Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Cluj (ir-Rumanija) fl-1 ta’ Frar 2019 – NG, OH vs SC Banca Transilvania SA

(Kawża C-81/19)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Curtea de Apel Cluj

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: NG, OH

Konvenut: SC Banca Transilvania SA

Domandi preliminari

L-Artikolu 1[(2)] tad-Direttiva 93/13/KEE 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-eżami tal-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali li tirriproduċi regola supplettiva li l-partijiet setgħu jidderogaw minnha, deroga li madankollu huma ma għamlux sa fejn din il-klawżola ma kienet is-suġġett ta’ ebda negozjar, bħall-klawżola eżaminata f’din il-kawża, li teżiġi li s-self jiġi rrimborsat fl-istess munita barranija bħal dik li s-self ingħata fiha?

Meta kalkoli jew previżjonijiet dwar l-impatt ekonomiku ta’ eventwali varjazzjoni fir-rata ta’ kambju fuq l-obbligi ta’ ħlas kollha li jirriżultaw mill-kuntratt ma jkunux ġew ippreżentati lill-konsumatur meta jingħata s-self f’munita barranija, jista’ wieħed jargumenta ġustament li tali klawżola, li tpoġġi r-riskju kollu ta’ bidla fuq il-konsumatur (konformement mal-prinċipju ta’ nominaliżmu), hija ċara u li tinftiehem u li l-bejjiegħ jew fornitur jew il-bank issodisfaw b’bona fide l-obbligu tagħhom li jinformaw lill-parti kontraenti tagħhom, meta l-livell massimu ta’ dejn tal-konsumaturi impost mill-Bank nazzjonali tar-Rumanija ġie kkalkulat b’riferiment għar-rata ta’ kambju fis-seħħ fid-data tal-konklużjoni tas-self?

Id-Direttiva 93/13 u l-ġurisprudenza relatata magħha kif ukoll il-prinċipju ta’ effettività jipprekludu li, wara l-konstatazzjoni tal-karattru inġust ta’ klawżola dwar ir-responsabbiltà għar-riskju ta’ bidla, il-kuntratt jissussisti mingħajr modifiki? Liema modifika tkun possibbli sabiex titwarrab il-klawżola inġusta u jiġi osservat il-prinċipju ta’ effettività?

____________

1 Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288)