Language of document : ECLI:EU:F:2011:139

SENTENZA TAT‑TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

15 ta’ Settembru 2011

Kawża F-6/10

Yannick Munch

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Servizz pubbliku — Membri tal-persunal temporanju — Klawżola li ttemm il-kuntratt fil-każ li l-membru tal-persunal ma jkunx inkluż fil-lista ta’ riżerva ta’ kompetizzjoni — Kompetizzjoni ġenerali OHIM/AD/02/07 u OHIM/AST/02/07 — Ammissibbiltà — Kompetenzi rispettivi tal-EPSO u tal-Bord tal-Għażla — Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg — Tiġdid ta’ kuntratti ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien determinat”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu Y. Munch qiegħed jitlob b’mod partikolari l-annullament tad-deċiżjoni tal-UASI, tat-12 ta’ Marzu 2009, li tirrexxindi l-kuntratt tiegħu bħala membru tal-persunal temporanju b’effett mill-15 ta’ Ottubru 2009, kif ukoll il-kundanna tal-UASI għall-ħlas tad-danni.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni li tinsab fl-ittra tat-12 ta’ Marzu 2009 tal-UASI, li tikkonstata l-waqfien tal-kuntratt ta’ xogħol tar-rikorrent b’effett mill-15 ta’ Ottubru 2009, hija annullata. L-UASI huwa kkundannat iħallas lir-rikorrenti d-differenza bejn l-ammont tar-remunerazzjoni li kien ikun intitolat għaliha li kieku baqa’ fil-kariga li kellu fi ħdan l-UASI u r-remunerazzjoni, l-allowances tal-qgħad jew kull allowance ta’ sostituzzjoni oħra li seta’ effettivament jirċievi minn sorsi oħra minn wara l-15 ta’ Ottubru 2009. L-UASI huwa kkundannat iħallas lir-rikorrent is-somma ta’ EUR 2 000 bħala kumpens għad-danni. L-UASI għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk tar-rikorrent.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikors — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Klawżola ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju li tissuġġetta ż-żamma tar-relazzjoni ta’ xogħol għall-inklużjoni tal-membru tal-persunal fil-lista ta’ riżerva ta’ kompetizzjoni ġenerali — Inklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))

2.      Uffiċjali — Rikors — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Ittra indirizzata lil membru tal-persunal temporanju li tfakkru fid-data tal-iskadenza tal-kuntratt tiegħu — Esklużjoni — Bidla ta’ kuntratt — Deċiżjoni li kuntratt ma jiġġeddidx — Inklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))

3.      Uffiċjali — Rikors — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Klawżola ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju li tissuġġetta ż-żamma tar-relazzjoni ta’ xogħol għall-inklużjoni tal-membru tal-persunal fil-lista ta’ riżerva ta’ kompetizzjoni ġenerali — Deċiżjoni tal-amministrazzjoni li tikkonstata li l-membru tal-persunal ma ġiex inkluż f’din il-lista u li timplementa l-klawżola ta’ rexissjoni — Inklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))

4.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Kuntratti għal żmien indeterminat marbuta bi klawżola ta’ rexissjoni applikabbli biss fil-każ li l-membru tal-persunal ma jiġix inkluż f’lista ta’ riżerva stabbilita fi tmiem kompetizzjoni ġenerali

5.      Proċedura — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21, u Anness I, Artikolu 7(3); Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 35(1)(e))

6.      L-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) — Żvolġiment tal-kompetizzjonijiet għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali — Rwol tal-EPSO — Assistenza lill-Bord tal-Għażla — Rwol sussidjarju fil-konfront ta’ dak tal-Bord tal-Għażla

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III, l-ewwel, ir-raba’ u l-ħames paragrafi tal-Artikolu 1)

7.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Reklutaġġ — Bidla ta’ kuntratt għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat u inklużjoni ta’ klawżola ta’ rexissjoni fil-każ li l-membru tal-persunal ma jiġix inkluż fil-lista ta’ riżerva ta’ kompetizzjoni ġenerali — Bidla li tista’ titqies bħala t-tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 2(a), (b) u (d), u l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 8; Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness, Klawżola 3(1))

8.      Uffiċjali — Rikors — Ġurisdizzjoni sħiħa — Tilwim ta’ natura pekunjarja fis-sens tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal — Kunċett

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(1))

1.      Kemm l-ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel u kif ukoll ir-rikors ġudizzjarju għandhom, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, ikunu indirizzati kontra att li jikkawża preġudizzju u li jipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw direttament u immedjatament l-interessi tar-rikorrent billi jibdlu, b’mod sostanzjali, is-sitwazzjoni legali tiegħu.

F’dan id-dawl, l-inklużjoni f’kuntratt ta’ membru tal-persuna temporanju ta’ klawżola ta’ rexissjoni li tissuġġetta ż-żamma tar-relazzjoni ta’ xogħol għall-inklużjoni ta’ isem il-membru tal-persunal ikkonċernat fil-lista ta’ riżerva ta’ kompetizzjoni ġenerali organizzata mill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal hija, bħala tali, ta’ natura li taffettwa direttament u immedjatament l-interessi ta’ dan il-membru tal-persunal billi tibdel b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tiegħu fid-dawl, minn tal-inqas, tal-inċertezza xi ftit jew wisq kbira li timponi fuq il-membru tal-persunal inkwistjoni fir-rigward tal-inklużjoni fil-lista ta’ riżerva stabbilita fi tmiem il-kompetizzjoni msemmija.

(ara l-punti 32 u 33)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 13 ta’ Lulju 2000, Hendrickx vs Cedefop, T‑87/99, punt 37

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 2 ta’ Lulju 2009, Bennett et vs UASI, F‑19/08, punt 65, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Att li ma jkun fih ebda element ġdid meta mqabbel ma’ att preċedenti jikkostitwixxi att purament konfermattiv ta’ dan tal-aħħar u għalhekk ma jistax ikollu l-effett li jiftaħ terminu ġdid għall-preżentata ta’ rikors. B’mod partikolari, ittra li sempliċement tfakkar lil membru tal-persunal l-istipulazzjonijiet tal-kuntratt tiegħu dwar id-data tal-iskadenza ta’ dan il-kuntratt u li għalhekk ma jkun fiha ebda element ġdid meta mqabbla mal-imsemmija stipulazzjonijiet ma tikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju.

Għall-kuntrarju, tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju kull bidla ta’ kuntratt, għalkemm dan biss fir-rigward tal-istipulazzjonijiet li jkunu ġew mibdula, sakemm dawn il-bidliet ma jimplikawx bidla radikali fl-istruttura ġenerali tal-kuntratt. Bl-istess mod, fil-każ li l-kuntratt jista’ jkun is-suġġett ta’ tiġdid, id-deċiżjoni meħuda mill-amministrazzjoni li ma ġġeddux tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju, li huwa distint mill-kuntratt inkwistjoni u li jista’ jkun is-suġġett ta’ lment u ta’ rikors fit-termini stabbiliti mir-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, tali deċiżjoni, li tingħata wara eżami mill-ġdid tal-interess tas-servizz u tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata, tinkludi element ġdid meta mqabbla mal-kuntratt inizjali u ma tistax titqies li sempliċement tikkonferma dan il-kuntratt.

(ara l-punti 50 sa 53)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 10 ta’ Diċembru 1980, Grasselli vs Il‑Kummissjoni, 23/80, punt 18; 9 ta’ Lulju 1987, Castagnoli vs Il‑Kummissjoni, 329/85, punti 10 u 11; 14 ta’ Settembru 2006, Il‑Kummissjoni vs Fernández Gómez, C‑417/05 P, punti 45 sa 47

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 2 ta’ Frar 2001, Vakalopoulou vs Il‑Kummissjoni, T‑97/00, punt 14; 1 ta’ April 2003, Mascetti vs Il‑Kummissjoni, T‑11/01, punt 41

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 15 ta’ April 2011, Daake vs UASI, F‑72/09 u F‑17/10, punt 36

3.      Ittra li permezz tagħha l-amministrazzjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ avveniment jew ta’ sitwazzjoni ġdida u tislet minnhom il-konsegwenzi previsti minn regola jew dispożizzjoni kuntrattwali fir-rigward tal-persuni kkonċernati tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju peress li tibdel is-sitwazzjoni legali tad-destinatarji tagħha.

Dan ikun il-każ meta jkun hemm deċiżjoni tal-amministrazzjoni li tikkonstata li l-isem ta’ membru tal-persunal temporanju ma ġiex inkluż fil-lista ta’ riżerva ta’ kompetizzjoni ġenerali partikolari u li timplementa l-klawżola ta’ rexissjoni li tkun tinsab fil-kuntratt ta’ dan il-membru tal-persunal, klawżola li timplika r-rexissjoni ta’ dan il-kuntratt fil-każ li jseħħ avveniment partikolari, jiġifieri l-istabbiliment tal-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni identifikata fil-klawżola msemmija, avveniment li d-data ta’ meta kien ser iseħħ kienet neċessarjament inċerta fil-mument meta ġiet konkluża din il-klawżola. Din id-deċiżjoni, li tibdel is-sitwazzjoni legali tal-membru tal-persunal, tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju u tista’ tkun is-suġġett ta’ lment u, jekk ikun il-każ, ta’ rikors.

Peress li l-inklużjoni tal-klawżola ta’ rexissjoni hija s-suġġett ta’ proċess kumpless, il-membru tal-persunal għandu jkun jista’ jikkontesta, b’mod inċidentali, il-legalità ta’ din il-klawżola, anki jekk b’portata individwali, fl-okkażjoni tal-adozzjoni mill-amministrazzjoni tad-deċiżjoni li timplementaha, fl-aħħar stadju ta’ dan il-proċess.

(ara l-punti 58, 59 u 95)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Daake vs UASI, iċċitata, punti 34 et seq

4.      Meta istituzzjoni tipproponi lil diversi membri tal-persunal, li kienu pparteċipaw b’suċċess fi proċeduri ta’ selezzjoni interni, kuntratt bħala membru tal-persunal temporanju għal żmien indeterminat, li jinkludi klawżola ta’ rexissjoni applikabbli biss fil-każ li l-persuni kkonċernati ma jiġux inklużi f’lista ta’ riżerva stabbilita fi tmiem kompetizzjoni ġenerali, u b’hekk timpenja ruħha b’mod ċar li żżomm lill-persuni kkonċernati fuq bażi permanenti fi ħdanha l-kundizzjoni li jkunu inklużi f’tali lista ta’ riżerva, u meta mbagħad tillimita n-numru tal-kandidati li għaddew minn kompetizzjoni u li ġew inklużi fil-listi ta’ kandidati xierqa stabbiliti fi tmiem żewġ kompetizzjonijiet, li barra minn hekk kienu kompetizzjonijiet ġenerali, għan-numru preċiż ta’ pożizzjonijiet li għandhom jimtlew, din l-istituzzjoni tnaqqas radikalment u oġġettivament l-opportunitajiet tal-persuni kkonċernati, ikkunsidrati kollha f’daqqa, li jevitaw l-applikazzjoni tal-klawżola ta’ rexissjoni u, għaldaqstant, iġġib fix-xejn parti mis-sustanza tal-portata tal-impenji kuntrattwali tagħha fir-rigward tal-membri tal-persunal temporanju tagħha.

Għaldaqstant, meta jitqies l-impenn li l-istituzzjoni ħadet fir-rigward tal-membri tal-persunal temporanju tagħha, il-klawżola ta’ rexissjoni ma tistax tapplika, fi tmiem kompetizzjoni ġenerali miftuħa għaċ-ċittadini kollha tal-Istati Membri, fil-preżenza ta’ lista ta’ kandidati xierqa limitata għal unità jew għal numru ta’ ismijiet li jkun tant limitat li l-opportunitajiet tal-membri tal-persunal ikkonċernati li jevitaw l-applikazzjoni tagħha kienu b’mod mhux raġonevoli ristretti ħafna. Fi kliem ieħor, tali lista ta’ kandidati xierqa ma taqax fis-sitwazzjonijiet previsti mill-klawżola ta’ rexissjoni għaliex inkella l-impenn kuntrattwali tal-amministrazzjoni jiġi żnaturat.

(ara l-punti 78 u 79)

5.      Skont l-Artikolu 35(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ir-rikors għandu jinkludi espożizzjoni tal-motivi u tal-argumenti fattwali u legali invokati. Dawn l-elementi għandhom ikunu ċari u preċiżi biżżejjed sabiex jippermettu lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiddeċiedi dwar ir-rikors, jekk ikun il-każ mingħajr informazzjoni oħra. Sabiex rikors ikun ammissibbli ma huwiex neċessarju li jkun twil u ddettaljat. Huwa biżżejjed li l-elementi essenzjali tal-motiv jirriżultaw, minn tal-inqas b’mod qasir iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess. Dan jgħodd iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li, skont l-Artikolu 7(3) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fażi bil-miktub tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tipprevedi biss, bħala prinċipju, skambju wieħed ta’ atti, sakemm it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jiddeċidix mod ieħor, karatteristika din li hija partikolari għall-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u li tispjega għalfejn, b’differenza minn dak li huwa previst, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea jew quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-espożizzjoni tal-motivi u tal-argumenti fir-rikors ma tistax tkun fil-forma ta’ sunt.

(ara l-punti 91 u 92)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 12 ta’ Marzu 2009, Hambura vs Il‑Parlament, F‑4/08, punti 49 u 50, u l-ġurisprudenza ċċitata

6.      Mill-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li l-leġiżlazzjoni li tirregola l-proċedura ta’ kompetizzjoni hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ separazzjoni ta’ kompetenzi bejn l-Awtorità tal-Ħatra u l-Bord tal-Għażla. Filwaqt li tikkostitwixxi manifestazzjoni ta’ awtolimitazzjoni tal-poter amministrattiv, din id-dijarkija stabbilita fir-Regolamenti tal-Persunal turi, għall-finijiet ta’ protezzjoni tat-trasparenza tal-proċedura ta’ selezzjoni tal-persunal tal-Unjoni, ir-rieda tal-leġiżlatur tar-Regolamenti tal-Persunal li ma jirriżervax biss għall-amministrazzjoni l-kompitu delikat ta’ selezzjoni tal-persunal inkwistjoni, imma li jinvolvi wkoll, permezz tal-Bord tal-Għażla (fejn anki l-amministrazzjoni tkun irrappreżentata), persuni minn barra l-ġerarkija amministrattiva u b’mod partikolari rappreżentanti tal-persunal. Fil‑kuntest ta’ din is-separazzjoni ta’ kompetenzi, hija l‑Awtorità tal‑Ħatra, kif jirriżulta b’mod partikolari mill‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 1 tal‑Anness III tar‑Regolamenti tal-Persunal u mill‑Artikolu 4 tal‑imsemmi anness, li għandha, minn naħa, tistabbilixxi l‑avviż ta’ kompetizzjoni, wara li tikkonsulta l‑Kumitat Konġunt u, min‑naħa l‑oħra, tadotta l‑lista ta’ kandidati li jissodisfaw l‑ewwel tliet kundizzjonijiet elenkati fl‑Artikolu 28 tar‑Regolamenti tal-Persunal sabiex ikunu jistgħu jinħatru bħala uffiċjali. Ladarba din il‑lista tiġi pprovduta minn din l-awtorità lill‑President tal‑Bord tal-Għażla, huwa sussegwentement il‑Bord tal-Għażla nnifsu, kif indikat fl‑Artikolu 5 tal‑Anness III tar‑Regolamenti tal-Persunal, li għandu, l‑ewwel nett, jiddetermina l‑lista tal-kandidati li jissodisfaw il‑kundizzjonijiet stabbiliti mill‑avviż tal‑kompetizzjoni, it‑tieni nett, jipproċedi għall‑eżamijiet u, it‑tielet nett, jistabbilixxi l‑lista ta’ kandidati xierqa u jgħaddiha lill‑imsemmija awtorità.

Barra minn hekk, għalkemm il‑kompiti mogħtija lill‑Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) huma tali li jagħmlu lil dan il‑korp attur importanti fid‑determinazzjoni u fl-implementazzjoni tal‑politika tal‑Unjoni fir‑rigward tas-selezzjoni tal‑persunal, għal dak li jirrigwarda, għall-kuntrarju, l‑iżvolġiment tal-kompetizzjonijiet għar‑reklutaġġ ta’ uffiċjali, ir‑rwol tiegħu, għalkemm huwa wieħed sinjifikattiv sa fejn jassisti lill‑Bord tal-Għażla, jibqa’, fi kwalunkwe każ, sussidjarju meta mqabbel ma’ dak tal-Bord tal-Għażla, li l-EPSO barra minn hekk ma jistax jissostitwixxi. Fil-fatt, kemm l‑għadd kbir ta’ kompiti (essenzjalment ta’ parir u ta’ għajnuna lill‑istituzzjonijiet) mogħtija lill‑EPSO u kif ukoll il‑kompożizzjoni tiegħu (il‑Bord tal‑amministrazzjoni kompost esklużivament minn membri nnominati mill‑istituzzjonijiet filwaqt li t-tliet rappreżentanti tal‑persunal għandhom biss l‑istatus ta’ osservaturi) jipprekludu kull tentattiv ta’ aprossimazzjoni tal‑EPSO ma’ Bord tal-Għażla, li l‑kompożizzjoni tiegħu tosserva regola konġunta u li, filwaqt li huwa stabbilit għal kull kompetizzjoni, għandu l‑kompitu ferm preċiż li jmexxi l‑kompetizzjoni inkwistjoni sal-konklużjoni tagħha.

Għaldaqstant, għandha titqies bħala illegali deċiżjoni li permezz tagħha l-EPSO, li ma kellux kompetenza, eskluda kandidat mit-tieni fażi tal-operazzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġenerali. Issa, kien fuq il-bażi tal-fatt li l-kandidat ma ġiex inkluż fil-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni msemmija, u għalhekk neċessarjament fuq il-bażi tad-deċiżjoni li teskludi l-kandidat mit-tieni fażi ta’ din il-kompetizzjoni, li kienet adottata d-deċiżjoni tal-amministrazzjoni li timplementa l-klawżola ta’ rexissjoni inkluża fil-kuntratt bħala membru tal-persunal temporanju ta’ dan il-kandidat. Għaldaqstant, din id-deċiżjoni tal-aħħar għandha tiġi kkunsidrata wkoll bħala illegali.

(ara l-punti 99 sa 104)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 15 ta’ Ġunju 2010, Pachtitis vs Il‑Kummissjoni, F‑35/08, punti 50 sa 52 u 58

7.      L-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra huma maħsuba preċiżament sabiex jillimitaw l-użu ta’ kuntratti suċċessivi bħala membri tal-persunal temporanju. Minn naħa, il-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju, fis-sens tal-Artikolu 2(a) ta’ dawn il-kondizzjonijiet jista’ jiġi mġedded darba waħda biss għal żmien determinat, filwaqt li kull tiġdid ulterjuri ta’ dan il-kuntratt jibqa’ għal żmien indeterminat. Min-naħa l-oħra, il-kuntratt bħala membru tal-persunal temporanju, fis-sens tal-Artikolu 2(b) jew (d) ta’ dawn il-kondizzjonijiet, li t-tul tiegħu ma jistax jaqbeż l-erba’ snin, jista’ jiġġedded darba waħda biss għal perijodu ta’ mhux iktar minn sentejn, bil-kundizzjoni li l-possibbiltà ta’ tiġdid tkun prevista fil-kuntratt inizjali, filwaqt li, mal-iskadenza tal-kuntratt tiegħu, il-membru tal-persunal inkwistjoni ma jkunx jista’ jinżamm fil-kariga tiegħu sakemm ma jinħatarx bħala uffiċjal.

Il-fatt li l-kuntratt tal-membru tal-persunal kien jinkludi klawżola ta’ rexissjoni, li tippermetti lill-amministrazzjoni ttemm dan il-kuntratt fil-każ li dan il-membru ma jgħaddix minn kompetizzjoni li l-organizzazzjoni tagħha kienet imħabbra f’ċertu żmien, ma jippermettix, minkejja t-termini tal-kuntratt, li dan il-kuntratt jiġi kklassifikat bħala kuntratt għal żmien indeterminat, li huwa kkaratterizzat min-natura stabbli tal-impjieg. Fil-fatt, it-tul ta’ kuntratt, kif jirriżulta mill-Klawżola 3(1) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [għal żmien determinat], li jinsab anness mad-Direttiva 1999/70, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [għal żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP, jista’ jiġi ddeterminat mhux biss meta “jilħaq data speċifika” iżda wkoll meta “ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku”, bħalma huwa l-istabbiliment ta’ lista ta’ riżerva ta’ kompetizzjoni partikolari, stabbiliment li miegħu jkunu marbuta diversi konsegwenzi possibbli skont it-termini tal-kuntratt tal-membru tal-persunal. B’hekk, jekk l-isem ta’ dan il-membru tal-persunal ma jkunx inkluż fil-lista ta’ riżerva, mit-termini tal-kuntratt jirriżulta li dan il-kuntratt ser jintemm; normalment dan jiġri wkoll fil-każ li l-membru tal-persunal jgħaddi mill-kompetizzjoni għaliex f’dan il-każ dan il-membru tal-persunal ikun offrut pożizzjoni bħala uffiċjal filwaqt li, jekk dan jirrifjuta l-offerta, il-kuntratt xorta waħda jintemm inkonformità mat-termini tiegħu.

Għaldaqstant, għandha tiġi annullata deċiżjoni tal-amministrazzjoni li timplementa l-klawżola ta’ rexissjoni inkluża fil-kuntratt ta’ xogħol tal-membru tal-persunal temporanju bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra. Fil-fatt, wara l-ewwel tiġdid, il-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju, fis-sens tal-Artikolu 2(a) ta’ dawn il-kondizzjonijiet, bejn l-amministrazzjoni u l-membru tal-persunal, reġa’ ġie mġedded għal żmien determinat bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 ta’ dawn il-kondizzjonijiet.

(ara l-punti 110 u 113 sa 116)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 26 ta’ Ottubru 2006, Landgren vs ETF, F‑1/05, punt 66

8.      Talba intiża għall-ħlas mill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern lil wieħed mill-membri tal-persunal tiegħu ta’ somma li dan il-membru jqis li hija dovuta lilu taħt il-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra taqa’ fil-kunċett ta’ tilwim ta’ natura pekunjarja fis-sens tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Skont din id-dispożizzjoni, il-qorti tal-Unjoni għandha, f’dan it-tilwim, ġurisdizzjoni sħiħa li tikkonferixxilha l-missjoni li tagħti soluzzjoni kompleta għat-tilwim li jitressaq quddiemha, jiġifieri l-missjoni li tiddeċiedi dwar id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-membru tal-persunal, bil-kundizzjoni li tista’ tirrinvija lill-istituzzjoni jew l-aġenzija inkwistjoni, dejjem taħt l-istħarriġ tagħha, il-kompitu li jeżegwixxu parti mis-sentenza fil-kundizzjonijiet preċiżi stabbiliti minnha.

(ara l-punt 125)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 18 ta’ Diċembru 2007, Weißenfels vs Il‑Parlament, C‑135/06 P, punti 65, 67 u 68

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 2 ta’ Lulju 2009, Giannini vs Il‑Kummissjoni, F‑49/08, punti 39 sa 42