Language of document : ECLI:EU:F:2011:72

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

7 ta’ Ġunju 2011

Kawża F-64/10

Andreas Mantzouratos

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz Pubbliku — Uffiċjali — Promozzjoni — Proċedura ta’ promozzjoni 2009 — Deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ promozzjoni — Ammissibbiltà ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità — Eżami komparattiv tal-merti — Żball manifest ta’ evalwazzjoni”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu A. Mantzouratos jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma tagħtihx promozzjoni għall-grad AD 13 fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni 2009 u tad-deċiżjonijiet ta’ promozzjoni tal-uffiċjali li kellhom inqas punti ta’ mertu minnu fil-kuntest ta’ din l-istess proċedura.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikors — Interess ġuridiku — Rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni li jiġi promoss uffiċjal ieħor — Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

2.      Proċedura — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 35(1)(e))

3.      Uffiċjali — Rikors — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Konkordanza bejn l-ilment u r-rikors

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

4.      Uffiċjali — Deċiżjoni li tikkawża preġudizzju — Obbligu ta’ motivazzjoni — Possibbiltà li tiġi mmotivata deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ promozzjoni fl-istadju prekontenzjuż — Konsegwenzi

(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25, u Artikolu 90(2))

5.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

6.      Proċedura — Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża — Motiv ibbażat fuq elementi li joħorġu fil-mori tal-kawża

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 43(1))

7.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

8.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

9.      Uffiċjali — Promozzjoni — Kundizzjonijiet — Uffiċjali li laħqu l-livell ta’ referenza — Dritt għall-promozzjoni awtomatika — Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

10.    Proċedura — Spejjeż — Talba għal deċiżjoni skont il-liġi

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 87(1))

1.      L-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi għal grad speċifiku għandhom, bħala regola ġenerali, interess personali li jikkontestaw id-deċiżjonijiet li jagħtu promozzjoni lil uffiċjali oħra għall-imsemmi grad.

(ara l-punt 15)

Referenza: Tribunal għas-Servizz Pubbliku 5 ta’ Mejju 2010, Bouillez et vs Il‑Kunsill, F‑53/08, punt 80

2.       Għalkemm il-qorti tal-Unjoni Ewropea ma tistax tibbaża ruħha ex officio fuq motiv li ma tressaqx mill-partijiet, sakemm ma jkunx ta’ ordni pubbliku, hija għandha madankollu tinterpreta l-motivi ta’ rikorrent fid-dawl tas-sustanza tagħhom pjuttost milli fid-dawl tal-klassifikazzjoni legali tagħhom, bil-kundizzjoni, madankollu, li l-imsemmija motivi jirriżultaw mir-rikors b’mod biżżejjed ċar. Madankollu, irrispettivament minn kull kwistjoni dwar it-terminoloġija, il-motivi għandhom ikunu biżżejjed ċari u preċiżi sabiex jippermettu lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk hemm bżonn mingħajr ma jkollu jitlob informazzjoni ulterjuri.

(ara l-punt 16)

Referenza: Qorti tal-Ġustizzja 15 ta’ Diċembru 1961, Fives Lille Cail et vs L‑Awtorità Għolja, 19/60, 21/60, 2/61 u 3/61; 13 ta’ Diċembru 2005, Il‑Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, C‑78/03 P, punt 45; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 24 ta’ Frar 2000, ADT Projekt vs Il‑Kummissjoni, T‑145/98, punt 66; Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea 26 ta’ Marzu 2010, Proges vs Il‑Kummissjoni, T‑577/08, punt 21

3.      Fir-rigward tal-eċċezzjonijiet ta’ illegalità, anki meta dawn ikunu relatati ma’ kawża oħra legali differenti minn dik li tidher fl-ilment, l-inammissibbiltà tagħhom għal nuqqas ta’ osservanza tar-regola ta’ konkordanza tkisser l-ekwilibriju bejn il-ħarsien tad-drittijiet proċedurali tal-uffiċjali u l-għan tal-proċedura prekontenzjuża u tikkostitwixxi sanzjoni sproporzjonata u inġusta għall-uffiċjal. Fil-fatt, minħabba n-natura intrinsikament legali ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità, kif ukoll tar-raġunament li jwassal lill-persuna kkonċernata sabiex tfittex u tqajjem tali illegalità, ma jistax jiġi rikjest minn uffiċjal jew membru tal-persunal li jressaq l-ilment, u li mhux neċessarjament ikollu kompetenzi legali xierqa, li jifformula tali eċċezzjoni fil-fażi prekontenzjuża, u dan taħt piena ta’ inammissibbiltà iktar ’il quddiem. Dan japplika b’mod partikolari peress li l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma fl-istadju prekontenzjuż diffiċilment twassal lil min iressaq l-ilment li jirbaħ f’dan l-istadju, għaliex ma tantx huwa probabbli li l-amministrazzjoni tagħżel li ma tapplikax dispożizzjoni fis-seħħ, li eventwalment tikser regola ta’ grad superjuri, u dan sempliċement biex it-tilwima tiġi solvuta b’mod extraġudizzjarju.

Madankollu, l-illegalità ta’ deċiżjonijiet ġenerali tista’ tiġi eċċepita biss sa fejn ikun hemm rabta legali diretta bejn l-att ikkontestat u l-imsemmija deċiżjonijiet ġenerali. L-eċċezzjoni ta’ illegalità tippermetti li titqiegħed biss inkwistjoni, b’mod inċidentali, il-validità tal-atti regolamentari li jifformaw il-bażi legali tad-deċiżjoni li fir-rigward tagħha r-rikorrent jitlob l-annullament.

Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-eċċezzjoni ta’ illegalità tar-rikorrent hijiex ammissibbli, għandu għalhekk jiġi ddeterminat liema hija l-bażi legali li fuqha l-att kkontestat huwa bbażat. F’dan ir-rigward, l-eżistenza ta’ rabta legali diretta bejn l-att individwali kkontestat u l-att ġenerali inkwistjoni tista’ tiġi dedotta mill-fatt li l-att ikkontestat huwa essenzjalment ibbażat fuq dispożizzjoni tal-att li fir-rigward tiegħu qed tiġi kkontestata l-illegalità, anki jekk din tal-aħħar formalment ma tikkostitwixxix il-bażi legali. Meta, f’deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, l-Awtorità tal-Ħatra tiċħad, fil-mertu, l-argumenti kollha mressqa mir-rikorrent insostenn ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità ta’ att, l-imsemmi att normalment jikkostitwixxi l-bażi legali tad-deċiżjoni inkwistjoni.

(ara l-punti 22, 25 u 26)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 6 ta’ Marzu 1979, Simmenthal vs Il‑Kummissjoni, 92/78, punt 36, Il-Qorti tal-Prim’Istanza 26 ta’ Ottubru 1993, Reinarz vs Il‑Kummissjoni, T‑6/92 u T‑52/92, punti 56 u 57; 22 ta’ April 2004, Schintgen vs Il‑Kummissjoni, T‑343/02, punt 25; 20 ta’ Novembru 2007, Ianniello vs Il‑Kummissjoni, T‑308/04, punt 33, u l-ġurisprudenza ċċitata; It‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku 1 ta’ Lulju 2010, Mandt vs Il‑Parlament, F‑45/07, punt 121

4.       L-amministrazzjoni għandha l-fakultà li timmotiva deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ promozzjoni fl-istadju prekontenzjuż. Madankollu, meta l-amministrazzjoni tuża din il-fakultà, hija ċċaħħad lill-uffiċjali kkonċernati mill-possibbiltà li jressqu lment għall-għarfien tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata u, għalhekk, li jiżviluppaw l-argumenti sussegwenti tagħhom. Għalhekk, meta uffiċjal ikun sar jaf dwar il-motivi ta’ deċiżjoni biss fl-istadju taċ-ċaħda tal-ilment, huwa ma jistax jiġi kkritikat bl-osservanza tal-prinċipju ta’ konkordanza bejn l-ilment tiegħu u r-rikors.

(ara l-punt 23)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 29 ta’ Settembru 2009, Hau vs Il‑Parlament, F‑125/07, punt 24

5.       Fil-Parlament Ewropew, il-punti ta’ mertu, bl-eċċezzjoni biss tal-punti rriżervati lis-Segretarju Ġenerali, ma humiex attribwiti fit-tmiem ta’ eżami komparattiv bejn l-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi kollha tal-istess grad. Konsegwentement, l-amministrazzjoni ma tistax tagħti promozzjoni lil uffiċjal billi tibbaża ruħha biss fuq l-attribuzzjoni ta’ dawn il-punti ta’ mertu. Xorta jibqa’ l-fatt li l-attribuzzjoni ta’ tliet punti ta’ mertu, skont il-punt I.3.1 tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Lulju 2005, emendat, dwar il-politika ta’ promozzjoni u ta’ ppjanar tal-karrieri, wara l-eżami annwali tal-mertu ta’ uffiċjal, tista’ sservi ta’ ħjiel importanti fl-evalwazzjoni komparattiva sussegwenti tal-merti tal-uffiċjali tal-istess grad fid-dawl tal-promozzjoni tagħhom, hekk kif stabbilit fl-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal.

Il-kriterju tar-rakkomandazzjoni tad-direttorati ġenerali, li jippermetti li jiġu separati ċerti kandidati li jkunu kisbu l-istess numru ta’ punti ta’ mertu, ma jiksirx l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, għaliex il-klassifika magħmula bejn l-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi mid-direttorati ġenerali hija bbażata fuq il-kwalitajiet professjonali ta’ dawn il-membri tal-persunal. Barra minn hekk, il-kriterju bbażat fuq it-twettiq ta’ kompiti ta’ importanza sinjifikattivi ma jiksirx l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal għaliex jikkumpensa prestazzjoni għolja ta’ uffiċjal li lilu jkun ingħata kompitu diffiċli u importanti.

Il-kriterju tal-livell ta’ responsabbiltajiet eżerċitati ma jistax jiġi totalment imnaqqas għan-numru ta’ kemm nies uffiċjal ikollu taħtu jew, b’mod iktar ġenerali, għall-importanza tal-kompiti amministrattivi eżerċitati.

Xorta jibqa’ l-fatt li l-eżerċizzju tal-funzjoni ta’ kap ta’ diviżjoni, għalkemm ma jistax jikkostitwixxi l-uniku kriterju ta’ evalwazzjoni tal-livell ta’ responsabbiltajiet eżerċitati mill-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi, huwa kriterju rilevanti fl-analiżi komparattiva li l-Awtorità tal-Ħatra għandha tagħmel f’dan ir-rigward.

(ara l-punti 45, 52, 54 u 55)

Referenza: Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea 16 ta’ Diċembru 2010, Il‑Kunsill vs Stols, T‑175/09 P, punt 48

6.       L-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jipprojbixxi t-tressiq ta’ motivi ġodda wara l-ewwel skambju ta’ noti, sakemm dawn ma jkunux ibbażati fuq provi li rriżultaw fil-proċedura. Soluzzjoni simili tapplika għal oġġezzjoni invokata insostenn ta’ motiv. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni ma teskludix li l-imsemmija elementi jiġu skoperti matul miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. Fl-aħħar nett, id-dekadenza prevista minn din id-dispożizzjoni, inkwantu tirrestrinġi l-fakultà għall-parti kkonċernata li tressaq kwalunkwe prova meħtieġa għas-suċċess tat-talbiet tagħha, għandha tingħata interpretazzjoni restrittiva.

(ara l-punt 48)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 13 ta’ Ottubru 2008, Neophytou vs Il‑Kummissjoni, T‑43/07 P, punti 75 sa 91, u l-ġurisprudenza ċċitata

7.      L-Awtorità tal-Ħatra għandha, għall-finijiet tal-eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi, setgħa diskrezzjonali wiesgħa u l-istħarriġ tal-qorti għandu jirrigwarda biss il-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal-proċeduri u tal-mezzi li l-amministrazzjoni tista’ tuża fl-evalwazzjoni tagħha, din tal-aħħar aġixxietx fil-limiti li ma jistgħux jiġu kkontestati u ma użatx l-awtorità tagħha b’mod manifestament żbaljat. Għalhekk, il-qorti ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-kwalifiki u tal-l-merti tal-kandidati flok dik magħmula mill-Awtorità tal-Ħatra.

(ara l-punt 63)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 15 ta’ Settembru 2005, Casini vs Il‑Kummissjoni, T‑132/03, punt 52, u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Il‑Kunsill vs Stols, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48

8.      Is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa rrikonoxxuta lill-amministrazzjoni għall-finijiet tal-eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali kandidati għal promozzjoni abbażi tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal hija limitata mill-ħtieġa li jsir eżami komparattiv tal-kandidaturi b’attenzjoni u b’imparzjalità. Fil-prattika, dan l-eżami għandu jsiru fuq bażi ugwali u abbażi ta’ sorsi ta’ informazzjoni u ta’ dettalji komparabbli.

F’dan ir-rigward, filwaqt li tiġi mħarsa l-effettività li għandha tiġi rrikonoxxuta lill-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, żball ta’ evalwazzjoni tal-merti ta’ uffiċjali mhux promoss ikun manifest meta jkun jista’ jiġi pperċepit b’mod faċli u jkun jista’ jiġi identifikat b’mod evidenti, u dan fid-dawl tal-kriterji li għalihom il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni jissuġġetta d-deċiżjonijiet fil-qasam tal-promozzjoni.

(ara l-punti 64 u 65)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza Casini vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53, u l-ġurisprudenza ċċitata; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 24 ta’ Marzu 2011, Canga Fano vs Il‑Kunsill, F‑104/09, punti 29 sa 35

9.       Minkejja li d-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Lulju 2005, emendata, dwar il-politika ta’ promozzjoni u ta’ ppjanar tal-karrieri, tistabbilixxi livell ta’ referenza li jiddependi fuq tul medju, espress fi snin mqatta’ fil-grad, l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal jimponi l-ħtieġa li l-promozzjoni ssir biss abbażi ta’ għażla, b’mod li minn dan ma jistax jiġi dedott prinċipju li jipprovdi li uffiċjal għandu jiġi promoss meta huwa ma jkunx wettaq żbalji jew prinċipju ta’ progress tal-karriera regolari li tobbliga lill-amministrazzjoni tippromwovi awtomatikament uffiċjal sempliċement għaliex ikun laħaq ċertu anzjanità fil-grad.

(ara l-punt 70)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 15 ta’ Frar 2011, Barbin vs Il‑Parlament, F‑68/09, punti 90 u 91

10.     Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, kull parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. It-talba fformulata fit-talbiet li tittieħed deċiżjoni fuq l-ispejjeż skont il-liġi ma tistax titqies bħala talba intiża għall-kundanna għall-ispejjeż tal-parti li tkun tilfet it-tilwima.

(ara l-punt 76)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 10 ta’ Lulju 2008, Maniscalco vs Il‑Kummissjoni, F‑141/07, punti 30 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata