Language of document : ECLI:EU:F:2009:141

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

21 ta’ Ottubru 2009

Kawża F-33/08

V

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Reklutaġġ – Rifjut ta’ reklutaġġ minħabba inkapaċità fiżika għall-eżerċizzju tal-funżjonijiet – Regolarità tal-proċedura – Regolarità tal-eżami mediku ta’ reklutaġġ – Atti preparatorji”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu V titlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni tal‑Kummissjoni, tal-15 ta’ Mejju 2007, li tinformaha li hija ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ kapaċità fiżika meħtieġa għall‑eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhha, kif ukoll il-kundanna tal‑Kummissjoni biex tħallasha għad-danni li hija tqis li subiet.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha u nofs l-ispejjeż tar-rikorrenti. Ir-rikorrenti għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikors – Motivi – Motiv ibbażat fuq allegati irregolaritajiet tal‑eżami mediku ta’ reklutaġġ – Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 33)

2.      Uffiċjali – Dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni – Obbligu li tintbagħat lil membru tal-persunal deċiżjoni individwali miktuba f’lingwa li huwa jifhem sew

(it-tielet paragrafu tal-Artikolu 21 KE)

3.      Dritt Komunitarju – Prinċipji – Osservanza ta’ terminu raġonevoli

(Karta tad-Drittjiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(1))

4.      Uffiċjali – Reklutaġġ – Rifjut ta’ reklutaġġ minħabba inkapaċità fiżika

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 25(2) u 33; Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 83)

5.      Uffiċjali – Rikors – Ġurisdizzjoni sħiħa – Possibbiltà li l-istituzzjoni konvenuta tiġi kkundannata ex officio għall-ħlas ta’ kumpens għal dannu morali

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(1))

1.      Sa fejn id-deċiżjoni kkontestata ta’ rifjut ta’ reklutaġġ minħabba inkapaċità fiżika għall-eżerċizju tal-funzjonijiet ma hijiex ibbażata biss fuq l‑opinjoni medika tal-Kumitat Mediku, iżda fuq l-atti u d-dokumenti mediċi kollha espressament imsemmija fl-imsemmija opinjoni, inklużi l-opinjonijiet mogħtija matul l-eżami mediku ta’ reklutaġġ mit-tobba li eżaminaw membru tal-persunal, ma jistax jiġi eskluż li eventwali irregolaritajiet li jivvizzjaw dawn l-opinjonijiet setgħu kellhom influwenza fuq il-konklużjonijiet tal-Kumitatt Mediku u, għaldaqstant, fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, teżisti rabta mill‑qrib bejn l-eżami mediku ta’ reklutaġġ, il-perizji eventwalment imwettqa minn tobba oħrajn, ir-riferiment lill-Kumitat Mediku, l-opinjoni tal-Kumitat Mediku u l-imsemmija deċiżjoni. Din ir-rabta tiġġustifika, fid-dawl tal-koeżjoni tal-atti differenti ta’ tali proċedura, li l-qorti Komunitarja teżamina l-legalità tal-atti prepartatorji li wasslu għal din id-deċiżjoni.

(ara l-punti 132 u 133)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 11 ta’ Lulju 1968, Van Eick vs Il‑Kummissjoni, 35/67, Ġabra p. 481, 500

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 31 ta’ Jannar 2006, Giulietti vs Il‑Kummissjoni, T‑293/03, ĠabraSP p. I‑A‑2‑5 u II‑A‑2‑19, punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Il-persuni li jidħlu fis-servizz tal-Komunitajiet Ewropej ma għandhomx dritt assolut li l-lingwa ta’ għażla tagħhom, kemm jekk din il-lingwa tkun il-linġwa materna tagħhom jew lingwa oħra ta’ preferenza tagħhom, tintuża fil-proċeduri kollha li għandhom implikazzjonijiet fuq l-impjieg tagħhom jew fuq il-karriera tagħhom. Ir-rikonoxximent ta’ tali dritt ikun manifestament inkompatibbili mar‑rekwiżiti ta’ funzjonament tajjeb tal-istituzzjonijiet Komunitarji. Anki jekk ir‑rikonoxximent ta’ tali dritt ikun mixtieq, dan għandu jkollu, skont il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, l-istess portata għall-uffiċjali u għall-membri tal-persunal kollha tal-Komunitajiet, irrispettivament mil-lingwi kkonċernati u mill-post ta’ assenjazzjoni tagħhom. Madankollu, is-sitwazzjoni ta’ espatrijazzjoni li huma ta’ spiss imqegħda fiha l-uffiċjali jew il-membri tal-persunal tal-Komunitajiet u n‑neċessitajiet ta’ organizzazzjoni tad-dipartimenti jirrendu diffiċli ħafna t-twettiq tal-implementazzjoni ta’ tali garanzija.

Min-naħa l-oħra, skont id-dmir ta’ premura, huma l-istituzzjonijiet li għandhom, meta hija inkwistjoni s-sitwazzjoni individwali tal-uffiċjal jew tal-membru tal‑persunal, jużaw lingwa li huwa jifhem sew. Dan l-obbligu għandu rwol partikolarment importanti meta l-amministrazzjoni ma għandhiex biss tinforma b’mod utli lill-uffiċjal b’deċiżjoni li tikkonċernah, iżda għandha tiggarantixxi li l‑analiżi u t-testijiet psikoloġiċi mwettqa jinftiehmu kompletament mill-persuna kkonċernata u għaldaqstant li l-perizja mwettqa tirrefletti, b’mod fidili u oġġettiv, il-personalità tagħha. Il-livell ta’ konoxxenza tal-lingwa użata mill-persuna kkonċernata waqt tali testijiet u analiżi għandu għaldaqstant ikun partikolarment għoli.

(ara l-punti 170, 171 u 173)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 23 ta’ Marzu 2000, Rudolph vs Il‑Kummissjoni, T‑197/98, ĠabraSP p. I‑A‑55 u II‑241, punt 46;

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ Diċembru 2007, Duyster vs Il‑Kummissjoni, F‑51/05 u F‑18/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punti 57 u 58, 7 ta’ Ottubru 2009, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, F‑122/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punt 60

3.      L-obbligu li jiġi osservat terminu raġonevoli fit-twettiq tal-proċeduri amministrattivi jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li l-qorti Komunitarja tiżgura l-osservanza tiegħu u li huwa fost oħrajn inkluż bħala komponent tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, fl-Artikolu 41(1) tal-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, il-ksur tal-prinċipju ta’ osservanza tat-terminu raġoneveoli ma jiġġustifikax, bħala regola ġenerali, l‑annullament tad-deċiżjoni meħuda fit-tmiem ta’ proċedura amministrattiva. Fil‑fatt, huwa biss meta d-dekorrenza eċċessiva taż-żmien jista’ jkollha effett fuq il-kontenut stess tad-deċiżjoni adottata fit-tmiem tal-proċedura amministrattiva li n-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli jaffettwa l-validità tal-proċedura ammnistrattiva. Għaldaqstant, fil-kuntest tar-reklutaġġ u tal-eżami mediku ta’ reklutaġġ, terminu eċċessiv eventwali ma jistax, ħlief f’sitwazzjoni eċċezzjonali, ibiddel l-elementi ta’ mertu li, skont il-każ, jistabbilixxu inkapaċità għall-eżerċizzju ta’ funzjonijiet f’isem istituzzjoni Komunitarja. Il-fatt, għall-qorti Komunitarja, li tannulla deċiżjoni meħuda fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet ikollu bħala konsegwenza prinċipali prattika l-effett negattiv li jtawwal iktar il‑proċedura minħabba li din tal-aħħar kienet diġà twila ż-żejjed.

(ara l-punti 209 sa 211)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 13 ta’ Diċembru 2000, SGA vs Il‑Kummissjoni, C‑39/00 P, Ġabra p. I‑11201, punt 44

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 13 ta’ Jannar 2004, JCB Service vs Il‑Kummissjoni, T‑67/01, Ġabra. p. II‑49, punti 36 u 40, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, 11 ta’ April 2006, Angeletti vs Il‑Kummissjoni, T‑394/03, ĠabraSP p. I‑A‑2‑95 u II‑A‑2‑441, punti 162 u 163

4.      Il-mod ta’ motivazzjoni ta’ opinjoni ta’ inkapaċità mogħtija mill-Kumitat Mediku, fil-kuntest tal-eżami mediku ta’ reklutaġġ, u li jikkonsisti f’li tintbagħat il-bażi medika tal-konklużjonijiet tiegħu taħt sigriet mediku lill-kap tas-servizz mediku tal-istituzzjoni Komunitarja kkonċernata ma huwiex sodisfaċenti għall-persuna kkonċernata, li ma għandhiex aċċess direttt għall‑kunsiderazzjonijiet li ġġustifikaw il-konklużjonijiet tal-Kumitat Mediku. Dan il-mod ma jirrendix madankollu illegali tali opinjoni, peress li d-dmir ta’ motivazzjoni għandu jirrikonċilja mar-rekwiżiti tas-sigriet mediku. Din il‑konċiljazzjoni ssir permezz tal-possibbiltà, għall-persuna kkonċernata, li titlob u li tikseb li l-motivi ta’ inkapaċità jiġu kkomunikati lit-tabib ta’ għażla tagħha.

Għalkemm tali motivazzjoni tal-opinjoni tal-Kumitat Mediku tista’ tkun kritikabbli meta tostakola, f’każ ta’ kontestazzjoni mill-persuna kkonċernata, l‑istħarriġ tal-legalità tal-qorti Komunitarja, dan ma huwiex il-każ meta l‑istituzzjoni Komunitarja kkonċernata tindika bosta drabi lill-qorti Komunitarja li lesta li tikkomunikalha d-dokumenti kollha li fir-rigward tagħhom il-Kumitat Mediku ħa deċiżjoni, bil-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata taċċetta li xxolji lill-membri tal-imsemmi kumitat mis-sigriet mediku fir-rigward tagħha, iżda l‑persuna kkonċernata timmanisfesta rifjut kategoriku li twieġeb għal din it-talba. F’tali każ, ma hijiex l-amministrazzjoni jew il-membri tal-Kumitat Mediku li, minħabba l-invokazzjoni tas-sigriet mediku, jibblokkaw il-funzjonament normali tal-ġustizzja.

(ara l-punti 221 sa 226)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 27 ta’ Ottubru 1977, Moli vs Il‑Kummissjoni, 121/76, Ġabra p. 1971, punti 15 sa 17: 13 ta’ April 1978, Mollet vs Il‑Kummissjoni, 75/77, Ġabra p. 897, punti 15 sa 17, 10 ta’ Ġunju 1980, M. vs Il‑Kummissjoni, 155/78, Ġabra p. 1797, punti 15 sa 19

5.      Il-qorti Komunitarja, meta jiġi ppreżentat quddiemha rikors li fir-rigward tiegħu hija għandha ġurisdizzjoni sħiħa u anki fin-nuqqas ta’ konklużjonijiet regolari għal dan il-għan, għandha s-setgħa li tikkundanna ex officio l-amministrazzjoni sabiex tikkumpensa dannu morali marbut ma’ rregolarità li din wettqet. Madankollu din il-ġurisdizzjoni hija eżerċitata biss meta l-qorti tirrinuzja għas‑soluzzjoni ta’ annullament li hija għandha normalment tadotta, minħabba konsegwenzi eċċessivi li tali soluzzjoni jkollha jew minħabba n-natura inadatta li tirrappreżenta tali sanzjoni tal-irregolarità kkonstatata, jew meta hija tikkonstata li l-annullament li ser tiddeċiedi ma jistax fih innifsu jikkumpensa adegwatament id‑dannu subit u sabiex tiżgura effett utli fir-rigward tas-sentenza ta’ annullament.

(ara l-punt 266)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 5 ta’ Ġunju 1980, Oberthür vs Il‑Kummissjoni, 24/79, Ġabra p. 1743, punti 13 sa 15

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 31 ta’ Marzu 2004, Girardot vs Il‑Kummissjoni, T‑10/02, ĠabraSP p. I‑A‑109 u II‑483, punti 84 sa 91

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 22 ta’ Ottubru 2008, Tzirani vs Il‑Kummissjoni, F‑46/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punti 214 u 215; 5 ta’ Mejju 2009, Simões Dos Santos vs UASI, F‑27/08, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punti 142 sa 144