Language of document : ECLI:EU:T:2019:502

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

11 ta’ Lulju 2019 (*)

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tas‑sitwazzjoni fl-Ukraina – Iffriżar ta’ fondi – Lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li għalihom japplika l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-lista – Obbligu tal-Kunsill li jivverifika li d-deċiżjoni ta’ awtorità ta’ Stat terz tkun ittieħdet skont id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva”

Fil-Kawżi magħquda T‑244/16 u T‑285/17,

Viktor Fedorovych Yanukovych, residenti f’Kiev (l-Ukraina), irrappreżentat minn T. Beazley, QC, E. Dean u J. Marjason‑Stamp, barristers,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn P. Mahnič u J.‑P. Hix, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament, minn naħa, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/318 tal-4 ta’ Marzu 2016 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2016, L 60, p. 76) u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/311 tal-4 ta’ Marzu 2016 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2016, L 60, p. 1) u, min-naħa l-oħra, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/381 tat-3 ta’ Marzu 2017 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2017, L 58, p. 34) u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/374 tat-3 ta’ Marzu 2017 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2017, L 58, p. 1), sa fejn l-isem tar-rikorrent inżamm fuq il-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li għalihom japplikaw dawn il-miżuri restrittivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn G. Berardis (Relatur), President, D. Spielmann u Z. Csehi, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Ottubru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Dawn il-kawżi jaqgħu fil-kuntest tal-miżuri restrittivi adottati kontra ċerti persuni, ċerti entitajiet u ċerti korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina, wara r-repressjoni tad-dimostrazzjonijiet fil-Pjazza tal-Indipendenza f’Kiev (l-Ukraina) fi Frar 2014.

2        Ir-rikorrent, Viktor Fedorovych Yanukovych, huwa l-Eks President tal-Ukraina.

3        Fil-5 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 66, p. 26). Fl-istess data, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 66, p. 1).

4        Il-premessi 1 u 2 tad-Deċiżjoni 2014/119 jippreċiżaw:

“(1)      Fl-20 ta’ Frar 2014, il-Kunsill ikkundanna f’termini l-aktar qawwija kull użu tal-vjolenza fl-Ukraina. Huwa appella għal tmiem immedjat tal-vjolenza fl-Ukraina, u għar-rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. Huwa appella lill-Gvern tal-Ukraina sabiex jeżerċita trażżin massimu u lill-kapijiet tal-oppożizzjoni sabiex jiddisassoċjaw ruħhom minn dawk li jirrikorru għal azzjoni radikali, inkluża l-vjolenza.

(2)      Fit-3 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill qabel biex jiffoka miżuri restrittivi fuq l-iffriżar u rkupru ta’ assi ta’ persuni identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina u persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, bil-għan tal-konsolidazzjoni u s-sostenn tal-istat ta’ dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina.”

5        L-Artikolu 1(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2014/119 jipprovdi s-segwenti:

“1.      Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma proprjetà ta’, miżmuma jew ikkontrollati mill-persuni li ġew identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina u persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina, u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.

2.      L-ebda fond jew riżors ekonomiku ma għandu jsir disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għal benefiċċju ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness.”

6        Il-mod ta’ dan l-iffriżar huwa ddefinit fl-Artikolu 1(3) sa (6) tad-Deċiżjoni 2014/119.

7        Skont id-Deċiżjoni 2014/119, ir-Regolament Nru 208/2014 jimponi l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi u jiddefinixxi l-modalitajiet għal dan l-iffriżar f’termini li huma, essenzjalment, identiċi għal dawk tad-deċiżjoni msemmija.

8        L-ismijiet tal-persuni kkonċernati minn dawn l-atti jidhru fil-lista, identika, li tinsab fl-anness tad-Deċiżjoni 2014/119 u fl-Anness I tar-Regolament Nru 208/2014 (iktar ’il quddiem il-“lista”) flimkien, b’mod partikolari, mal-motivazzjoni tar-reġistrazzjoni tagħhom.

9        Isem ir-rikorrent kien jidher fil-lista flimkien mal-informazzjoni ta’ identifikazzjoni “ex-President tal-Ukraina” u r-raġuni segwenti:

“Persuna soġġetta għal proċeduri kriminali fl-Ukraina dwar investigazzjoni ta’ reati b’rabta mal-approprjazzjoni indebita ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina u t-trasferiment illegali tagħhom barra l-Ukraina.”

10      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Mejju 2014, ir-rikorrent ippreżenta rikors, irreġistrat taħt ir-referenza T‑346/14, li b’mod partikolari kellu bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni 2014/119 u tar-Regolament Nru 208/2014, sa fejn jirrigwardawh.

11      Fid-29 ta’ Jannar 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/143 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119 (ĠU 2015, L 24, p. 16), u r-Regolament (UE) 2015/138 li jemenda r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2015, L 24, p. 1).

12      Id-Deċiżjoni 2015/143 ippreċiżat, mill-31 ta’ Jannar 2015, il-kriterji ta’ reġistrazzjoni tal-persuni kkonċernati mill-iffriżar ta’ fondi. B’mod partikolari, l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/119 ġie ssostitwit bit-test li ġej:

“1.      Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma proprjetà ta’, huma miżmuma jew ikkontrollati minn persuni li jkunu ġew identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukrajna u persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukrajna, u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.

Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni, persuni identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukrajna jinkludu persuni li huma soġġetti għal investigazzjoni mill-awtoritajiet tal-Ukrajna:

a)      għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi tal-Ukrajna, jew għall-kompliċità f’tali misapproprjazzjoni; jew

b)      għall-abbuż tal-uffiċju bħala detentur ta’ pożizzjoni pubblika biex jakkwista vantaġġ mhux ġustifikat għalih jew għal parti terza, u li b’hekk jikkawża telf ta’ fondi jew assi pubbliċi tal-Ukrajna, jew għall-kompliċità f’tali abbuż.”

13      Ir-Regolament 2015/138 emenda r-Regolament Nru 208/2014 konformement mad-Deċiżjoni 2015/143.

14      Fil-5 ta’ Marzu 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/364 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119 (ĠU 2015, L 62, p. 25) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/357 li jimplimenta r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2015, L 62, p. 1) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti ta’ Marzu 2015”). Id-Deċiżjoni 2015/364, minn naħa, issostitwixxiet l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2014/119 billi estendiet l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi, fir-rigward tar-rikorrent, sas-6 ta’ Marzu 2016, u, min-naħa l-oħra, emendat l-anness ta’ din l-aħħar deċiżjoni. Konsegwentement, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/357 emenda l-Anness I tar-Regolament Nru 208/2014.

15      Permezz tal-atti ta’ Marzu 2015, isem ir-rikorrent inżamm fil-lista, flimkien mal-informazzjoni ta’ identifikazzjoni “eks President tal-Ukrajna” u l-motivazzjoni l-ġdida segwenti:

“Persuna soġġetta għal proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għall-miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi.”

16      Fit-8 ta’ April 2015, ir-rikorrent adatta t-talbiet tiegħu, fil-kuntest tal-Kawża T‑346/14, b’tali mod li dawn kienu jikkonċernaw ukoll l-annullament tad-Deċiżjoni 2015/143, tar-Regolament 2015/138 kif ukoll tal-atti ta’ Marzu 2015, sa fejn dawn l-atti kienu jikkonċernawh.

17      Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Novembru 2015, il-Kunsill ikkomunika lir-rikorrent ittra tat-3 ta’ Settembru 2015 mibgħuta mill-uffiċċju tal-Prokuratur Ġenerali tal-Ukraina (iktar ’il quddiem il-“BPG”) u indirizzata lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà. B’ittra tas-26 ta’ Novembru 2015, ir-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

18      B’ittra tal-15 ta’ Diċembru 2015, il-Kunsill ikkomunika lir-rikorrent ittra tal-BPG tat-30 ta’ Novembru 2015. F’din l-ittra, il-Kunsill informa lir-rikorrent li kien biħsiebu jżomm il-miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu, filwaqt li ppreċiżalu liema kien it-terminu ffissat sabiex jiġu ppreżentati osservazzjonijiet għall-finijiet tal-eżami mill-ġdid annwali. B’ittra tal-4 ta’ Jannar 2016, ir-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

19      Fl-4 ta’ Marzu 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/318 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119 (ĠU 2016, L 60, p. 76), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/311 li jimplimenta r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2016, L 60, p. 1) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti ta’ Marzu 2016”).

20      Permezz tal-atti ta’ Marzu 2016, l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi kienet ġiet estiża sas-6 ta’ Marzu 2017, u dan mingħajr ma l-motivazzjoni tal-indikazzjoni tar-rikorrent kienet inbidlet meta mqabbla ma’ dik tal-atti ta’ Marzu 2015.

21      B’ittra tas-7 ta’ Marzu 2016, il-Kunsill informa lir-rikorrent biż-żamma tal-miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu, u wara rrisponda għall-osservazzjonijiet ifformulati minnu fl-ittri preċedenti u bagħatlu l-atti ta’ Marzu 2016. Barra minn hekk, dan indika t-terminu sabiex isirulu osservazzjonijiet qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar l-eventwali żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-lista.

22      B’sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Yanukovych vs Il‑Kunsill (T‑346/14, EU:T:2016:497), il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni 2014/119 u r-Regolament Nru 208/2014, sa fejn dawn kienu jikkonċernaw lir-rikorrent, u ċaħdet it-talba għal annullament, li tinsab fl-adattament tat-talba, fir-rigward, minn naħa, tad-Deċiżjoni 2015/143 u tar-Regolament 2015/138 u, min-naħa l-oħra, tal-atti ta’ Marzu 2015.

23      Fit-23 ta’ Novembru 2016, ir-rikorrent ressaq appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, irreġistrat bħala l-Kawża C‑598/16, kontra s-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Yanukovych vs Il‑Kunsill (T‑346/14, EU:T:2016:497).

24      Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Diċembru 2016, il-Kunsill informa lir-rappreżentanti tar-rikorrent li kellu l-intenzjoni li jġedded il-miżuri restrittivi fir-rigward ta’ dan tal-aħħar u hemeż żewġ ittri mill-BPG, waħda tal-10 ta’ Awwissu 2016 u l-oħra tas-16 ta’ Novembru 2016, filwaqt li fakkar liema kien it-terminu ffissat għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet fid-dawl tal-eżami mill-ġdid tal-miżuri restrittivi. Ir-rikorrent ippreżenta tali osservazzjonijiet lill-Kunsill b’ittra tal-11 ta’ Jannar 2017.

25      Fit-3 ta’ Marzu 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/381 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119 (ĠU 2017, L 58, p. 34), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/374 li jimplimenta r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2017, L 58, p. 1) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti ta’ Marzu 2017”).

26      Permezz tal-atti ta’ Marzu 2017, l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi kienet ġiet estiża sas-6 ta’ Marzu 2018, u dan mingħajr ma l-motivazzjoni għar-reġistrazzjoni tar-rikorrent kienet inbidlet meta mqabbla ma’ dik tal-atti ta’ Marzu 2015 u ta’ Marzu 2016.

27      Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Marzu 2017, il-Kunsill informa lir-rikorrent biż-żamma tal-miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu. Dan irrisponda wkoll għall-osservazzjonijiet tar-rikorrent magħmula fil-korrispondenzi preċedenti u bagħatlu l-atti ta’ Marzu 2017. Barra minn hekk, dan indika t-terminu sabiex isirulu osservazzjonijiet qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar l-eventwali żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-lista.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

28      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Mejju 2016, ir-rikorrent ippreżenta rikors għal annullament, irreġistrat bħala l-Kawża T‑244/16, kontra l-atti ta’ Marzu 2016.

29      Fit-12 ta’ Settembru 2016, il-Kunsill ippreżenta r-risposta fil-Kawża T‑244/16. Fid-19 ta’ Settembru 2016, fil-kuntest ta’ din il-kawża, dan ippreżenta talba motivata, konformement mal-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, intiża sabiex jikseb il-kontenut ta’ ċerti dokumenti annessi mar-risposta kif ukoll sabiex xi paragrafi tad-difiża ma jiġux iċċitati fid-dokumenti relatati ma’ din il-kawża li għandu aċċess għalihom il-pubbliku.

30      Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Sitt Awla, u konsegwentement, il-Kawża T‑244/16 ġiet assenjata lil din l-Awla.

31      Fil-Kawża T‑244/16, ir-replika u l-kontroreplika ġew ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Ottubru 2016 u fit-13 ta’ Jannar 2017.

32      Fit-13 ta’ Jannar 2017, ingħalqet il-fażi bil-miktub tal-proċedura fil-Kawża T‑244/16.

33      Fl-20 ta’ Jannar 2017, il-Kunsill ressaq talba simili għal dik imsemmija fil-punt 29 iktar ’il fuq, intiża biex jiżgura li l-kontenut ta’ ċerti dokumenti annessi mal-kontroreplika fil-Kawża T‑244/16 ma jiġix iċċitat fid-dokumenti relatati ma’ dik il-kawża li l-pubbliku jkollu aċċess għalihom.

34      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Frar 2017, ir-rikorrent talab li tinżamm seduta għas-sottomissjonijiet orali fil-Kawża T‑244/16.

35      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Marzu 2017, ir-rikorrent ippreżenta provi ġodda fil-proċess tal-Kawża T‑244/16, skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura. Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ April 2017, il-Kunsill ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar dawn il-provi l-ġodda.

36      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Mejju 2017, ir-rikorrent ippreżenta rikors għal annullament, irreġistrat bħala l-Kawża T‑285/17, kontra l-atti ta’ Marzu 2017.

37      Bis-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2017, Yanukovych vs Il‑Kunsill (C‑598/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:786), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell tar-rikorrent intiż għall-annullament parzjali tas-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Yanukovych vs Il‑Kunsill (T‑346/14, EU:T:2016:497).

38      Fis-27 ta’ Ottubru 2017, il-Qorti Ġenerali talbet lill-partijiet biex jieħdu pożizzjoni, minn naħa, dwar l-impatt possibbli tas-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2017, Yanukovych vs Il‑Kunsill (C‑598/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:786) fuq il-Kawża T‑244/16 u fuq il-Kawża T‑285/17 u, min-naħa l-oħra, dwar il-possibbiltà li dawn jingħaqdu għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tas-sentenza.

39      Ir-risposti tal-partijiet għal dawk il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ġew ippreżentati, rispettivament, mir-rikorrent, fid-9 ta’ Novembru 2017, u mill-Kunsill, fl-10 ta’ Novembru 2017. Fir-rigward tal-possibbiltà li jingħaqdu l-Kawżi T‑244/16 u T‑285/17, ir-rikorrent iqis li din tista’ tkun iġġustifikata, jekk ikun il-każ, biss għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura. Il-Kunsill iħalli f’idejn il-Qorti Ġenerali.

40      Fid-9 ta’ Novembru 2017, il-Kunsill ippreżenta r-risposta fil-Kawża T‑285/17.

41      Fil-kuntest ta’ din il-kawża, fl-20 ta’ Novembru 2017, il-Kunsill ippreżenta talba simili għal dik imsemmija fil-punt 29 iktar ’il fuq, intiża biex il-kontenut ta’ ċerti dokumenti annessi mar-rikors kif ukoll ċerti punti tar-risposta ma jiġux ikkwotati fid-dokumenti relatati ma’ din il-kawża li l-pubbliku għandu aċċess għalihom.

42      Fl-24 ta’ Novembru 2017, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma kienx hemm bżonn tat-tieni skambju ta’ noti fil-Kawża T‑285/17. Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Diċembru 2017, ir-rikorrent ressaq talba mmotivata skont l-Artikolu 83(2) tar-Regoli tal-Proċedura, intiża biex il-Qorti Ġenerali tawtorizza lill-partijiet jikkompletaw il-proċess permezz ta’ replika u ta’ kontroreplika. Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2017, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tilqa’ din it-talba u ffissat id-data li fiha kellha tiġi ppreżentata r-replika.

43      Ir-replika u l-kontroreplika fil-Kawża T‑285/17 ġew ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Jannar 2018 u fit-8 ta’ Marzu 2018.

44      Fit-8 ta’ Marzu 2018, ingħalqet il-fażi bil-miktub tal-proċedura fil-Kawża T‑285/17.

45      Fis-16 ta’ Marzu 2018, il-Kunsill ressaq talba simili għal dik imsemmija fil-punt 29 iktar ’il fuq, intiża biex jiżgura li l-kontenut ta’ ċerti dokumenti annessi mal-kontroreplika fil-Kawża T‑285/17 ma jiġix iċċitat fid-dokumenti relatati ma’ dik il-kawża li l-pubbliku jkollu aċċess għalihom.

46      B’deċiżjoni tal-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Lulju 2018, il-Kawża T‑244/16, Yanukovych vs Il‑Kunsill, u l-Kawża T‑285/17, Yanukovych vs Il‑Kunsill, ingħaqdu għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tad-deċiżjoni li tagħlaq il-kawża, abbażi tal-Artikolu 68 tar-Regoli tal-Proċedura, wara li l-partijiet instemgħu f’dan ir-rigward.

47      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Settembru 2018, ir-rikorrent ippreżenta osservazzjonijiet dwar ir-rapport għas-seduta.

48      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-3 ta’ Ottubru 2018 li, fuq talba tal-Kunsill u wara li nstema’ r-rikorrent, seħħet parzjalment in camera.

49      Waqt is-seduta, il-Kunsill ippreżenta osservazzjonijiet dwar ir-rapport għas-seduta, li ttieħdet nota tagħhom fil-minuti għas-seduta.

50      B’sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, Azarov vs Il‑Kunsill (C‑530/17 P, EU:C:2018:1031), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2017, Azarov vs Il‑Kunsill (T‑215/15, EU:T:2017:479), kif ukoll l-atti ta’ Marzu 2015, sa fejn dawn kienu jikkonċernaw lir-rikorrent fil-kawża li wasslet għas-sentenza msemmija.

51      Minħabba l-impatt potenzjali tas-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, Azarov vs Il‑Kunsill (C‑530/17 P, EU:C:2018:1031), f’dawn il-każijiet, permezz tad-digriet tas-7 ta’ Jannar 2019, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) iddeċidiet li terġa’ tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura skont l-Artikolu 113(2)(b) tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex il-partijiet ikunu jistgħu jesprimu ruħhom f’dan ir-rigward.

52      Għalhekk, fl-10 ta’ Jannar 2019, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura skont l-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, biex jippreżentawlha l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-konsegwenzi li għandhom jittieħdu, fil-każijiet preżenti, mis-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, Azarov vs Il‑Kunsill (C‑530/17 P, EU:C:2018:1031). Il-partijiet ikkonformaw ma’ dik it-talba fiż-żmien mogħti.

53      Ir-rikorrent jitlob fil-Kawża T‑244/16 u fil-Kawża T‑285/17 li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-atti ta’ Marzu 2016 u dawk ta’ Marzu 2017 (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti kkontestati”), sa fejn dawn jikkonċernawh;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

54      Wara l-kjarifiki mogħtija waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsijiet mill-Qorti Ġenerali, il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Fid-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà tar-referenza għal dokumenti oħra

55      Għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent jirreferi, fis-sottomissjonijiet tiegħu dwar it-talba għall-annullament tal-atti ta’ Marzu 2016, għas-sottomissjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-kawża li wasslet għas-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Yanukovych vs Il‑Kunsill (T‑346/14, EU:T:2016:497), u, fis-sottomissjonijiet tiegħu dwar it-talba għall-annullament tal-atti ta’ Marzu 2017, għal dawk is-sottomissjonijiet kif ukoll għal dawk ippreżentati fil-kuntest tat-talba għall-annullament tal-atti ta’ Marzu 2016, annessi magħhom.

56      Issa, hekk kif jenfasizza ġustament il-Kunsill, għandu jitfakkar li, għall-finijiet li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, biex rikors ikun ammissibbli, huwa meħtieġ li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li jkun ibbażat fuqhom ikunu jirriżultaw mit-test tar-rikors stess. Skont ġurisprudenza ferm stabbilita, għalkemm il-korp tar-rikors jista’ jiġi sostnut u kkompletat, fuq punti speċifiċi, b’referenzi għal estratti minn dokumenti annessi miegħu, referenza ġenerali għal dokumenti oħra ma tistax tagħmel tajjeb għan-nuqqas tal-elementi essenzjali li, skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 76(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura, għandhom jidhru fir-rikors stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 2017, Al-Faqih et vs Il‑Kummissjoni, C‑19/16 P, EU:C:2017:466, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-18 ta’ Jannar 2012, Djebel – SGPS vs Il‑Kummissjoni, T‑422/07, mhux ippubblikata, EU:T:2012:11, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Konsegwentement, ir-referenza globali mir-rikorrent għas-sottomissjonijiet tiegħu ppreżentati fil-kuntest kemm tal-kawżi preċedenti kif ukoll tal-Kawża T‑244/16, fir-rigward tal-Kawża T‑285/17, għandha titqies bħala inammissibbli.

 Fuq il-mertu

58      Insostenn tat-talbiet tiegħu għall-annullament tal-miżuri kkontestati, ir-rikorrent jinvoka seba’ motivi, li jallegaw: l-ewwel, nuqqas ta’ bażi legali; it-tieni, użu ħażin ta’ poter; it-tielet, nuqqas ta’ motivazzjoni; ir-raba’, in-nuqqas ta’ konformità mal-kriterji għall-elenkar fil-lista; il-ħames, żball manifest ta’ evalwazzjoni; is-sitt, il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal rimedju effettiv; u, is-seba’, il-ksur tad-dritt għall-proprjetà.

59      Qabel kollox, għandu jiġi eżaminat ir-raba’ motiv, li jallega n-nuqqas ta’ konformità mal-kriterji għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista.

60      Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-motivi għall-elenkar ta’ ismu fil-lista ma jissodisfawx il-kriterji għall-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi ddefiniti mill-miżuri kkontestati.

61      B’mod partikolari, ir-rikorrent isostni li l-ħruġ ta’ opinjoni ta’ suspett jew il-bidu ta’ sempliċi investigazzjoni preliminari fir-rigward tiegħu ma humiex biżżejjed biex jitqies li huwa responsabbli mill-aġir allegat. Sa fejn l-osservanza tal-liġi proċedurali permezz tal-investigazzjonijiet preliminari hija kkontrollata mill-BPG, li, skont ir-rikorrent, ma għandux il-garanziji ta’ indipendenza u imparzjalità meħtieġa, il-Kunsill kellu wkoll iwettaq kontrolli addizzjonali f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, ir-rikorrent jenfasizza n-nuqqas ta’ progress fl-investigazzjonijiet preliminari li kien suġġett għalihom sa mill-adozzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni u jiċħad l-allegazzjoni tal-Kunsill li tgħid li dan in-nuqqas ta’ progress jirriżulta mill-imġiba tiegħu stess. Fil-fatt, minkejja l-eżistenza ta’ awtorizzazzjoni għat-tnedija ta’ investigazzjoni in absentia fir-rigward tiegħu f’waħda mill-proċeduri kriminali li jikkonċernawh, ma ġie kkonstatat ebda progress u ebda prova ma kienet inġiebet kontrih.

62      Barra minn hekk, l-ittri tal-BPG li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill lanqas ma juru li r-rikorrent jaqa’ taħt waħda mill-kategoriji ta’ persuni identifikati bis-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il‑Kunsill (T‑256/11, EU:T:2014:93). Anki jekk jitqies li, f’dan il-każ, kien hemm livell suffiċjenti ta’ intervent ġudizzjarju, b’mod partikolari fir-rigward tas-sekwestru tal-assi tar-rikorrent u l-awtorizzazzjoni tal-miżuri ta’ detenzjoni preventiva kontrih, tali intervent ma jistax jitqies bħala affidabbli u adegwat skont it-tifsira ta’ dik il-ġurisprudenza, peress li s-sistema ġudizzjarja tal-Ukraina ma għandhiex il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità meħtieġa, anki fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“QEDB”).

63      Skont ir-rikorrent, il-fatt li l-Kunsill ma jistax jevalwa l-ħtija tiegħu jew il-fondatezza tal-investigazzjonijiet li jikkonċernawh ma jeżentahx mill-obbligu li jirrispetta d-drittijiet u l-prinċipji ggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu u, konsegwentement, li jivverifika jekk u sa liema punt id-drittijiet fundamentali tiegħu ġew jew huma protetti fl-Ukraina.

64      L-osservanza mill-Kunsill tal-obbligu li jitwettaq kontroll sħiħ u rigoruż u li jiġi żgurat li kull deċiżjoni li timponi miżura restrittiva tiġi adottata fuq bażi fattwali solida biżżejjed hija iktar kruċjali f’dan il-każ, fid-dawl tal-fatt li l-Ukraina ma hijiex Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, tal-motivazzjoni politika tal-akkużi magħmula kontra r-rikorrent, tan-nuqqas ta’ progress sinjifikattiv fil-proċeduri kriminali li fuqhom huwa bbażat l-elenkar ta’ ismu fuq il-lista, tan-nuqqas ta’ proċedura deċiżjonali bbilanċjata jew ġusta qabel il-formulazzjoni tal-akkużi fl-Ukraina, kif ukoll taż-żmien disponibbli għall-Kunsill għall-verifika tal-provi u tal-informazzjoni li jiġġustifikaw iż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-lista.

65      B’risposta għal mistoqsija bil-miktub mill-Qorti Ġenerali (ara l-punt 52 iktar ’il fuq), ir-rikorrent ippreċiża li r-raġunament u s-soluzzjoni adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, Azarov vs Il‑Kunsill (C‑530/17 P, EU:C:2018:1031), huma ta’ importanza kruċjali f’dan il-każ, peress li ċ-ċirkustanzi li skattaw l-obbligu ta’ verifika mill-Kunsill fil-kawża li wasslet għas-sentenza msemmija huma, essenzjalment, identiċi għal dawk li kkaratterizzaw l-adozzjoni tal-atti kkontestati. Għalhekk, l-ewwel nett, ir-rikorrent jikkritika lill-Kunsill talli ma vverifikax, billi qies li ma kienx obbligat li jagħmel dan, jekk id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Ukraini, li kien beħsiebu jibbaża ruħu fuqha biex iżomm ismu fil-lista, kinitx ġiet adottata b’konformità mad-drittijiet tad-difiża tiegħu u d-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. It-tieni nett, dan jikkritika lill-Kunsill talli ma indikax, fil-motivi li jiġġustifikaw iż-żamma ta’ ismu fil-lista, ir-raġunijiet għalfejn dan kien iqis li l-imsemmija deċiżjoni tal-awtoritajiet Ukraini kienet ġiet adottata b’osservanza tad-drittijiet imsemmija. Qabel kollox, l-ittri tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2016 u tas-6 ta’ Marzu 2017, li jinnotifikaw lir-rikorrent bit-tiġdid tal-miżuri restrittivi li jikkonċernawh, jonqsu milli jsemmu tali raġunijiet.

66      Il-Kunsill iwieġeb li d-deċiżjoni ta’ inklużjoni, u sussegwentement li jinżamm isem ir-rikorrent fuq il-lista, abbażi tal-informazzjoni li tinsab fl-ittri tal-BPG, tissodisfa l-kriterji għall-inklużjoni u hija bbażata fuq bażi fattwali solida biżżejjed li tippermetti li jiġi stabbilit li r-rikorrent huwa s-suġġett ta’ proċeduri kriminali għal miżapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat.

67      Fir-rigward tal-allegazzjoni li tgħid li l-BPG ma għandux il-karatteristiċi ġudizzjarji meħtieġa ta’ indipendenza u imparzjalità, il-Kunsill jirrispondi li l-investigazzjoni preliminari, li ssir mill-BPG taħt il-kontroll tal-awtorità ġudizzjarja, tikkostitwixxi fażi tal-proċedura kriminali. Barra minn hekk, l-għan tal-miżuri restrittivi ma jintlaħaqx jekk ma jkunx possibbli li dawn jiġu adottati kontra persuni suġġetti għal investigazzjoni preliminari dwar parteċipazzjoni f’reati, bħal dawk li huwa suġġett għalihom ir-rikorrent.

68      B’risposta għall-allegazzjoni li tgħid li dan ma jistax validament jibbaża ruħu fuq proċedura kriminali mingħajr ma jkun ivverifika minn qabel sa fejn kienu protetti d-drittijiet fundamentali tar-rikorrent fl-Ukraina, il-Kunsill isostni, l-ewwel nett, li dan tal-aħħar ma pprovax li d-drittijiet tiegħu kienu effettivament miksura. It-tieni nett, mill-ġurisprudenza ma jirriżultax li l-Kunsill huwa meħtieġ li jivverifika l-osservanza tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva mill-Istat terz fejn hija stabbilita l-awtorità ġudizzjarja li tkun ħarġet id-dikjarazzjonijiet li jibbaża ruħu fuqhom il-Kunsill sabiex jadotta miżuri restrittivi, bħal dawk inkwistjoni. It-tielet nett, ir-rikorrent dejjem ikollu d-dritt li jiddefendi ruħu fil-kuntest tal-proċeduri kriminali li jikkonċernawh u tal-proċedura quddiem il-QEDB, liema ħaġa ma tipprekludix lill-Kunsill, sakemm jispiċċaw dawn il-proċeduri, milli jibbaża ruħu fuq l-eżistenza tal-proċeduri pendenti meta jiddeċiedi li jimponi miżuri restrittivi.

69      Finalment, fir-rigward tal-argument tar-rikorrent ibbażat fuq in-nuqqas ta’ progress sinjifikattiv fil-proċeduri kriminali li jikkonċernawh, il-Kunsill isostni li dak li jgħodd huwa li l-proċeduri jkunu pendenti fil-mument tal-adozzjoni tal-atti kkontestati u li tali assenza ta’ progress hi, barra minn hekk, attribwibbli lir-rikorrent, li jkun ħarab mill-ġustizzja.

70      B’mod iktar ġenerali, il-Kunsill ifakkar li, skont il-ġurisprudenza, huwa ma huwiex meħtieġ li jwettaq l-investigazzjonijiet tiegħu b’mod sistematiku jew li jwettaq kontrolli sabiex jikseb kjarifika ulterjuri meta jibbaża ruħu fuq provi pprovduti mill-awtoritajiet ta’ Stat terz biex jadotta miżuri restrittivi fir-rigward ta’ persuni li joriġinaw u li huma suġġetti għal proċeduri kriminali f’dak l-Istat. Tali kontrolli huma meħtieġa biss meta l-informazzjoni pprovduta ma tkunx biżżejjed jew tkun inkonsistenti. F’dan il-każ, il-Kunsill iqis li effettivament ivverifika l-fondatezza tad-deċiżjoni ta’ ffriżar tal-fondi fir-rigward tar-rikorrent fid-dawl tal-proċeduri kriminali Ukraini għal miżapproprjazzjoni ta’ fondi.

71      Bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali (ara l-punt 52 iktar ’il fuq), il-Kunsill isostni li, anki jekk ma speċifikax dan fl-espożizzjoni tal-motivi, huwa kien konxju li kien eżerċitat stħarriġ ġudizzjarju fl-Ukraina matul it-tmexxija tal-investigazzjonijiet kriminali fir-rigward tar-rikorrent. Fil-fatt, mill-ittri tal-BPG imsemmija fil-punti 17, 18 u 24 iktar ’il fuq jirriżulta li ttieħdu diversi deċiżjonijiet ġudizzjarji fl-Ukraina fir-rigward tar-rikorrent, bħal sekwestru tal-proprjetà tiegħu ordnat mill-Qorti Distrettwali ta’ Pechersk (Kiev) kif ukoll ordni mill-Qorti tal-Appell ta’ Kiev li dan kellu jinżamm taħt kustodja fuq bażi preventiva. Barra minn hekk, il-fatt li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kienu osservati, kif ukoll effettivament eżerċitati mir-rikorrent, jidher mid-deċiżjoni tal-imsemmija Qorti ta’ Pechersk tas-27 ta’ Lulju 2015, li tgħid li l-imħallef inkwirenti ddeċieda, fil-kuntest ta’ waħda mill-proċeduri kriminali fir-rigward tar-rikorrent, f’seduta pubblika u bil-parteċipazzjoni tal-avukati tiegħu, li jilqa’ t-talba tal-prosekutur intiża biex il-prokuratur imexxi inkjesta preliminari speċjali in absentia. L-istess japplika f’dak li jikkonċerna d-deċiżjoni tal-istess qorti, bid-data tat-22 ta’ April 2016, li jintlaqa’ parzjalment l-ilment ippreżentat mid-difiża tar-rikorrent fid-dawl ta’ allegat nuqqas mill-BPG li jieħu inkunsiderazzjoni talba għall-adozzjoni ta’ miżura proċedurali fil-kuntest tal-proċedura msemmija.

72      Skont il-Kunsill, dawn l-eżempji juru li, meta bbaża ruħu fuq id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet Ukraini msemmija fl-ittri tal-BPG, huwa seta’ jivverifika li dawn kienu ġew adottati fl-osservanza tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent.

73      Issa, minn ġurisprudenza ferm stabbilita jirriżulta li, meta jistħarrġu miżuri restrittivi, il-qrati tal-Unjoni għandhom jiżguraw stħarriġ, fil-prinċipju komplet, tal-legalità tal-atti kollha tal-Unjoni fid-dawl tad-drittijiet fundamentali li jiffurmaw parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, fosthom, b’mod partikolari, id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, Azarov vs Il‑Kunsill, C‑530/17 P, EU:C:2018:1031, punti 20 u 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      L-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali teżiġi li, bħala parti mill-istħarriġ tal-legalità tal-motivi li hija bbażata fuqhom id-deċiżjoni li jiddaħħal jew li jinżamm l-isem ta’ persuna fuq il-lista ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi, il-qorti tal-Unjoni għandha tiżgura li dik id-deċiżjoni, li għandha portata individwali għal dik il-persuna, tkun ibbażata fuq bażi fattwali solida biżżejjed. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi li huma l-bażi tal-imsemmija deċiżjoni, b’tali mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tax-xebh astratt tal-motivi invokati, iżda jkun jirrigwarda l-kwistjoni jekk dawn il-motivi, jew, għall-inqas wieħed minnhom meqjus suffiċjenti fih innifsu sabiex isostni l-atti msemmija, humiex issostanzjati (ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, Azarov vs Il‑Kunsill, C‑530/17 P, EU:C:2018:1031, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      L-adozzjoni u ż-żamma ta’ miżuri restrittivi, bħal dawk stabbiliti fid-Deċiżjoni 2014/119 u r-Regolament Nru 208/2014, kif emendati, meħuda kontra persuna li ġiet identifikata bħala responsabbli għal miżapproprjazzjoni ta’ fondi li jappartjenu lil Stat terz, huma essenzjalment ibbażati fuq id-deċiżjoni ta’ awtorità ta’ dak l-Istat, kompetenti f’dak ir-rigward, li tibda u twettaq proċedura ta’ investigazzjoni kriminali dwar dik il-persuna fir-rigward ta’ ksur li jinvolvi l-miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, Azarov vs Il‑Kunsill, C‑530/17 P, EU:C:2018:1031, punt 25).

76      Barra minn hekk, għalkemm, bis-saħħa tal-kriterju ta’ inklużjoni, bħal dak imfakkar fil-punt 12 iktar ’il fuq, il-Kunsill jista’ jibbaża miżuri restrittivi fuq id-deċiżjoni ta’ Stat terz, l-obbligu, impost fuq din l-istituzzjoni, li tirrispetta d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jfisser li din għandha tiżgura ruħha mill-osservanza tad-drittijiet imsemmija min-naħa tal-awtoritajiet tal-Istat terz li adottaw id-deċiżjoni msemmija (ara, f’dan is-sens. is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, Azarov vs Il‑Kunsill, C‑530/17 P, EU:C:2018:1031, punti 26, 27 u 35).

77      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li r-rekwiżit ta’ verifika, mill-Kunsill, tal-fatt li d-deċiżjonijiet tal-Istati terzi, li jkun biħsiebu jibbaża ruħu fuqhom, ikunu ġew adottati b’osservanza tad-drittijiet imsemmija, ifittex li jiżgura li l-adozzjoni jew iż-żamma tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi sseħħ biss fuq bażi fattwali solida biżżejjed u b’tali mod li jiġu protetti l-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati. B’hekk, il-Kunsill jista’ jqis li l-adozzjoni jew iż-żamma ta’ tali miżuri hija bbażata fuq bażi fattwali solida biżżejjed biss wara li jkun ivverifika huwa stess li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ġew osservati fiż-żmien tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Istat terz ikkonċernat li jkollu l-intenzjoni li jibbaża ruħu fuqha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, Azarov vs Il‑Kunsill, C‑530/17 P, EU:C:2018:1031, punti 28 u 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li l-fatt li l-Istat terz huwa wieħed mill-Istati li aderixxew mal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), jimplika stħarriġ, mill-QEDB, tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-KEDB, li, konformement mal-Artikolu 6(3) TUE, jiffurmaw parti mil-liġi tal-Unjoni bħala prinċipji ġenerali, madankollu, tali ċirkustanza ma tistax ixxejjen il-ħtieġa ta’ verifika msemmija fil-punt 77 iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, Azarov vs Il‑Kunsill, C‑530/17 P, EU:C:2018:1031, punt 36).

79      Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis ukoll li l-Kunsill huwa meħtieġ li jsemmi, fl-espożizzjoni tal-motivi marbuta mal-adozzjoni jew maż-żamma tal-miżuri restrittivi fir-rigward ta’ persuna jew ta’ entità, anki jekk biss fil-qosor, ir-raġunijiet għalfejn iqis li d-deċiżjoni tal-Istat terz li jkollu l-intenzjoni li jibbaża ruħu fuqha ġiet adottata b’osservanza tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Għalhekk, huwa l-Kunsill li għandu, sabiex jissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu, juri, fid-deċiżjoni li timponi miżuri restrittivi, li vverifika li d-deċiżjoni tal-Istat terz li fuqha huwa jibbaża dawn il-miżuri ġiet adottata fir-rispett ta’ dawn id-drittijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, Azarov vs Il‑Kunsill, C‑530/17 P, EU:C:2018:1031, punti 29 u 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      Finalment, meta jibbaża l-adozzjoni jew iż-żamma ta’ miżuri restrittivi, bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża, dwar id-deċiżjoni ta’ Stat terz li jibda u jmexxi proċeduri kriminali għall-miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi min-naħa tal-persuna kkonċernata, il-Kunsill għandu, minn naħa, jiżgura li, fiż-żmien tal-adozzjoni tad-deċiżjoni msemmija, l-awtoritajiet ta’ dak l-Istat terz ikunu osservaw id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-persuna suġġetta għall-proċeduri kriminali inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, isemmi, fid-deċiżjoni li timponi miżuri restrittivi, ir-raġunijiet għalfejn huwa qies li d-deċiżjoni msemmija tal-Istat terz ġiet adottata b’osservanza ta’ dawk id-drittijiet.

81      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji tal-ġurisprudenza li għandu jiġi eżaminat jekk il-Kunsill osservax dawn l-obbligi.

82      Preliminarjament, għandu jitfakkar li r-rikorrent huwa s-suġġett ta’ miżuri restrittivi ġodda adottati mill-atti kkontestati abbażi tal-kriterju ta’ elenkar stabbilit fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/119, kif ippreċiżat fid-Deċiżjoni 2015/143, u fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 208/2014, kif ippreċiżat fir-Regolament 2015/138 (ara l-punti 12 u 13 iktar ’il fuq). Dan il-kriterju jipprovdi għall-iffriżar tal-fondi tal-persuni identifikati bħala responsabbli għal miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, inklużi l-persuni li huma s-suġġett ta’ investigazzjoni mill-awtoritajiet Ukraini.

83      Huwa stabbilit li l-Kunsill ibbaża ruħu, biex iddeċieda dwar iż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-lista, fuq iċ-ċirkustanza li dan tal-aħħar kien is-suġġett ta’ “proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukraini għal miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi”, li kienet ġiet stabbilita mill-ittri tal-BPG tat-3 ta’ Settembru u tat-30 ta’ Novembru 2015, fir-rigward tal-atti ta’ Marzu 2016, u permezz ta’ dawk tal-10 ta’ Awwissu u tas-16 ta’ Novembru 2016, f’dak li jikkonċerna l-atti ta’ Marzu 2017.

84      B’hekk, iż-żamma tal-miżuri restrittivi adottati kontra r-rikorrent kienet ibbażata, bħalma kien il-każ fil-kawża li wasslet għas-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, Azarov vs Il‑Kunsill (C‑530/17 P, EU:C:2018:1031), fuq id-deċiżjoni tal-BPG li jinbdew u jitmexxew proċeduri ta’ investigazzjoni kriminali fir-rigward ta’ reat ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi li jappartjenu lill-Istat tal-Ukraina.

85      Issa, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-motivazzjoni tal-atti kkontestati relattivi għar-rikorrent (ara l-punti 15, 20 u 26 iktar ’il fuq) ma fiha l-ebda referenza għall-fatt li l-Kunsill ivverifika l-osservanza, mill-amministrazzjoni ġudizzjarja tal-Ukraina, tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent u li, għalhekk, tali assenza ta’ motivazzjoni tikkostitwixxi l-ewwel indikazzjoni li l-Kunsill ma kienx wettaq tali verifika.

86      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-ebda informazzjoni li tinsab fl-ittri, kważi identiċi, tas-7 ta’ Marzu 2016 (ara l-punt 21 iktar ’il fuq), fir-rigward tal-Kawża T‑244/16, u tas-6 ta’ Marzu 2017 (ara l-paragrafu 27 iktar ’il fuq), fir-rigward tal-Kawża T‑285/17, ma tippermetti li jitqies li l-Kunsill kellu fil-pussess tiegħu provi relatati mal-osservanza tad-drittijiet inkwistjoni mill-awtoritajiet Ukraini f’dak li jikkonċerna l-proċeduri kriminali kontra r-rikorrent u, wisq inqas, li l-Kunsill kien evalwa tali provi, sabiex jivverifika jekk id-drittijiet imsemmija kinux ġew osservati biżżejjed mill-amministrazzjoni ġudizzjarja tal-Ukraina meta adottat id-deċiżjoni li tibda u tmexxi proċedura ta’ investigazzjoni kriminali fir-rigward ta’ reat ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ assi pubbliċi min-naħa tar-rikorrent. Fil-fatt, f’dawk l-ittri, b’mod simili għal dak li kien sar fil-kawża li wasslet għas-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, Azarov vs Il‑Kunsill (C‑530/17 P, EU:C:2018:1031, punt 24), il-Kunsill sempliċement indika li l-ittri tal-BPG, ikkomunikati minn qabel lir-rikorrent (ara l-punti 18 u 24 iktar ’il fuq) kienu jistabbilixxu li dan tal-aħħar kien għadu s-suġġett ta’ proċeduri kriminali għal miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ assi pubbliċi. Qabel kollox, il-fatt li l-Ukraina tinsab fost l-għadd ta’ Stati li aderixxew mal-KEDB, imsemmi espressament mill-Kunsill fl-ittri tiegħu kif ukoll fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, ma jistax ineħħi l-bżonn tal-verifika tal-osservanza tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent (ara l-punt 78 iktar ’il fuq).

87      Fit-tielet lok, għandu jiġi osservat li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, dan kien marbut li jwettaq il-verifika msemmija indipendentement minn kull prova pprovduta mir-rikorrent li turi li, f’dan il-każ, is-sitwazzjoni personali tiegħu kienet ġiet affettwata mill-problemi li kien identifika fir-rigward tal-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja fl-Ukraina. F’kull każ, għalkemm ir-rikorrent ripetutament argumenta, billi pprovda provi speċifiċi, li l-amministrazzjoni ġudizzjarja tal-Ukraina ma kinitx osservat id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tiegħu, u li s-sitwazzjoni prevalenti fl-Ukraina kienet ġeneralment inkompatibbli mal-eżistenza ta’ salvagwardji suffiċjenti f’dan ir-rigward, il-Kunsill ma semmiex li kien ivverifika l-osservanza ta’ tali drittijiet. Għall-kuntrarju, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, dan sostna ripetutament li ma kien suġġett għal ebda obbligu f’dan is-sens u li tali obbligu lanqas ma kien jirriżulta mill-prinċipji tal-ġurisprudenza stabbiliti bis-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE (C‑599/14 P, EU:C:2017:583), invokati mir-rikorrent.

88      Fir-raba’ lok, fit-tweġiba għall-mistoqsija dwar l-impatt tas-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, Azarov vs Il‑Kunsill (C‑530/17 P, EU:C:2018:1031), fuq il-kawżi preżenti, il-Kunsill issottometta biss l-argumenti mogħtija fil-qosor fil-punt 71 iktar ’il fuq.

89      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill jammetti li l-motivazzjoni tal-atti kkontestati ma tittrattax il-kwistjoni tal-osservanza tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fid-dawl tad-deċiżjoni li jinbdew u jitmexxew il-proċeduri kriminali li ġġustifikaw l-elenkar u ż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-lista.

90      It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li l-Kunsill isostni li mill-proċessi tal-kawżi preżenti jirriżulta b’mod ċar li kien eżerċitat stħarriġ ġudizzjarju fl-Ukraina matul it-twettiq ta’ investigazzjonijiet kriminali. B’mod partikolari, skont il-Kunsill, l-eżistenza ta’ għadd ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji adottati fil-kuntest tal-proċeduri kriminali kontra r-rikorrent turi li, meta bbaża ruħu fuq id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Ukraini msemmija fl-ittri tal-BPG, minn naħa, huwa seta’ jivverifika li din kienet ittieħdet b’osservanza tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u, min-naħa l-oħra, dan żgura ruħu li għadd ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji adottati fil-kuntest tal-proċeduri kriminali msemmija kienu ttieħdu b’osservanza ta’ dawk id-drittijiet.

91      Madankollu, id-deċiżjonijiet ġudizzjarji kollha msemmija mill-Kunsill jidħlu fil-kuntest tal-proċeduri kriminali li ġġustifikaw l-elenkar u ż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-lista u huma sempliċement inċidentali għalihom, sa fejn huma ta’ natura jew kawtelatorja jew proċedurali. Huwa minnu li dawn id-deċiżjonijiet jistgħu jikkorroboraw it-teżi tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ bażi fattwali solida biżżejjed, jiġifieri l-fatt li, konformement mal-kriterju ta’ elenkar, ir-rikorrent kien is-suġġett ta’ proċeduri kriminali li jikkonċernaw, b’mod partikolari, reat ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ assi li jappartjenu lill-Istat Ukrain. Madankollu, tali deċiżjonijiet ma humiex kapaċi, waħedhom, li juru, hekk kif isostni l-Kunsill, li d-deċiżjoni tal-amministrazzjoni ġudizzjarja tal-Ukraina li jinbdew u jitmexxew l-imsemmija proċeduri kriminali, li fuqha, essenzjalment, hija bbażata ż-żamma tal-miżuri restrittivi kontra r-rikorrent, ittieħdet bl-osservanza tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tiegħu.

92      F’kull każ, il-Kunsill ma jistax isemmi l-iċken prova mill-proċess fil-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tal-atti kkontestati li minnha jirriżulta li huwa eżamina d-deċiżjonijiet tal-Qrati tal-Ukraina li issa jinvoka u li seta’ jikkonkludi li d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent u d-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kienu ġew osservati fis-sustanza tagħhom.

93      Għalhekk, ma jistax jiġi konkluż li l-elementi li l-Kunsill kellu għad-dispożizzjoni tiegħu meta adotta l-atti kkontestati ppermettew li jiġi vverifikat li d-deċiżjoni tal-amministrazzjoni ġudizzjarja tal-Ukraina kienet ittieħdet b’osservanza tal-imsemmija drittijiet tar-rikorrent.

94      Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll, hekk kif ġie ppreċiżat fis-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, Azarov vs Il‑Kunsill (C‑530/17 P, EU:C:2018:1031), li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid, b’mod partikolari, li f’każ li tiġi adottata deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi bħal dik li tikkonċerna lir-rikorrent, hija r-responsabbiltà tal-Kunsill jew tal-Qorti Ġenerali li jivverifikaw il-fondatezza mhux tal-investigazzjonijiet li kienet suġġetta għalihom fl-Ukraina l-persuna kkonċernata minn dawk il-miżuri, iżda biss tad-deċiżjoni ta’ ffriżar tal-fondi fid-dawl tad-dokument jew tad-dokumenti li fuqhom kienet ibbażata dik id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 2015, Ezz et vs Il‑Kunsill, C‑220/14 P, EU:C:2015:147, punt 77; tad-19 ta’ Ottubru 2017, Yanukovych vs Il‑Kunsill, C‑599/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:785, punt 69; u tad-19 ta’ Ottubru 2017, Yanukovych vs Il‑Kunsill, C‑598/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:786, punt 72) ma tistax tiġi interpretata fis-sens li l-Kunsill ma huwiex obbligat li jivverifika li d-deċiżjoni tal-Istat terz li fuqha jkollu l-intenzjoni li jibbaża l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi tkun ittieħdet b’osservanza tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, Azarov vs Il‑Kunsill, C‑530/17 P, EU:C:2018:1031, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ma huwiex stabbilit li l-Kunsill, qabel l-adozzjoni tal-atti kkontestati, ivverifika l-osservanza, mill-amministrazzjoni ġudizzjarja tal-Ukraina, tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent.

96      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-atti kkontestati għandhom jiġu annullati, sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrent, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġu eżaminati l-motivi u l-argumenti l-oħra invokati minn dan tal-aħħar kif ukoll it-talbiet għal trattament kunfidenzjali ppreżentati mill-Kunsill.

 Fuq l-ispejjeż

97      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrent.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/318 tal-4 ta’ Marzu 2016 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/311 tal-4 ta’ Marzu 2016 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna, kif ukoll idDeċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/381 tat-3 ta’ Marzu 2017 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni flUkrajna, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/374 tat-3 ta’ Marzu 2017 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna huma annullati sa fejn l-isem ta’ Viktor Fedorovych Yanukovych inżamm fuq il-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li għalihom japplikaw dawn il-miżuri restrittivi.

2)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti minn V. F. Yanukovych.

Berardis

Spielmann

Csehi

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Lulju 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.