Language of document : ECLI:EU:C:2019:1077

Kawżi magħquda C566/19 PPU u C626/19 PPU

JR
u
YC

(talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour d’appel (il-Lussemburgu) u mir-rechtbank Amsterdam)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat12 ta’ Diċembru 2019

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Artikolu 6(1) – Kunċett ta’ ‘awtorità ġudizzjarja emittenti’ – Kriterji – Mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-Prosekutur ta’ Stat Membru għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali”

1.        Kooperazzjoni mill-pulizija – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas – Awtoritajiet mhux ġudizzjarji ta’ Stat Membru, li jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja penali ta’ dan l-Istat Membru – Inklużjoni – Klassifikazzjoni li ma tiddependix mill-eżistenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni ta’ ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew

(Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, Artikolu 6(1))

(ara l-punt 48)

2.        Kooperazzjoni mill-pulizija – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas – Prosekutur kompetenti sabiex jeżerċita proċeduri kriminali fil-konfront ta’ persuna ssuspettata li wettqet reat kriminali – Inklużjoni – Kundizzjonijiet – Indipendenza fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet – Portata

(Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, Artikolu 6(1))

(ara l-punti 52 sa 58 u d-dispożittiv)

3.        Kooperazzjoni mill-pulizija – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali – Kompetenza mogħtija lil awtorità mhux ġudizzjarja ta’ Stat Membru, li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja penali ta’ dan l-Istat Membru – Osservanza tar-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Obbligu li jiġi previst stħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew – Portata

(Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299)

(ara l-punti 59 sa 66, 70, 71, 74, u d-dispożittiv)


Sunt

Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-Prosekutur Franċiż, Svediż u Belġjan jissodisfaw ir-rekwiżiti meħtieġa sabiex jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew u tiċċara wkoll il-portata tal-protezzjoni ġudizzjarja li minnha jibbenefikaw il-persuni koperti minn tali mandat

Fis-sentenzi Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (Prosekuturi ta’ Lyon u ta’ Tours) (C‑566/19 PPU u C‑626/19 PPU), Openbaar Ministerie (Prosekutur tal-Isvezja) (C‑625/19 PPU) u Openbaar Ministerie (Prosekutur tar-Re għal Brussell) (C‑627/19 PPU), mogħtija fit‑12 ta’ Diċembru 2019, fil-kuntest tal-proċedura b’urġenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkompletat il-ġurisprudenza reċenti tagħha (1) fuq id-Deċiżjoni Qafas 2002/584, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew (2), billi tipprovdi indikazzjonijiet dwar ir-rekwiżit tal-indipendenza tal-“awtorità ġudizzjarja emittenti” ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u dwar ir-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li għandha tiġi żgurata lill-persuni li huma s-suġġett ta’ tali mandat ta’ arrest.

Fil-kawżi prinċipali, il-mandati ta’ arrest Ewropew kienu nħarġu mill-Prosekutur Franċiż (Kawżi C‑566/19 PPU u C‑626/19 PPU), Svediż (Kawża C‑625/19 PPU) u Belġjan (Kawża C‑627/19 PPU), għall-finijiet, fl-ewwel tliet kawżi, ta’ proċeduri kriminali u, fl-aħħar kawża, tal-eżekuzzjoni ta’ piena. Qamet il-kwistjoni tal-eżekuzzjoni tagħhom, li kienet tiddependi, b’mod partikolari, mill-kwalità ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti” ta’ dawn il-Prosekuturi rispettivi.

L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat jekk l-istatus tal-Prosekutur Franċiż jagħtihx garanzija ta’ indipendenza meħtieġa sabiex joħroġ mandati ta’ arrest Ewropew u ddeċidiet li dan kien il-każ.

Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret qabel kollox li l-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti” jista’ jinkludi l-awtoritajiet ta’ Stat Membru li, mingħajr ma jkunu mħallfin jew qrati, jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja penali u jaġixxu b’mod indipendenti. Din l-aħħar kundizzjoni tippresupponi l-eżistenza ta’ regoli statutorji u organizzattivi li jiżguraw li l-awtoritajiet ikkonċernati ma jkunux esposti, fil-kuntest tal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, għal kwalunkwe riskju li jkunu suġġetti għal ordnijiet jew għal istruzzjonijiet individwali min-naħa tal-poter eżekuttiv.

Fir-rigward tal-Prosekuturi Franċiżi, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-elementi ppreżentati huma biżżejjed sabiex juru li huma għandhom is-setgħa li jevalwaw b’mod indipendenti, b’mod partikolari meta mqabbla mal-poter eżekuttiv, il-ħtieġa tal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u n-natura proporzjonata tiegħu u li jeżerċitaw din is-setgħa b’mod oġġettiv, billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha inkriminanti u li jiskaġunaw. L-indipendenza tagħhom ma hijiex ikkontestata mill-fatt li huma responsabbli mill-azzjoni pubblika, la mill-fatt li l-Ministru tal-Ġustizzja jista’ jagħtihom istruzzjonijiet ġenerali ta’ politika penali u lanqas mill-fatt li huma tqiegħdu taħt id-direzzjoni u l-kontroll tas-superjuri ġerarkiċi tagħhom, huma stess membri tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, u għalhekk obbligati li jikkonformaw ruħhom mal-istruzzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar.

It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ir-rekwiżit stabbilit fil-ġurisprudenza reċenti tagħha, li jgħid li d-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew għandha, meta tittieħed minn awtorità li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja mingħajr ma tkun qorti, tkun tista’ tiġi suġġetta, fl-Istat Membru emittenti, għal azzjoni ġudizzjarja li tosserva r-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-eżistenza ta’ tali rimedju ġudizzjarju ma tikkostitwixxix kundizzjoni sabiex l-awtorità tiġi kklassifikata bħala awtorità ġudizzjarja emittenti.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li huma l-Istati Membri li għandhom jiżguraw li l-ordinamenti ġuridiċi tagħhom jiggarantixxu b’mod effettiv il-livell meħtieġ ta’ protezzjoni ġudizzjarja permezz ta’ regoli proċedurali li huma jimplimentaw u li jistgħu jvarjaw minn sistema għall-oħra. Issa, l-istabbiliment ta’ dritt ta’ rimedju separat kontra d-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew jikkostitwixxi biss possibbiltà. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li minnha għandha tibbenefika persuna li kontriha jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minn awtorità li ma hijiex qorti għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali, huma ssodisfatti meta l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ dan il-mandat, u b’mod partikolari n-natura proporzjonata tiegħu, ikunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju fl-Istat Membru emittenti.

F’dan il-każ, is-sistemi Franċiżi u Svediżi jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti, peress li r-regoli proċedurali nazzjonali jippermettu li jiġi kkonstatat li n-natura proporzjonata tad-deċiżjoni tal-Prosekutur li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju preliminari, jew kważi fl-istess waqt mal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, iżda wkoll ta’ stħarriġ ġudizzjarju ulterjuri. B’mod partikolari, tali evalwazzjoni hija magħmula, b’mod partikolari, minn qabel, mill-qorti li tadotta d-deċiżjoni nazzjonali li tista’ sussegwentement tistabbilixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew.

Fil-każ fejn il-mandat ta’ arrest Ewropew ikun inħareġ mill-Prosekutur, mhux għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali iżda għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija imposta minn kundanna definittiva, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li r-rekwiżiti li jirriżultaw minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva lanqas ma jimplikaw li rimedju separat kontra d-deċiżjoni tal-Prosekutur ikun previst. Is-sistema Belġjana, li ma tipprevedix tali rimedju, għalhekk tissodisfa wkoll dawn ir-rekwiżiti. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, meta l-mandat ta’ arrest Ewropew ikun intiż sabiex tiġi eżegwita piena, l-istħarriġ ġudizzjarju jitwettaq permezz tas-sentenza definittiva li fuqha huwa bbażat dan il-mandat ta’ arrest. Fil-fatt, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tippreżumi li d-deċiżjoni li jinħareġ tali mandat ta’ arrest hija r-riżultat ta’ proċedura ġudizzjarja li fiha l-persuna rikjesta bbenefikat minn garanziji fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tagħha. Barra minn hekk, il-proporzjonalità ta’ dan il-mandat ta’ arrest tirriżulta wkoll mill-kundanna imposta, peress li d-Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew tipprevedi li din għandha tikkonsisti f’piena jew f’ordni ta’ detenzjoni ta’ mill-inqas erba’ xhur.


1      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456), tas‑27 ta’ Mejju 2019, PF (Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja) (C‑509/18, EU:C:2019:457), kif ukoll tad‑9 ta’ Ottubru 2019, NJ (Prosekutur ta’ Vjenna) (C‑489/19 PPU, EU:C:2019:849).


2      Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45) kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24).