Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Marzu 2020 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju ta’ Spanja

(Kawża C-125/20)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. C. Becker, M. Jauregui Gomez u M. Noll-Ehlers, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju ta’ Spanja

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li r-Renju ta’ Spanja kiser l-Artikolu 13(1), moqri flimkien mal-Anness XI, tad-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa 1 , inkwantu l-valur ta’ limitu annwali ta’ dijossidu tan-nitroġenu NO2 inqabeż b’mod sistematiku u kontinwu sa mill-2010 fiż-żoni ES0901 Área de Barcelona, ES0902 Vallès – Baix Llobregat u ES1301 Madrid;

tiddikjara li r-Renju ta’ Spanja kiser l-Artikolu 13(1), moqri flimkien mal-Anness XI, tad-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa, inkwantu l-valur ta’ limitu għal kull siegħa ta’ dijossidu tan-nitroġenu NO2 inqabeż b’mod sistematiku u kontinwu sa mill-2010 fiż-żona ES1301 Madrid;

tiddikjara li, sa mill-11 ta’ Ġunju 2010, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 23(1) tal-imsemmija direttiva, moqri flimkien mal-Anness XV ta’ din l-istess direttiva, u b’mod partikolari l-obbligu stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1), li jiżgura li l-perijodu tal-qabża jkun l-iqsar possibbli, billi ma adottax il-miżuri adatti sabiex il-perijodu tal-qabża tal-valuri ta’ limitu fiż-żoni ES0901 Área de Barcelona, ES0902 Vallès – Baix Llobregat u ES1301 Madrid ikun l-iqsar possibbli.

tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50/KE jistabbilixxi l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw li, fiż-żoni kollha tagħhom ta’ kwalità tal-arja, iddefiniti skont l-Artikolu 4 ta’ din l-istess direttiva, il-livelli ta’ dijossidu tan-nitroġenu ma jaqbżux il-valuri ta’ limitu stabbiliti fl-Anness XI tad-Direttiva. Dan l-anness jistabbilixxi żewġ valuri ta’ limitu fir-rigward tad-dijossidu tan-nitroġenu, it-tnejn li huma applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2010. L-ewwel valur ta’ limitu għandu riferiment annwali: l-Istati Membri ma jistgħux jaqbżu 40 mg/m3 f’sena kalendarja. It-tieni valur huwa għal kull siegħa: l-Istati Membri ma jistgħux jaqbżu l-valur ta’ 200 mg/m3 iktar minn 18-il darba f’kull sena kalendarja.

Dawn il-valuri ta’ limitu ta’ NO2 diġà kienu stabbiliti mid-Direttiva tal-Kunsill 1999/30/KE tat-22 ta’ April 1999 dwar il-valuri ta’ limitu tad-dijossidu tal-kubrit, tad-dijossidu tan-nitroġenu u l-ossidi tan-nitroġenu, materji f’ partiċelli u ċomb fl-arja ambjentali. Fil-fatt, l-Artikolu 4 tagħha impona fuq l-Istati Membri l-obbligu li jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex il-konċentrazzjonijiet tad-dijossidu tan-nitroġenu ma jeċċedux l-imsemmija valuri, filwaqt li stabbilixxa fl-Anness II tagħha terminu progressiv ta’ konformità li stabbilixxa bħala data limitu, preċiżament, l-1 ta’ Jannar 2010.

Ir-Renju ta’ Spanja, permezz tar-rapporti annwali rregolati fl-Artikolu 27 tad-Direttiva, ikkomunika lill-Kummissjoni l-valuri medji annwali ta’ NO2 li jikkorrispondu għas-snin 2010, 2011, 2012, 2013, 2014 2015, 2016, 2017 u 2018. Skont l-imsemmija informazzjoni, ir-Renju ta’ Spanja qabeż b’mod sistematiku u kontinwu l-valuri ta’ limitu annwali fiż-żoni ES0901 Área de Barcelona, ES0902 Vallès – Baix Llobregat u ES1301 Madrid.

L-Artikolu 23(1) tad-Direttiva jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jadottaw pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja fil-każ ta’ qbiż tal-valuri ta’ limitu, li fihom jistabbilixxu miżuri adatti li jiggarantixxu li l-perijodu tal-qabża jkun l-iqsar possibbli.

Ir-Renju ta’ Spanja ma pprevediex, fil-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja adottati sa mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2008/50/KE, miżuri adatti u suffiċjenti sabiex jiggarantixxi li l-perijodu tal-qabża tal-isemmija limiti fit-tliet żoni affettwati jkun l-iqsar possibbli.

____________

1 ĠU 2008, L 152, p. 1.