil-kuntest tal-ewwel u t-tieni kritika tagħha u rreferiet għall-kontenut tan-nota ta’ intervent tagħha fl-ewwel istanza. F’dan ir-rigward, nirrileva li fil-punti 180 u 181 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-kritiki relatati mal-fatt li ma ttieħditx inkunsiderazzjoni n-natura duplika tas-suq kienu “irrilevanti fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 81(1) KE”, inkwantu dawn kienu “jenfasizzaw il-vantaġġi ekonomiċi li jirriżultaw mill-KMS”. Fl-appell inċidentali tagħha, LBG ma ressqet ebda argument intiż biex ipoġġi inkwistjoni din l-interpretazzjoni tal-argumenti li hija kienet ippreżentat dwar dan is-suġġett fl-ewwel istanza, u lanqas ma spjegat liema vantaġġi kellhom jitqiesu mill-Qorti Ġenerali abbażi tal-Artikolu 81(1) KE u r-raġunijiet għal xiex kien neċessarju li dawn jitqiesu f’din il-kawża, fid-dawl b’mod partikolari tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali f’dan il-qasam. Nirrileva wkoll li, għall-kuntrarju ta’ dak li tidher li ssostni LBG, fil-punti 179 u 180 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indirizzat u ċaħdet l-argument dwar il-fatt li l-Kummissjoni ma kkunsidratx “mezzi oħrajn ta’ ħlas, jew, fil-kuntest ta’ suq uniku, jew, fi kwalunkwe ipoteżi, bħala li teżerċita pressjoni kompetittiva”. F’dan il-każ ukoll, LBG ma tqajjem ebda kontestazzjoni kontra l-evalwazzjoni li saret mill-Qorti Ġenerali. Fin-nuqqas ta’ argumentazzjoni iktar issostanzjata, il-Qorti tal-Ġustizzja titwassal sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-bażi tas-sempliċi allegazzjoni ta’ analiżi allegatament difettuża min-naħa tal-Qorti Ġenerali.

75.      Inkwantu l-kritika inkwistjoni targumenta li kien hemm nuqqas ta’ motivazzjoni dwar il-punti inkwistjoni, din għandha, fil-fehma tiegħi, tiġi miċħuda bħala infondata, peress li r-raġunijiet rilevanti tas-sentenza appellata jippermettu li jinftiehem ir-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali.

76.      Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, fil-fehma tiegħi għandu jiġi miċħud l-ewwel aggravju tal-appell inċidentali ta’ LBG fit-totalità tiegħu.

4.      Fuq in-natura oġġettivament neċessarja tal-KMS (l-ewwel aggravju tal-appell prinċipali)

a)      Is-sentenza appellata

77.      Il-Qorti Ġenerali indirizzat il-kwistjoni tan-neċessità oġġettiva tal-KMS fil-punti 77 sa 121 tas-sentenza appellata. Qabel ma pproċediet b’dan l-eżami hija ppreċiżat, fil-punt 75, li r-riferiment li r-rikorrenti fl-appell prinċipali kienu għamlu għall-allegata natura oġġettivament neċessarja tal-KMS kellha tinftiehem bħala li “tfisser li l-Kummissjoni kien imissha kkonkludiet li dawn kienu jikkostitwixxu restrizzjoni anċillari fil-konfront tas-sistema MasterCard u li, għaldaqstant, hija ma kellhiex dritt li teżamina l-effetti tagħhom fuq il-kompetizzjoni b’mod awtonomu, iżda kien imissha eżaminathom konġuntament ma’ dawk tas-sistema MasterCard li magħhom huma marbuta”.

78.      Wara li fakkret fil-qosor il-prinċipji stabbiliti fis-sentenza M6 et vs Il-Kummissjoni (67) dwar restrizzjonijiet anċillari, il-Qorti Ġenerali eżaminat u ċaħdet l-ilment imressaq mir-rikorrenti fl-appell prinċipali li jallega applikazzjoni ta’ kriterji ġuridiċi żbaljati (punti 84 sa 92 tas-sentenza appellata). Sussegwentement, hija analizzat separatament l-allegata neċessità oġġettiva tal-KMS bħala modalità ta’ regolazzjoni awtomatika tat-tranżazzjonijiet (punti 94 sa 99) u bħala mekkaniżmu ta’ trasferiment ta’ fondi favur il-banek emittenti (punti 100 sa 121). Fil-kuntest tal-ewwel eżami, hija kkonfermat l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, fejn hija ddikjarat li l-introduzzjoni fis-sistema MasterCard ta’ regola li timponi projbizzjoni tal-impożizzjoni ta’ tariffi a posteriori hija alternattiva inqas restrittiva għal KMS ta’ valur pożittiv. Fit-tmiem tal-analiżi tagħha, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Kummissjoni setgħet tistabbilixxi b’mod validu li l-KMS ma kinux oġġettivament neċessarji għall-funzjonament tas-sistema MasterCard.

b)      Fuq l-ewwel aggravju tal-appell prinċipali

79.      Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, ir-rikorrenti fl-appell prinċipali, sostnuti minn RBS, MBNA, HSBC u LBG, jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali b’diversi żbalji ta’ liġi kif ukoll b’nuqqas ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tan-neċessità oġġettiva tal-KMS. Dan l-aggravju huwa maqsum f’erba’ partijiet, ibbażati rispettivament fuq l-applikazzjoni ta’ kriterju ġuridiku żbaljat, nuqqas ta’ eżami tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fil-kuntest tagħha, sostituzzjoni tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni b’dik tal-Qorti Ġenerali u l-applikazzjoni ta’ livell ta’ stħarriġ insuffiċjenti.

i)      Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-appell prinċipali, ibbażata fuq l-applikazzjoni ta’ kriterju ġuridiku żbaljat

80.      Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħhom, ir-rikorrenti fl-appell prinċipali jilmentaw li l-Qorti Ġenerali ma applikatx il-kriterju ġuridiku applikabbli għall-eżami tan-natura oġġettivament neċessarja ta’ restrizzjoni anċillari, kif iddefinit, b’mod partikolari, fis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja DLG (68) u tal-Qorti Ġenerali M6 et vs Il-Kummissjoni (69). Waqt li, f’dawn il-kawżi preċedenti, il-qorti tal-Unjoni kienet ippreċiżat li restrizzjoni hija oġġettivament neċessarja meta, fin-nuqqas tagħha, ikun impossibbli li jinkiseb l-għan segwit mill-operazzjoni prinċipali jew tiddgħajjef il-kapaċità tal-partijiet biex jiksbu dan l-għan, jiġifieri meta dik l-operazzjoni “tirriżulta li hija diffiċli biex tiġi implementata, jew inkella ma tistax tiġi implementata (70)”, fil-punt 89 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali identifikat dan il-kriterju billi affermat li “huma biss ir-restrizzjonijiet li huma neċessarji sabiex l-operazzjoni prinċipali tkun tista’, fil-każijiet kollha, tiffunzjona, li jistgħu jitqiesu li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-teorija tar-restrizzjonijiet anċillari”. Skont ir-rikorrenti fl-appell prinċipali u l-intervenjenti, il-kriterju korrett li kellu jiġi applikat kellu jkun “realistiku mill-perspettiva kummerċjali” u mhux jeżiġi neċessità stretta fuq livell loġiku. Dan kellu jippermetti li titqies li hija oġġettivament neċessarja restrizzjoni li l-assenza tagħha “tfixkel konkretament il-funzjonament effettiv” tal-operazzjoni prinċipali jew il-kapaċità tagħha li tiffunzjona “b’mod effikaċi”.

81.      Għandu jitfakkar li, skont is-sentenza M6 et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li hija ċċitata b’mod estensiv fil-punti 77 sa 82 tas-sentenza appellata, “il-kunċett ta’ restrizzjoni anċillari jkopri kwalunkwe restrizzjoni li hija direttament relatata u meħtieġa għall-implementazzjoni ta’ operazzjoni prinċipali (71)”. Skont din is-sentenza, sabiex tiġi evalwata n-natura neċessarja ta’ tali restrizzjoni, “huwa meħtieġ li jiġi stabbilit, minn naħa, jekk ir-restrizzjoni hijiex oġġettivament neċessarja għall-implementazzjoni tal-operazzjoni prinċipali u, min-naħa l-oħra, jekk din hijiex proporzjonali għaliha (72)”. F’dak li jikkonċerna l-eżami tan-natura oġġettivament neċessarja ta’ restrizzjoni, l-istess sentenza tippreċiża li “ma hijiex kwistjoni li jiġi analizzat jekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni kompetittiva fis-suq rilevanti, ir-restrizzjoni hijiex indispensabbli għas-suċċess kummerċjali tal-operazzjoni prinċipali, imma li jiġi stabbilit jekk, fil-kuntest speċifiku tal-operazzjoni prinċipali, ir-restrizzjoni hijiex neċessarja sabiex tiġi implementata dik l-operazzjoni” u li “jekk, fl-assenza tar-restrizzjoni, l-operazzjoni prinċipali tkun diffiċli jew saħansitra impossibbli biex tiġi implementata, ir-restrizzjoni tista’ titqies bħala oġġettivament neċessarja għall-implementazzjoni tagħha (73)”.

82.      Għandu jiġi rrilevat ukoll li la r-rikorrenti fl-appell prinċipali u lanqas l-intervenjenti ma jikkontestaw, per se, il-kriterju ġuridiku applikabbli għall-eżami tan-neċessità oġġettiva ta’ restrizzjoni anċillari kif iddefinita mis-sentenza M6 et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, iżda sempliċement isostnu li l-Qorti Ġenerali applikat dak il-kriterju biss parzjalment, b’mod partikolari billi naqset milli tevalwa jekk l-eliminazzjoni tal-KMS kinitx ser trendi s-sistema MasterCard waħda “li hija diffiċli biex tiġi implementata”. Għaldaqstant, minn naħa waħda, għandha tiġi ddefinita l-portata eżatta ta’ dan il-kriterju u, min-naħa l-oħra, għandu jiġi vverifikat jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx l-iżball il bih hija ġiet ikkritikata.

83.      Fir-rigward tal-ewwel aspett, nirrileva li, skont id-dritt tal-Unjoni, it-teorija ta’ restrizzjonijiet anċillari toriġina minn serje ta’ preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, sa mis-sentenza Metro (74), fejn din tal-aħħar ikkunsidrat li ma jikkostitwixxux restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, il-limitazzjonijiet tal-awtonomija tal-partijiet għal ftehim li jkunu “neċessarji” biex jintlaħaq ċertu għan kummerċjali leġittimu. F’dawn il-kawżi preċedenti, il-kundizzjoni tan-neċessità tar-restrizzjoni ġiet interpretata u applikata b’mod relattivament strett peress li l-Qorti tal-Ġustizzja, bħala regola ġenerali, eżiġiet li l-limitazzjoni inkwistjoni kienet neċessarja sabiex tkun tista’ tiġi implementata l-operazzjoni kummerċjali prevista f’termini ta’ “possibbiltà”, ta’ “effettività” u ta’ “vijabbiltà (75)”.

84.      Ir-raġuni għal din ir-rigorożità hija prinċipalment dovuta għall-fatt li dawn ir-restrizzjonijiet jibbenefikaw, fil-prinċipju, awtomatikament mill-evalwazzjoni ta’ kompatibbiltà mal-Artikolu 81(1) KE li jgawdi l-ftehim. Tali trattament huwa l-konsegwenza tal-evalwazzjoni pożittiva rriżervata mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għall-funzjoni ġuridika ekonomika mwettqa mill-ftehim u tal-prijorità li dan l-ordinament ġuridiku jagħti lill-għan leġittimu li hija ssegwi, waqt li tittollera r-restrizzjonijiet (moderati) li jista’ jkun hemm tal-kompetizzjoni li jirriżultaw li huma neċessarji biex jinkiseb dak l-għan. B’mod koerenti ma’ dan ir-ratio, il-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni anċillari oġġettivament neċessarja tista’ tiġi rrikonoxxuta biss għar-restrizzjonijiet li mingħajrhom il-ftehim ma jistax jissodisfa bis-sħiħ il-funzjoni ġuridika ekonomika li tikkaratterizzah u/jew jekk l-eżekuzzjoni tiegħu ma tkunx tista’ tiġi implementata jew tkun serjament fil-perikolu. Huwa f’dawn it-termini li, fil-fehma tiegħi, għandhom jiġu interpretati kemm ir-riferiment li jinsab fis-sentenza DLG, iċċitata iktar ’il fuq, għall-“funzjonament tajjeb” tal-operazzjoni prinċipali kif ukoll dak li jinsab fis-sentenza M6 et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, għan-natura tagħha li tkun “diffiċli [...] biex tiġi implementata (76)”.

85.      Il-ħtieġa li jiġi evitat li l-eżami dwar in-natura oġġettivament neċessarja ta’ restrizzjoni anċillari ma jsirx doppjament flimkien ma’ dak abbażi tal-Artikolu 81(3) KE, issemmiet ukoll fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-neċessità oġġettiva ta’ restrizzjoni anċillari (77). B’hekk, ġie ppreċiżat li huwa fil-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u mhux f’dak tal-paragrafu 1 tal-istess artikolu li għandhom jitqiesu r-restrizzjonijiet li jippermettu li tiġi ffaċilitata l-implementazzjoni tal-operazzjoni prinċipali, li tittejjeb l-effikaċja tagħha jew li jiġi żgurat is-suċċess kummerċjali tagħha u, b’mod ġenerali, dawk li jsiru “indispensabbli” fid-dawl tas-sitwazzjoni kompetittiva tas-suq (78).

86.      B’hekk ser nipproċedi biex neżamina jekk, meta evalwat in-neċessità oġġettiva tal-KMS f’rabta mas-sistema MasterCard, il-Qorti Ġenerali injoratx il-kriterju ġuridiku ddefinit iktar ’il fuq.

87.      F’dan ir-rigward, nirrileva li l-Qorti Ġenerali fl-ewwel lok fakkret, fil-punti 77 sa 82 tas-sentenza appellata, il-prinċipji stabbiliti fis-sentenza M6 et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, inkluża l-preċiżjoni mogħtija fil-punt 109 ta’ dik is-sentenza fir-rigward tan-natura tal-operazzjoni prinċipali li tkun “diffiċli [...] biex tiġi implementata”. Sussegwentement, fil-punti 88 u 89, hija indikat li l-vantaġġi li l-KMS jikkostitwixxu għas-sistema MasterCard kif ukoll il-kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw in-natura indispensabbli tagħhom fid-dawl tas-sitwazzjoni kompetittiva fis-suq inkwistjoni ma humiex fatturi li għandhom jiġu kkunsidrati sabiex tiġi stabbilita n-natura oġġettivament neċessarja tagħhom abbażi tat-teorija ta’ restrizzjonijiet anċillari (79). F’dan l-istess kuntest, hija ppreċiżat, fil-punt 89 tas-sentenza appellata, li “huma biss ir-restrizzjonijiet li huma neċessarji sabiex l-operazzjoni prinċipali tkun tista’, fil-każijiet kollha, tiffunzjona, li jistgħu jitqiesu li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni [ta’ dik it-teorija]” u, fil-punt 90, hija kkonkludiet li “il-fatt li l-assenza ta’ [KMS] jista’ jkollu konsegwenzi negattivi fuq il-funzjonament tas-sistema MasterCard fih innifsu ma jimplikax li [l-KMS] għandhom jitqiesu bħala oġġettivament neċessarji, jekk mill-eżami tas-sistema MasterCard fil-kuntest ekonomiku u legali tagħha jirriżulta li hija kapaċi tibqa’ tiffunzjona mingħajrhom”. Għall-kuntrarju ta’ dak li jaffermaw ir-rikorrenti fl-appell prinċipali, ma jidhirlix li wieħed jista’ jinterpreta dawn is-siltiet, b’mod iżolat mill-kuntest tagħhom, bħala tentattiv min-naħa tal-Qorti Ġenerali li tissikka ulterjorment il-kriterji tal-evalwazzjoni, li diġà huma stretti, adottati mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 83 iktar ’il fuq.

88.      Tali interpretazzjoni ma tidhirx li hija kkonfermata, la fid-dawl tal-qari tar-raġunijiet kollha tas-sentenza appellata ddedikati għall-espożizzjoni ta’ dawn il-kriterji, u lanqas fid-dawl tal-evalwazzjoni li saret f’din il-kawża mill-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, din tal-aħħar ikkonkludiet, fit-tmiem tal-analiżi tagħha li d-diffikultajiet maħluqa mill-eliminazzjoni tal-KMS għall-funzjonament tas-sistema MasterCard, li ġew enfasizzati mir-rikorrenti fl-appell prinċipali u mill-intervenjenti, ma kinux tali li jostakolaw b’mod konkret il-funzjonament ta’ din is-sistema, evalwata fil-kuntest ġuridiku u ekonomiku tagħha. F’dan ir-rigward, barra minn hekk nirrileva li fir-rikors tagħhom fl-ewwel istanza, ir-rikorrenti fl-appell prinċipali kienu insistew li l-eliminazzjoni tal-KMS kienet poġġiet f’dubju s-sopravivenza stess tas-sistema MasterCard — peress li din tal-aħħar ma tistax tiffunzjona biss fuq il-bażi ta’ ftehim bilaterali bejn banek emittenti u banek akkwirenti li jikkonċernaw il-kummissjonijiet ta’ skambju u fin-nuqqas ta’ regola ta’ applikazzjoni awtomatika — u mhux biss għamlet iktar diffiċli l-implementazzjoni tagħha.

89.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jidhirli li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-appell prinċipali għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

ii)    Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju tal-appell prinċipali, ibbażata fuq nuqqas ta’ eżami tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fil-kuntest tagħha

90.      Fil-kuntest tar-raba’ parti tal-ewwel aggravju tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali essenzjalment iqajmu ħames ilmenti.

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq l-adozzjoni ta’ alternattiva inqas restrittiva li ma hijiex ir-riżultat tal-forzi tas-suq

91.      Huma jikkontestaw, fl-ewwel lok, l-affermazzjoni li tinsab fil-punt 99 tas-sentenza appellata, li tgħid li l-Kummissjoni “ma kinitx marbuta turi li l-forzi tas-suq iwasslu lill-banek li joħorġu l-karti u lill-banek akkwirenti sabiex huma stess jiddeċiedu dwar l-adozzjoni ta’ regola inqas restrittiva fuq il-kompetizzjoni [mill-KMS]”. Huma tal-fehma li l-ipoteżi kontrafattwali xierqa sabiex tiġi evalwata n-natura oġġettivament neċessarja ta’ restrizzjoni għandha tkun neċessarjament ir-riżultat tal-forzi tas-suq u mhux ta’ intervent tal-awtorità regolatorja, għaliex inkella tkun qed tmur kontra l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 53 iktar ’il fuq, li timponi li għandu jitqies il-“qafas reali” li jinħoloq fin-nuqqas tal-akkordju, tad-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew tal-prattika miftiehma.

92.      Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà ta’ dan l-ilment. L-argument tagħha jikkontesta li r-rikorrenti fl-appell prinċipali ma jistgħux jinvokaw argument, insostenn tal-motiv tagħhom dwar in-natura oġġettivament neċessarja tal-KMS, dwar in-natura inadegwata ta’ ipoteżi kontrafattwali bbażata fuq projbizzjoni tal-impożizzjoni ta’ tariffi ex post, li huma ssollevaw fl-ewwel istanza bil-għan li jistabbilixxu motiv differenti, jiġifieri dak dwar in-nuqqas ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Din il-kontestazzjoni għandha, fil-fehma tiegħi, tiġi miċħuda. Fil-fatt, inkwantu l-Qorti Ġenerali rrispondiet għal dak l-argument fil-parti tar-raġunijiet tas-sentenza appellata ddedikata għall-evalwazzjoni tan-neċessità oġġettiva tal-KMS u r-rikorrenti fl-appell prinċipali jikkontestaw il-fondatezza legali ta’ din ir-risposta f’dan l-istess kuntest, l-ilment li qiegħed jiġi analizzat huwa ammissibbli fil-fehma tiegħi.

93.      Rigward il-mertu, nirrileva li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali li l-kundizzjoni dwar in-natura neċessarja ta’ restrizzjoni timplika li għandu jiġi stabbilit, minn naħa waħda, “jekk l-imsemmija restrizzjoni tkunx oġġettivament meħtieġa sabiex timplementa operazzjoni prinċipali u, min-naħa l-oħra, jekk tkunx proporzjonata magħha”, jiġifieri jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha rationae materiae u ġeografiku jkunx jeċċedi (jew ikunx strettament limitat) għal dak li huwa neċessarju għall-implementazzjoni ta’ din l-operazzjoni (80).

94.      Tali eżami tal-proporzjonalità jimplika li, meta tkun teżisti alternattiva inqas restrittiva li tippermetti li jinkisbu l-għanijiet leġittimi segwiti mir-restrizzjoni inkwistjoni, din ma tistax titqies li hija neċessarja għall-implementazzjoni tal-operazzjoni prinċipali u b’hekk taqa’ taħt l-Artikolu 81(1) KE. Il-possibbiltà ta’ tali alternattiva għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-fatturi rilevanti kollha u, kif tafferma wkoll il-Qorti Ġenerali fil-punt 99 tas-sentenza appellata, għandha tirriżulta li hija realistika, b’mod partikolari minn perspettiva ekonomika.

95.      Min-naħa l-oħra, fil-fehma tiegħi, il-Kummissjoni ma tistax tintalab, sabiex tkun tista’ tuża xenarju alternattiv inqas restrittiv fil-kuntest tal-eżami tan-natura proporzjonata ta’ restrizzjoni anċillari, li din turi li, fin-nuqqas tal-imsemmija restrizzjoni, il-forzi tas-suq jimbuttaw lejn tali xenarju.

96.      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti fl-appell prinċipali ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuq il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 53 iktar ’il fuq li ma tikkonċernax speċifikament l-eżami tan-neċessità oġġettiva ta’ restrizzjoni anċillari. Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, b’mod konformi ma’ din il-ġurisprudenza, li, sabiex jiġi evalwat jekk restrizzjoni hijiex neċessarja b’mod oġġettiv għall-implementazzjoni tal-operazzjoni prinċipali li magħha tkun marbuta, għandu jiġi eżaminat kif ser tiżvolġi l-kompetizzjoni fin-nuqqas tagħha (81), sabiex jiġi ddeterminat jekk, f’każ bħal dan, huwiex diffiċli jew impossibbli li tiġi implementata l-imsemmija operazzjoni (82). Madankollu, dan ir-rekwiżit ma jistax jiġi interpretat fis-sens li, meta l-Kummissjoni jidhrilha li tkun teżisti alternattiva inqas restrittiva, hija għandha turi li din tirriżulta mill-mod kif kienet tiżvolġi l-kompetizzjoni fin-nuqqas tal-limitazzjoni imposta mill-partijiet għall-operazzjoni prinċipali u, saħansitra inqas, li dawn tal-aħħar probabbilment jiddeċiedu li jadottawha (83).

97.      Min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-ġurisprudenza li dak li jgħodd, f’kuntest bħal dan, huwa minn naħa waħda li tali alternattiva tkun vijabbli, b’mod partikolari minn perspettiva ekonomika (84), u, min-naħa l-oħra, li din tkun tista’ tissodisfa l-għanijiet leġittimi li għalihom tkun ġiet prevista r-restrizzjoni inkwistjoni, mingħajr ma tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għal dan il-għan, waqt li tippermetti l-implementazzjoni tal-operazzjoni prinċipali (85).

98.      Finalment, nosserva fuq dan il-punt li l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità ta’ restrizzjoni anċillari, inkwantu l-iskop tagħha huwa li tivverifika l-eżistenza ta’ alternattivi inqas restrittivi li jistgħu jissostitwixxu l-istipulazzjonijiet miftiehma bejn il-partijiet fl-operazzjoni prinċipali kif ukoll il-bilanċ tal-obbligi reċiproċi mfittxija minnhom, neċessarjament għandha aspett tat-tip “regolatorju”, biex nuża t-terminu użat mir-rikorrenti fl-appell prinċipali.

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq in-natura mhux kredibbli tal-introduzzjoni fis-sistema MasterCard ta’ regola li tipprojbixxi l-impożizzjoni ta’ tariffi ex post

99.      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti fl-appell prinċipali jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li “ppermettiet” lill-Kummissjoni li tibbaża ruħha fuq fatti u fuq xenarju alternattiv “mhux kredibbli”.

100. Tali lment għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi miċħud bħala inammissibbli, inkwantu fir-realtà huwa maħsub sabiex tinkiseb evalwazzjoni ġdida tal-fatti min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, l-argument li fuqu huwa bbażat għandu jiġi miċħud ukoll bħala invalidu. Fil-fatt, meta jaffermaw li “huwa virtwalment inkonċepibbli” li, ladarba jiġu eliminati l-KMS, il-forzi tas-suq jimbuttaw lil MasterCard biex teskludi mezzi oħrajn ta’ ħlas lill-banek emittenti għall-vantaġġi li huma jagħtu lill-banek akkwirenti u lill-kummerċjanti billi tiġi pprojbita l-impożizzjoni ta’ tariffi a posteriori u li huwa pjuttost loġiku l-invers, ir-rikorrenti fl-appell prinċipali jinjoraw il-fatt li, fit-tmiem tal-eżami li sar fil-punti 100 sa 119 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjoni li ebda mekkaniżmu ta’ trasferiment ta’ fondi tal-banek akkwirenti lill-banek emittenti ma kien neċessarju. B’hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti fl-appell prinċipali, il-Qorti Ġenerali ma aċċettatx b’mod impliċitu li l-KMS ta’ valur pożittiv kienu neċessarji għall-funzjonament ta’ MasterCard, iżda hija affermat espliċitament il-kuntrarju. Rigward l-introduzzjoni fis-sistema MasterCard ta’ regola li tipprojbixxi l-impożizzjoni ta’ tariffi ex post, l-argumentazzjoni tar-rikorrenti fl-appell prinċipali jinjora l-fatt li tali possibbiltà ssemmiet, fil-punti 95 u 96 tas-sentenza appellata, bħala alternattiva inqas restrittiva għall-KMS sabiex jiġi evitat li l-banek emittenti jkunu f’pożizzjoni, billi jiffissaw b’mod unilaterali l-ammont tal-kummissjoni ta’ skambju, li jisfruttaw lill-banek akkwirenti marbuta bl-HACR.

101. Finalment, nirrileva, b’mod inċidentali, li, inkwantu jikkunsidraw il-KMS bħala mekkaniżmu ta’ ħlas għas-servizzi li l-banek emittenti joffru lill-banek akkwirenti u lill-kummerċjanti, ir-rikorrenti fl-appell prinċipali jidhru li qegħdin imorru lura għall-pożizzjoni li huma sostnew matul il-proċedura amministrattiva kif ukoll quddiem il-Qorti Ġenerali, jiġifieri li l-KMS huma pjuttost mekkaniżmu li jservi biex jinkiseb bilanċ bejn id-domandi tad-detenturi tal-karti u tal-kummerċjanti u biex l-ispiża tas-servizz tinqasam bejn l-emittenti u l-akkwirenti tas-sistema (86).

–       Fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-argument li l-projbizzjoni tal-impożizzjoni ta’ tariffi ex post ikollha l-istess effetti fuq il-kompetizzjoni bħall-KMS u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward

102. Fit-tielet lok, ir-rikorrenti fl-appell prinċipali jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li ma qisitx l-argumenti li huma ssollevaw fl-ewwel istanza fir-rigward tal-identiċità sostanzjali, mill-perspettiva tal-effetti fuq il-kompetizzjoni, bejn, minn naħa waħda, il-KMS u, min-naħa l-oħra, projbizzjoni tal-impożizzjoni ta’ tariffi ex post. Fil-fatt, fiż-żewġ każijiet, din hija regola ta’ applikazzjoni awtomatika, li ġiet adottata fuq livell ċentrali minn MasterCard u li “tiffissa l-prezz applikat bejn l-emittenti u x-xerrejja”.

103. F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi rrilevat, kif diġà għamilt fil-punt 69 iktar ’il fuq, meta eżaminajt ilment simili ssollevat minn LBG fil-appell inċidentali tagħha, li l-Qorti Ġenerali rrispondiet għal dawn l-argumenti fil-punt 143 tas-sentenza appellata, fejn hija ppreċiżat li d-differenza bejn iż-żewġ sitwazzjonijiet tinsab fil-fatt li, “b’paragun ma’ suq tal-akkwist li jiffunzjona mingħajrhom, [il-KMS] jillimitaw il-pressjoni li n-negozjanti jistgħu jeżerċitaw fuq il-banek tal-akkwist matul in-negozjati tagħhom dwar l-MSCs billi jitnaqqsu l-possibbiltajiet li l-prezzijiet jinżlu taħt ċertu livell”. Ċertament, jirriżulta minn din l-ispjegazzjoni li l-Qorti Ġenerali ffokat l-attenzjoni tagħha fuq l-aspetti marbuta mal-livell tal-prezzijiet, waqt li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fl-appell prinċipali kienu pjuttost jirrigwardaw dawk marbuta mal-istruttura tagħhom. Madankollu, dik id-differenza fl-approċċ ma tistax fiha nfisha twassal biex jiġi aċċettat l-ilment li qiegħed jiġi analizzat, li jallega li ma ttieħditx deċiżjoni (87). L-evalwazzjoni li tinsab f’dan il-punt hija, barra minn hekk, suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja, ħlief f’każ ta’ żnaturament tal-fatti jew tal-provi, li ma ġiex allegat fil-każ ineżami.

104. Għandu jiġi miċħud ukoll l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward ta’ din l-istess kwistjoni, peress li mill-punt 143 tas-sentenza appellata jirriżulta b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali.

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti restrittivi ta’ regola li tipprojbixxi l-impożizzjoni ta’ tariffi ex post fuq il-“komponent ħruġ” tas-sistema MasterCard

105. Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti fl-appell prinċipali jargumentaw li “l-KMS iffissati għal żero proposti mill-Kummissjoni joħolqu wkoll restrizzjoni min-naħa l-oħra tas-suq dupliku billi jimpedixxu lill-emittenti milli jitolbu ħlas mingħand l-akkwirenti għas-servizzi li jipprovdulhom”. Huma jenfasizzaw, f’dan ir-rigward, li “l-Kummissjoni rrifjutat li tikkonċentra fuq dan l-effett inevitabbli u għall-kuntrarju ffokat biss fuq naħa waħda tas-suq dupliku, jiġifieri l-effett fuq il-kummerċjanti”.

106. Għandu jiġi kkonstatat li din il-kritika tindirizza biss l-evalwazzjoni li saret mill-Kummissjoni u la tidentifika l-punti tar-raġunijiet tas-sentenza appellata kkonċernati, u lanqas l-iżbalji li bihom huma vvizzjati. Fi kwalunkwe każ, inkwantu huwa meħtieġ li din tinftiehem fis-sens li tikkritika lill-Qorti Ġenerali għall-fatt li ma evalwatx b’mod korrett l-effetti fuq il-kompetizzjoni ta’ tnaqqis tal-KMS għal żero meta mqabbla mal-KMS eżistenti, fin-nuqqas li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-restrizzjonijiet li tali tnaqqis jikkawża għall-parti l-oħra tas-suq dualistiku, nirrileva, minn naħa waħda, li l-Qorti Ġenerali rrispondiet għal argumenti li jpoġġu inkwistjoni l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni minħabba li llimitat l-analiżi ekonomika tagħha għas-suq tal-akkwist fil-punti 172 sa 182 tas-sentenza appellata, li fihom hija essenzjalment ivvalidat id-definizzjoni tas-swieq tal-ħruġ u tal-akkwist bħala swieq awtonomi. Min-naħa l-oħra, nosserva li r-rikorrenti fl-appell prinċipali ma jispjegawx għalfejn limitazzjoni fir-relazzjonijiet bejn banek emittenti u banek akkwirenti jkollhom effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni fis-suq tal-ħruġ (88). F’dan ir-rigward, infakkar, finalment, li l-ispjegazzjoni li l-KMS jikkostitwixxu mekkaniżmu ta’ remunerazzjoni għas-servizzi li l-banek emittenti joffru lill-banek akkwirenti u lill-kummerċjanti kienet ġiet abbandunata mir-rikorrenti fl-appell prinċipali matul il-proċedura amministrattiva.

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq żnaturament tad-deċiżjoni kkontestata kif interpretata mill-Kummissjoni fl-ewwel istanza

107. Fil-ħames u fl-aħħar lok, ir-rikorrenti fl-appell prinċipali isostnu li l-Qorti Ġenerali kkaratterizzat b’mod żbaljat l-ipoteżi kontrofattwali kif prevista mill-Kummissjoni, peress li din tal-aħħar ikkjarifikat, fil-kontroreplika tagħha, li din l-ipoteżi kienet tikkonsisti fit-tneħħija totali tal-KMS u r-rakkomandazzjoni ta’ negozjati bilaterali bejn il-banek, waqt li l-projbizzjoni tal-impożizzjoni ta’ tariffi a posteriori ġiet miżjuda biss fuq bażi sussidjarja.

108. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 95 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rriproduċiet il-kontenut sħiħ tal-premessa 554 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn il-Kummissjoni pprevediet, bħala alternattiva possibbli inqas restrittiva għall-KMS, regola li timponi projbizzjoni tal-impożizzjoni ta’ tariffi ex post. Wara li kkunsidrat, fil-punt 96 tas-sentenza appellata, li r-raġunament segwit f’dik il-premessa kien ħieles minn żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, il-Qorti Ġenerali bbażat il-kumplament tal-analiżi tagħha fuq l-ipoteżi li hija fformulat. Anki jekk nassumu, kif isostnu wkoll ir-rikorrenti fl-appell prinċipali, li l-Kummissjoni effettivament immodifikat, b’mod sostanzjali, il-pożizzjoni tagħha matul il-kawża, l-approċċ tal-Qorti Ġenerali, li jikkonsisti f’żamma mal-kontenut tal-att ikkontestat, li barra minn hekk huwa ċar li jikkonsisti fil-premessa inkwistjoni, ma jistax jiġi kkritikat per se.

–       Konklużjonijiet fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju tal-appell prinċipali

109. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jidhirli li t-tieni parti tal-ewwel aggravju tal-appell prinċipali għandha tiġi miċħuda.

iii) Fuq it-tielet parti tal-ewwel aggravju tal-appell prinċipali, ibbażata fuq sostituzzjoni tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni b’dik tal-Qorti Ġenerali

110. Fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel aggravju tagħhom, ir-rikorrenti fl-appell prinċipali jargumentaw li, fl-analiżi tagħha tan-natura oġġettivament neċessarja tal-KMS, il-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni bl-evalwazzjoni tagħha stess billi qieset biss numru limitat ta’ raġunijiet li fuqhom din tal-aħħar ibbażat ruħha fid-deċiżjoni kkontestata.

111. F’dan ir-rigward, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, invokata mir-rikorrenti fl-appell prinċipali, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tissostitwixxi bil-motivazzjoni tagħha stess dik tal-awtur tal-att ikkontestat (89), u lanqas ma tista’ matul l-istħarriġ tal-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi mwettqa mill-Kummissjoni, tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika ta’ dik l-istituzzjoni b’tagħha stess (90).

112. Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti fl-appell prinċipali jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli “fir-rigward tal-possibbiltà li tiġi applikata regola li tipprojbixxi l-impożizzjoni ta’ tariffi a posteriori, hija aċċettat dik il-konklużjoni mingħajr ebda analiżi tar-raġuni għalfejn dan kien il-każ”. Dan l-ilment fir-realtà jikkritika lill-Qorti Ġenerali li pproċediet b’analiżi difettuża iktar milli ssostitwixxiet bl-evalwazzjoni tagħha stess dik tal-Kummissjoni u, għaldaqstant, huwa simili għall-argumenti invokati insostenn tar-raba’ lment tal-aggravju li qiegħed jiġi analizzat, ibbażat fuq stħarriġ ġudizzjarju insuffiċjenti. Fi kwalunkwe każ, nosserva li r-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali fil-punti 95 sa 99 tas-sentenza appellata huwa bbażat fuq dak tal-Kummissjoni. Konsegwentement, fuq dan il-punt, din ma tistax tkun kwistjoni ta’ sostituzzjoni tal-evalwazzjoni u/jew tar-raġunijiet li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata.

113. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti fl-appell prinċipali jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli “tat ħafna iktar piż” mill-Kummissjoni lill-“kuntest iktar ġenerali tar-riżorsi u l-vantaġġi ekonomiċi li l-banek jiksbu mill-attività tagħhom ta’ ħruġ ta’ karti” kif ukoll min-nuqqas ta’ effett fuq is-sistema MasterCard fl-Awstralja tat-tnaqqis tal-kummissjonijiet ta’ skambju impost mill-bank ċentrali tal-Awstralja (iktar ’il quddiem l-“eżempju Awstraljan (91)”).

114. F’dan ir-rigward, jidhirli li ma jistax jiġi ġġustifikat li qorti tal-Unjoni, li tkun adita b’rikors għal annullament, tagħti fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità li hija teżerċita fuq l-att ikkontestat, iktar importanza lil ċerti elementi tal-motivazzjoni ta’ dan l-att meta mqabbla ma’ oħrajn, bil-kundizzjoni li tali approċċ ma jbiddilx il-loġika interna tal-att inkwistjoni sa tali punt li l-motivi jew l-evalwazzjoni misjuba fihom jirriżultaw, fil-fatt, li jkunu ġew issostitwiti. Fil-fehma tiegħi, dan huwa l-każ f’din il-kawża. Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li l-Qorti Ġenerali tiffoka l-attenzjoni tagħha fuq l-analiżi tad-dħul miksub mill-banek mill-attività tagħhom ta’ ħruġ u tagħti importanza partikolari lill-eżempju Awstraljan, la l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni u lanqas ir-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata, li huma bbażati wkoll fuq tali elementi (92), ma jidhru li ġew injorati jew issostitwiti.

iv)    Fuq ir-raba’ parti tal-ewwel aggravju tal-appell prinċipali, ibbażata fuq l-applikazzjoni ta’ livell ta’ stħarriġ insuffiċjenti

115. Fil-kuntest tar-raba’ parti tal-ewwel aggravju tagħhom, ir-rikorrenti fl-appell prinċipali, sostnuti minn MBNA, HSBC, RBS u LBG, jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li għamlet stħarriġ ġudizzjarju ferm limitat fir-rigward tan-natura oġġettivament neċessarja tal-KMS. Minn naħa waħda, minħabba d-dħul fis-seħħ tal-Karta u l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, il-Qorti Ġenerali kienet obbligata li twettaq stħarriġ sħiħ ta’ dawn l-evalwazzjonijiet, mhux limitat għall-iżball manifest. Min-naħa l-oħra, hija ma rrispettatx il-livell ta’ stħarriġ ġudizzjarju meħtieġ mill-Qorti tal-Ġustizzja, inkwantu, fl-ewwel lok, hija applikat il-kriterju tal-iżball manifest għal konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni li ma kinux jimplikaw evalwazzjonijiet ekonomiċi realment “kumplessi” u, fit-tieni lok, issostitwixxiet dan il-kriterju bi kriterju ieħor, inqas rigoruż, limitat għall-verifika tar-“raġonevolezza” tagħhom.

116. Qabel ma nipproċedi għall-eżami ta’ dawn l-ilmenti, nosserva li, fil-kuntest tal-parti li qiegħda tiġi analizzata, ir-rikorrenti fl-appell prinċipali jtennu wkoll għadd ta’ argumenti li jaqblu ma’ dawk issollevati fit-tielet parti eżaminata iktar ’il fuq. Dawn jikkonsistu, b’mod partikolari, fl-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha unikament fuq parti tar-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata, tat lil uħud minn dawn ir-raġunijiet importanza ikbar minn dik mogħtija lilhom mill-Kummissjoni u ssostitwixxiet l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni b’dik tagħha. Peress li dawk l-argumenti diġà ġew diskussi matul l-eżami ta’ dik il-parti, fuq dan is-suġġett ser nirreferi biss għall-kunsiderazzjonijiet elaborati fil-punti 110 sa 114 iktar ’il fuq, iżda mingħajr ma nirrileva ċerta kontradizzjoni dwar il-mertu bejn l-imsemmija allegazzjonijiet u l-affermazzjoni li l-Qorti Ġenerali tat importanza eċċessiva għad-diskrezzjoni tal-Kummissjoni fil-qasam ekonomiku.

117. Dan premess, nirrileva li l-ilmenti li qegħdin jiġu eżaminati jissollevaw għal darba oħra quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-kwistjoni delikata tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju li għandu jiġi eżerċitat fuq id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jippenalizzaw lill-impriżi għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (93).

118. Dan l-istħarriġ huwa fl-ewwel lok inkwadrat mit-tip ta’ eżami li l-qorti tal-Unjoni hija msejħa teżerċita fil-kuntest tal-funzjoni ġudizzjarja mogħtija lilha mit-Trattat. Ħlief fi kwistjoni ta’ multi, li dwarhom hija għandha kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa abbażi tal-Artikolu 261 TFUE u l-Artikolu 31 tar-Regolament 1/2003 (94), din il-qorti twettaq, b’mod konformi mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, stħarriġ tal-legalità, li jippermettilha biss li tiċħad ir-rikors għal annullament jew li tannulla d-deċiżjoni kkontestata u mhux il tirriformaha jew li tirrevedi jekk hijiex opportuna. It-tieni limitu, li huwa enfasizzat mill-ġurisprudenza, huwa ta’ natura istituzzjonali u jirriżulta mit-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-qrati tal-Unjoni, inkwantu t-Trattat assenja lil din tal-ewwel missjoni ta’ sorveljanza fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, li tinkludi, minbarra l-kompitu li trażżan il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, dak li tiżviluppa u ssegwi politika ġenerali “intiża li tapplika (…) il-prinċipji ffissati mit-Trattat u li torjenta f’dan is-sens l-imġiba tal-impriżi (95)”. F’dan il-kuntest, il-ġurisprudenza rrikonoxxiet li ma huwiex fil-kompetenza tal-qorti tal-Unjoni, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kompetizzjoni, li tissostitwixxi l-perspettiva ta’ dik l-istituzzjoni bil-perspettiva tagħha stess, jew li tirriforma d-deċiżjoni kkontestata, għaliex inkella jiġi ddisturbat l-ekwilibriju interistituzzjonali previst mit-Trattat (96). It-tielet limitu jikkonċerna, finalment, in-natura tal-evalwazzjonijiet li l-Kummissjoni għandha twettaq fid-deċiżjonijiet tagħha abbażi tal-Artikolu 81 KE. Hija għandha ċerta diskrezzjoni meta twettaq evalwazzjonijiet ekonomiċi jew tekniċi kumplessi fuq il-bażi tal-kunsiderazzjoni li dawn l-evalwazzjonijiet jistgħu jeħtieġu kompetenza teknika u ħila esperta fl-ekonomija ta’ livell għoli waqt li timplika għażliet ta’ politika ekonomika li għandhom isiru mill-Kummissjoni. Konsegwentement, jirriżulta li l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni dwar dawn l-evalwazzjonijiet huwa ristrett. B’hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, dan l-istħarriġ huwa limitat “għal verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, kif ukoll tal-eżattezza materjali tal-fatti, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti u ta’ abbuż ta’ poter (97)”.

119. Wara xi snin, il-portata tal-ġurisprudenza dwar l-istħarriġ marġinali hija pjuttost limitata (98), ukoll bħala konsegwenza tal-ippenalizzar progressiv tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. B’hekk, fis-sentenzi KME u Chalkor vs Il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, “għalkemm, fil-każijiet li jwasslu għal evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fil-qasam ekonomiku, dan ma jimplikax li l-qorti tal-Unjoni għandha tastjeni milli tistħarreġ l-interpretazzjoni mill-Kummissjoni, ta’ informazzjoni ta’ natura ekonomika. Fil-fatt, il-qorti Komunitarja mhux biss għandha tivverifika l-eżattezza materjali, l-affidabbiltà u l-konsistenza tal-provi invokati, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l-informazzjoni kollha rilevanti li għandha tiġi kkunsidrata sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex ta’ natura tali li jsostnu l-konklużjonijiet milħuqa (99)”. Il-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk, iddikjarat ukoll li “hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tagħmel l-istħarriġ tal-legalità abbażi tal-provi mressqa mir-rikorrent insostenn tal-motivi invokati” u li, matul dan l-istħarriġ, ma tistax tistrieħ fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni “sabiex tirrinunzja li teżerċita stħarriġ fil-fond kemm ta’ liġi kif ukoll ta’ fatt (100)”. Il-portata eżatta ta’ dik il-preċiżjoni, li fiha nfisha għandha l-potenzjal li tinnewtralizza fil-fatt il-prinċipju nnifsu tar-rikonoxximent ta’ marġni ta’ evalwazzjoni ekonomika lill-Kummissjoni, għadha ma hijiex ċara (101). Min-naħa l-oħra, din turi b’mod totalment evidenti l-intenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tnaqqas kemm jista’ jkun l-effett ta’ tali marġni ta’ evalwazzjoni fuq il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jimponu multa għal ksur tal-Artikolu 81 KE (102).

120. Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill-qrati tal-Unjoni, kif deskritt iktar ’il fuq, hijiex kompatibbli mar-rispett tad-drittijiet għal rimedju ġudizzjarju effettiv u għal proċess ekwu, għandu jiġi rrilevat li, fis-sentenzi KME u Chalkor vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li “ma jidhirx li l-istħarriġ ta’ legalità previst fl-Artikolu 263 TFUE, ikkompletat bil-ġurisdizzjoni sħiħa fir-rigward tal-ammont tal-multa, previst fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, huwa kuntrarju għall-eżiġenzi tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġuridika effettiva li jinsab fl-Artikolu 47 tal-Karta (103)”. Barra minn hekk, fis-sentenza reċenti tagħha Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat din is-sentenza ta’ konformità wkoll fid-dawl tal-Artikolu 6 KEDB, li fuq il-bażi tagħha għandhom jiġu ddefiniti s-sens u l-portata tal-Artikolu 47 tal-Karta, skont l-Artikolu 52(3) tagħha (104).

121. L-Artikolu 6(1) KEDB, li japplika hawnhekk mill-aspett penali tiegħu (105), ma jeskludix li penali ta’ natura repressiva tiġi imposta minn awtorità amministrattiva, iżda bil-kundizzjoni li d-deċiżjoni ta’ dik l-awtorità tkun tista’ tiġi sottomessa għall-istħarriġ ulterjuri ta’ korp ġudizzjarju ta’ “ġurisdizzjoni sħiħa”. Fost il-karatteristiċi ta’ tali korp insibu, skont il-Qorti EDB, “is-setgħa li tiġi rriformata fuq il-punti kollha, mill-aspett ta’ fatt u ta’ liġi, id-deċiżjoni meħuda” kif ukoll il-“kompetenza biex tittieħed deċiżjoni dwar il-kwistjonijiet kollha ta’ fatt u ta’ liġi għall-kawża li jkollha quddiemha (106)”. Minkejja li din id-dikjarazzjoni (107) tidher li teżiġi li l-korp li jkun fdat bl-istħarriġ ġudizzjarju ddifferit meħtieġ mill-Artikolu 6(1) KEDB għandu jingħata kompetenzi li jmorru lil hinn minn dawk li jistgħu jiġu eżerċitati meta jsir stħarriġ tal-legalità (108) kif ukoll mis-setgħa li jipproċedi għal eżami proprju tal-kawża (109), l-applikazzjoni li saret konkretament mill-Qorti EDB hija estremament flessibbli (110).

122. B’mod partikolari, u dan huwa fattur ta’ konverġenza metodoloġika partikolarment importanti bejn il-ġurisprudenza tal-KEDB u dik tal-Unjoni (111), skont il-Qorti EDB, il-fattur importanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 6 KEDB ma huwiex id-dikjarazzjoni astratta min-naħa ta’ qorti dwar it-tip ta’ stħarriġ (“dgħajjef” jew “b’saħħtu”) li jista’ jitwettaq b’mod leġittimu jew li jkun beħsiebha twettaq fil-każ partikolari, iżda pjuttost il-fatt li, billi eżerċitat dan l-istħarriġ, id-drittijiet iddikjarati minn dik il-konvenzjoni kienu effettivament protetti. Dan l-approċċ ta’ każ b’każ ġie kkonfermat, b’mod impliċitu (112) iżda evidenti, mill-Qorti EDB fis-sentenza reċenti Menarini Diagnostics Srl vs L-Italja (113). F’tali kuntest, għalkemm kif affermat ukoll impliċitament il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni, l-istħarriġ eżerċitat mill-qrati tal-Unjoni fuq id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jimponu penali għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni jidher li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) KEDB (114), dan jiddependi mill-mod kif dan l-istħarriġ jiġi eżerċitat b’mod konkret.

123. Huwa fuq il-bażi tal-prinċipji ddikjarati iktar ’il fuq li għandu jiġi eżaminat jekk, f’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali eżerċitatx stħarriġ ġudizzjarju suffiċjenti tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni li jikkonċernaw in-natura oġġettivament neċessarja tal-KMS.

124. F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandha tiġi miċħuda l-oġġezzjoni tal-Kummissjoni li hija r-responsabbiltà tar-rikorrenti fl-appell prinċipali biex jipprovaw li l-KMS kienu oġġettivament neċessarji għall-funzjonament ta’ MasterCard sabiex jaħarbu mill-projbizzjoni prevista mill-Artikolu 81(1) KE. Fil-fatt, anki jekk nippreżumu li tali affermazzjoni hija korretta, xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti Ġenerali hija obbligata li teżerċita stħarriġ li jtendi li jkun komplut fir-rigward tal-evalwazzjonijiet kollha mwettqa mill-Kummissjoni, inkluż meta dawn ikunu intiżi biex jiċħdu l-argumenti difensivi tal-impriżi kkonċernati.

125. Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 82 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, waqt li rreferiet għas-sentenzi M6 et vs Il-Kummissjoni u Remia, iċċitata iktar ’il fuq, fakkret li l-qorti tal-Unjoni teżerċita stħarriġ ristrett fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi mwettqa bil-għan li tiġi evalwata n-natura oġġettivament neċessarja ta’ restrizzjoni anċillari. Kif ġie osservat iktar ’il fuq, tali dikjarazzjoni astratta tal-kriterji li jiddefinixxu l-portata tal-istħarriġ li l-Qorti Ġenerali jkollha l-intenzjoni li teżerċita ma hijiex kritikabbli fiha nfisha jekk jirriżulta li hija, b’mod konkret, għamlet stħarriġ profond, kemm mill-aspett ta’ liġi kif ukoll dak fattwali, fid-dawl tal-provi mressqa insostenn tal-motivi invokati quddiemha (115).

126. Ir-rikorrenti fl-appell prinċipali jsostnu, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali ma eżerċitatx stħarriġ suffiċjenti fuq l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-KMS setgħu jiġu ssostitwiti, permezz ta’ regola ta’ applikazzjoni awtomatika, bi projbizzjoni tal-impożizzjoni ta’ tariffi a posteriori.

127. Huwa minnu li, fuq din il-kwistjoni, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha, fil-punti 95 u 96 tas-sentenza appellata, għal riproduzzjoni kompleta tal-premessa 554 tad-deċiżjoni kkontestata u għal affermazzjoni li r-raġunament espost fiha kien eżenti minn żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni (116). Madankollu, jirriżulta minn qari tar-rikors fl-ewwel istanza li l-ilmenti ssollevati mir-rikorrenti fl-appell prinċipali essenzjalment jirrigwardaw in-natura regolatorja tal-ipoteżi tas-sistema MasterCard li tiffunzjona mal-projbizzjoni tal-impożizzjoni ta’ tariffi ex post, fuq in-nuqqas ta’ analiżi tal-kuntest kompetittiv kif ukoll fuq l-ommissjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, li ġġib il-prova li tali projbizzjoni kellha portata inqas restrittiva għall-kompetizzjoni mill-KMS. Il-Qorti Ġenerali indirizzat dawn id-diversi argumenti fil-punti 97 sa 99 u 143 tas-sentenza appellata. Min-naħa l-oħra, fost dawn l-ilmenti, ma jinsabx dak li huma qegħdin isostnu issa, ibbażat fuq in-natura allegatament irrealistika ta’ regola ta’ applikazzjoni awtomatika li tipprekludi lill-banek emittenti milli jiksbu kumpens għas-servizzi li huma joffru lill-banek akkwirenti. Kif diġà kkonstatajt ukoll fil-punt 105 iktar ’il fuq, u kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 19 tas-sentenza appellata u l-punti 146 sa 155 tad-deċiżjoni kkontestata, l-argument li l-KMS jikkostitwixxu prezz imħallas mill-banek akkwirenti lill-banek emittenti għas-servizzi mogħtija lilhom mingħand dawn tal-aħħar, li inizjalment tressaq mir-rikorrenti fl-appell prinċipali matul il-proċedura amministrattiva, sussegwentement ġie abbandunat favur il-klassifikazzjoni tagħhom bħala mekkaniżmu ta’ bilanċ bejn it-talba tad-detenturi tal-karti u l-kummerċjanti. Min-naħa tagħha, HSBC illimitat ruħha li tirreferi għad-dikjarazzjoni ta’ wieħed mill-impjegati tagħha, annessa man-nota tagħha ta’ intervent fl-ewwel istanza, fejn hija affermat li l-introduzzjoni ta’ regola ta’ impożizzjoni ta’ tariffi ex post probabbilment kienet ser twassal għall-abbandun tal-mekkaniżmu tal-iffissar tal-kummissjonijiet ta’ skambju fuq bażi bilaterali. Hija madankollu ma tispjegax kif tali riżultat, jekk nippreżumu li ġie stabbilit, seta’ kellu fuq is-sistema MasterCard impatt tali li jrendi mhux prevedibbli mekkaniżmu awtomatiku bbażat fuq projbizzjoni tal-impożizzjoni ta’ tariffi ex post, u lanqas għal liema raġuni l-fatt li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni dan ir-riżultat, anki jekk nassumu li dan kien il-każ, seta’ kellu effett fuq in-natura effettiva tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.

128. Ir-rikorrenti fl-appell prinċipali sussegwentement jargumentaw li l-Qorti Ġenerali ma eżerċitatx stħarriġ suffiċjenti fuq il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar in-natura oġġettivament neċessarja tal-KMS bħala mekkaniżmu għat-trasferiment ta’ fondi favur il-banek emittenti.

129. F’dan ir-rigward, nirrileva li l-analiżi tal-Qorti Ġenerali dwar dan is-suġġett, li tinsab fil-punti 100 sa 119 tas-sentenza appellata, ma turi ebda “deferenza” fil-konfront tal-preżunt marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni u hija, għall-kuntrarju, f’dan il-punt, awtonoma fejn hija b’mod parallel is-suġġett, fl-appell prinċipali, ta’ lment li jallega sostituzzjoni tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni b’dik tal-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, huwa fid-dawl tal-analiżi tagħha stess tal-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata dwar il-vantaġġi ekonomiċi li l-banek tas-sistema MasterCard jiksbu mill-attività tagħhom ta’ ħruġ ta’ karti — li fiha nfisha hija suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja ħlief f’każ ta’ żnaturament li ma ġiex allegat — li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 110 tas-sentenza appellata, li wieħed seta’ raġonevolment jikkonkludi li t-tnaqqis ta’ dawn il-vantaġġi, f’każ ta’ eliminazzjoni tal-KMS, ma kienx ikun suffiċjenti biex titpoġġa inkwistjoni l-vijabbiltà tas-sistema MasterCard u huwa wkoll fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni awtonoma tar-riżultati tal-analiżi tal-effetti tat-tnaqqis, minn bank tal-Awstralja, tal-livell tal-kummissjonijiet ta’ skambju ta’ MasterCard, li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 111 tas-sentenza appellata, li dik l-analiżi tappoġġa l-konklużjoni li t-tneħħija tal-KMS ma kinitx twassal għall-kollass tas-sistema MasterCard (117).

130. Fl-argumenti tagħhom, kemm ir-rikorrenti fl-appell prinċipali kif ukoll LBG madankollu ma jillimitawx ruħhom li jistabbilixxu “restrizzjoni ġudizzjarja” fir-rigward tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni, iżda jargumentaw ukoll li l-analiżi tal-Qorti Ġenerali kienet “spekulattiva u superfiċjali”, li ma ġewx meqjusa l-provi li huma ppreżentaw quddiemha u li ma ġiex ikkonstatat dak in-nuqqas fir-rigward tal-analiżi li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata. Huma jaffermaw, b’mod partikolari, li l-Qorti Ġenerali ma indirizzatx il-kwistjoni ta’ jekk l-iffissar awtomatiku tal-kummissjonijiet ta’ skambju kienx meħtieġ fid-dawl tan-natura duplika tas-suq. Lanqas ma ġew ikkunsidrati l-effetti restrittivi li l-KMS ta’ livell żero kienu jipproduċu fuq in-naħa l-oħra tas-suq dupliku, jiġifieri dak tal-ħruġ.

131. F’dan ir-rigward, infakkar li jirriżulta mill-punti 101, 181 u 182 tas-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-argumenti dwar il-fatt li ma ġewx meqjusa n-natura duplika tas-suq kif ukoll l-effetti ta’ eliminazzjoni tal-KMS fuq il-komponent “ħruġ” ta’ dan is-suq kienu irrilevanti fil-kuntest tal-analiżi abbażi tal-Artikolu 81(3) KE, kemm jekk mill-angolu tan-neċessità oġġettiva tal-KMS kif ukoll minn dak tal-analiżi tal-effetti tagħhom fuq il-kompetizzjoni. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkonfermat, fil-punti 176 sa 178 tas-sentenza appellata, il-klassifikazzjoni tas-suq tal-ħruġ bħala suq rilevanti kif ukoll in-natura awtonoma tiegħu, li kienet tiġġustifika, fil-kuntest tar-raġunament tagħha, il-fatt li l-Kummissjoni llimitat għal dak is-suq l-analiżi tagħha tal-effetti tal-KMS fuq il-kompetizzjoni. Ir-rikorrenti fl-appell prinċipali ma jressqu ebda argument biex juru li r-raġunijiet imsemmija hawn fuq tas-sentenza appellata huma vvizzjati bi żball ta’ liġi u LBG tillimita ruħha, f’dan ir-rigward, għal affermazzjonijiet ferm ġenerali.

132. Finalment, ir-rikorrenti fl-appell prinċipali jargumentaw li l-fatt li l-Qorti Ġenerali biex tikkonferma r-raġunament tagħha invokat l-eżempju Awstraljan, li jikkonċerna ipoteżi ta’ tnaqqis u mhux ta’ eliminazzjoni tal-KMS, “juri n-natura lakunarja” tal-analiżi tagħha.

133. F’dan ir-rigward, nirrileva biss li l-Qorti Ġenerali indirizzat u ċaħdet l-argumenti dwar l-allegata irrilevanza tal-eżempju Awstraljan fil-punti 112 sa 114 tas-sentenza appellata. Inkwantu tqajjem dubji dwar l-evalwazzjoni li tinsab f’dawn il-punti mingħajr ma tressaq ebda argument kontra, u wisq inqas difett ta’ żnaturament, il-kritika li qiegħda tiġi analizzata għandha tiġi miċħuda fil-fehma tiegħi.

134. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jidhirli li r-raba’ parti tal-ewwel aggravju tal-appell prinċipali u, b’hekk, l-aggravju fit-totalità tiegħu, għandu jiġi miċħud.

5.      Fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3), KE (it-tielet aggravju tal-appell prinċipali)

135. Fil-appell inċidentali tagħha, LBG sostnuta mir-rikorrenti fl-appell prinċipali, tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) KE. L-ilmenti ta’ LBG u tar-rikorrenti fl-appell prinċipali jistgħu jitqassmu fi tliet partijiet.

a)      Fuq il-livell ta’ prova u l-prinċipju in dubio pro reo

136. Fl-ewwel lok, skont LBG, il-Qorti Ġenerali kien imissha kkonstatat li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi meta imponiet livell ta’ prova eċċessiv. Il-livell ta’ prova għall-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 81(3) KE kellu jkun dak tal-bilanċ tal-probabbiltajiet. F’din il-kawża, din l-evalwazzjoni kellha ssir f’relazzjoni mas-sistema MasterCard kollha li kienet tagħti vantaġġi kbar lill-konsumaturi u lill-kummerċjanti. Hija ssostni li ma kienx korrett legalment li MasterCard tintalab tiġġustifika l-livell preċiż tal-KMS minflok ma turi sempliċement, fuq il-bażi ta’ provi sodi, li l-metodoloġija segwita minnha biex tiffissa l-KMS hija ġustifikabbli. F’dan l-istess kuntest, ir-rikorrenti fl-appell prinċipali jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet, mingħajr ma pprovdiet spjegazzjoni suffiċjenti, li l-prinċipju in dubio pro reo ma għandux japplika meta, f’każ bħal f’din il-kawża, l-impriża li tinvoka l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) KE tkun ipprovdiet provi li jissollevaw ta’ mill-inqas dubji dwar l-applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni u li l-Kummissjoni ma eliminatx għalkollox dawn id-dubji.

137. F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-ilment dwar il-livell ta’ prova eċċessiv, għandu jiġi kkonstatat li l-ilment issollevat minn LGB fl-appell inċidentali tagħha huwa bbażat fuq argument ippreżentat b’mod pjuttost lakoniku u vag. LGB ma tidentifikax il-punti tas-sentenza appellata li huma vvizzjati bi żball u ssostni biss li l-livell ta’ prova impost kien eċċessiv mingħajr ma tispeċifika liema elementi tas-sentenza appellata hija qiegħda tikkritika. Sabiex tissostanzja l-argument tagħha, LBG tagħmel biss riferiment ġenerali għall-argumenti żviluppati fin-nota ta’ intervent tagħha ppreżentata quddiem il-Qorti Ġenerali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandi dubji serji dwar l-ammissibbiltà ta’ dan l-ilment fir-rigward tal-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

138. Fi kwalunkwe każ, nikkunsidra li dan l-ilment huwa wkoll infondat.

139. Fl-ewwel lok, rigward l-argument dwar l-allegata neċessità li jiġu evalwati l-KMS fil-kuntest tas-sistema MasterCard kollha, infakkar li, fil-punt 207 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li inkwantu l-KMS ma jikkostitwixxux restrizzjonijiet anċillari, il-Kummissjoni ġustament eżaminat jekk kienx hemm vantaġġi oġġettivi notevoli li jirriżultaw speċifikament mill-KMS mingħajr ma qieset is-sistema MasterCard kollha kemm hi. Minn naħa waħda, għandu jiġi kkonstatat li LBG, fil-appell inċidentali tagħha, ma pprovdiet ebda element jew argument biex tikkontesta din il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali. Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-analiżi li saret fil-punti 79 sa 134 iktar ’il fuq, nipproponi li jiġu miċħuda l-ilmenti li saru mir-rikorrenti fl-appell prinċipali kontra r-raġunijiet tas-sentenza appellata li jikkonċernaw in-neċessità oġġettiva tal-KMS.

140. F’dak li jirrigwarda, sussegwentement, l-argument li l-livell tal-prova għall-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet previsti l-Artikolu 81(3) KE, kellu jkun dak tal-bilanċ tal-probabbiltajiet, fl-ewwel lok għandu jitfakkar li l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi li hija l-impriża li tinvoka l-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81(3) KE li għandha tressaq il-prova li l-kundizzjonijiet stipulati f’dak il-paragrafu huma sodisfatti, mingħajr madankollu ma jiġi stabbilit il-livell ta’ prova meħtieġ għal dan il-għan.

141. Hija ġurisprudenza stabbilita li, kif fakkret ukoll ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 196 tas-sentenza appellata, il-persuna li tinvoka dik id-dispożizzjoni għandha turi, permezz ta’ argumenti u provi konvinċenti, li l-kundizzjonijiet meħtieġa biex tibbenefika minn eżenzjoni huma sodisfatti u, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-ewwel kundizzjoni prevista fl-Artikolu 81(3) KE, li t-titjib li jirriżulta mill-ftehim inkwistjoni jippreżenta vantaġġi oġġettivi sinjifikattivi, li huma ta’ tali natura li jikkumpensaw għall-inkonvenjenzi li dan joħloq fuq il-livell tal-kompetizzjoni (118). Għandu jiġi rrilevat ukoll li fis-sentenza GlaxoSmithKline Services, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li fil-kuntest tal-analiżi fis-sens tal-Artikolu 81(3) KE, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tasal, fuq il-bażi tal-elementi li għandha għad-dispożizzjoni tagħha, għall-konvinzjoni li l-probabbiltà li l-vantaġġ oġġettiv sinjifikattiv iseħħ b’mod konkret hija suffiċjenti sabiex wieħed jassumi li l-ftehim joħloq dan il-vantaġġ (119). Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta espliċitament mill-punt 93 tal-imsemmija sentenza, din l-affermazzjoni ssir fil-kuntest ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista mill-Artikolu 81(3) KE fis-seħħ qabel l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1/2003 li jipprovdi sistema ta’ awtorizzazzjonijiet preliminari mogħtija mill-Kummissjoni (120). F’dak il-kuntest, l-analiżi li kellha ssir mill-Kummissjoni kienet analiżi ta’ natura prospettiva u previżjonali tal-vantaġġi li probabbilment kien ser joħloq l-akkordju nnotifikat lilha.

142. Għandu jiġi kkonstatat li fl-iskritturi tagħhom, LBG u r-rikorrenti fl-appell prinċipali mhux biss ma speċifikawx il-punti tas-sentenza appellata li skont huma kienu vvizzjati bi żball billi affermaw biss b’mod ġenerali li l-livell ta’ prova kellu jkun dak tal-bilanċ tal-probabbiltajiet, iżda huma lanqas ma speċifikaw ir-raġunijiet għalfejn dak il-livell ta’ prova għandu japplika f’dan il-każ fejn, minn naħa waħda, il-Kummissjoni ma kinitx mitluba tagħmel analiżi prospettiva u, min-naħa l-oħra, kien il-kompitu tar-rikorrenti fl-appell prinċipali li jressqu provi konvinċenti tal-vantaġġi oġġettivi sinjifikattivi maħluqa mill-KMS li kellhom ikunu ta’ tali natura li jikkumpensaw l-inkonvenjenzi identifikati mill-Kummissjoni.

143. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li huwa ammissibbli, l-argument dwar il-livell ta’ prova eċċessiv għandu jiġi miċħud.

144. F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-ilment dwar il-ksur tal-prinċipju in dubio pro reo, invokat mir-rikorrenti fl-appell prinċipali, għandu jitfakkar li dan il-prinċipju huwa korollarju tal-prinċipju ta’ innoċenza (121) li jopera meta jkollha tiġi evalwata l-prova ta’ ksur (122). Skont it-termini ta’ dan il-prinċipju, il-prova tal-ksur għandha tiġi stabbilita b’mod komplut u d-dubji u l-inċertezzi dwar din il-prova għandhom jibbenefikaw lil min ikun akkużat b’dak l-aġir u b’hekk jostakolaw li jiġu imposti pieni fuqu.

145. L-argument tar-rikorrenti fl-appell prinċipali jirrigwarda l-punt 237 tas-sentenza appellata, li fih, waqt li kkonkludiet l-analiżi tagħha dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) KE, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li inkwantu r-rikorrenti ma kinux ressqu prova tal-eċċezzjoni invokata minnhom, kellha tiġi miċħuda l-allegazzjoni ta’ ksur tal-prinċipju in dubio pro reo.

146. Jidhirli li din l-evalwazzjoni ma hijiex ivvizzjata bi żball. Fil-fatt, fil-fehma tiegħi, il-prinċipju in dubio pro reo jista’ jiġi applikat fl-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 81(1) KE li fil-kuntest tiegħu hija għandha tipprova ġġib prova tal-eżistenza ta’ ksur ta’ dik id-dispożizzjoni mwettqa mill-impriża inkwistjoni. F’dan il-kuntest, dan il-prinċipju jeżiġi li l-provi mressqa mill-Kummissjoni jistabbilixxu b’mod komplet dak il-ksur b’mod li ma jibqa’ ebda dubju dwar it-twettiq tiegħu.

147. Min-naħa l-oħra, ma jidhirlix li l-prinċipju in dubio pro reo jista’ jiġi invokat, kif jagħmlu r-rikorrenti fl-appell prinċipali, biex jipprovaw inaqqsu l-livell ta’ prova meħtieġa għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista mill-Artikolu 81(3) KE. Kif irrilevajt ukoll fil-punt 141 iktar ’il fuq, skont ġurisprudenza stabbilita, l-impriża li tinvoka l-Artikolu 81(3) KE għandha l-oneru li turi, permezz ta’ argumenti u provi konvinċenti, li l-kundizzjonijiet meħtieġa biex tibbenefika minn eżenzjoni huma sodisfatti. B’hekk ma huwiex biżżejjed, kif donnhom jipprevedu r-rikorrenti fl-appell prinċipali, li jitressqu provi li sempliċement jissollevaw dubji dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) KE.

148. Ċertament, kif fakkret ukoll il-Qorti Ġenerali fil-punt 197 tas-sentenza appellata, f’ċerti każijiet, l-argumenti u l-elementi fattwali invokati mill-impriża li tkun trid tinvoka l-eżenzjoni jistgħu jkunu ta’ tali natura li jobbligaw lill-parti l-oħra, jiġifieri lill-Kummissjoni, tipprovdi spjegazzjoni jew ġustifikazzjoni, u fin-nuqqas tagħha wieħed jista’ jikkonkludi li l-oneru tal-prova jkun ġie sodisfatt (123). Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti fl-appell prinċipali ma jikkontestawx il-konklużjoni li għaliha waslet il-Qorti Ġenerali fil-punt 231 tas-sentenza appellata fejn hija qalet li l-Kummissjoni eżaminat u rrifjutat b’mod validu l-fondatezza tal-argument li huma elaboraw quddiem il-qorti tal-proċedura amministrattiva, iżda huma sempliċement argumentaw li l-Qorti Ġenerali ammettiet fis-sentenza appellata li kien għad hemm dubji dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 81(3) KE għall-KMS. Madankollu, dawn id-dubji ma jinsabux fis-sentenza appellata u b’mod partikolari ma jinsabux fil-frażi li tinsab fil-bidu tal-punt 233 tas-sentenza appellata, imsemmija mir-rikorrenti fl-appelli prinċipali. Għall-kuntrarju, fil-punt 237 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod ċar, mingħajr ma esprimiet ebda dubju, li l-Kummissjoni setgħet tikkonkludi b’mod validu li r-rikorrenti ma kinux ressqu prova li l-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà tal-Artikolu 81(3) KE kienu sodisfatti.

149. Finalment, inkwantu l-ilment inkwistjoni jista’ jiġi interpretat bħala li jallega nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata fir-rigward tal-applikabbiltà tal-prinċipju in dubio pro reo, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li semmejt fil-punti 30 u 31 iktar ’il fuq, jidhirli li inkwantu hija kkonkludiet li ma tressqitx prova tal-eżistenza tal-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni prevista mill-Artikolu 81(3) KE, il-Qorti Ġenerali ma kinitx obbligata li tispjega ulterjorment ir-raġunijiet għalfejn il-prinċipju in dubio pro reo ma kellux japplika f’din il-kawża.

b)      Fuq l-allegat approċċ żbaljat fir-rigward tas-suq li fih jinħolqu l-vantaġġi previsti mill-Artikolu 81(3) KE kif ukoll fir-rigward tal-kategoriji ta’ utenti kkonċernati

150. Fit-tieni lok, LBG, sostnuta mir-rikorrenti fl-appell prinċipali, issostni li l-Qorti Ġenerali adottat approċċ ineżatt f’dak il jirrigwarda s-suq li fih kellhom jinħolqu l-vantaġġi previsti mill-Artikolu 81(3) KE. LBG targumenta li, waqt li huwa rikonoxxut li skont il-ġurisprudenza l-imsemmija vantaġġi jistgħu jitqiesu għal kull suq li jibbenefika mill-eżistenza tal-ftehim waqt li tiġi aċċettata r-rabta bejn iż-żewġ naħat tas-suq inkwistjoni (jiġifieri d-detenturi ta’ karti u l-kummerċjanti), il-Qorti Ġenerali ffokat esklużivament fuq il-vantaġġi għall-kummerċjanti. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali injorat il-vantaġġi kbar li jirriżultaw mis-sistema MasterCard u mill-KMS infushom għad-detenturi ta’ karti, kif ukoll in-natura duplika tas-suq u l-ottimizzar tas-sistema li l-KMS jikkontribwixxu biex jintlaħqu. Ir-rikorrenti fl-appell prinċipali jargumentaw li l-Qorti Ġenerali ma spjegatx għalfejn l-ewwel żewġ kundizzjonijiet tal-Artikolu 81(3) KE ma jistgħux jiġu sodisfatti billi bbażat ruħha biss fuq il-vantaġġi li jirriżultaw mill-KMS għad-detenturi ta’ karti, kemm-il darba dawn il-vantaġġi jkunu tali li jikkumpensaw l-allegati żvantaġġi kollha li jirriżultaw mill-effetti restrittivi tal-KMS għall-kummerċjanti. Ma hemm xejn fid-diċitura tal-Artikolu 81(3) KE li jissostanzja t-teżi tal-Qorti Ġenerali li tgħid li, jekk ikun hemm żewġ kategoriji jew iktar ta’ konsumaturi kkonċernati, dawn il-kategoriji kollha għandhom jibbenefikaw mill-istess parti tal-gwadann li jirriżulta minn restrizzjoni tal-kompetizzjoni sabiex ir-restrizzjoni titqies li hija kompatibbli mal-Artikolu 81 KE.

151. L-ilmenti ta’ LBG u tar-rikorrenti fl-appell prinċipali jirrigwardaw l-analiżi li tinsab fil-punti 228 u 229 tas-sentenza appellata fejn hija, wara li fakkret il-ġurisprudenza tagħha li tgħid li l-vantaġġi previsti mill-ewwel kundizzjoni tal-Artikolu 81(3) KE jistgħu jinħolqu mhux biss fis-suq inkwistjoni, iżda wkoll f’kull suq ieħor li fih il-ftehim jista’ jipproduċi effetti ta’ benefiċċju, il-Qorti Ġenerali madankollu kkunsidrat li inkwantu l-kummerċjanti jikkostitwixxu wieħed mill-gruppi ta’ utenti kkonċernati mill-karti ta’ ħlas, kien neċessarju, sabiex ikun jista’ jiġi applikat l-Artikolu 81(3) KE, li l-eżistenza ta’ vantaġġi oġġettivi sinjifikattivi imputabbli lill-KMS tintwera wkoll fil-konfront tagħhom. Fuq din il-bażi, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li peress li tali prova ma ġietx prodotta, il-kritika tar-rikorrenti li ma ġewx meqjusa biżżejjed il-vantaġġi tal-KMS għad-detenturi tal-karti hija, fi kwalunkwe ipoteżi, irrilevanti.

152. L-imsemmija ilmenti jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 81(3) KE f’kuntest ikkaratterizzat mill-eżistenza ta’ żewġt iswieq distinti li fihom l-akkordju restrittiv jista’ jipproduċi effetti. F’din il-kawża, dawn huma swieq tal-akkwist u tal-ħruġ li, waqt li huma distinti, madankollu jippreżentaw interazzjonijiet importanti u kumplimentari (124). F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm id-definizzjoni tas-suq użata mill-Kummissjoni ġiet ikkonfermata mill-Qorti Ġenerali, dan l-aspett tas-sentenza appellata madankollu ma huwiex is-suġġett tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

153. LGB u r-rikorrenti fl-appell prinċipali essenzjalment jargumentaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta injorat il-vantaġġi li jirriżultaw mill-KMS għad-detenturi ta’ karti, utenti diretti tas-servizzi offruti fis-suq tal-ħruġ, waqt li dawn il-vantaġġi setgħu potenzjalment ipattu għall-effetti restrittivi li jirriżultaw mill-KMS għall-kummerċjanti, utenti diretti tas-servizzi offruti fis-suq tal-akkwist.

154. Il-kwistjoni legali sottostanti dan l-ilment b’hekk hija jekk, sabiex l-eżenzjoni prevista mill-Artikolu 81(3) KE tkun applikabbli f’dan il-kuntest, huwiex neċessarju li l-parti ekwa tal-gwadann li jirriżulta mill-vantaġġi maħluqa mill-ftehim, kif previst mill-Artikolu 81(3) KE, tkun irriżervata għall-utenti diretti tas-servizzi offruti fis-suq li fih iseħħu l-effetti restrittivi għall-kompetizzjoni — f’din il-kawża, b’mod partikolari, il-kummerċjanti — jew jekk jistax jitqies li l-effetti restrittivi li jagħmlu dannu lil dawn l-utenti jistgħux jiġu kkumpensati bil-vantaġġi maħluqa għall-utenti tas-servizzi offruti f’suq assoċjat, jiġifieri f’din il-kawża d-detenturi ta’ karti.

155. Fl-ewwel lok għandu jitfakkar li, it-tieni kundizzjoni tal-Artikolu 81(3) KE teżiġi li, sabiex ftehim restrittiv ikun jista’ jibbenefika mill-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni, parti ekwa tal-gwadann li jirriżulta minn dan il-ftehim għandha tmur favur l-utenti.

156. F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok għandu jiġi rrilevat li l-utenti li għalihom tagħmel riferiment din id-dispożizzjoni għandhom jitqiesu bħala l-utenti diretti jew indiretti tal-prodotti jew servizzi koperti mill-ftehim. Fit-tieni lok, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li, sabiex akkordju li jirrestrinġi l-kompetizzjoni jkun jista’ jiġi eżentat abbażi tal-Artikolu 81(3) KE, il-vantaġġi oġġettivi sinjifikattivi ġġenerati minn dan il-ftehim għandhom ikunu ta’ tali natura li jikkumpensaw l-inkonvenjenzi li jirriżultaw għall-kompetizzjoni (125). Wieħed jista’ jiddeduċi minn din il-ġurisprudenza li, sabiex ftehim restrittiv ikun jista’ jibbenefika mill-eżenzjoni, huwa neċessarju li l-vantaġġi li jirriżultaw minnu jiżguraw li l-utenti jiġu kkumpensati għal kollox għall-effetti dannużi, reali jew probabbli, li huma jkollhom isostnu minħabba r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill-akkordju. Fi kliem ieħor, il-vantaġġi li jirriżultaw mill-ftehim restrittiv għandhom ipattu għall-effetti negattivi tiegħu.

157. Madankollu, fil-fehma tiegħi, dan il-kumpens għandu jikkonċerna lill-utenti li jkunu kkonċernati direttament jew indirettament mill-ftehim (126). Fil-fatt, huma l-utenti li jġarrbu d-dannu kkawżat mill-effetti restrittivi tal-akkordju inkwistjoni li għandhom, fil-prinċipju, jirċievu bħala kumpens għal dan id-dannu l-parti ekwa tal-gwadann li jirriżulta mill-imsemmi ftehim li għalih isir riferiment fl-Artikolu 81(3) KE.

158. Fil-fatt, f’każ fejn ikun possibbli li jitqiesu l-vantaġġi li jirriżultaw minn ftehim għal kategorija waħda ta’ utenti ta’ ċerti servizzi li jpattu għall-effetti negattivi f’kategorija oħra ta’ utenti ta’ servizzi oħrajn f’suq ieħor, dan ikun ekwivalenti għal permess biex tiġi ffavorita l-ewwel kategorija ta’ utenti u sfavorita t-tieni waħda. Jidhirli li loġika distributtiva ta’ din ix-xorta hija, fil-prinċipju, estranja għall-kamp ta’ azzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni (127). Dan id-dritt huwa intiż, effettivament, biex jipproteġi l-istruttura tas-suq, u b’dan il-mod, tal-kompetizzjoni, fl-interess tal-kompetituri u, fl-aħħar lok, tal-konsumaturi (128) b’mod ġenerali. Min-naħa l-oħra, ma huwiex intiż li jiffavorixxi lil kategorija ta’ konsumaturi għad-detriment ta’ kategorija oħra (129).

159. F’dan ir-rigward, għandi nirrileva għal darba oħra li dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jikkontradixxux neċessarjament il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ġenerali, li tissemma fil-punt 228 tas-sentenza appellata, li tgħid li ma huwiex eskluż li jkun possibbli li jitqiesu l-vantaġġi li jirriżultaw mill-ftehim li jinħolqu f’suq differenti meta mqabbla ma’ dak li fih il-ftehim jipproduċi l-effetti restrittivi. Fil-fatt, dawn il-vantaġġi jistgħu jitqiesu meta, pereżempju, il-kategorija ta’ konsumaturi effettwati bl-akkordju fiż-żewġ swieq distinti tkun l-istess (130).

160. F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, sabiex tkun applikabbli l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 81(3) KE, huwa neċessarju li titressaq prova tal-eżistenza ta’ vantaġġi oġġettivi sinjifikattivi għall-kummerċjanti li jirriżultaw mill-KMS. Inkwantu l-kummerċjanti jikkostitwixxu l-kategorija ta’ konsumaturi li jġarrbu direttament l-effetti restrittivi tal-KMS fis-suq li fih jinħolqu dawn l-effetti, jidhirli li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi.

161. Minn dan jirriżulta li kemm l-argumenti tar-rikorrenti fl-appell prinċipali kif ukoll l-argument ta’ LBG, li jgħid li l-Qorti Ġenerali injorat il-vantaġġi importanti li jirriżultaw mill-KMS (131) għad-detenturi ta’ karti, ma jistgħux jiġu aċċettati. L-istess konklużjoni tgħodd, fin-nuqqas ta’ kontestazzjoni tad-definizzjoni tas-suq rilevanti, għall-argument li ma ġietx meqjusa n-natura duplika tas-suq. Finalment, jirriżulta wkoll minn dak li ntqal hawn fuq li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti fl-appell prinċipali, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 228 u 229 tas-sentenza appellata ma kkunsidratx li għalkemm hemm żewġ kategoriji jew iktar ta’ konsumaturi kkonċernati, dawn il-kategoriji kollha għandhom jibbenefikaw mill-istess parti tal-gwadann li jirriżulta minn restrizzjoni tal-kompetizzjoni sabiex ir-restrizzjoni titqies li hija kompatibbli mal-Artikolu 81 KE. Hija kkunsidrat biss li kellha tinġieb prova tal-vantaġġi oġġettivi għall-kummerċjanti li jirriżultaw mill-KMS.

162. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, b’hekk jidhirli li l-ilmenti ta’ LBG u tar-rikorrenti fl-appell prinċipali dwar approċċ allegatament ineżatt fir-rigward tas-suq li fih għandhom jiġu ġġenerati l-vantaġġi previsti fl-Artikolu 81(3) KE u dwar il-kategoriji ta’ konsumaturi li għandhom jitqiesu, għandhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom.

c)      Fuq l-approvazzjoni ta’ kriterju wisq rigoruż għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) KE

163. Fit-tielet lok, LBG issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta approvat kriterju wisq rigoruż għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) KE. LBG ssemmi b’mod partikolari l-punt 233 tas-sentenza appellata li fih il-Qorti Ġenerali tat x’tifhem li l-uniku element li għandu jitqies sabiex jiġi ddeterminat jekk il-KMS ġewx iffissati f’livell xieraq huwa l-kumpens mill-kummerċjanti tal-ispejjeż imġarrba mill-banek emittenti abbażi tas-servizzi pprovduti lilhom jew li huma ta’ benefiċċju għalihom b’mod ċar u li l-kalkolu tal-kumpens għandu jqis id-dħul l-ieħor miksub mill-banek emittenti. LBG issostni li anki l-Kummissjoni, fl-iktar każijiet reċenti, tidher li adottat approċċ li jiffoka biss fuq il-vantaġġi għall-kummerċjanti fejn hija użat metodoloġija restrittiva magħrufa bħala l-“kriterju tat-turist (132)”. L-applikazzjoni ta’ tali approċċ hija, skont LBG, imprattika u mhux xierqa u l-Kummissjoni stess ma tinsabx f’pożizzjoni li tapplika dan il-kriterju minħabba nuqqas ta’ informazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, LBG tistaqsi kif MasterCard jew, a fortiori, il-banek li għandhom liċenzja, li ma għandhomx informazzjoni kompluta dwar is-suq, huma mistennija raġonevolment li japplikawha. Huwa impossibbli wkoll li tiġi applikata l-metodoloġija magħżula għaliex din teħtieġ li jiġu pprovduti provi preċiżi sabiex jiġu ġġustifikati l-livelli ta’ KMS speċifiċi. Dawn il-provi, madankollu, lanqas ma jistgħu jiġu pprovduti faċilment. La l-Kummissjoni u lanqas il-Qorti Ġenerali ma pprovdew l-inqas orjentazzjoni dwar il-metodoloġija preċiża li kellha ssegwi MasterCard sabiex tiffissa l-KMS f’livell ġustifikabbli. L-ambigwità li tirriżulta minn dan l-approċċ toħloq inċertezzi sostanzjali għall-operaturi tas-suq u tista’ toħloq dannu għall-konsumatur billi timblokka l-innovazzjoni fis-suq.

164. Dan l-ilment huwa bbażat, fil-fehma tiegħi, fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata. Fil-fatt, fil-punt 233, l-uniku punt tas-sentenza appellata msemmija speċifikament f’dan l-ilment, il-Qorti Ġenerali ma affermatx li l-kumpens għall-ispejjeż imġarrba mill-banek emittenti abbażi tas-servizzi pprovduti kien l-uniku element li kellu jitqies sabiex jiġi ddeterminat li l-KMS ġew iffissati f’livell xieraq. Fl-imsemmi punt tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali rrispondiet għall-argument issollevat quddiemha dwar in-nuqqas ta’ informazzjoni li tippermetti li jiġi sodisfatt il-livell ta’ prova ekonomika meħtieġ mill-Kummissjoni. Il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 233 tas-sentenza appellata b’hekk għandhom jinqraw fid-dawl tal-punt preċedenti li fih il-Qorti Ġenerali spjegat li d-diffikultà biex jiġi sodisfatt il-livell ta’ prova ekonomika meħtieġa mill-Kummissjoni toriġina mill-argument elaborat mir-rikorrenti fl-appell prinċipali matul il-proċedura amministrattiva.

165. Fir-rigward tal-aċċenn għall-metodoloġija msejħa l-“kriterju ta’ turist”, għandu jiġi kkonstatat li ma hemm ebda riferiment għal din il-metodoloġija fis-sentenza appellata u lanqas fid-deċiżjoni kkontestata b’mod li l-argument li huwa bbażat fuq din il-metodoloġija ma huwiex rilevanti. LBG b’hekk ma tipprovdi ebda element biex tispjega kif ir-riferiment tagħha għal din il-metodoloġija tista’ tippermetti li jiġi identifikat żball fis-sentenza appellata.

166. Rigward l-argument li l-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali ma pprovdewx l-iċken orjentament dwar il-metodoloġija preċiża li kellha ssegwi MasterCard biex tiffissa l-KMS, dan ma jista’ jidentifika ebda żball ta’ liġi tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata u b’hekk huwa irrilevanti.

167. Isegwi mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li lanqas it-tielet parti tal-aggravju li jallega ksur tal-Artikolu 81(3) KE ma jista’ jiġi aċċettat u li b’hekk dan l-aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

III – Konklużjoni

168. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi kif ġej:

1)      L-appell prinċipali u l-appelli inċidentali huma miċħuda.

2)      MasterCard Incorporated, MasterCard International Incorporated u MasterCard Europe SPRL huma kkundannati għall-ispejjeż marbuta mal-appell prinċipali.

3)      The Royal Bank of Scotland Plc huwa kkundannat għall-ispejjeż marbuta mal-appell inċidentali tiegħu.

4)      Lloyds TSB Bank Plc u Bank of Scotland Plc huma kkundannati għall-ispejjeż marbuta mal-appell inċidentali tagħhom.

5)      MBNA Europe Bank Ltd., HSBC Bank PLC u r-Renju Unit għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – T‑111/08.


3 – L-istabbilimenti ta’ kreditu li jipprovdu l-karta għad-dispożizzjoni tad-detentur u jippermettulu li jużaha.


4 – L-istabbilimenti ta’ kreditu li għandhom relazzjoni kuntrattwali ma’ kummerċjant għall-finijiet tal-aċċettazzjoni tal-karta f’punt ta’ bejgħ. Il-banek emittenti jibagħtu lill-banek akkwirenti l-informazzjoni dwar id-detentur tal-karta u dwar il-karta (awtentifikazzjoni, awtorizzazzjoni, eċċ.) u jipproċedu għat-trasferiment tal-fondi permezz tal-infrastruttura diġitali tan-netwerk, waqt li l-banek akkwirenti jmexxu t-tranżazzjonijiet mill-punti ta’ bejgħ tal-kummerċjanti saċ-ċentru tal-ipproċessar tal-emittenti, jibagħtu l-informazzjoni għall-awtorizzazzjoni u jieħdu sehem fil-kumpens u l-ipproċessar tat-tranżazzjoni.


5 – Ara l-premessi 234 sa 238 u 242.


6 – Ara l-premessi 239 sa 241 tad-deċiżjoni kkontestata.


7 – Ara l-premessi 118 et sequitur tad-deċiżjoni kkontestata.


8 – Dawn jikkonsistu, b’mod iktar preċiż, f’karti ta’ kreditu u ta’ debitu ddifferit għall-“konsumaturi” bil-logo ta’ MasterCard, kif ukoll karti ta’ debitu bil-logo MasterCard jew Maestro (ara l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata).


9 – Dawn l-ispejjeż jinkludu l-forniment tat-terminals tal-ħlas u ta’ servizzi tekniċi u finanzjarji oħrajn u jikkonsistu f’perċentwali tal-valur tat-tranżazzjoni jew kummissjoni b’somma fissa (ara l-premessi 246 u 247 tad-deċiżjoni kkontestata).


10 – Ara l-premessa 248 tad-deċiżjoni kkontestata.


11 – Ara l-premessi 146 sa 155 tad-deċiżjoni kkontestata, u partikolarment il-premessa 153.


12 – Ara l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. Għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni diġà indirizzat il-kummissjonijiet bankarji ta’ skambju fil-kuntest ta’ sistemi ta’ ħlas bil-karti, b’mod partikolari fid-deċiżjoni tal-24 ta’ Lulju 2002 (COMP/D1/29.373, Visa, ĠU L 318, p. 17), li fiha l-KMS intrareġjonali tal-Visa fl-Unjoni Ewropea ġew eżentati, għal perijodu ta’ ħames snin, suġġetti għal ċerti kundizzjonijiet, li l-ewlenija fosthom kienet li dawk il-kummissjonijiet ikunu marbuta, u illimitati, għal-livell ta’ ċerti spejjeż. Fit-8 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni adottat it-tieni deċiżjoni Visa (COMP/D-1/39.398, Visa MIF), li fiha hija għamlet obbligatorji l-impenji proposti minn Visa, li jikkonsistu inter alia fl-impożizzjoni ta’ limitu fuq il-KMS tagħha. F’Jannar 2012, il-Kummissjoni ppubblikat il-Green Paper – Lejn suq Ewropew integrat għal pagamenti bil-kard, bl-internet u bil-mowbajl, COM(2011)941 u nediet konsultazzjoni pubblika li tolqot ukoll ċerti aspetti relatati mal-kummissjonijiet bankarji ta’ skambju fil-kuntest tas-sistemi ta’ ħlas bil-karti.


13 – Ara l-Artikolu 7 tad-deċiżjoni kkontestata.


14 – U l-kummissjonijiet ta’ skambju awtomatiċi tas-SEPA (Single Euro Payments Area) interni għaż-żona tal-Euro.


15 – Kif ukoll il-kummissjonijiet ta’ skambju awtomatiċi ta’ SEPA/interni għaż-żona tal-Euro. Ara l-Artikoli 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata.


16 – Ara l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata. Dan l-Artikolu jimponi wkoll li MasterCard tagħmel aċċessibbli fuq il-websajt tagħha, għal ċertu perijodu ta’ żmien, l-informazzjoni li tinsab fl-Anness 5 tal-imsemmija deċiżjoni.


17 – Ara l-komunikazzjoni għall-istampa tal-Kummissjoni tal-1 ta’ April 2009 (IP/09/515). Fil-punt 60 tas-sentenza appellata jissemmew l-impenji meħuda mir-rikorrenti fl-appell prinċipali.


18 – Sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2013, Versalis vs Il-Kummissjoni (C-511/11 P, punt 115).


19 – Sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005 Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punti 97 u 99).


20 – Ara s-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Réexamen Arango Jaramillo et vs BEI (C-334/12 RX-II, punt 43) u d-digriet tas-16 ta’ Novembru 2010, Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert vs Il-Kummissjoni (C‑73/10 P, Ġabra p. I‑11535, punt 53) li fih jinsabu riferimenti għall-ġurisprudenza tal-KEDB.


21 – Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, il-punt 83 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Gestoras Pro Amnistía et vs Il-Kunsill (sentenza tas-27 ta’ Frar 2007, C‑354/04 P, Ġabra p. I‑1579) fejn jinsabu riferimenti oħrajn għall-ġurisprudenza tal-KEDB. Ara wkoll id-digriet, Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 53 kif ukoll il-punt 73 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalon fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, PPG u SNF vs ECHA (C‑625/11 P).


22 – Ara s-sentenza Réexamen Arango Jaramillo et vs BEI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43 u punt 73 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalon fil-kawża PPG u SNF vs ECHA, iċċitati iktar ’il fuq.


23 – Fuq il-bażi ta’ serje ta’ elementi li għandhom rabta, b’mod partikolari, mar-regoli tal-funzjonament tal-organizzazzjoni, mar-relazzjonijiet bejn il-korpi maniġerjali tagħha u l-banek membri, mas-sistema ta’ affiljazzjoni man-netwerk, kif ukoll man-natura tad-deċiżjonijiet relatati mal-KMS u n-natura obbligatorja tagħhom għall-banek membri, il-Kummissjoni kkonkludiet, fid-deċiżjoni kkontestata, li MasterCard kienet tikkostitwixxi assoċjazzjoni ta’ impriżi fis-sens tal-Artikolu 81(1)(KE) (premessi 344 sa 349) sal-25 ta’ Mejju 2006, id-data tal-IPO, u li d-deċiżjonijiet li hija kienet tadotta fir-rigward tal-KMS kienu, sa dik id-data, “deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi” fis-sens tal-istess dispożizzjoni (premessa 371).


24 – Ara l-punti 241 u 242.


25 – Ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (C‑49/92 P, Ġabra 1999 p. I‑4125, punt 131), tat-23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax u Administración del Estado (C‑238/05, Ġabra 2006 p. I‑11125, punti 31 u 32) u tal-4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et (C‑8/08, Ġabra 2009 p. I‑4529, punt 23); ara wkoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Ġunju 2011, FMC Foret vs Il-Kummissjoni (T‑191/06, Ġabra 2011 p. II‑2959, punt 102).


26 – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Leger fil-kawża Wouters, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62. Jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza li, f’sistema magħluqa ta’ dan it-tip, ma jistax ikun ipprojbit għall-Kummissjoni li tikklassifika l-ftehim alternattivament bħala akkordju, prattika miftiehma jew deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi (ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra p. II‑931, punt 697, u, fl-aħħar nett, is-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013, Solvay Solexis vs Il-Kummissjoni, C-449/11 P, punti 61 u 62).


27 – Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ottubru 1980, van Landewyck et vs Il-Kummissjoni (209/78 sa 215/78 u 218/78, Ġabra 1980 p. 3125, punt 88).


28 – Ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Jannar 1985, Clair (123/83, Ġabra 1985 p. 391, punt 17), tat-18 ta’ Ġunju 1998, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑35/96, Ġabra 1998 p. I‑3851, punt 40) u t-at-12 ta’ Settembru 2000, Pavlov et (C‑180/98 sa C‑184/98, Ġabra 2000 p. I‑6451, punt 85).


29 – Ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Jannar 2005, Piau vs Il-Kummissjoni (T‑193/02, Ġabra p. II‑209, punt 69) u tat-13 ta’ Diċembru 2006, FNCBV vs Il-Kummissjoni (T‑217/03 u T‑245/03, Ġabra 2006 p. II‑4987, punt 49), ikkonfermata bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Diċembru 2008, Coop de France bétail et viande et vs Il-Kummissjoni (C‑101/07 P u C‑110/07 P, Ġabra 2008 p. I‑10193).


30 – Ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 2005, DaimlerChrysler vs Il-Kummissjoni (T‑325/01, Ġabra 2005 p. II‑3319, punt 210).


31 – Ara f’dan is-sens is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Jannar 1987, Verband der Sachversicherer vs Il-Kummissjoni (45/85, Ġabra 1987 p. 405, punt 32).


32 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26.


33 – B’mod partikolari s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Novembru 1993, Reiff (C‑185/91, Ġabra 1993 p. I‑5801), tad-9 ta’ Ġunju 1994, Delta Schiffahrts- und Speditionsgesellschaft (C‑153/93, Ġabra 1994 p. I‑2517), tat-18 ta’ Ġunju 1998, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-35/96, Ġabra p. I-3851, punti 36 sa 38), tal-5 ta’ Ottubru 1995, Centro Servizi Spediporto (C‑96/94, Ġabra 1995 p. I‑2883), u tas-17 ta’ Ottubru 1995, DIP et (C‑140/94 sa C‑142/94, Ġabra 1995 p. I‑3257).


34 – Fil-kawża Wouters, iċċitata iktar ’il fuq, il-kwistjoni kienet tirrigwarda l-kamra tal-avukati tal-Pajjiżi l-Baxxi, fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, il-Kunsill nazzjonali tal-ispedituri tad-dwana, fil-kawżi Reiff u Delta Schiffahrts- und Speditionsgesellschaft, iċċitata iktar ’il fuq, il-kummissjonijiet imposti fuq l-iffissar rispettivament tat-tariffi tat-trasport bit-triq ta’ merkanzija fuq distanza twila u t-tariffi tat-traffiku kummerċjali fuq ix-xmara fil-Ġermanja, fil-kawża Centro Servizi Spediporto, iċċitata iktar ’il fuq, il-kumitat inkarigat mil-liġi Taljana biex iżomm ir-reġistru nazzjonali tat-trasportaturi tal-merkanzija fuq it-toroq u li huma involuti fl-iffissar tat-tariffi tat-trasport u, finalment, fil-kawża DIP iċċitata iktar ’il fuq, il-kummissjonijiet muniċipali involuti fil-proċedura ta’ għoti ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ ftuħ tal-kummerċ bl-imnut fl-Italja.


35 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Frar 2013 (C‑1/12).


36 – Sentenza tas-6 ta’ Jannar 2004, BAI u Il-Kummissjoni vs Bayer (C‑2/01 P u C‑3/01 P, Ġabra 2004 p. I‑23).


37 – Waqt li kkonfermat is-sentenza fl-ewwel istanza, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li “sabiex ftehim (…) ikun jista’ jitqies li ġie konkluż permezz ta’ aċċettazzjoni taċita, huwa neċessarju li l-manifestazzjoni tar-rieda ta’ waħda mill-partijiet kontraenti li tirrigwarda skop antikompetittiv tkun tikkostitwixxi stedina lill-parti l-oħra, kemm jekk tkun espressa jew impliċita, biex iwettqu dak l-iskop flimkien, u dan saħansitra aktar meta dak l-akkordju ma jkunx, bħal f’din il-kawża, prima facie fl-interess tal-parti l-oħra, jiġifieri l-bejjiegħa bl-ingrossa”, ara l-punt 102.


38 – Fir-risposti rispettivi tagħhom, LBG u HSBC jinvokaw żnaturament tal-fatti, jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li ma kkunsidratx il-provi mix-xhieda li huma pproduċew quddiemha, li minnhom kien jirriżulta li wara l-IPO l-banek ma kellhom ebda kontroll jew influwenza fuq l-iffissar tad-DMIs, u li dwar dan is-suġġett huma la kienu kkonsultati minn qabel u lanqas ikkonsultati ħlief wara li ġew adottati. F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali ma bbażatx ruħha, fl-evalwazzjoni tagħha tal-fatti, fuq xi implikazzjoni tal-banek fil-proċess ta’ adozzjoni tal-KMS. Għall-kuntrarju, fil-punt 245 tas-sentenza appellata, hija kklassifikat bħala “stabbilit” il-fatt li “mill-IPO, id-deċiżjonijiet dwar il-KMS huma adottati mill-korpi tal-organizzazzjoni tal-ħlas MasterCard u li l-banek ma jipparteċipawx f’dan il-proċess deċiżjonali”. B’hekk, għalkemm dawn l-ilmenti ma għandhomx jiġu ddikjarati bħala inammissibbli inkwantu huma ġodda fil-konfront tal-appell prinċipali u ma ġewx issollevati fil-kuntest ta’ appell inċidentali, huma irrilevanti.


39 – Ir-rikorrenti fl-appell prinċipali sempliċement jafferemaw in-natura “manifestament skorretta” tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali u jsostnu li l-banek emittenti għandhom interess li jbaxxu l-livell tal-KMS sabiex inaqqsu l-ispejjeż tagħhom u jżidu l-profitti tagħhom fuq l-MSC.


40 – Ara l-punti 253 u 134 tas-sentenza appellata.


41 – Dik l-influwenza hija eżerċitata kemm fil-każ ta’ tranżazzjonijiet transkonfinali, li għalihom l-KMS japplikaw fin-nuqqas ta’ kummissjonijiet ta’ skambju iktar speċifiċi, kif ukoll f’każ ta’ tranżazzjonijiet nazzjonali, li fir-rigward tagħhom il-KMS jew japplikaw fin-nuqqas ta’ kummissjonijiet ta’ skambju bejn pajjiż u ieħor jew inkella jservu bħala referenza meta dawn jiġu adottati (premessi 412 sa 424 tad-deċiżjoni kkontestata).


42 – Waqt li ma tiġix eskluża l-possibbiltà li l-KMS, li jirrestrinġu d-determinazzjoni tal-prezzijiet permezz tal-kompetizzjoni, seta’ kellhom skop antikompetittiv, il-Kummissjoni madankollu ddeċidiet li ma tadottax pożizzjoni f’dan ir-rigward, billi kkunsidrat li l-effetti restrittivi tagħhom kienu ġew stabbiliti b’mod ċar (punti 401 sa 407).


43 – Fuq il-bażi tal-informazzjoni relatata mas-sena 2002, il-Kummissjoni evalwat li l-KMS setgħu jirrappreżentaw bħala medja sa 73 % ta’ dawn l-ispejjeż.


44 – Premessi 439 sa 460.


45 – Premessi 461 sa 466.


46 – Premessi 467 sa 496.


47 – Premessi 497 sa 521.


48 – Jiġifieri regola li tipprojbixxi lill-emittenti u lill-akkwirenti milli jiddefinixxu l-ammont tal-KMS wara li jkun sar xiri minn wieħed mid-detenturi ta’ karti tal-emittent mingħand wieħed mill-kummerċjanti tal-akkwirent, u li t-tranżazzjoni ġiet sottomessa għal regolament.


49 – Deċiżjoni 2002/914.


50 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Ġunju 1966, LTM (56/65, Ġabra 1966 p. 337, sa p. 359 u 360), tal-11 ta’ Diċembru 1980, L’Oréal (31/80, Ġabra 1980 p. 3775, punt 19), tat-12 ta’ Diċembru 1995, Oude Luttikhuis et (C-399/93, Ġabra p. I-4515, punt 10), tat-28 ta’ Mejju 1998, Deere vs Il-Kummissjoni (C-7/95 P, Ġabra p. I-3111, punt 76), u New Holland Ford vs Il-Kummissjoni (C-8/95 P, Ġabra p. I-3175, punt 90); tal-21 ta’ Jannar 1999, Bagnasco et (C‑215/96 u C‑216/96, Ġabra 1999 p. I‑135, punt 33); sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 2006, O2 (Germany) vs Il-Kummissjoni (T‑328/03, Ġabra 2006 p. II‑1231, punt 68).


51 – Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il-Kummissjoni (C‑389/10 P, Ġabra p. I‑13125, punt 39).


52 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza LTM (iċċitata, p. 250).


53 – Ara wkoll is-sentenza O2 (Germany) vs Il-Kummissjoni (iċċitata, punt 72), li fiha l-Qorti Ġenerali enfasizzat l-importanza tal-eżami tal-kompetizzjoni fin-nuqqas ta’ ftehim dwar swieq fi proċess ta’ liberalizzazzjoni jew swieq emerġenti.


54 – Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 1998, European Night Services et vs Il-Kummissjoni (T‑374/94, T‑375/94, T‑384/94 u T‑388/94, Ġabra 1998 p. II‑3141, punt 137).


55 – Ara s-sentenza O2 (Germany) vs Il-Kummissjoni (iċċitata, punt 72).


56 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Frar 1991, Delimitis, C‑234/89, Ġabra 1991 p. I‑935


57 – Ara b’mod partikolari l-premessi 408, 410 tad-deċiżjoni kkontestata fejn il-Kummissjoni affermat li “il-prezzijiet iffissati mill-banek akkwirenti jkunu inferjuri kieku [ir-regola multilaterali “awtomatika”] ma kinitx teżisti u kieku s-sistema kienet tipprovdi regola li tipprojbixxi l-impożizzjoni ta’ tariffi a postériori”, kif ukoll il-punt 460 msemmi qabel.


58 –      Fuq il-bażi, inter alia, ta’ kunsiderazzjonijiet marbuta mal-kompetizzjoni intersistemi.


59 – B’mod ċar, dan b’ebda mod ma jippreġudika l-analiżi tal-Kummissjoni, li tgħid li fin-nuqqas tal-KMS, il-kompetizzjoni bejn il-banek akkwirenti eventwalment twassal għall-eliminazzjoni ta’ kull kummissjoni ta’ skambju.


60 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 50.


61 – Din is-sentenza tgħid: “Minkejja li huwa rrikonoxxut li l-KMS jiffissaw livell minimu għall-MSC u sa fejn il-Kummissjoni setgħet tikkonstata b’mod validu li sistema MasterCard li tiffunzjona mingħajr KMS tibqa’ ekonomikament vijabbli, minn dan neċessarjament jirriżulta li dawn għandhom effetti li jirrestrinġu l-kompetizzjoni”.


62 – Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni (T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra 2006 p. II‑5169).


63 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni (C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P, Ġabra 2009 p. I‑8681, punti 116 sa 119).


64 – Punt 285 u l-ġurisprudenza ċċitata.


65 – Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.


66 – Il-Qorti Ġenerali, fil-punt 150 tas-sentenza appellata, fl-ewwel lok fakkret il-konklużjonijiet li l-Kummissjoni dderivat mill-istudju tas-suq tal-2004 dwar l-inkapaċità tal-kummerċjanti li jeżerċitaw pressjoni suffiċjenti fuq l-ammont tal-KMS “minħabba li element essenzjali fl-aċċettazzjoni ta’ ħlasijiet permezz tal-karti min-naħa tan-negozjanti kien l-attrazzjoni li l-karti jirrappreżentaw għall-konsumaturi u li, għaldaqstant, rifjut ta’ dan il-mezz ta’ ħlas jew diskriminazzjoni fir-rigward tiegħu seta’ jkollu effetti negattivi fuq il-klijentela tagħhom”, u sussegwentement, fil-punt 157, hija kkonstatat il-fondatezza ta’ dawk il-konklużjonijiet u, finalment, fil-punt 158, iddiskutiet ċerti konsegwenzi tagħhom.


67 – Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Settembru 2001, M6 et vs Il-Kummissjoni (T‑112/99, Ġabra 2001 p. II‑2459).


68 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Diċembru 1994, DLG (C‑250/92, Ġabra 1994 p. I‑5641).


69 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 66.


70 – Sentenza M6 et vs Il-Kummissjoni (iċċitata, punt 109).


71 – Sentenza M6 et vs Il-Kummissjoni (iċċitata, punt 104).


72 – Sentenza M6 et vs Il-Kummissjoni (iċċitata, punt 106).


73 – Fl-istess sens, ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Ġunju 2012, E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il-Kummissjoni (T‑360/09). Il-prinċipji stabbiliti fis-sentenza M6 et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ġew applikati b’analoġija fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ April 2013, Stim vs Il-Kummissjoni (T‑451/08).


74 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 1977, Metro SB-Großmärkte vs Il-Kummissjoni (26/76, Ġabra 1977 p. 1875, punti 20 u 27). F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li affermat li, taħt ċerti kundizzjonijiet, is-“sistema ta’ distribuzzjoni selettiva tikkostitwixxi, inter alia, element ta’ kompetizzjoni konformi mal-Artikolu 8[1], paragrafu 1, [KE]”, hija kkunsidrat li “kull sistema bbażata fuq għażla tal-punti ta’ distribuzzjoni neċessarjament timplika, għaliex inkella ma jkollha ebda sens, l-obbligu għall-bejjiegħa bl-ingrossa li jagħmlu parti min-netwerk li jiksbu l-provvisti tagħhom biss mingħand rivendituri approvati” u, b’hekk, li l-limitazzjonijiet li jippermettu l-kontroll tal-osservanza ta’ dak l-obbligu, “inkwantu ma jaqbżux l-għan imfittex, ma jistgħux jikkostitwixxu fihom infushom restrizzjoni tal-kompetizzjoni iżda huma anċillari għall-obbligu prinċipali, li huma jikkontribwixxu biex jiżguraw l-applikazzjoni tiegħu”.


75 – B’hekk, pereżempju, fis-sentenza Remia et vs Il-Kummissjoni (sentenza tal-11 ta’ Lulju 1985, 42/84, Ġabra 1985 p. 2545, punti 19 u 20), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-klawżoli antikompetittivi inseriti f’kuntratti ta’ ċessjoni ta’ impriża, inkwantu dawn jiggarantixxu, fil-prinċipju, il-“possibbiltà u l-effettività ta’ tali ċessjoni”, jikkontribwixxu “biex isaħħu l-kompetizzjoni permezz ta’ żieda fin-numru ta’ impriżi preżenti fis-suq inkwistjoni”, iżda kemm-il darba “dawn ikunu neċessarji għat-trasferiment tal-impriża ċeduta u t-tul u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom ikunu limitati strettament għal dan l-għan”. F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet osservat li l-ftehim ta’ ċessjoni tal-impriża inkwistjoni “[ma setax] jitwettaq” fin-nuqqas tal-klawżola inkwistjoni, għaliex “il-kumpratur, li kienet jaf partikolarment sew il-karatteristiċi speċifiċi tal-impriża ttrasferita kien żamm il-possibbiltà li jiġbed lejh mill-ġdid il-klijentela l-qadima tagħha immedjatament wara ċ-ċessjoni u li b’hekk jagħmel lil dik l-impriża vijabbli”. Barra minn hekk, fis-sentenza Pronuptia de Paris (sentenza tat-28 ta’ Jannar 1986, 161/84, Ġabra 1986 p. 353 punti 15 et seq u punt 1.B tad-dispożittiv), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għadd ta’ klawżoli anċillari għal ftehim ta’ franchising ma kinux jaqgħu taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 81(1) KE inkwantu dawn kienu “indispensabbli sabiex is-sistema ta’ franchising tkun tista’ taħdem”. Finalment, fis-sentenza DLG, iċċitata iktar ’il fuq, li fuqha jibbażaw ruħhom ir-rikorrenti fl-appell prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet “li dispożizzjoni statutarja ta’ assoċjazzjoni kooperattiva tax-xiri, li tipprojbixxi lill-membri tagħha li jagħmlu parti minn forom oħrajn ta’ kooperazzjoni organizzata b’kompetizzjoni diretta magħha, ma taqax taħt il-projbizzjoni prevista mill-Artikolu 8[1], paragrafu 1 [KE], meta din id-dispożizzjoni statutarja tkun limitata għal dak li huwa meħtieġ sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-kooperattiva u sabiex tiġi sostnuta s-saħħa kuntrattwali tagħha fil-konfront tal-produtturi”.


76 – B’hekk, klawżola li tkun limitata li tiffaċilita l-eżekuzzjoni tal-akkordju, mingħajr ma tkun neċessarja fis-sens deskritt, tevita l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 81(1) KE biss jekk din ma tirrestrinġix il-kompetizzjoni jew meta tkun tista’ tiġi eżentata abbażi tal-Artikolu 81(3) KE.


77 – Ara s-sentenza M6 et vs Il-Kummissjoni (iċċitata, punti 109 u 121).


78 – Ara M6 et vs Il-Kummissjoni (iċċitata, punti 109 u 121), li tirreferi, f’dan ir-rigward, inter alia għall-punt 24 tas-sentenza Pronuptia de Paris, li fiha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-klawżola ta’ esklużività territorjali inkwistjoni tikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, waqt li rrikonoxxiet li, fin-nuqqas ta’ tali protezzjoni territorjali, kandidat għal franchising jista’ jaqta’ qalbu li jieħu r-riskju li jingħaqad mal-katina.


79 – Fl-istess sens, fil-punt 101 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, qabel ma nediet l-eżami fir-rigward tan-natura oġġettivament neċessarja tal-KMS bħala mekkaniżmu ta’ trasferiment ta’ fondi favur il-banek emittenti, ippreċiżat li “[d]an ma jfissirx li jsir paragun intiż sabiex jiġi ddeterminat jekk is-sistema MasterCard tiffunzjonax b’mod iktar effikaċi [bil-KMS] milli fuq il-bażi biss ta’ projbizzjoni ta’ tariffar ‘ex post’”.


80 – Ara s-sentenzi Remia (iċċitata, punt 20) u M6 et vs Il-Kummissjoni (iċċitata, punt 113).


81 – Ara s-sentenza Remia (iċċitata, punti 18 u 19).


82 – Sentenza M6 (iċċitata, punt 109).


83 – Nirreferi, f’dan ir-rigward, dwar il-każ ineżami, għall-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 66 iktar ’il fuq.


84 – Għalkemm jistgħu jitqiesu elementi oħrajn, bħal pereżempju kunsiderazzjonijiet marbuta mal-kuntest politiku li fih isseħħ l-operazzjoni prinċipali. Ara f’dan is-sens is-sentenza E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il-Kummissjoni (iċċitata, punt 75).


85 – B’hekk, pereżempju, fis-sentenza Remia, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat l-approċċ tal-Kummissjoni li taċċetta t-tul ta’ erba’ snin tal-klawżola antikompetittiva li tinsab fil-kuntratt ta’ ċessjoni tal-impriża inkwistjoni minflok dik ta’ għaxar snin stipulata mill-partijiet, liema approċċ kien ibbażat fuq “il-konvinzjoni”, li ġiet akkwistata wara eżami taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, “li huwa biss tul ta’ erba’ snin li kien oġġettivament iġġustifikat” sabiex iċ-ċessjonarju jkun jista’ jintroduċi l-marka kummerċjali ġdida tiegħu u jaqbad mal-klijentela waqt li jiġi evitat li ċ-ċedent jerġa’ jidħol mill-ġdid fis-suq (punt 30). Bl-istess mod, meta fis-sentenza Metro, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-proporzjonalità tal-klawżoli li jillimitaw il-libertà ta’ azzjoni tal-partijiet ikkonċernati f’kuntratt ta’ distribuzzjoni selettiva, l-analiżi tagħha kkonċernat unikament il-kwistjoni jekk klawżoli ta’ dik ix-xorta kinux imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-objettiv tagħhom, billi jimponu fuq il-partijiet obbligi iktar vinkolanti (b’mod partikolari, punti 27, 37, 39). Fis-sentenza M6 et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, wara li eżaminat il-klawżola ta’ esklużività ta’ tul ta’ għaxar snin li tinsab fil-ftehim għall-finijiet tal-ħolqien tal-kumpannija Télévision par satellite, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li dak it-tul “deher eċċessiv” inkwantu l-istabbiliment ta’ dik il-kumpannija kellu jseħħ qabel it-tmiem ta’ dak il-perijodu, u li kien “pjuttost probabbli” li l-iżvantaġġ kompetittiv tagħha kien ser jonqos maż-żmien u li “għaldaqstant, ma setax jiġi eskluż” li tali esklużività, għalkemm intiża inizjalment biex issaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva ta’ dik il-kumpannija fis-suq tat-televiżjoni bi ħlas, “eventwalment kienet ser tippermettilha, wara numru ta’ snin, li telimina l-kompetizzjoni f’dak is-suq”. Ara wkoll is-sentenza DLG (iċċitata, punti 35 u 40) u, għalkemm f’kuntest differenti, is-sentenza Wouters (iċċitata, punt 109), u s-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2006, Meca-Medina u Majcen vs Il-Kummissjoni (C‑519/04 P, Ġabra p. I‑6991, punt 47), tat-18 ta’ Lulju 2013, Consiglio Nazionale dei Geologi (C‑136/12, punt 54) u Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas (iċċitata, 100).


86 – Ara l-punt 19 tas-sentenza appellata u l-premessi 146 sa 155 tad-deċiżjoni kkontestata.


87 – Fi kwalunkwe każ, anki jekk nassumu li projbizzjoni tal-impożizzjoni ta’ tariffi ex post għandha, fis-suq tal-akkwist, effetti “kwalitattivament” simili għal dawk tal-KMS, inkwantu telimina, bl-istess mod bħalhom, it-trasparenza tal-ispejjeż marbuta mal-kummissjonijiet ta’ skambju fin-nuqqas ta’ ftehim bilaterali, xorta jibqa’ l-fatt li “kwantitattivament”, dawn l-effetti ma jistgħux jiġu assimilati. F’dan ir-rigward, infakkar li fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, waqt li bbażat ruħha fuq l-informazzjoni relatata mas-sena 2002, evalwat li l-KMS setgħu jirrappreżentaw bħala medja sa 73 % tal-ispejjeż iffatturati mill-banek akkwirenti lill-kummerċjanti (ara l-premessi 425 u 426). Barra minn hekk, anki jekk nassumu li dak li l-argumentazzjoni tar-rikorrenti fl-appell prinċipali ssostni huwa preċiż, jiġifieri li l-Kummissjoni tikkontesta sempliċement il-livell tal-KMS, infakkar, fl-ewwel lok, li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni saret abbażi tal-KMS applikabbli matul il-proċedura amministrattiva, fit-tieni lok, li matul l-ewwel istanza ma ġie ssollevat ebda lment dwar il-possibbiltà ta’ limitu minimu ta’ sensittività tar-restrizzjoni marbuta mal-livell tal-KMS — u, fi kwalunkwe każ, ma ġiex invokat f’din il-proċedura — u, fit-tielet lok, li l-parti tas-sentenza appellata li fiha l-Qorti Ġenerali tiċħad l-ilmenti dwar in-natura sproporzjonata tal-miżura imposta, jiġifieri l-eliminazzjoni sħiħa tal-KMS, fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni semmiet biss il-livell tagħhom, ma ġietx ikkontestata fl-ambitu ta’ din il-proċedura.


88 – Ma teżisti ebda kompetizzjoni bejn banek emittenti għas-servizzi offruti lill-banek akkwirenti (għal kull tranżazzjoni l-bank emittenti huwa dejjem dak li joħroġ il-karta) u b’hekk ma huwiex possibbli li jiġi identifikat suq għal dawn is-servizzi.


89 – Sentenza tas-27 ta’ Jannar 2000, DIR International (C-164/98 P, Ġabra p. I‑447, punt 38 u 42). Il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża madankollu li għalkemm il-Qorti Ġenerali tista’ tasal biex tinterpreta l-motivazzjoni tal-att ikkontestat b’mod differenti mill-awtur tiegħu, jew anki f’ċerti ċirkustanzi li tiċħad il-motivazzjoni formali mogħti mill-istess awtur, hija ma tistax tagħmel dan meta ma jkun hemm ebda element materjali li jiġġustifikah (punt 42).


90 – Sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing (C‑525/04 P, Ġabra p. I‑9947, punt 57) u tat-2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Scott (C‑290/07 P, Ġabra 2010 p. I‑7763, punt 66).


91 – Ara l-punti 106 et seq tas-sentenza appellata.


92 – Ara l-premessi 609 sa 614 tad-deċiżjoni kkontestata.


93 – F’din il-kawża, id-deċiżjoni kkontestata ma timponix multi iżda tipprevedi l-applikazzjoni ta’ multi ta’ kuljum f’każ li ma jiġux irrispettati l-miżuri korrettivi imposti.


94 – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, ĠU L 1, p. 1.


95 – Ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni (100/80, 101/80, 102/80 u 103/80, Ġabra p. 1825, punt 105), u tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 149).


96 – Ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Marzu 1992, SIV et vs Il-Kummissjoni (T‑68/89, T‑77/89 u T‑78/89, Ġabra 1992 p. II‑1403, punti 160, 319 u 320).


97 – Waqt li fil-bidu kienet ristretta għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) KE, sussegwentement din il-ġurisprudenza ġiet estiża, sa mis-sentenza Remia et vs Il-Kummissjoni (iċċitata, punt 34), għall-kuntest tal-applikazzjoni tal-paragrafu 1 ta’ dik id-dispożizzjoni. Ara, inter alia, is-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P, C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 279). Wieħed jista’ jistaqsi dwar il-persistenza, fil-mument attwali, tar-raġunijiet sottostanti għal tali pożizzjoni ġudizzjarja, meta jitqies b’mod partikolari l-proċess ta’ diċentralizzazzjoni tal-infurzar tad-dritt antitrust tal-Unjoni kif ukoll l-esperjenza f’dan il-qasam miksub matul is-snin mill-qrati tal-Unjoni.


98 – Dan il-proċess jikkonċerna fl-ewwel lok setturi distinti, bħall-kontroll tal-konċentrazzjonijiet u l-għajnuna mill-Istat. Ara rispettivament is-sentenzi tal-15 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs Tetra Laval (C‑12/03 P, Ġabra p. I‑987, punt 39) u tat-22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing (C‑525/04 P, Ġabra p. I‑9947, punti 56 u 57).


99 – Ara s-sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME et vs Il-Kummissjoni (C‑272/09 P, għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 94) KME Germany et vs Il-Kummissjoni (iċċitata, punt 121) u Chalkor vs Il-Kummissjoni (C‑386/10 P, Ġabra p. I‑13085, punt 54).


100 – Sentenzi KME Germany et vs Il-Kummissjoni (C-389/10, punt 102) u Chalkor vs Il-Kummissjoni (iċċitata, punt 62). Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Novembru 2012, Otis et (C‑199/11, punti 59 u 61).


101 – Meta jitqies kemm il-kontenut tagħha kif ukoll il-kuntest li fih tinsab, jidher li din għandha tibqa’ limitata għall-għażla u għall-evalwazzjoni ta’ fatturi li jiġu kkunsidati għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa u mhux li tiġi estiża għall-istħarriġ tal-evalwazzjoni mwettqa meta jiġi kkonstatat il-ksur. Madankollu, wieħed jista’ jistaqsi jekk l-istess approċċ restrittiv ikunx iktar iġġustifikat fil-kuntest ta’ tali stħarriġ, fejn, b’mod differenti mill-kuntest tal-qasam tal-multi, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa.


102 – Hekk kif imxiet iktar f’din id-direzzjoni, il-Qorti tal-EFTA, fis-sentenza tagħha tat-18 ta’ April 2012 Posten Norge As vs L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA (E-15/10, li għadha ma ġietx ippubblikata), iddedikata espressament għall-abbandun tal-istħarriġ ristrett tal-iżball manifest tal-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi li saru mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA (punt 102). Fir-raġunijiet tas-sentenza, wara li interpretat il-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni f’dan ir-rigward bħala riferiment għal-limiti tal-kontroll tal-legalità (punt 96), hija kkonkludiet li, meta jitqiesu r-restrizzjonijiet li jirriżultaw mill-komponent penali tal-Artikolu 6(1) KEDB, meta hija timponi multi għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA ma għandha ebda diskrezzjoni fl-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi li jmorru lil hinn minn dak li huwa inerenti f’dawk il-limiti (100). B’hekk, skont il-Qorti tal-EFTA, għalkemm ma huwiex fil-kompetenza tal-qorti, fil-kuntest ta’ tali stħarriġ, li tissostitwixxi l-evalwazzjoni (diverġenti) tagħha tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi għal dik tal-awtur tal-att, meta ebda oġġezzjoni ġuridika ma tkun tista’ ssir kontra l-konklużjonijiet adottati minnha, dik il-qorti għandha madankollu tkun “konvinta mill-fatt li dawn il-konklużjonijiet huma sostnuti b’fatti” (punt 101).


103 – Sentenzi Chalkor vs Il-Kummissjoni (iċċitata, punt 67) KME Germany et vs Il-Kummissjoni (C-389/10, punt 133), Otis et (punti 59 sa 63).


104 – Sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013 (C‑501/11 P, punti 30 sa 39). Minn perspettiva formali, l-eżami kien ibbażat fuq l-Artikolu 47 tal-Karta u mhux fuq l-Artikolu 6 KEDB, ara b’mod partikolari l-punt 32 tas-sentenza u l-ġurisprudenza ċċitata.


105 – In-natura penali tas-sanzjonijiet għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-komponent penali tal-Artikolu 6(1) KEDB tirriżulta mill-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti mill-Qorti EDB fis-sentenza Engel et vs Il-Pajjiżi l-Baxxi tat-8 ta’ Ġunju 1976, Nru 5100/71. F’dan is-sens, ingħatat deċiżjoni mill-Qorti EFTA fis-sentenza Posten Norgen vs L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA iċċitata iktar ’il fuq, punt 88. Jidher li dan ġie rrikonoxxut ukoll mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni (iċċitata, b’mod partikolari l-punt 33).


106 – Sentenza tal-Qorti EDB tas-27 ta’ Settembru 2011, Menarini Diagnostics Srl vs L-Italja (Rikors Nru 43509/08, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).


107 – Ta’ mill-inqas fil-verżjoni Franċiża tas-sentenzi tal-Qorti EDB, li jagħmlu riferiment għal setgħa ta’ riforma u mhux biss ta’ annullament, kif min-naħa l-oħra huwa l-każ fil-verżjoni Ingliża.


108 – U dan fir-rigward kemm tad-determinazzjoni tal-penali kif ukoll tal-konstatazzjoni tal-ksur.


109 – Il-portata tal-istħarriġ u n-natura ta’ dawn il-kompetenzi huma deskritti, f’termini partikolarment wiesgħin, fl-opinjoni dissidenti tal-imħallef Pinto de Albuquerque fis-sentenza Menarini Diagnostics Srl vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq. Kieku wieħed kellu jsegwi l-approċċ rakkomandat f’dik l-opinjoni, tkun tista’ tiġi ddubitata l-konformità mal-Artikolu 6 KEDB tal-eżami tal-qorti tal-Unjoni dwar deċiżjonijiet li jippenalizzaw ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, li jkun limitat, f’dak li jirrigwarda l-konstatazzjoni tal-ksur, għal stħarriġ tal-legalità.


110 – Ara, f’dan is-sens, il-punti 32 sa 36 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Elf Aquitaine (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C-521/09 P, Ġabra 2011 p. I-8947).


111 – Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq KME Germany et vs Il-Kummissjoni (C-389/10) u Chalkor vs Il-Kummissjoni, rispettivament fil-punti 136 u 82.


112 – Ara, għal affermazzjoni iktar espliċita ta’ dan l-approċċ, li ma huwiex eżenti minn kritika mill-perspettiva taċ-ċertezza legali, l-opinjoni konkordanti tal-imħallef Sajò fil-kawża Menarini Diagnostics Srl vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq.


113 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 105.


114 – B’mod simili għal dik eżerċitata mill-qorti amminstrattiva reġjonali ta’ Latium u mill-Kunsill tal-Istat Taljan fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-Autorità garante della concorrenza e del mercato, li l-konformità tagħha ma’ dik id-dispożizzjoni ġiet affermata mill-Qorti EDB fis-sentenza tagħha Menarini, iċċitata iktar ’il fuq.


115 – Ara s-sentenzi KME et vs Il-Kummissjoni (iċċitata, punt 63), KME Germany et vs Il-Kummissjoni (iċċitata, punt 136) u Chalkor vs Il-Kummissjoni (iċċitata, punt 82).


116 – Il-preċiżjoni li dik l-affermazzjoni fil-punt 96 hija biss dikjarazzjoni tal-prinċipju li restrizzjoni anċillari għal operazzjoni prinċipali ma tistax titqies li hija oġġettivament neċessarja fil-preżenza ta’ alternattiva inqas restrittiva.


117 – Fil-punti 113 sa 119 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali barra minn hekk eżaminat u ċaħdet l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fl-appell prinċipali u mill-intervenjenti bil-għan li titpoġġa f’dubju r-rilevanza tal-eżempju Awstraljan, li huma bbażati, fl-ewwel lok, fuq il-fatt li l-intervent tal-awtorità regolatorja Awstraljana wassal għal tnaqqis u mhux għall-eliminazzjoni tal-KMS, fit-tieni lok, nuqqas ta’ komparabbiltà tal-kundizzjonijiet tas-suq fl-Awstralja ma’ dawk taż-ŻEE u, fit-tielet lok, ir-riperkussjonijiet negattivi li dan it-tnaqqis kien ikollu għad-detenturi tal-karti.


118 – Sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il-Kummissjoni et (C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, Ġabra p. I‑9291, punt 92 (korsiv miżjud minni).


119 – Sentenza GlaxoSmithKline Services, iċċitata iktar ’il fuq, punt 93 (korsiv miżjud minni).


120 – Ara, speċifikament, l-Artikoli 4, 6 u 9 tar-Regolament nru 17 tal-Kunsill, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel regolament li japplika l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204).


121 – Ara l-punt 66 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak tat-3 ta’ Mejju 2007, fil-kawża ZF Zefeser (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, C-62/06, Ġabra I-11995).


122 – Ara l-punt 70 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer ippreżentati fit-8 ta’ Ġunju 2006 fil-kawża van Straaten (sentenza tat-28 ta’ Settembru 2006, C-150/05, Ġabra I-9327).


123 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza GlaxoSmithKline Services, iċċitata iktar ’il fuq, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata.


124 – Ara l-punt 176 tas-sentenza appellata.


125 – Ara s-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni (56/64 u 58/64, Ġabra p. 429, p. 502) u GlaxoSmithKline Services, iċċitata iktar ’il fuq, punt 92. Ara wkoll il-punt 141 iktar ’il fuq.


126 – Min-naħa l-oħra, ma huwiex neċessarju li parti mill-vantaġġi oġġettivi tmur direttament lil kull wieħed minn dawn l-utenti individwalment inkwantu huwa l-effett fuq l-utenti kollha fis-suq li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax u Administración del Estado (C‑238/05, Ġabra p. I‑11125, punti 70 u 72).


127 – Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jikkontradixxux l-affermazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Asnef-Equifax, iċċitata iktar ’il fuq, li tgħid li sabiex kundizzjoni relatata mal-fatt li parti ekwa mill-gwadann għandha tmur favur l-utenti “huwa meħtieġ li l-effett globali fuq il-konsumaturi fis-swieq in kwistjoni jkun favorevoli” (ara l-punti 70 u 72). Kif jirriżulta min-nota preċedenti, fil-kawża Asnef-Equifax effettivament qamet il-kwistjoni jekk huwiex neċessarju li kull membru tal-kategorija tal-konsumaturi kkonċernata jibbenefika individwalment mill-vantaġġi oġġettivi li jirriżultaw mill-ftehim restrittiv u mhux il-kwistjoni jekk kategorija ta’ konsumaturi tibbenefikax għad-detriment ta’ kategorija oħra.


128 – Ara, f’dan is-sens is-sentenza GlaxoSmithKline Services, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63.


129 – Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jeskludux, fil-fehma tiegħi, b’mod assolut li, f’każijiet partikolari, il-Kummissjoni, fil-kuntest tal-għażlet li hija trid tagħmel taħt il-politika tal-kompetizzjoni, tista’ tagħti eżenzjoni lil akkordju, minħabba l-fatt li l-akkordju jkun joħloq vantaġġi oġġettivi sostanzjali u pprovati b’mod ċar għal ċerta kategorija ta’ utenti waqt li jipproduċi effetti negattivi limitati għal kategorija oħra ta’ konsumaturi, u dan billi tiddetermina żieda kunsiderevoli fil-benesseri totali. Madankollu, tali għażla taħt il-politika tal-kompetizzjoni, li fi kwalunkwe każ jidhirli li hija ta’ natura eċċezzjonali, tista’ ssir mill-Kummissjoni, iżda ċertament tmur lil hinn mill-kompetenza tal-partijiet fil-ftehim fil-kuntest tal-awtoevalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà ta’ ftehim mal-Artikolu 81 KE (issa l-Artikolu 101 TFUE) fit-totalità tiegħu.


130 – Dan kien il-każ fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Frar 2002, Compagnie générale maritime et vs Il-Kummissjoni (T‑86/95, Ġabra p. II‑1011), iċċitata fil-punt 228 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, f’dik il-kawża ż-żewġ servizzi kkonċernati mir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni kienu offruti f’żewġt iswieq distinti iżda kienu mitluba għall-istess kategorija ta’ utenti, jiġifieri l-ispedituri li jeħtieġu servizzi ta’ trasport intermodali bejn it-Tramuntana tal-Ewropa u x-Xlokk u l-Lvant tal-Asja (ara b’mod partikolari, il-punti 112 u 343 sa 345 tal-imsemmija sentenza).


131 – Rigward il-vantaġġi provenjenti direttament mis-sistema MasterCard jew mill-ottimizzar tagħha, dawn fi kwalunkwe każ ma setgħux jitqiesu minħabba l-fatt li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-KMS ma jikkostitwixxux restrizzjoni anċillari meta mqabbla mal-imsemmija sistema.


132 – LBG tiddikjara li dan il-kriterju huwa intiż biex jiġi evalwat jekk il-KMS u l-MSC humiex iffissati f’livell li kummerċjant ikun irid iħallas kieku kellu jqabbel l-ispiża tal-użu għall-konsumatur ta’ karta ta’ ħlas ma’ dik tal-ħlasijiet li ma jsirux b’karta (bi flus kontanti).