Language of document : ECLI:EU:T:2007:22

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Il-Ħames Awla Estiża)

30 ta' Jannar 2007 (*)

"Kompetizzjoni − Abbuż ta' pożizzjoni dominanti − Suq tas-servizzi ta' aċċess għall-Internet ta' veloċità għolja – Prezzijiet predatorji"

Fil-kawża T‑340/03,

Franza Télécom SA, li qabel kienet Wanadoo Interactive SA, stabbilita f'Pariġi (Franza), irrappreżentata minn O. Brouwer, H. Calvet, M. Pittie, J. Philippe u T. Janssens, avocats,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, inizjalment irrappreżentata minn S. Rating u É. Gippini Fournier, bħala aġenti, imbagħad minn M. Gippini Fournier,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Lulju 2003 dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu [82 KE] (Kawża COMP/38.233 − Wanadoo Interactive) jew, sussidjarjament, talba għall-annullament jew tnaqqis tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla Estiża),

komposta minn M. Vilaras, President, M. E. Martins Ribeiro, F. Dehousse, D. Šváby u K. Jürimäe, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta' April 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti u l-proċedura

1        Fil-kuntest ta' l-iżvilupp ta' l-aċċess għall-internet ta' veloċità għolja, l-Kummissjoni ddeċidiet, f'Lulju 1999, li tibda, fi ħdan l-Unjoni Ewropea, stħarriġ settorjali skond is-setgħat li huma kkonferiti lilha mill-Artikolu 12(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17 tas-16 ta' Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204), b'mod partikolari fuq il-provvista ta’ servizzi relatati ma' l-aċċess għall-konnessjoni lokali u ma' l-użu tal-konnessjoni lokali residenzjali. F'dan il-kuntest, l-informazzjoni miġbura wasslet lill-Kummissjoni sabiex teżamina fid-dettall il-kundizzjonijiet tat-tariffi ta' provvista minn Wanadoo Interactive SA (iktar 'il quddiem "WIN") ta' serivzzi ta' aċċess għall-internet ta' veloċità għolja għal klijenti residenti fi Franza. Għal dawn il-finijiet, hija bdiet proċedura fuq l-inizjattiva tagħha f'Settembru 2001.

2        Fiż-żmien meta seħħew il-fatti tal-kawża WIN kienet kumpannija parti mill-grupp France Télécom. Wanadoo SA kellha 99% tal-kapital ta' WIN. Is-sehem ta' ishma ta' France Télécom fil-kapital ta' Wanadoo varja bejn 70 u 72% matul il-perijodu in kwistjoni. Il-grupp kompost minn Wanadoo u s-sussidjarji tagħha, (iktar' il quddiem il-"grupp Wanadoo") ġabar flimkien l-attivitajiet kollha ta' internet tal-grupp France Télécom kif ukoll l-attivitajiet ta' pubblikazzjoni tad-direttorji tat-telefon. Fi ħdan il-grupp Wanadoo, WIN assumiet ir-responsabbilitajiet operazzjonali u tekniċi marbuta mas-servizzi ta' aċċess għall-Internet fuq it-territorju Franċiż, inklużi s-servizzi ADSL (Asymmetric Digital Subscriber Line, linja diġitali asimmetrika ta' l-abbonat).

3        Il-Kummissjoni bagħtet lil WIN l-ewwel komunikazzjoni ta' l-ilmenti tagħha fid-19 ta' Diċembru 2001 (iktar 'il quddiem l-"ewwel komunikazzjoni ta' l-ilmenti") u komunikazzjoni ta' l-ilmenti supplementari fid-9 ta' Awwissu 2002 (iktar 'il quddiem “il-komunikazzjoni ta' l-ilmenti supplementari"), li għalihom WIN irrispondiet rispettivament fl-4 ta' Marzu u fit-23 ta' Ottubru 2002.

4        Fis-16 ta' Jannar 2003, il-Kummissjoni bagħtet lil WIN "ittra dwar il-fatti" (iktar 'il quddiem l-"ittra dwar il-fatti") li fiha tatha aċċess għall-fajl li abbażi tiegħu tfasslet l-imsemmija ittra. WIN fil-fatt kellha aċċess għall-fajl fit-23 u fis-27 ta' Jannar 2003. B'ittra tas-26 ta' Frar 2003, WIN talbet lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi xi kjarifiki fuq diversi aspetti ta' l-ittra dwar il-fatti. Il-Kummissjoni rrispondiet b'ittra tat-28 ta' Frar 2002, b'mod li WIN ippreżentat risposta għall-ittra dwar il-fatti fl-4 ta' Marzu 2003.

5        Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Lulju 2003 dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu [82 KE] (Kawża COMP/38.233 − Wanadoo Interactive) (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni"), il-Kummissjoni kkonstatat li "WIN kisret l-Artikolu 82 [KE] billi pprattikat għas-servizzi eXtense u Wanadoo ADSL tagħha prezzijiet predatorji li ma ppermettewlhiex tkopri l-ispejjeż varjabbli tagħha sa Awwissu 2001 u li tkopri l-ispejjeż globali minn Awwissu 2001, fil-kuntest ta' pjan intiż sabiex tantiċipa s-suq ta' l-aċċess għall-internet ta' veloċità għolja fi fażi importanti ta' l-iżvilupp tiegħu. Il-Kummissjoni tatha l-ordni sabiex tieqaf milli tkompli twettaq dan il-ksur (Artikolu 2) u imponiet multa fuqha ta' 10,35 miljun EUR (Artikolu 4).

6        Id-deċiżjoni tat definizzjoni tas-suq in kwistjoni bħala s-suq Franċiż ta' l-aċċess għall-internet ta' veloċità għolja għall-klijenti residenti. Il-prodotti li fuqhom huwa bbażat il-ksur huma s-servizzi ta' aċċess għall-internet ta' veloċità għolja bit-teknoloġija ADSL (Wanadoo ADSL u eXtense).

7        Skond id-Deċiżjoni, fil-każ ta' Wanadoo ADSL, l-abbonat kellu, fiż-żmien meta seħħew il-fatti tal-kawża, iħallas abbonament ta' kull xahar lil France Télécom għall-provvista ta' servizz, għall-kiri ta' modem ADSL mingħand France Télécom, kif ukoll abbonament lil WIN fil-kwalità tagħha ta' fornitriċi ta' aċċess għall-Internet (Internet Service Provider) (iktar 'il quddiem il-"FAI"). Fil-kuntest tas-servizz eXtense, il-modem jinxtara minn min ser jużah u dan ta' l-aħħar iħallas abbonament wieħed kull xahar lil WIN li jikkorispondi għas-servizz ipprovdut minn France Télécom u għall-aċċess għall-internet b'rata fissa u illimitat.

8        Wara eżami ta' l-elementi differenti, inklużi l-ishma fis-suq (premessi 211 sa 222 tad-deċiżjoni) u l-effetti ta' "konnessjoni" ma' France Télécom (premessi 223 sa 228), il-Kummissjoni kkonkludiet l-eżistenza tal-pożizzjoni dominanti ta' WIN fuq is-suq in kwistjoni. Sussegwentement, hija tipprova turi li l-prattika ta' tarriffi li huma inqas mill-ispejjeż implementati minn WIN hija parti minn strateġija intenzjonali ta' prezzijiet predatorji sabiex "tantiċipa" s-suq u, għalhekk, tikkostitwixxi abbuż ta' pożizzjoni dominanti fis-sens ta' l-Artikolu 82 KE (premessa 254).

9        Id-deċiżjoni tistabbilixxi l-bidu tal-perijodu tal-ksur bħala l-1 ta' Marzu 2001 u t-tmiem bħala l-15 ta' Ottubru 2002, id-data tad-dħul fis-seħħ tar-rimedju mressaq minn France Télécom f'Marzu 2002. L-ispejjeż varjabbli ma kinux koperti mit-tariffi pprattikati minn Marzu sa Awwissu 2001, u l-ispejjeż globali ma kinux koperti minn Awwissu 2001 (Artikolu 1 tad-deċiżjoni, ara l-punt 5 iktar 'il fuq).

10      WIN ġiet innotifikata bid-deċiżjoni fit-23 ta' Lulju 2003, u hija talbet l-annullament tagħha b'rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-2 ta' Ottubru 2003.

11      Wara operazzjoni ta' amalgamazzjoni li seħħet fl-1 ta' Settembru 2004, France Télécom SA daħlet fid-drittijiet ta' WIN.

 It-talbiet tal-partijiet

12      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni;

–        sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas il-multa;

–        tordna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż;

13      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

I –  Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni

14      In sostenn tat-talbiet tagħha għal annullament, ir-rikorrenti ressqet diversi raġunijiet proċedurali, il-ksur tal-prinċipju tan-natura individwali tal-pieni u l-ksur ta' l-Artikolu 82 KE.

A –  Fuq ir-raġuni bbażata fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-ħtiġijiet proċedurali essenzjali

1.     L-argumenti tal-partijiet

15      Skond WIN, f'kawża fejn huma in kwistjoni l-prezzijiet predatorji, l-kalkolu ta' l-ispejjeż għandu jiġi kkunsidrat bħala element ċentrali ta' l-ilment in kwistjoni. Issa, fl-opinjoni tagħha, hija mhux biss iltaqat ma' diffikultajiet fl-aċċess għall-fajl, iżda barra minn hekk, xi elementi importanti tal-kalkoli ta' spejjeż varjabbli u globali li jidhru fid-deċiżjoni qatt ma kienu s-suġġett ta' komunikazzjoni ta' l-ilmenti u ġew ikkomunikati biss bl-ittra dwar il-fatti. Dan jammonta għal ksur tad-drittijiet tad-difiża ta' WIN u għal ksur tal-ħtiġijiet proċedurali. WIN issostni li hija ma setgħatx tkun taf kemm dawn l-elementi kienu importanti u lanqas liema post huma kellhom jokkupaw fir-raġunament u fl-ilmenti tal-Kummissjoni u għaldaqstant ma setgħatx tapplika b'mod validu d-drittijiet tad-difiża f'dan ir-rigward.

16      Barra minn hekk, fid-deċiżjoni l-Kummissjoni applikat xi kalkoli li, kemm fir-rigward tal-metodu użat kif ukoll tar-riżultati, huma differenti għal dawk li ntużaw fil-komunikazzjoni ta' l-ilmenti supplementari. Billi mmodifikat it-test ta' kopriment, il-Kummissjoni mmodifikat l-ilment tagħha. Barra minn hekk, id-deċiżjoni tistabbilixxi perijodu ta' ksur li huwa itwal minn dak imsemmi fil-komunikazzjon ta' l-ilmenti, mingħajr ma l-partijiet setgħu jesprimu ruħhom f'dan ir-rigward.

17      Il-Kummissjoni ssostni li l-argumenti ta' WIN huma ineżatti fil-fatt u infondati fid-dritt. Hija tafferma li kull ma għamlet fl-ittra dwar il-fatti kien li kkoreġiet xi żbalji ta' kalkolu enfasizzati minn WIN fir-risposta tagħha għal-komunikazzjoni ta' l-ilmenti supplementari, mingħajr ma mmodifikat la t-test u lanqas l-ilmenti. Barra minn hekk, hija tenfassiza li WIN instemgħat fir-rigward tal-kontenut ta' l-ittra dwar il-fatti. L-għan ta' dan kien li jqiegħed l-impriża f'pożizzjoni li tgħarraf b'mod utli l-perspettiva tagħha dwar ir-realtà u r-relevanza tal-fatti allegati, li WIN ma naqsitx milli tagħmel. B'ittra tas-26 ta' Frar 2003, WIN kienet talbet ukoll lill-Kummissjoni sabiex tipprovdiha b'xi kjarifiki fuq diversi aspetti ta' l-ittra dwar il-fatti. Il-Kummissjoni tafferma li hija rrispondiet b'ittra tat-28 ta' Frar 2003, u għaldaqstant ippermettiet lil WIN tirrispondi minn naħa tagħha għall-ittra dwar il-fatti ta' l-4 ta' Marzu 2003. Il-Kummissjoni ssostni li, meta ntbagħtet l-ittra dwar il-fatti, hija kienet tat lil WIN aċċess għall-fajl kollu li serva għat-tfassil ta' l-ittra. Effettivament, WIN kellha aċċess għall-fajl fit-23 u fis-27 ta' Jannar 2003. F'dak li jirrigwarda t-tul tal-perijodu li matulu seħħ il-ksur, il-fatt li dan ta' l-aħħar kien għadu jseħħ fiż-żmien li ntbagħtet il-komunikazzjoni ta' l-ilmenti wassal għas-sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni setgħet tiddetermina biss iż-żmien meta beda l-ksur.

2.     2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

18      Qabel xejn, għandu jiġi mfakkar li l-komunikazzjoni ta' l-ilmenti għandha, skond ġurisprudenza kostanti, tinkludi deskrizzjoni ta’ l-ilmenti mogħtija f’termini li huma ċari biżżejjed, possibbilment imqassra, sabiex jippermettu lill-persuni interessati jkollhom effettivament l-għarfien ta’ l-aġir li l-Kummissjoni tilmenta li dawn wettqu. Huwa biss abbażi ta' dan li l-komunikazzjoni ta' l-ilmenti tista' tissodisfa l-funzjoni attribwita lilha mir-regolamenti Komunitarji li tikkonsisti fl-għoti ta' l-elementi kollha neċessarji għall-impriżi u assoċjazzjonijiet sabiex huma jkunu jistgħu jsostnu ulterjorment id-difiża tagħhom qabel ma l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni definittiva. Barra minn dan, hija wkoll ġurisprudenza kostanti li din il-ħtieġa hija rrispettata meta d-deċiżjoni ma tpoġġix fuq l-interessati r-responsabbiltà għal ksur differenti minn dak ikkontemplat fil-komunikazzjoni ta' l-ilmenti u tikkunsidra biss il-fatti li fuqhom l-interessati kellhom l-okkażjoni li jispjegaw ruħhom. Madankollu, d-deċiżjoni finali tal-Qorti tal-Ġustizzja m'għandhiex neċessarjament tkun kopja tal-komunikazzjoni ta' l-ilmenti (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-28 ta' Frar 2002, Compagnie général maritime et vs Il-Kumissjoni, T-86/95, Ġabra p. II-1011, punt 442 u l-ġurisprudenza ċċitata). Huma wkoll ammissibbli xi żidiet fil-komunikazzjoni ta' l-ilmenti fid-dawl tar-risposti tal-partijiet, fejn l-argumenti mressqa juru li setgħu effettivament jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża. Il-Kummissjoni tista' wkoll fid-dawl tal-proċedura amministrativa, tirrevedi jew iżżid xi argumenti ta' fatt jew ta' dritt in sostenn ta' l-ilmenti li hija fformulat (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-22 ta' Ottubru 2002, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni, T-310/01, Ġabra p. II-4071, punt 438).

19      Huwa fid-dawl ta' dak li ntqal qabel li għandu jiġi evalwat ir-raġuni preżenti.

20      Għandu jiġi kkonstatat li, fil-bidu tal-fażi investigattiva, il-Kummissjoni indirizzat, fid-19 ta' Diċembru 2001, l-ewwel komunikazzjoni ta' l-ilmenti tagħha lil WIN. WIN ressqet l-osservazzjonijiet tagħha fir-risposta ta' l-4 ta' Marzu 2002 u f'seduta li saret fit-18 ta' Marzu 2002 (premessa 153 tad-deċiżjoni). Fid-9 ta' Awwissu 2002, il-Kummissjoni indirizzat lil WIN il-komunikazzjoni ta' l-ilmenti supplementari. WIN ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar din fit-23 ta' Ottubru 2002 u ma talbitx li tinżamm seduta (premessa 157 tad-deċiżjoni). Għaldaqstant, WIN setgħat teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha fir-rigward ta' l-ilmenti invokati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni ta' l-ilmenti tagħha, kemm fil-kuntest tar-risposti tagħha għal dawn l-oġġezzjonijiet u kemm fis-seduta.

21      Madankollu, l-ilmenti stabbiliti mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha mhumiex differenti għal dawk esposti fil-komunikazzjoni ta' l-ilmenti.

22      Fil-fatt, fil-komunikazzjoni ta' l-ilmenti tad-19 ta' Diċembru 2001, il-Kummissjoni ssostni fl-introduzzjoni li:

"Il-komunikazzjoni ta' l-ilmenti preżenti hija intiża għall-prattiki tariffarji ta' [WIN], waħda mill-kumpanniji ta' France Télécom, għas-servizzi tagħha ta' aċċess għall-internet ta' veloċità għolja Wanadoo ADSL u Pack [eXtense] matul is-sena 2001.

[…]

Matul l-istħarriġ, deher li [WIN] għamlet użu mill-bidu tas-sena 2001 minn prattiki tariffarji għas-servizzi in kwistjoni li kienu jammontaw għal ammont inqas mill-ispejjeż involuti, u li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala mġieba predatorja u li jikkonsistu fi ksur ta' l-Artikolu 82 [KE]."

23      Fl-istess komunikazzjoni ta' l-ilmenti, il-Kummissjoni kkonkludiet, fl-aħħar ta’ l-analiżi tagħha, li:

"[F'dan l-istadju] il-politika ta' prezzjijiet predatorji użata minn-[WIN] mill-bidu tas-sena 2001 tikkonsisti f'abbuż ta' pożizzjoni dominanti [fis-sens ta'] l-Artikolu 82(a) u (b) [KE]. Il-prattiki in kwistjoni seħħew fi stadju kritiku ta' l-iżvilupp tas-suq ta' l-aċċess għall-internet b'veloċita għolja għall-klijenti residenti, fl-istess żmien li ġie introdott l-ADSL fi Franza. Dawn taw lil [WIN] vantaġġ kunsiderevoli fuq il-kompetituri tagħha jew waqfuhom milli jidħlu jew iżommu l-pożizzjoni tagħhom f'dan is-suq."

24      Madankollu, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni jipprovdi kif ġej:

"Minn Marżu 2001 sa Ottubru 2002, [WIN] kisret l-Artikolu 82[KE] billi ppratikat għas-servizzi eXtense u Wanadoo ADSL tagħha, prezzijiet predatorji li bihom ma setgħatx tkopri l-ispejjeż varjabbli tagħha sa Awwissu 2001 u li bihom ma setgħatx tkopri l-ispejjeż globali minn Awwissu 2001, fil-kuntest ta' pjan intiż sabiex tantiċipa s-suq tas-servizzi ta' aċċess għall-internet ta' veloċità għolja fi fażi importanti ta' l-iżvilupp tiegħu."

25      Paragun bejn l-ewwel komunikazzjoni ta' l-ilmenti u d-deċiżjoni juri li l-kumpannija, s-suq u l-prodotti kkonċernati huma identiċi għal dawk li huma suġġetti għall-ksur, jiġifieri l-prattika ta' prezzijiet predatorji li huma kuntrarji għall-Artikolu 82 KE.

26      Ċertament, id-deċiżjoni hija ħafna iktar preċiża fuq il-kopriment ta' l-ispejjeż. Kuntrarjament għall-ewwel komunikazzjoni ta' l-ilmenti, id-deċiżjoni tinvoka l-ispejjeż varjabbli u l-ispejjeż globali u tagħmel distinzjoni bejn il-perijodi kkunsidrati f'dan ir-rigward.

27      Madankollu, din il-preċiżazzjoni ddaħħlet fil-komunikazzjoni ta' l-ilmenti supplimentari, fejn il-punt 5.4 huwa intitolat "Dettalji ta' l-abbuż: nuqqas ta' kopriment ta' l-ispejjeż varjabbli u l-ispejjeż globali fil-kuntest ta' strateġija għall-antiċipazzjoni tas-suq". Fiż-żewġ noti tal-qiegħ li għalihom jirreferi dan it-titolu, l-Kummissjoni tippreċiża li, "[f']dan ir-rigward, il-preżenti komunikazzjoni ta' l-ilmenti tissupplementa [l-punt] 3.4 ta' l-ewwel komunikazzjoni ta' l-ilmenti" u li "[l-]eżami tal-kopriment ta' l-ispejjeż globali huwa element ġdid fir-rigward ta' l-ewwel komunikazzjoni ta' l-ilmenti". Għaldaqstant, il-metodu użat kien diġà magħruf f'din il-fażi minn WIN, li setgħat tagħti l-opinjoni tagħha.

28      Fir-rigward ta' l-ittra dwar il-fatti, l-għan tagħha huwa, skond il-kliem tagħha stess, li "tindika ċerti elementi fattwali li mhumiex imsemmija b'mod espliċitu fil-komunikazzjonijiet ta' l-ilmenti, li għalihom il-Kummissjoni tista' tagħmel referenza fit-test ta' tali deċiżjoni[; d]awn l-elementi jikkonsistu, minn naħa, minn fatti speċifikati fid-dokumenti tal-fajl tal-Kummissjoni li għalihom [l-]avukati diġa kellhom aċċess u, min-naħa l-oħra, l-elementi miġbura waqt l-investigazzjonijiet li saru wara d-9 ta' Awwissu 2002".

29      Skond WIN, din l-ittra timmodifika t-test ta’ kopriment u għaldaqstant l-ilment korrispondenti, b'tali mod li hija kellha tkun is-suġġett ta' komunikazzjoni ta' l-ilmenti.

30      Qabel kollox, għandu jiġi enfasizzat li, barra milli ssemmi sempliċement it-tqassim differenti tal-perijodi ta' analiżi, WIN ma ppreċiżatx fir-rikors tagħha f'xiex jikkonsistu d-differenzi ta' metodu jew ta' riżultati u lanqas liema huma l-elementi l-ġodda introdotti permezz ta' l-ittra dwar il-fatti. Hija llimitat ruħha li tagħmel referenza għall-ewwel komunikazzjoni ta' l-ilmenti, għal-komunikazzjoni ta' l-ilmenti supplementari u għall-ittra dwar il-fatti, li hija annettiet mar-rikors. Madankollu, mhuwiex għall-Qorti tal-Prim'Istanza li tfittex u tiddentifika fl-annessi l-elementi li jistgħu jkunu l-bażi tar-rikors. Jekk is-suġġett tar-rikors jista' jiġi elaborat u kompletat, fuq punti speċifiċi, permezz ta' referenzi għal estratti ta' dokumenti li huma annessi magħhom, riferiment globali għal dokumenti oħra, anki jekk huma annessi mar-rikors, m'għandux jikkumpensa għan-nuqqas ta' informazzjoni essenzjali fir-rikors innifsu (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-20 ta' Marzu 2002, ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, T-31/99, Ġabra p. II-1881, punt 113). Għaldaqstant, m'hemmx lok li jsir paragun iddettaljat bejn il-komunikazzjoni ta' l-ilmenti u l-ittra dwar il-fatti, annessi mar-rikors, sabiex jinstabu xi differenzi ta' metodu jew xi elementi ġodda fl-ittra dwar il-fatti. Għall-kompletezza, għandu madankollu jiġi rrilevat li din l-ittra dwar il-fatti ma fiha ebda lment u ma tistabbilixxix u lanqas tippreżenta ebda kambjament fil-metodu ta' kalkolazzjoni tar-rata ta' kopriment ta' l-ispejjeż. Għaldaqstant, hija ma tbiddilx l-ilmenti msemmija fil-komunikazzjoni.

31      Għal dak li jirrigwarda t-tqassim differenti tal-perijodi ta' analiżi, li huwa l-uniku element invokat fir-rikors in sostenn ta' l-allegazzjoni ta' bidla fit-test ta' kopertura, id-deċiżjoni qassret effettivament il-perijodu mhux kopert mill-ispejjeż varjabbli u tawlet dak ta' nuqqas ta' kopriment ta' l-ispejjeż globali. Madankollu, l-ilment ta' nuqqas ta' kopriment ta' l-ispejjeż, jirreferi, bħal fil-komunikazzjoni ta' l-ilmenti, għall-perijodu kollu tal-ksur. Barra minn hekk, il-fatt li d-data meta beda l-ksur f'Jannar 2001 fil-komunikazzjonijiet ta' l-ilmenti, tressqet għal Marzu 2001 fid-deċiżjoni, huwa ta' vantaġġ għal WIN. Minbarra dan, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata bil-fatt li hija ma kkunsidratx l-osservazzjonijiet ta' WIN li għamlet fir-risposta għal-komunikazzjoni ta' l-ilmenti supplementari. Skond l-osservazzjonijiet, il-Kummissjoni wasslet biss għal konklużjoni ta' nuqqas ta' kopriment ta' l-ispejjeż varjabbli bejn Awwissu u Ottubru 2001 minħabba żball fil-kalkoli. Fid-deċiżjoni, il-Kummissjoni adottat ikkunsidrat Awwissu 2001 bħala t-tmiem tal-perijodu ta' nuqqas ta' kopriment ta' l-ispejjeż varjabbli.

32      Jekk jiġi meqjus li, permezz ta' dan l-argument, ir-rikorrenti tinvoka l-modifika tat-tqassim tal-perijodi ta' analiżi ta' l-ispejjeż varjabbli, għandu jiġi rrilevat li, effettivament fid-deċiżjoni, t-tielet perijodu ma jieqafx fil-31 ta' Diċembru 2001, iżda jibqa għaddej sal-15 ta' Frar 2002. Skond il-Kummissjoni, din il-modifika saret sabiex tassigura li l-perijodi stabbiliti jirriflettu aħjar l-evoluzzjoni ta' l-ispejjeż sostnuti minn WIN. Hija tafferma illi din il-modifika tikkonsisti biss f'semplifikazzjoni tal-kalkoli, mingħajr ma jiġu mmodifikati l-konklużjonijiet ġenerali li l-Kummissjoni wasslet għalihom fil-komunikazzjoni ta' l-ilmenti supplementari.

33      Għandu jiġi osservat li WIN ma kkontestatx din il-ġustifikazzjoni u ma spjegatx għalfejn il-prolongazzjoni tat-tielet perijodu hija ta' ħsara għaliha.

34      Barra minn hekk, l-ittra dwar il-fatti tistieden lil WIN sabiex tagħti l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-elementi ta' fatt u toffrilha l-possibbiltà li jkollha aċċess għad-dokumenti kollha tal-fajl.

35      Għandu jiġi enfassizat li WIN tillimita ruħha li ssemmi, fl-introduzzjoni tar-rikors tagħha, xi diffikultajiet ta' aċċess għall-fajl, iżda ma tirrikorrix għal dawn id-diffikultajiet bħala raġuni ta’ annullament. Hija tallega wkoll li ma rċevietx id-dokumenti mitluba, iżda kellha tagħmel diversi talbiet u huwa biss minħabba "l-attenzjoni kbira u l-perseveranza tagħha […] li setgħet, sal-limiti tal-kapaċitajiet tagħha, tinvoka d-dritt tagħha ta' aċċess għall-fajl". Minn dan jista' jiġi konkluż li, minkejja d-diffikultajiet li setgħet iltaqat magħhom, WIN xorta waħda kellha aċċess għall-fajl.

36      Għaldaqstant, skond il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 18 iktar 'il fuq, ir-rikorrenti kienet informata bl-elementi ta' fatt essenzjali u tqiegħdet f'pożizzjoni fejn setgħet tagħti l-opinjoni tagħha b'mod xieraq. Kienet saret seduta fit-18 ta' Marzu 2002 u seduta oħra ma kinitx meħtieġa. Wara kollox WIN ma talbitx għal seduta oħra la wara li ntbagħtet il-komunikazzjoni ta' l-ilmenti supplementari u lanqas wara li ntbagħtet l-ittra dwar il-fatti.

37      Jirriżulta minn dak li ntqal qabel li l-argument skond liema t-tielet komunikazzjoni kienet neċessarja ma jistax jiġi milqugħ. Barra minn hekk, WIN setgħet tinvoka d-drittijiet tad-difiża f'dan ir-rigward u hija ma naqsitx milli tagħmel dan. Fil-fatt, permezz ta' ittra tas-26 ta' Frar 2003, hija talbet xi kjarifiki mill-Kummissjoni fuq diversi aspetti ta' l-ittra dwar il-fatti. Il-Kummissjoni rrispondiet b'ittra tat-28 ta' Frar 2003. Sussegwentement, ir-rikorrenti bagħtet risposta għall-ittra dwar il-fatti lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, WIN kellha effettivament aċċess għall-fajl fit-23 u fis-27 ta' Jannar 2003. Għaldaqstant, WIN ma stabbilitx li t-trażmissjoni ta’ l-ittra dwar il-fatti tikkonsisti fi ksur tal-ħtiġijiet proċedurali u tad-drittijiet tad-difiża.

38      Għall-kompletezza, jekk jiġi kkunsidrat li huwa l-kompitu tal-Qorti tal-Prim'Istanza li twettaq hija stess paragun iddettaljat bejn l-ittra dwar il-fatti u l-komunikazzjonijiet ta' l-ilmenti billi tfittex elementi li jistgħu jkunu ta' sostenn għar-rikors, għandu jiġi rrilevat li l-elementi fattwali ddettaljati fl-ittra jissupplimentaw jew jiżviluppaw l-informazzjoni li tinsab diġà fil-komunikazzjonijiet ta' l-ilmenti. Fil-fatt, l-eżami, fl-ittra dwar il-fatti, tad-dħul medju reali u d-dħul teoretiku fil-bidu tas-sena 2002 iwassal sabiex itawwal il-kalkoli magħmula fil-komunikazzjoni ta' l-ilmenti supplementari, billi tittieħed in kunsiderazzjoni l-ittra ta' WIN tat-13 ta' Diċembru 2002. Barra minn hekk, il-prezz tal-medda ta' frekwenzi impost minn France Télécom fil-kuntest ta' servizz ta' routing diġà ġiet diskussa fl-ewwel komunikazzjoni ta' l-ilmenti u fil-komunikazzjoni ta' l-ilmenti supplementari. L-ittra dwar il-fatti tieħu in kunsiderazzjoni f'dan ir-rigward l-informazzjoni pprovduta minn France Télécom fit-3 ta' Mejju u fil-21 ta' Novembru 2002. Bl-istess mod, l-ispiża ta' "konnessjoni" internazzjonali, ġiet indirizzata fl-ewwel komunikazzjoni ta' l-ilmenti. L-ittra dwar il-fatti hija intiża sabiex tirrifletti l-ispjegazzjonijiet ipprovduti f'dan ir-rigward minn France Télécom fl-ittra tat-13 ta' Novembru 2002. Fl-aħħar nett, stima inizjali ta' l-ispejjeż prevedibbli għall-abbonati ġodda kif ukoll stima ta' l-ispejjeż kollha diġa ġew ippreżentati fil-komunikazzjoni ta' l-ilmenti supplementari.

39      Barra minn hekk, ċerti elementi ta' l-ittra dwar il-fatti huma pprovduti għall-informazzjoni biss bħala risposta għal xi rimarki ta' WIN. Għalhekk, wara l-ittra ta' WIN tas-27 ta' Settembru 2002, il-Kummissjoni għamlet, fl-ittra dwar il-fatti, referenza għall-ispejjeż marbuta mat-trasferiment ta' abbonati billi enfassizat li ma kellhiex l-intenzjoni li tinkludi dawn l-ispejjeż fil-kalkoli tagħha. Fir-rigward tad-dinamika tal-bejgħ, il-Kummissjoni tagħmel enfażi, fl-ittra dwar il-fatti, li dan l-element ma jippermettix li wieħed jasal għal konklużjoni dwar il-prezzijiet predatorji, iżda jista' jintuża fil-kuntest tad-diskussjoni tal-proposta, magħmula minn WIN fir-risposta tagħha tat-23 ta' Ottubru 2002, li jsir studju separat ta' kull ġenerazzjoni ġdida ta' abbonati, indipendentement mill-ġenerazzjonijiet ta' qabel u ta' wara. L-iżviluppi, fl-ittra dwar il-fatti, fuq l-ispejjeż ta' reklamar u promozzjonali ta' WIN huma intiżi sabiex jikkonfermaw l-inklużjoni tagħhom ma' l-ispejjeż varjabbli mill-komunikazzjoni ta' l-ilmenti supplementari, li WIN ikkontestat fir-risposta tagħha għal din ta' l-aħħar.

40      L-uniċi elementi li jistgħu jiġu ppreżentati bħala li jirriżultaw f'bidla fuq il-livell ta' applikazzjoni tal-metodu użat mill-Kummissjoni huma, minn naħa, it-tqassim differenti tal-perijodi ta' analiżi u, min-naħa l-oħra, il-kalkolu tal-piż medju ta' kopriment ta' l-ispejjeż fir-rigward tad-dħul magħmul mill-abbonati kollha għaż-żewġ servizzi in kwistjoni.

41      Fir-rigward tat-tqassim tal-perijodi ta' analiżi, għandha ssir referenza għal punti 31 sa 33 iktar 'il fuq.

42      Fir-rigward tal-kalkolu tal-piż medju ta' kopriment ta' l-ispejjeż fir-rigward tad-dħul iġġenerat mill-abbonati kollha, l-Kummissjoni tesponi li "din il-bidla timponi ruħha fiha nnfisha minn perspettiva sempliċi ta' matematika, fid-dawl tad-differenza kbira bejn l-ispejjeż u l-profitti tas-servizz eXtense, minn naħa [u] l-ispejjeż u l-profitti tas-servizz Wanadoo ADSL li huma inqas mid-doppju ta' dawk ta' eXtense". Fin-nota f'qiegħ il-paġna Nru 77 tad-deċiżjoni, l-Kummissjoni żżid li "hija ssostni li ma tistax tintrabat minħabba żball ta' kalkolu magħmul fi fażi qabel il-proċedura, peress li hija tat lill-impriża l-okkażjoni li ssostni l-osservazzjonijiet tagħha fuq ir-rettifika ta' l-iżball fil-kuntest tad-drittijiet tad-difiża, kif hija għamlet fil-każ preżenti permezz ta' [l-ittra dwar il-fatti]".

43      Fir-rigward tar-rettifika ta' l-iżbalji, għandu jiġi rrilevat li WIN taqbel magħha safejn hija ta' benefiċċju għaliha. Fil-komunikazzjoni ta' l-ilmenti supplementari, WIN ġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni fuq xi żbalji li din kienet għamlet fil-kalkoli tagħha. Fl-ittra dwar il-fatti, l-Kummissjoni rrettifikat dawn l-iżbalji mingħajr kontestazzjoni minn naħa ta' WIN jew, fejn il-Kummissjoni rrifjutat li tagħmel dan, spjegat ir-raġuni għalfejn. B'mod kuntrarju, l-Kummissjoni ma tistax, skond WIN, tirrettifika, f'ittra dwar l-elementi fattwali, żball tat-tip li ma jkunx ta' benefiċċju għaliha, peress li dan iwassal għall-modifika ta' l-ilment magħmul f'dan ir-rigward.

44      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk din ir-rettifika tirrappreżentax tibdil fil-metodu li jwassal għal ilment ġdid.

45      Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-metodu jibqa' dak tal-kalkolu tar-rata ta' kopriment ta' l-ispejjeż varjabbli u globali aġġustati u li r-rettifika jew il-modifika magħmula fil-kalkolu tal-piż medju ma jimmodifikax bl-ebda mod l-ilment ta' prattika ta' prezzijiet predatorji mill-bidu tas-sena 2001 li jinsab fiż-żewġ komunikazzjonijiet ta' l-ilmenti. In-nuqqas ta' kalkolu ta' medja fl-ewwel komunikazzjoni ta' l-ilmenti ma jwaqqafx lill-Kummissjoni milli tikkonkludi li l-ispejjeż ma kinux koperti, peress illi l-kalkolu tar-rata ta' kopriment jsir fil-bidu għal kull prodott (eXtense jew Wanadoo ADSL).

46      Barra minn hekk, jirriżulta mir-risposta ta' WIN għall-ittra dwar il-fatti li, l-elementi ġodda kkunsidrati mill-Kummissjoni fl-ittra dwar il-fatti jwasslu għal rata ta' kopriment ta' l-ispejjeż varjabbli aġġustati superjuri għal 100% mill-1 ta' Awwissu 2001. Il-Kummissjoni kienet immodifikat il-metodu ta' kalkolu tagħha sabiex tnaqqas din ir-rata u żżomm l-ilment tagħha ta' nuqqas ta' kopriment ta' l-ispejjeż varjabbli għall-perijodu bejn l-1 ta' Awwissu u l-15 ta' Ottubru 2001. Madankollu, tali għan ma jidhirx kompatibbli mal-fatt li, fid-deċiżjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet b'mod definittiv li d-data li fiha ntemm il-perijodu li matulu l-ispejjeż varjabbli aġġustati ma kinux koperti hija l-31 ta' Lulju 2001. Għaldaqstant, dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ. B'hekk WIN ma stabbilitx tibdil fil-metodu permezz ta' l-ittra dwar il-fatti.

47      WIN sostniet ukoll li d-deċiżjoni tistabbilixxi terminu ta' ksur itwal minn dak imsemmi fil-komunikazzjoni ta' l-ilmenti, mingħajr ma l-partijiet kellhom l-okkażjoni li jesprimu ruħhom f'dan ir-rigward.

48      Qabel kollox għandu jiġi rrilevat li WIN ma kkontestatx id-data li fiha beda l-ksur u l-fatt li, bejn il-komunikazzjoni ta' l-ilmenti u d-deċiżjoni, il-Kummissjoni bidlet id-data minn Jannar għal Marzu 2001.

49      Fir-rigward ta' l-estensjoni tal-perijodu ta' ksur mix-xahar ta' Lulju għall-15 ta' Ottubru 2005, għandu jiġi kkonstatat li, jekk iż-żewġ komunikazzjonijiet ta' l-ilmenti jistabbilixxu l-bidu tal-ksur fix-xahar ta' Jannar 2001, l-ebda waħda mill-komunikazzjonijiet jindikaw li l-ksur kien intemm. Għall-kuntrarju, it-tnejn li huma jħabbru li l-Kummissjoni pproponiet li tieħu deċiżjoni fejn tistieden lil WIN sabiex "ittemm il-ksur". Dawn il-kliem juru b'mod ċar li, skond il-Kummissjoni, il-ksur in kwistjoni kien għadu ma ntemmx. Fil-fatt, l-ewwel komunikazzjoni ta' l-ilmenti invokat fatti li jkopru perijodu ta' tnax-il xahar u l-komunikazzjoni ta' l-ilmenti supplementari perijodu ta' tmintax-il xahar. Din il-limitazzjoni għal dak li jirrigwarda ż-żmien ta' l-elementi ta' prova u mhux it-tul taż-żmien tal-ksur, għal perijodu li ntemm ma tikkontestax il-konklużjoni espliċita taż-żewġ dokumenti. Bħala eżempju, il-komunikazzjoni ta' l-ilmenti supplementari tindika:

"Wara l-analiżi tagħha, l-Kummissjoni tikkunsidra f'dan l-istadju li l-politika tal-prezzijiet predatorji kondotta minn [WIN] wara l-bidu tas-sena 2001 tikkonsisti f'abbuż ta' pożizzjoni dominanti. […] Minħaba raġunijiet mogħtija iktar 'il fuq, il-Kummissjoni tipproponi li tieħu deċiżjoni fejn tistieden lil […WIN] sabiex ittemm il-ksur […]"

50      Jirriżulta b'mod ċar li kull komunikazzjoni ta' l-ilmenti tindika t-tul ta' żmien stabbilit mill-Kummissjoni abbażi ta' l-informazzjoni li hija kienet tiddisponi minnha fil-mument tat-tfassil tagħhom (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Ġunju 1983, Musique diffusion Français et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 15), peress illi l-ksur kien għadu ma ntemmx. Barra minn hekk, WIN ma allegatx li ħadet xi miżuri partikolari li temmew il-ksur allegat. Huwa biss fid-deċiżjoni li l-Kummissjoni tesponi li "l-abbuż intemm fil-15 ta' Ottubru 2002, id-data tad-dħul fis-seħħ tar-rimedju mressaq minn France Télécom f'Marzu 2002".

51      Is-sentenza ta' l-ittra dwar il-fatti skond liema "dawn l-elementi ta' fatt ma jwasslu bl-ebda mod sabiex jestendu l-perijodu msemmi fil-komunikazzjonijiet ta' l-ilmenti" għandha tinftiehem fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti. Il-fatt li l-ittra dwar il-fatti tinvoka "l-ispejjeż globali aġġustati fl-2002" (ara p. 6) u li hemm ħafna informazzjoni li tkopri l-ewwel disa' xhur, jekk mhux ukoll it-tnax il-xahar tas-sena 2002 (ara b'mod partikolari l-Annessi 15.1 u 15.2, 20, 21 u 22), huma parti ta’ l-objettivi ta’ l-investigazzjonijiet tal-ksur. Barra minn hekk, kif jirriżulta mir-risposta ta' WIN għall-ittra dwar il-fatti, hija kienet f'pożizzjoni li tifhem li l-ksur kien qiegħed jiġi investigat. Diversi elementi fir-risposta tagħha jirreferu għall-ewwel disa' xhur, jekk mhux ukoll għat-tnax-il xahar tas-sena 2002. Hija fil-fatt għamlet tabella intitolata "Pubbliċità/Żvilupp tal-firxa ta' l-ADSL" ibbażata fuq il-perijodu sa Diċembru 2002, u taħt l-istess titolu, grafika li tkopri l-perijodu bejn Jannar 2001 sa Settembru 2002. Barra minn hekk, fir-risposta tagħha WIN dejjem esprimiet ruħha fuq ir-rata ta' kopriment ta' l-ispejjeż varjabbli sat-30 ta' Settembru 2002. Fl-aħħar nett, fl-istess risposta, WIN tikkontesta d-dħul ta' 37,03 EUR minn kull abbonament li l-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni għall-perijodu bejn il-15 ta' Frar sa Settembru 2002. Għaldaqstant, WIN ma tistax tallega li d-drittijiet tad-difiża tagħha ġew miksura (ara f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 sa T‑104/95, Ġabra p. II-491, punt 576).

52      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti dwar l-estenzjoni tat-tul taż-żmien tal-ksur.

53      Peress li ebda ksur tad-drittijiet tad-difiża ma ġie stabbilit, hemm lok li tiġi miċħuda r-raġuni preżenti.

B –  Fuq ir-raġuni bbażata fuq nuqqas ta' motivazzjoni

1.     L-argumenti tal-partijiet

54      Fil-kuntest ta' l-allegazzjoni tagħha ta' ksur tal-ħtiġijiet proċedurali essenzjali, WIN issostni wkoll li l-Kummissjoni ddaħħal in kwistjoni, mingħajr ebda motivazzjoni, id-dritt rikonoxxut ta' kull impriża li tallinja, bi bona fede, il-prezzijiet tagħha ma' dawk tal-kompetituri tagħha. Dan id-dritt huwa stabbilit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni. WIN iżżid li, peress li d-deċiżjoni tmur b’mod sinjifikanti iktar lilhinn mid-deċiżjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni għandha tiżviluppa r-raġunament tagħha b’mod espliċitu.

55      Minn naħa tagħha, il-Kummissjoni ssostni li huwa biżżejjed li tagħmel referenza għall-premessi 314 sa 331 tad-deċiżjoni sabiex tikkonstata li r-raġuni bbażata fuq nuqqas ta' motivazzjoni f'dan ir-rigward hija manifestament infondata.

2.      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

56      Għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tistabbilixxi 18-il premessa (314 sa 331) fuq l-argument dwar l-allinjament mal-prezzijiet tal-kompetituri. Qabel kollox, il-Kummissjoni teżamina l-allinjament fuq il-livell ta' prinċipji, umbagħad il-pożizzjoni effettivament okkupata fis-suq mill-kompetituri kkonċernati u tispiċċa bl-elementi ta' fatt li fl-opinjoni tagħha jiċħdu t-teżi ta' WIN.

57      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ssodisfat l-obbligu tagħha ta' motivazzjoni f'dan ir-rigward. Skond il-ġurisprudenza ċċitata minn WIN, il-Kummissjoni mmotivat id-deċiżjoni tagħha billi semmiet l-elementi ta' fatt li minnhom tiddependi l-ġustifikazjoni legali tal-miżura u l-kunsiderazzjonijiet li wassluha sabiex tieħu d-deċiżjoni tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta' Novembru 1975, Fabricants de papiers peints vs Il-Kummissjoni, 73/74, Ġabra p. 1491, punt 30).

58      F'kull każ, anki jekk hemm il-lok li jiġi aċċettat fil-kawża preżenti obbligu tal-Kummissjoni li tiżviluppa r-raġunament tagħha b'mod iktar espliċitu, hija ma naqsitx milli tagħmal dan.

59      Fil-fatt, kuntrarjament għal dak allegat minn WIN, il-Kummissjoni ma llimitatx ruħha għal motivazzjoni sommarja billi affermat purament u sempliċiment li operatur dominanti ma jistax jallinja l-prezzijiet ma' dawk tal-kompetituri tiegħu meta l-prezzijiet tiegħu huma nqas mill-ispejjeż. Hija telabora l-pożizzjoni tagħha fil-premessa 315 tad-deċiżjoni billi żżid magħha fin-nota f'qiegħ il-paġna diversi referenzi tal-ġurisprudenza. Din il-premessa taqra kif ġej:

"Fl-ewwel lok, fuq il-livell ta' prinċipji, huwa veru li l-kompetituri ġodda jew impriżi li m'għandhomx pożizzjoni dominanti għandhom id-dritt li jipprattikaw prezzjiet promozzjonali għal żmien limitat. L-uniku għan ta' dan huwa li jiġbdu l-attezzjoni tal-konsumaturi għall-eżistenza stess tal-prodott, b'mod iktar persważiv minn sempliċi messaġġ pubbliċitarju, u dawn l-offerti m'għandhomx effetti negattivi fuq is-suq. B'mod kuntrarju, l-allinjament ta' operatur dominanti mal-prezzijiet promozzjonali ta' l-operatur mhux dominanti mhuwiex iġġustifikat. Jekk huwa minnu li mhuwiex kompletament ipprojbit għall-operatur dominanti li jallinja l-prezzijiet tiegħu ma' dawk tal-kompetituri tiegħu, xorta jibqa' l-fatt li din il-fakultà għandha tiġi rrifjutata lilu peress illi timplika nuqqas ta' kopriment għall-impriża dominanti ta' l-ispejjeż tas-servizz in kwistjoni. Jekk pożizzjoni dominanti ma tistax tippriva impriża li tinsab f'tali pożizzjoni mid-dritt li tippreżerva l-interessi kummerċjali tagħha stess, meta dawn huma mhedda, tali aġir ma jistax jiġi aċċettat meta għandu bħala għan preċiż li jsaħħaħ din il-pożizzjoni dominanti u jabbuża minnha. L-impriża dominanti għandha wkoll ir-responsabbiltà speċifika li ma tagħmilx ħsara bl-aġir tagħha lil kompetitur effettiv u b'saħħtu fis-suq komuni".

60      Għaldaqstant, ir-raġuni bbażata fuq nuqqas ta' motivazzjoni f'dan il-qasam ma tistax tiġi milqugħa, b’tali mod li għandhom jiġu miċħuda r-raġunijiet proċedurali kollha.

C –  Fuq ir-raġuni bbażata fuq il-ksur tal-prinċipju tan-natura individwali tal-pieni

1.     L-argumenti tal-partijiet

61      Skond WIN, il-Kummissjoni kisret manifestament il-prinċipju tan-natura individwali tal-pieni, billi kkonstatat fir-rigward tagħha elementi li hija tattribwixxi lill-grupp France Télécom u li fuqhom la WIN u lanqas France Télécom ma kienu fil-pożizzjoni li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Il-Kummissjoni kkonfondiet il-prattiki akkużata bihom WIN u dawk ta' France Télécom. Hija tiddeskrivihom bħala l-implementazzjoni ta' azzjoni miftiehma jew ta' strateġija unika ddefinita mill-grupp France Télécom. Issa, l-proċedura tikkonċerna biss lil WIN. Għaldaqstant, dan ifisser li kien hemm "anomalija serja proċedurali".

62      In sostenn tat-teżi tagħha, WIN iċċitat, fir-rikors tagħha, bosta siltiet tad-deċiżjoni u tal-komunikazzjoni ta' l-ilmenti supplementari.

63      WIN tallega wkoll li l-Kummissjoni kkritikat, fil-premessa 145 tad-deċiżjoni, il-mezzi implementati minnha u mill-azzjonista prinċipali tagħha sabiex jikkontrollaw l-iżvilupp tal-kompetituri tagħha u jfixklu t-tkabbir tas-suq ta' veloċità għolja għall-benefiċċju tagħha. WIN tikkwota wkoll il-premessa 285 tad-deċiżjoni, li ssemmi "pjan ġenerali" u tenfassiza li l-"pjan segwit mill-kumpannija sussidjarja mhuwiex totalment disassoċjat mill-għanijiet tal-kumpannija parent", kif ukoll il-premessa 286 li fiha l-Kummissjoni ssostni li "huwa importanti li ssir referenza għall-aġir ta' France Télécom fis-suq bl-ingrossa".

64      Bl-istess mod, skond WIN, fil-komunikazzjoni ta' l-ilmenti supplementari, il-Kummissjoni allegat li parti mill-fatti li hija rrilevat kienu "attribwibbli lil France Télécom", billi affermat madankollu li "l-intensità tar-relazzjonijiet bejn [WIN] u France Télécom [kienu] tali […] li [kien] impossibbli li jiġi kkunsidrat li l-istrateġiji taż-żewġ entitajiet ma [kinux] strettament marbuta". Il-Kummissjoni kienet ukoll affermat li l-politika tariffarja ta' WIN tirriżulta minn "azzjoni miftiehma" bejnha u bejn France Télécom.

65      Il-Kummissjoni tirrispondi li huwa biżżejjed li ssir referenza għad-dispożittiv tad-deċiżjoni sabiex jiġi kkonstatat li l-unika impriża li għaliha tapplika d-deċiżjoni hija WIN. Id-deċiżjoni ma ġietx indirizzata lil France Télécom, peress illi ma ġiet akkużata b'ebda abbuż ta' pożizzjoni dominanti. Il-Kummissjoni tammetti b'mod kuntrarju li d-deċiżjoni fiha referenzi frekwenti għal France Télécom minħabba l-pożizzjoni ċentrali tagħha bħala operatriċi ta' netwerk telefoniku u l-kwalità tagħha ta' azzjonista prinċipali ta' WIN. Dawn l-elementi huma rilevanti sabiex jinftiehem il-kuntest tas-suq waqt il-perijodu meta seħħ il-ksur.

2.      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

66      Għandu jiġi mfakkar li, skond il-prinċipju tan-natura individwali tal-pieni u tas-sanzjonijiet, impriża m'għandiex tiġi ppenalizzatha ħlief għall-fatti li hi tiġi akkużata bihom individwalment, prinċipju li hu applikabbli f'kull proċedura amministrattiva li tista' tagħti lok għal sanzjonijiet skond ir-regoli tal-Komunità fuq il-kompetizzjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Diċembru 2001, Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, T-45/98 et T-47/98, Ġabra p. II-3757, punt 63).

67      Għandu jiġi kkonstatat li ma jirriżultax mid-deċiżjoni li l-Kummissjoni takkuża lil WIN bi vjolazzjonijiet li għamlet France Télécom u li ġew attribwiti lilha. Fil-fatt, is-siltiet tad-deċiżjoni li WIN tallega li jdaħħlu in kwistjoni l-aġir ta' France Télécom jinsabu t-tnejn f'żewġ suddiviżjonijiet tad-deċiżjoni [parti I, G, punt 4 u parti II, D, punt 3(c)] li jirrigwardaw xi elementi tal-kuntest tal-ksur u li huma intiżi b'mod ċar li jiddeskrivu l-kuntest li taħtu jaqa' l-imġieba inkriminanti ta' WIN.

68      Ir-referenzi għal France Télécom huma għaldaqstant iġġustifikati minħabba d-deskrizzjoni tal-kuntest tas-suq ikkonċernat. Fil-fatt, France Télécom tokkupa pożizzjoni partikolari fis-suq in kwistjoni, fil-kwalità tagħha ta' operatur telefoniku minħabba li l-parti 'l kbira tal-fornituri tas-servizzi għall-aċċess għall-internet ma jistgħux jevitaw li jużaw is-servizzi tagħha. France Télécom hija l-operatur storiku tat-telekommunikazzjonijiet fi Franza. Hija tagħmel użu min-netwerks fit-tul fuq it-territorju Franċiż użati għat-trasferiment tat-traffiku fuq l-internet. Hija l-proprjetarja tan-netwerk ta' aċċess lokali ta' telekomunikazzjoni li huma konnessi miegħu l-abbonati kollha tat-telefon. Issa, fiż-żmien meta seħħew il-fatti tal-kawża, l-użu tan-netwerk ta' aċċess lokali ta' France Télécom kien indispensabbli għal fornitur tas-servizz ADSL (premessa 231 tad-deċiżjoni). France Télécom titħallas għas-servizzi tagħha mill-klijenti, li WIN tagħmel parti minnhom (premessi 42 sa 59 tad-Deċiżjoni). It-tnaqqis tat-tarrifi ta' France Télécom ikollu għaldaqstant impatt fuq l-ispejjeż ta' WIN. Din il-pożizzjoni ċentrali ta' France Télécom u, barra minn hekk, in-natura tagħha ta' azzjonista prinċipali ta' WIN wassluha sabiex tipparteċipa fil-proċedura amministrattiva.

69      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tassigura li tippreċiża li dawn l-elementi kuntestwali "anki jekk huma biss in parti attribwibbli għal [WIN], u li ma jikkonsistux f'ilmenti kontriha" jkunu importanti sabiex tinftiehem il-kawża (premessa 145 tad-deċiżjoni) jew, ukoll "[s]abiex tiġi evalwata aħjar il-portata tal-politika ta' [WIN] u l-indħil tagħha f'pjan ġenerali, huwa utli li titqiegħed f'perspettiva l-imġieba tal-kumpannija sussidjarja fil-kwistjoni tal-grupp France Télécom" (premessa 285 tad-deċiżjoni) u żiedet ukoll li l-elementi deskritti fil-premessi 286 sa 290 "ma jikkonsistux f'ilmenti kontra [WIN]" iżda li "l-istrateġija segwita mill-kumpannija sussidjarja ma tistax tiġi kompletament dissassoċjata mill-għanijiet tal-kumpannija parent".

70      Għaldaqstant jirriżulta mid-deċiżjoni, li fiha l-Kummissjoni dejjem assigurat li tippreċiża li l-elementi kuntestwali ma jikkonsistux f'ilmenti kontra r-rikorrenti, li l-Kummissjoni ma tattribwix lil WIN l-aġir mwettaq minn France Télécom.

71      Għaldaqstant, għandha tiġi miċħuda din ir-raġuni bbażata fuq il-ksur tal-prinċipju tan-natura individwali tal-pieni.

D –  Fuq il-ksur ta' l-Artikolu 82 KE

72      Skond WIN, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 82 KE f'ħafna aspetti. Fir-rigward tal-pożizzjoni dominanti, l-Kummissjoni għażlet definizzjoni mhux eżatta tas-suq u kkunsidrat b'mod żbaljat li WIN kellha pożizzjoni dominanti. Fir-rigward ta' l-abbuż tal-pożizzjoni dominanti, l-Kummissjoni kienet applikat test ta' kopriment ta' spejjeż li huwa kuntrarju għall-Artikolu 82 KE kemm fir-rigward ta' l-ispejjeż ikkunsidrati kif ukoll fir-rigward tal-metodu applikat; barra minn hekk, hija kienet wettqet żbalji ta' kalkolu serji. Fil-kuntest tat-test ta' prezzijiet predatorji, l-Kummissjoni ċaħdet lil WIN id-dritt fundamentali li tallinja l-prezzijiet tagħha ma' dawk tal-kompetituri tagħha. Wettqet ukoll żball ta’ dritt flimkien ma’ żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ddeċidiet li kien jeżisti pjan ta' prezzijiet predatorji u billi sostniet li ma kienx neċessarju li tingħata prova ta' l-irkupru tat-telf.

1.     Fuq il-pożizzjoni dominanti

a)     Fuq id-definizzjoni żbaljata tas-suq

 L-argumenti tal-partijiet

73      Skond WIN, id-distinzjoni magħmula mill-Kummissjoni bejn l-aċċess għall-Internet ta' veloċità baxxa u l-aċċess għall-Internet ta' veloċità għolja għall-klijenti residenti kienet ibbażata fuq analiżi li kienet serjament żbaljata u kontradittorja. Fl-opinjoni tagħha, jeżisti suq wieħed biss ta' aċċess għall-internet, li jippreżenta ruħu bħala continuum minn veloċità baxxa għall-veloċità għolja. Prova ta’ dan jingħata mill-fatt li beda jiġi offert ADSL ta' veloċità medja.

74      Il-Kummissjoni rikonoxxiet l-eżistenza ta' użanza komuni u ta' ċertu grad ta' sostitwibbiltà bejn l-aċċess għall-internet ta' veloċità għolja u l-aċċess għall-internet ta' veloċità baxxa, iżda tirrifjuta li tasal għall-konklużjonijiet neċessarji.

75      Barra minn hekk, teżisti kompetizzjoni reali bejn il-veloċità għolja u l-veloċità baxxa, li ssib l-oriġini tagħha fin-natura llimitata ta' l-offerti taż-żewġ tipi ta' aċċess għall-internet peress illi l-utenti jidhru relattivament indifferenti għall-karatteristiċi tagħhom.

76      Fl-aħħar nett, skond il-prassi deċiżjonali kostanti tal-Kummissjoni, differenza sempliċi bejn il-livell ta' kumdità jew ta' kwalità mhuwiex biżżejjed sabiex issir distinzjoni bejn is-swieq rilevanti u distinti peress illi l-użu tagħhom huwa simili. Issa, jirriżulta minn stħarriġ ta' opinjoni pubblika magħmul minn WIN li, f'80% tal-każijiet, l-abbonati jużaw l-istess tip ta' applikazzjonijiet u ta' funzjonalitajiet.

77      Minn naħa tagħha, il-Kummissjoni tagħmel referenza għall-iżviluppi li hija stabbiliet fid-deċiżjoni (premessi 169 sa 204) għad-distinzjoni bejn il-veloċità għolja u l-veloċità baxxa. Hija tafferma li wriet id-differenza ta' użu, l-ispeċifiċitajiet tekniċi u ta' prestazzjoni kif ukoll id-differenzi bejn il-prezzijiet tas-servizzi u ta' dħul mill-abbonat li jobbligaw għażla bejn iż-żewġ swieq. Fir-rigward tal-livell ta' sostitwibbiltà, l-Kummissjoni tallega li l-unika sostituzzjoni kostanti hija kompletament simetrika, peress illi topera f'direzzjoni waħda biss, jiġifieri minn veloċità baxxa għal veloċità għolja. Il-Kummissjoni ssostni barra minn hekk li d-distinzjoni bejn il-veloċità għolja u veloċità baxxa hija llum rikonoxxuta b'mod universali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

78      Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta' Novembru 1983, Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punt 37; sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' Marzu 2000, Kish Glass vs Il-Kummissjoni, T-65/96, Ġabra p. II-1885, punt 62, u tas-17 ta' Diċembru 2003, British Airways vs Il-Kummissjoni, T-219/99, Ġabra p. II 5917, punt 91), għall-finijiet ta' eżami tal-pożiżżjoni, possibbilment dominanti, ta' impriża f'settur ta' suq iddeterminat, il-possibbiltajiet ta' kompetizzjoni għandhom jiġu evalwati fil-kuntest ta' suq li jiġbor il-prodotti jew servizzi kollha li, fid-dawl tal-karatteristiċi tagħhom, huma partikolarment adattati sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet kostanti u huma biss sa ċertu punt interkambjabbli bi prodotti oħra u servizzi oħra. Barra minn hekk, peress illi d-determinazzjoni tas-suq in kwistjoni jsir sabiex jiġi evalwat jekk l-impriża kkonċernata għandhiex il-possibbiltà li tostakola ż-żamma ta' kompetizzjoni effettiva, u li jkollha mġieba, b'mod kunsiderevoli, indipendenti minn dik tal-kompetituri tagħha u, fil-kawża preżenti, minn dik tal-fornituri tas-servizzi tagħha, għal dawn il-finijiet ma tistax tiġi llimitata għall-eżami tal-karatteristiċi oġġettivi tas-servizzi in kwistjoni biss, iżda għandhom ukoll jiġu kkunsidrati l-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni u ta' l-istruttura tad-domanda u l-provvista fis-suq.

79      Meta prodott jista' jintuża għal finijiet differenti u meta dan l-użu differenti jikkorrispondi għal ħtiġijiet ekonomiċi, li huma differenti wkoll, għandu jiġi ammess li dan il-prodotti jista' jappartjeni, skond il-każ, lil swieq differenti, li eventwalment jippreżentaw, kemm minn perspettiva ta' struttura, kif ukoll ta' kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni, xi karatteristiċi differenti. Madankollu, din il-konstatazzjoni ma tiġġustifikax il-konklużjoni li tali prodott, fir-rigward tal-mod differenti li jista' jintuża, flimkien ma' dawk l-oħra kollha li magħhom jista' jiġi ssotitwit u li magħhom jista' jikkompeti, jikkostitwixxu suq wieħed.

80      Il-kunċett ta' suq ikkonċernat (relevant market) jimplika, fil-fatt, li kompetizzjoni effettiva tista' teżisti bejn il-prodotti li jagħmlu parti minnu, li jippresupponi grad suffiċjenti ta' interkambjabbiltà minħabba l-istess użu bejn il-prodotti kollha li jiffurmaw parti mill-istess suq (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, 85/76, Ġabra p. 461, punt 28).

81      Jirriżulta wkoll mill-komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq id-definizzjoni tas-suq in kwistjoni għall-finijiet tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni (ĠU 1997, C 372, p. 5, punt 7), li "[s]uq rilevanti ta' prodotti jinkludi dawk il-prodotti kollha u/jew servizzi li huma meqjusa bħala interkambjabbli jew sostitwibbli mill-konsumatur, minħabba l-karatteristiċi tal-prodott, il-prezzijiet tagħhom u l-użu intiż tagħhom".

82      Għandu jiġi kkonstatat li ma teżistix differenza sempliċi bejn il-kumdità jew il-kwalità bejn il-veloċità għolja u baxxa. Jirriżulta mill-elementi pprovduti mill-Kummissjoni (premessa 175 tad-deċiżjoni), mingħajr ma din ġiet ikkontestata minn WIN, li ċerti applikazzjonijiet disponibbli mal-veloċità għolja ma jistgħux jintużaw bil-veloċità baxxa, bħal, per eżempju, t-tniżżil ta' fajls kbar ħafna u logħob interattiv fuq netwerk. Barra minn hekk, WIN ikkonfermat, fir-risposta tagħha ta' l-4 ta' Marzu 2002 għal-komunikazzjoni ta' l-ilmenti, li jeżistu xi "attivitajiet awdjoviżivi/multimedja aktar speċifiċi għal ADSL". Barra minn hekk, l-istudju mwettaq mill-Centre de recherche pour l’étude et l’observation des conditions de vie (Ċentru ta' Riċerka għall-istudju u l-osservazzjoni tal-kwalità tal-ħajja) (Crédoc) f'isem WIN li ppreżentatu f'anness mar-rikors tagħha wkoll jallega użi ġodda żviluppati fuq l-internet mis-servizz eXtense u li huma speċifiċi għall-veloċità għolja, jiġifieri li wieħed jilgħab logħobiet fuq in-netwerk, jisma' r-radju online, jara vidjo online jew jixtri xi ħaġa online. Barra minn hekk, skond dan l-istess studju, l-abbonat tal-veloċità għolja huwa online ħafna iktar ta' spiss u bħala medja jdum iktar ħin minn utent tal-veloċità baxxa.

83      F'dak li jirrigwarda l-ispeċifiċitajiet tekniċi u l-prestazzjonijiet, jirriżulta mill-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni (premessi 181 sa 187 tad-deċiżjoni), li ma ġewx miċħuda mir-rikorrenti, li partikolarità teknika importanti ta' l-aċċess għall-internet ta' veloċità għolja tinsab fl-ispeċifiċità tal-modems użati. Modem ta' aċċess għall-internet ta' veloċità għolja ma jistax jintuża għal veloċità baxxa, kif ukoll viċeversa (premess 181 tad-deċiżjoni). Barra minn hekk, fil-każ tal-veloċità għolja, l-konnessjoni hija permanenti u l-linja telefonika ma tkunx okkupata.

84      Barra minn hekk, fil-każ tas-suq Franċiż għandu jiġi osservat li, għall-perijodu eżaminat, l-offerti ta' veloċità għolja kienu jipprovdu rati ta' trażmissjoni ta' madwar 512 kbits/s (premessa 185 tad-deċiżjoni). L-offerti ta' veloċità tradizzjonali (limitata għal 56 kbits/s) u l-offerti ISDN (Integrated Services Digital Network) (64 jew 128 kbits/s) jippermettu biss veloċità ta' erba sa għaxar drabi nqas. L-offerti ADSL ta' 128 kbits/s għat-tniżżil, li, skond ir-rikorrenti, jagħtu prova tal-kontinwità bejn il-veloċità baxxa u l-veloċità għolja, bdew jidhru biss fil-bidu tal-perijodu kopert mid-deċiżjoni. Barra minn hekk, anki fil-każ ta' offerta ta' 128 kbits/s, id-differenza bejn il-veloċità baxxa u l-veloċità għolja tibqa' sostanzjali ħafna. Għaldaqstant, id-differenza fl-eżekuzzjoni kienet sinjifikattiva matul il-perijodu kkunsidrat.

85      Minbarra dawn id-differenzi fl-użu, fl-ispeċifiċitajiet u fl-eżekuzzjoni, hemm ukoll differenza sinjifikattiva bejn il-prezzijiet għall-veloċità baxxa u dawk għall-veloċità għolja (premessi 188 sa 192 tad-deċizjoni).

86      Fir-rigward tal-grad ta' interkambjabbiltà, għandha ssir referenza, minbarra għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 78 iktar 'il fuq, għall-elementi ta' evalwazzjoni ddikjarati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha fuq id-definizzjoni tas-suq in kwistjoni għall-finijiet tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni (ara punt 81 iktar 'il fuq).

87      Skond din il-komunikazzjoni, l-evalwazzjoni tas-sostitwibbiltà ta' domanda tinvolvi li tiġi stabbilita l-medda ta' prodotti illi huma kkunsidrati bħala sostituti mill-komsumatur. Mod wieħed kif din tista' tiġi stabbilita jista' jiġi kkunsidrat bħala esperiment spekulattiv, billi jippresupponi kambjament żgħir, iżda fit-tul, fil-prezzijiet ikkonċernati u fl-evalwazzjoni tar-reazzjoni li x'aktarx ikun hemm mill-klijenti għal dik iż-żieda. Fil-punt 17 tal-komunikazzjoni, il-Kummissjoni tippreċiża li "[i]l -mistoqsija illi għandha tkun imwieġba hija jekk il-klijenti tal-partijiet ibiddlu għal sostituti li huma disponibbli faċilment […] fil-każ ta' żieda żgħira (bejn il-5 % sa 10 %) iżda permanenti, fil-prodotti u fiż-żoni li jkunu qed jiġu kkunsidrati".

88      Fil-premessa 193 tad-deċiżjoni, il-Kummissjoni tammetti b'mod ċert li l-veloċità għolja u l-veloċità baxxa jippreżentaw ċertu grad ta' interkambjabbiltà. Hija madankollu żżid, fil-premessa 194, li din hija estremament asimmetrika u li t-trasferiment ta' klijenti ta' veloċità għolja lejn offerti ta' veloċità baxxa tkun minima meta mqabbla mat-trasferiment bil-kontra. Issa, skond il-Kummissjoni, jekk il-prodotti huma perfettament interkambjabbli mill-perspettiva tad-domanda, ir-rati ta' trasferiment għandhom ikunu identiċi jew għall-inqas simili.

89      F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li jirriżulta mill-informazzjoni miġbura minn WIN u riprodotta fit-tabella 7 tad-deċiżjoni li r-rata ta' trasferiment ta' l-abbonati ta' veloċità għolja lejn offerti integrali ta' veloċità baxxa kienet baxxa ħafna fiż-żmien ikkonċernat, minkejja d-differenza bejn il-prezz tas-servizzi li kellhu jħeġġeġ bosta utenti ta' l-internet li jaqilbu għall-veloċità baxxa. Din id-differenza kbira fir-rati ta' trasferiment bejn veloċità għolja u veloċità baxxa u viċi versa ma ssaħħaħx it-teżi ta' interkambjabbiltà ta' dawn is-servizzi fl-għajnejn tal-konsumaturi. Barra minn hekk, fir-rikors tagħha WIN ma ressqet ebda element preċiż li jikkontesta din l-analiżi.

90      Jirriżulta, fit-tieni lok, li stħarriġ magħmul f'isem il-Kummissjoni u anness minn WIN mar-rikors tagħha juri li, fil-każ ta' żieda fil-prezz tal-veloċità għolja ta’ madwar 5 sa 10%, 80% ta' l-abbonati ta' veloċità għolja jżommu l-abbonament tagħhom. Issa, mill-applikazzjoni tal-punt 17 tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq id-definizzjoni tas-suq in kwistjoni għall-finijiet tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni (ara punt 87 iktar 'il fuq), din il-perċentwali elevata ta' abbonati li kieku ma jabbandunawx il-veloċità għolja fil-każ ta' żieda fil-prezz ta' 5 sa 10% tikkonsisti indikazzjoni ċara ta' nuqqas ta' sostitwibbiltà min-naħa tad-domanda.

91      Konsegwentement, abbażi ta' l-elementi kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kienet korretta meta kkonkludiet li ma kienx hemm grad suffiċjenti ta' interkambjabbiltà bejn il-veloċità għolja u l-veloċità baxxa u meta ddefiniet is-suq in kwistjoni bħala dak ta' l-aċċess għall-internet ta' veloċità għolja għall-klijenti residenti.

b)     Fuq l-eżami mhux komplut tal-pożizzjoni dominanti

 L-argumenti tal-partijiet

92      Skond WIN, il-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkunsidrat il-pożizzjoni tagħha bħala dominanti. Fil-fatt, l-analiżi tal-Kummissjoni fiha nuqqasijiet serji.

93      Is-saħħa tas-suq fl-ebda każ ma jista' jiġi evalwat abbażi ta' l-ishma mis-suq miżmuma fuq suq emerġenti. Tali suq għandu jitqiegħed f'perspettiva dinamika, sabiex tiġi evalwata mhux biss il-kompetizzjoni attwali iżda wkoll il-kompetizzjoni potenzjali. Issa, skond WIN, in-numru ta' abbonati potenzjali huwa importanti ħafna, minħabba n-nuqqas ta' tagħmir fid-djar Franċiżi. WIN issostni li tat prova tad-dħul ta' kompetituri ġodda f'dan is-suq u taż-żieda fl-offerti, flimkien ma' tnaqqis fil-prezzijiet.

94      Dawn l-elementi juru s-saħħa tal-kompetizzjoni f'suq bla barrieri li fih, bħala konsegwenza, WIN ma tistax iżżomm pożizzjoni dominanti.

95      WIN tilmenta li l-Kummissjoni ma kkunsidratx dan il-fatt u li llimitat ruħha li teżamina s-sehem tagħha mis-suq għal dak li jirrigwarda s-settur tal-veloċità għolja bejn il-31 ta' Diċembru 2000 u l-31 ta’ Awwissu 2002. Issa, l-waqa' ta' iktar minn għaxar punti tas-sehem tagħha mis-suq bejn Awwissu 2002 u Marzu 2003 turi n-natura kompettitiva u dinamika tas-suq.

96      Barra minn hekk, dejjem skond WIN, l-isħubija ma' grupp li għandu mezzi finanzjarji sinjifikattivi u netwerk ta' distribuzzjoni estiż m'għandux ikun evalwat mingħajr kunsiderazzjoni għas-sitwazzjoni tal-kompetituri. Issa, il-Kummissjoni ma pproċediet għal ebda eżami fil-fond tas-sitwazzjoni tal-kumpanniji AOL, T Online/Club-Internet u Tiscali, li huma "konnessi" ma’ gruppi kbar li jgawdu saħħa finanzjarja eċċezzjonali u jibbenefikaw ukoll minn netwerk ta' distribuzzjoni kbira.

97      Fl-aħħar nett, WIN issostni li l-ġbir flimkien ta' l-attivitajiet ta' pubblikazzjoni tad-direttorji tat-telefon u ta' aċċess għall-internet m'għandux jiġi kkunsidrat bħala li jikkonferixxi fuqha saħħa finanzjarja ta' natura li tistabbilixxi pożizzjoni dominanti fuq is-suq Franċiż ta' l-aċċess għall-internet ta’ veloċità għolja. Fil-fatt, il-kompetituri l-oħra, bħal T-Online, kellhom l-istess possibbiltà u, min-naħa l-oħra, l-grupp Wanadoo setgħa jaqdi l-bżonnijiet ta' l-attività tiegħu ta' FAI mingħajr ma jirrikori għall-qligħ iġġenerat mill-pubblikazzjoni tal-paġni sofor tad-direttorju.

98      Il-Kummissjoni tikkontesta n-natura emerġenti tas-suq in kwistjoni matul il-perijodu kkunsidrat. Hija ssostni li s-sehem mis-suq ta' WIN żdied b'mod sostenibbli waqt il-perijodu in kwistjoni. Hija ssostni li WIN bl-ebda mod ma kkontesta l-analiżi li tinsab fid-deċiżjoni tas-sinerġiji u vantaġġi li jirriżultaw għal WIN mill-"konnessjoni" teknika, loġistika u kummerċjali tagħha mal-grupp France Télécom.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

99      Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, pożizzjoni dominanti tintwera mill-fatt li l-impriża in kwistjoni qiegħda f'pożizzjoni ta' saħħa ekonomika li tagħtiha s-setgħa li tostakola ż-żamma ta' kompetizzjoni effettiva fis-suq in kwistjoni billi hija tkun tista’ taġixxi b’mod konsiderevolment indipendenti mill-kompetituri, il-klijenti u, fl-aħħar nett, il-konsumaturi tagħha (sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 78 iktar 'il fuq, punt 30, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Ottubru 2003, Van den Bergh Foods vs Il-Kummissjoni, T-65/98, Ġabra p. II-4653, punt 154). Għandu jiġi osservat qabel kollox li, sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta' pożizzjoni dominanti, il-Kummissjoni m'għandhiex bżonn turi li l-kompetituri ta' impriża ser jiġu esklużi mis-suq, anki jekk mhux fiż-żmien immedjat.

100    Barra minn hekk, jekk l-importanza ta' ishma mis-suq tista' tkun differenti minn suq għal ieħor, l-ishma importanti ħafna jikkostitwixxu huma stess, ħlief fil-każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, il-prova ta' l-eżistenza ta' pożizzjoni dominanti (sentenza Hoffman-La Roche vs Il-Kummissjoni, punt 80 iktar 'il fuq, punt 41, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-28 ta' April 1999, Endemol vs Il-Kummissjoni, T-221/95, Ġabra p. II-1299, punt 134). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza tagħha tat-3 ta' Lulju 1991, AKZO vs Il-Kummissjoni (C-62/86, Ġabra p. I-3359, punt 60), li dan huwa l-każ għal sehem mis-suq ta' 50%.

101    L-eżistenza ta' kompetizzjoni, anki attiva, f'suq partikolari ma teskludix l-eżistenza ta' pożizzjoni dominanti fl-istess suq, peress li l-imsemmija pożizzjoni hija essenzjalment ikkaratterizzata bil-kapaċità ta' impriża li taġixxi mingħajr ma jkollha tieħu in kunsiderazzjoni, fl-istrateġija tas-suq tagħha, din il-kompetizzjoni u mingħajr, għalhekk, ma tbati effetti li jistgħu jagħmlu ħsara minħabba din l-imġieba (sentenza Hoffman-La Roche vs Il-Kummissjoni, punt 80 iktar 'il fuq, punt 70; ara wkoll, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ta' l-14 ta' Frar 1978, United Brands vs Il-Kummissjoni, 27/76, Ġabra p. 207, punti 108 sa 129). Għaldaqstant, l-eżistenza eventwali ta' kompetizzjoni fis-suq hija ċertament ċirkustanza rilevanti, b'mod patikolari, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta' pożizzjoni dominanti, iżda waħedha mhijiex ċirkustanza determinanti f'dan ir-rigward.

102    Għandu jiġi vverifikat, skond dawn il-kriterji jekk, kif tafferma l-Kummissjoni, WIN tinsabx f'pożizzjoni dominanti fis-suq in kwistjoni.

103    Fir-rigward ta' l-ishma mis-suq, għandu jiġi kkonstatat li, skond it-tabella 8 tad-deċiżjoni, is-sehem li għandha WIN mis-suq ta' l-internet ta' veloċità għolja laħqet 50% fil-31 ta' Marzu 2001, u telgħat sa 72% fil-31 ta' Marzu 2002, u baqgħet stabbli f'dan il-livell sa Awwissu 2002. Jirriżulta mir-risposti tal-partijiet għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza li din il-parti sussegwentement niżlet għal 63,6% f'Ottubru 2002 skond WIN, u għal ċifra li l-Kummissjoni qieset bejn 63,4 u 71% skond is-sorsi. Għaldaqstant, WIN kellha matul il-perijodu in kwistjoni kollu sehem importanti ħafna mis-suq li jikkostitwixxi, ħlief f'ċirkustanzi eċċezzjonali, il-prova ta' l-eżistenza ta' pożizzjoni dominanti fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata.

104    Fir-rigward tat-tnaqqis li seħħ bejn ix-xhur ta' Awwissu u Ottubru 2002, it-tnaqqis ta' l-ishma mis-suq li madankollu jibqgħu sinjifikattivi ma jikkostitwixxix fih innifsu l-prova ta' nuqqas ta' pożizzjoni dominanti (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-8 ta' Ottubru 1996, Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummissjoni, T-24/93 sa T-26/93 u T-28/93, Ġabra P II-1201, punt 77). Anki miċ-ċifri mressqa minn WIN, is-sehem mis-suq ta' WIN baqa' fil-fatt sostanzjali fit-tmiem tal-perijodu tal-ksur.

105    Madankollu, WIN issostni li l-ishma mis-suq huma indikazzjoni inaffidabbli fil-kuntest ta' suq emerġenti li għad għandu klijentela limitata.

106    Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li, skond l-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tas-suq mogħtija fil-premessa 218 tad-deċiżjoni u mhux ikkontestati minn WIN, is-suq ikkonċernat kien ċertament għadda, f'Marzu 2001, data tal-bidu tal-ksur skond il-Kummissjoni, il-fażi ta' tnedija u ta' esperimentazzjoni. Fil-fatt, is-suq ta' veloċità għolja żviluppa fi Franza mill-1997. Is-servizzi ADSL ta' WIN u l-ewwel offerti tal-kompetitturi tagħha ħarġu fuq bażi kummerċjali lejn l-aħħar tas-sena 1999. Lejn l-aħħar tax-xahar ta' Ġunju 2000, is-suq tas-servizzi ta' aċċess għall-Internet ta' veloċità għolja għall-klijenti residenti kellu diġà 100 000 abbonat u, fit-tmiem tas-sena 200, kien hemm iktar minn 180 000 abbonat fi Franza. Waqt l-ewwel tliet xhur ta' l-2001, is-suq għamel progress ta' iktar minn 5000 abbonat ġdid fil-ġimgħa. Billi ma indikatx il-ksur qabel ix-xahar ta' Marzu 2001, kif tindika l-premessa 71 tad-deċiżjoni, peress illi sostniet li s-suq kien għadu "ma […] laħaqx stadju ta' żvilupp suffiċjenti sabiex 'test ta' prezzijiet predatorji' jkun sinjifikattiv, il-Kummissjoni ġustament eskludiet mill-analiżi tagħha l-fażi inizjali.

107    Ċertament dan huwa suq f'qasam li qed jikber sew, iżda dan l-element ma jistax jeskludi l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, u b'mod partikolari dawk ta' l-Artikolu 82 KE.

108    Dan is-suq li qiegħed jikber sew ma weriex karatteristiċi ta' instabbiltà matul il-perijodu in kwistjoni. Jirriżulta b'mod kuntrarju li ġiet stabbilita ġerarkija pjuttost stabbli b'WIN fir-rwol prinċipali.

109    F'dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessi 213 sa 215 tad-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkompletat l-analiżi tagħha tal-pożizzjoni dominanti ta' WIN bl-eżami komparattiv ta' l-ishma mis-suq miżmuma matul il-perijodu in kwistjoni minn WIN u mill-kompetituri tagħha. Skond din l-analiżi, li mhijiex ikkontestata mir-rikorrenti, jirriżulta li WIN minn dejjem kellha numru ta' abbonati ADSL iktar minn tmien darbiet minn dawk tal-kompetitur prinċipali tagħha. Issa, skond il-ġurisprudenza, l-ishma mis-suq miżmuma mill-impriża kkonċernata fil-konfront ta' dawk tal-kompetituri tagħha jikkonsistu f'indikazzjoni rilevanti ta' pożizzjoni dominanti (sentenza Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, punt 80 iktar 'il fuq, punt 48).

110    Madankollu, WIN issostni li, sabiex issir evalwazzjoni mhux biss tal-kompetizzjoni attwali iżda wkoll tal-kompetizzjoni potenzjali, tali suq għandu jitqiegħed f'perspettiva dinamika.

111    F'dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, skond l-analiżi prospettivi tagħha, li ntemmew fix-xahar ta' Marzu 2001, WIN kellha sehem ta' 55% mis-suq sħiħ fi tmiem is-sena 2004. F'Ġunju 2001, WIN stess reġgħet ivvalutat il-previżjonijiet tagħha ta' dħul fis-suq. Hija kienet taħseb li kienet ser iżżomm iktar minn tlett kwarti tas-settur ADSL fl-aħħar tas-sena 2004 u mill-inqas 60% tas-suq ta' veloċità għolja residenzjali (premessa 220 u n-nota f'qiegħ il-paġna Nru 225 tad-deċiżjoni). Xi elementi simili indikaw li WIN stess ikkunsidrat il-kompettizzjoni potenzjali bħala limitata. Bħala konsegwenza, is-sitwazzjoni tas-suq in kwistjoni ma tiġġustifikax li l-ishma tas-suq jiġu kkunsidrati bħala indikazzjoni inaffidabbli.

112    Barra minn hekk, fil-kuntest ta' l-eżami tagħha tal-pożizzjoni ta' WIN fis-suq, il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll, fil-premessi 223 sa 246 tad-deċiżjoni, il-fatt li WIN kienet ibbenifikat, permezz tal-"konnessjoni" tagħha mal-grupp France Télécom, minn vantaġġi kbar, li kkontribwew għall-pożizzjoni dominanti tagħha.

113    F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li tallega WIN, il-Kummissjoni eżaminat sew fid-deċiżjoni, fil-premessi 226 sa 228, is-sitwazzjoni tal-kompetituri ċċitati minn WIN, jiġifieri AOL, T-Online u Tiscali. Hija tikkonkludi fil-premessa 228 li, tkun xi tkun il-kapaċità tal-gruppi in kwistjoni sabiex isostnu l-investimenti u l-inizjattivi kummerċjali tal-kumpanniji sussidjarji Franċiżi tagħhom, l-ebda waħda minnhom ma setgħet tippretendi li dawk il-kumpanniji sussidjarji jibbenifikaw minn "konnessjoni" teknika, minn "konnessjoni" loġistika u minn "konnessjoni" f'termini ta' netwerk kummerċjali fi Franza, li għandhom s-setgħa li joħloqu impatt fuq is-suq daqs dik li pprovdiet France Télécom lil WIN.

114    Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda n-netwerk kbir ta' distribuzzjoni li kienu jiddisponu minnu wkoll, skond WIN, il-gruppi kompetituri, għandu jiġi enfassizat li, fuq it-territorju Franċiż, li huwa l-uniku wieħed kopert mid-deċiżjoni, tali netwerk kien, fi kwalunkwe każ, il-bogħod milli jilħaq l-importanza ta' dak ta' France Télécom, l-operatur storiku tat-telekommunikazzjonijiet fi Franza.

115    Fost il-vantaġġi kummerċjali li tibbenifika minnhom WIN, fatt li hija ma tikkontestax, għandhom jissemmew fuq kollox l-agenziji ta' France Télécom, li assiguraw id-distribuzzjoni tal-prodotti ta' WIN fuq it-territorju Franċiż kollu.

116    Fit-tieni lok, WIN lanqas ma tikkontesta l-vantaġġi tekniċi li jirriżultaw skond il-Kummissjoni mill-"konnessjoni" tagħha ma' France Télécom. Il-Kummissjoni ressqet ukoll, mingħajr ma ġiet kontradetta minn WIN, li din ta' l-aħħar ibbenifikat minn trattament preferenzjali matul is-sena 2000 kollha, u l-ewwel seba' xhur tas-sena 2001, li wassal għal offerta magħmula speċifikament għall-ħtiġijiet tagħha li kienet ħafna inqas restrittiva minn dik offerta lill-kompetituri tagħha, u għal aċċess f'ħin reali għal dokumenti permezz ta' linji li huma konvertibbli.

117    Barra minn hekk, dawn il-vantaġġi ssemmew b'enfażi mill-Conseil de la concurrence Franċiż (Kunsill tal-Kompetizzjoni) fid-deċiżjoni tiegħu 02-MC-03, tas-27 ta' Frar 2002, relatata mar-rinviju u t-talba għal miżuri provviżorji ppreżentata mill-kumpannija T-Online u annessa mar-risposta. Il-Conseil de la concurrence ordna lil France Télécom sabiex tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-FAI kollha server Extranet li jippermetti l-aċċess għall-istess informazzjoni li kienet tiddisponi minnha WIN u li tordna mis-servizzi speċjalizzati ta' France Télécom l-operazzjoni materjali tal-konnessjoni ADSL fl-istess kundizzjonijiet ta' effiċjenza bħal dawk mogħtija lil WIN. Sabiex jipprova jimplementa din is-sistema, il-Conseil de la concurrence ordna lil France Télécom sabiex tissospendi l-kummerċjalizzazzjoni tas-servizzi ADSL ta' WIN fl-aġenziji kummerċjali tagħha. Kif tenfasizza l-premessa 146 tad-deċiżjoni, d-deċiżjoni tal-Conseil de la concurrence ġiet kkonfermata mill-cour d’appel de Paris (Franza) (il-Qorti ta' l-Appell ta' Pariġi) fis-sentenza tagħha tad-9 ta' April 2002.

118    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni hija ġġustifikata li tikkunsidra li l-"konnessjoni" ta' WIN ma' France Télécom ġabitilha vantaġġi fuq il-kompetituri tagħha ta' natura li kkontribwew għall-pożizzjoni dominanti tagħha.

119    L-aħħar element imressaq mill-Kummissjoni fl-eżami tal-pożizzjoni ta' WIN fis-suq in kwistjoni huwa l-vantaġġ li jirriżulta għall-grupp Wanadoo mill-preżenża tiegħu fis-suq tad-direttorji. Hija ssostni li l-attivitajiet li jiġġeneraw profitt kbir f'dan is-suq huma ta' natura li jnaqqsu b'mod kunsiderevoli l-effett fuq il-grupp ta' bejgħ b'telf ippratikat minn WIN fis-suq ta' aċċess għall-internet ta' veloċità għolja.

120    Għandu jiġi rrilevat f'dan ir-rigward li din l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tirrigwarda suq differenti minn dak tal-provvista ta' internet ta' veloċità għolja. F'dan ir-rigward, kif tallega WIN, il-preżenza tal-grupp Wanadoo fis-suq tad-direttorji ma tikkonsistix prova deċisiva tal-pożizzjoni dominanti ta' WIN fis-suq in kwistjoni.

121    Għaldaqstant, fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet kollha li ġew qabel, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni sostniet ġustament li WIN kellha pożizzjoni dominanti fis-suq in kwistjoni matul il-perijodu kkonċernat.

2.     Fuq l-abbuż tal-pożizzjoni dominanti

a)     Fuq l-ilmenti relatati mat-test ta' kopriment ta' l-ispejjeż

122    Il-kawża tirrigwarda l-metodu ta' kalkolu tar-rata ta' kopriment ta' l-ispejjeż u l-iżbalji ta' kalkolu li wettqet il-Kummissjoni fl-applikazzjoni tagħha.

 Fuq l-iżball fil-metodu ta' kalkolu tar-rata ta' kopriment ta' l-ispejjeż

–       L-argumenti tal-partijiet

123    Skond WIN, Il-Kummissjoni wettqet żball ta' dritt billi adottat test statiku ta' kopriment ta' l-ispejjeż li bl-ebda mod ma jirrifletti r-realtà ekonomika tal-profitabbiltà ta' l-abbonati ta' WIN. Fil-fatt, fil-każ ta' l-abbonamenti, parti mill-ispejjeż u l-profitti kollha jinfirxu fuq medda ta' żmien twil u l-ispejjeż ivarjaw matul dan iż-zmien. Issa, il-metodu tal-Kummissjoni jammonta għall-ispejjeż ta' akkwist magħduda mar-riżultat ta' l-ammont ta' l-ispejjeż rikorrenti ta' kull xahar, li jeżistu fid-data tas-sottoskrizzjoni ta' l-abbonament, immultiplikat bi 48, u għall-paragun bejn dan it-total u r-riżultat ta' l-ammont tad-dħul rikorrenti ta' kull xahar, li jeżisti fl-istess data, immultiplikat bi 48, mingħajr ma tikkunsidra l-adattament ta' l-ispejjeż rikorrenti ta' kull xahar matul iż-zmien.

124    Fir-rigward ta' l-ispejjeż li għandhom jiġu kkunsidrati, WIN issostni li, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-ispejjeż huma effettivament koperti, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li teżamina l-informazzjoni kollha li hija tiddisponi minnha fid-data tad-deċiżjoni, bil-kundizzjoni li hija tirrikonoxxi l-validità ta' din l-informazzjoni. Issa, it-tnaqqis kollu ta' l-ispejjeż li seħħ u li huwa rikonoxxut, bejn is-sottoskrizzjoni ta' abbonament u x-xahar ta' Ottubru 2002, ġie injorat, jew iktar preċiżament, it-tnaqqis ta' l-ispejjeż ġie kkunsidrat mill-Kummissjoni għal dawk kollha li abbonaw ruħhom wara din id-data, iżda mhux sabiex taġġorna l-ispejjeż rikorrenti ta' dawk li abbonaw ruħhom qabel. Billi ġġib l-eżempju ta' klijent li abbona ruħu magħha fl-1 ta' Ġunju 2001, WIN tallega li l-Kummissjoni attribwietlu spiża inizjali rikorrenti ta' 54,39 EUR fix-xahar sa l-aħħar ta' Mejju 2005 (jiġifieri 48-il xahar), filwaqt li din l-ispiża ma tikorrispondix iktar għall-ispiża reali tax-xahar ta' Awwissu 2001, peress illi, skond l-Anness 3 tad-deċiżjoni, din tammonta biss għal 34,72 EUR fix-xahar.

125    WIN ippreżentat lill-Kummissjoni riżultati bbażati fuq il-metodu ta' likwidità skontata (discounted cash-flows) sabiex tikkalkula l-valur nett skontat (discounted net value) (iktar 'il quddiem il-"VNS") ta' l-abbonati. Dan il-metodu jinvolvi li l-ispejjeż u d-dħul kollu li kull abbonat jiġġenera huma elenkati f'lista, li jiġu mnaqqsa billi tiġi applikata lilhom rata ta' skont mogħtija mis-swieq finanzjarji u li tiġi magħduda l-likwidità skontata miksuba b'dan il-mod. L-ispiża tal-prodott jikkonsisti fil-prezz ta' akkwist mħallas inizjalment li miegħu jiżdiedu l-ispejjeż rikorrenti ta' kull xahar. WIN tafferma li dan il-metodu, li huwa l-uniku wieħed affidabbli fuq il-livell ekonomiku, huwa rikonoxxut universalment u huwa konformi mal-kalkoli ekonomiċi ta' investimenti magħmula mill-ekonomisti u l-operaturi finanzjarji. Dan il-metodu kien ġie applikat mill-Conseil de la concurrence Franċiż u l-validità tiegħu kien ġie stabbilit minn Oxera għall-Office of Fair Trading (OFT, awtorità tal-kompetizzjoni fir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq). Hija turi li l-ispejjeż kollha – ħlief dawk tax-xahar ta' Marzu 2001, li huma koperti biss sa 98% jew 99% skond il-prodott – u a fortiori l-ispejjeż varjabbli ta' WIN huma koperti għall-perijodu kollu.

126    Il-Kummissjoni taqbel ma' WIN fuq il-bżonn li jinfirxu ċerti spejjeż iżda mhux fuq il-metodu li għandu jintuża. Sabiex jiġi evalwat l-ekwilibriju ekonomiku tas-servizzi ta' WIN hija ssostni li għażlet metodu dinamiku li jieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li ċerti oġġetti ta' spiża varjabbli, u b'mod partikolari dawk marbuta ma' l-akkwist ta' abbonat, jiġu kkumpensati mid-dħul li l-impriża jkollha l-intenzjoni li tirċievi mingħand dan l-abbonat matul ir-relazzjoni kummerċjali. Billi firxet fuq 48-il xahar dawn l-ispejjeż mhux rikorrenti, il-Kummissjoni ħadet ukoll in kunsiderazzjoni t-tul normali ta' abbonament li jista' jservi bħala referenza għal impriża li tkun tixtieq dħul fuq l-investiment tagħha bi skadenza raġonevoli.

127    Fl-applikazzjoni tal-metodu tagħha, il-Kummissjoni tallega li ċ-ċifri kollha użati ġew mill-informazzjoni pprovduta minn WIN. Għaldaqstant, huma ċifri stabbiliti fuq bażi ex post. M'hemm l-ebda kategorija ta' spiża li hija fittizzja. Il-Kummissjoni tafferma li kkunsidrat b'mod sħiħ u għall-abbonati kollha t-tnaqqis fil-prezz mill-mument preċiż li dan twettaq.

128    Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkontestat il-fondatezza tar-rikors fil-kawża preżenti abbażi tal-metodu ta' likwidità skontata prevista minn WIN. Dan il-metodu ma jippermettix, fl-opinjoni tagħha, li tasal għal konklużjoni fir-rigward tal-prezzijiet predatorji. WIN ma użatx ukoll fil-prattika l-kalkoli tal-VNS fil-mument tal-fatti għall-prodotti in kwistjoni. L-użu tal-metodu ta' likwidità skontata fil-kawża preżenti, barra minn hekk, ma jsib ebda sostenn fil-ġurisprudenza Komunitarja jew fil-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ, il-metodu propost mir-rikorrenti mhuwiex il-metodu tradizzjonali, peress illi WIN ipproponiet li d-dħul li ġej minn klijenti ġodda jitqassam fi "gruppi" u, għal kull wieħed minnhom, li jiġi analizzat jekk il-likwidità skontata hijiex pożittiva fuq perijodu ta' ħames snin. Barra minn hekk, WIN iddaħħal fl-analiżi tagħha ż-żieda fil-profitabbiltà bħala riżultat tal-fatt li l-ksur jintemm.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

129    Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li, fil-każ fejn l-għażla tal-metodu ta' kalkolu tar-rata ta' kopriment ta' l-ispejjeż timplika minn naħa tal-Kummissjoni evalwazzjoni ekonomika kumplessa, hija għandha tingħata diskrezzjoni wiesgħa (ara f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza, tat-28 ta' Mejju 1998, Deere vs Il-Kummissjoni, C-7/95P, Ġabra p. I-3111, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-istħarriġ ġudizzjarju għandu għaldaqstant ikun limitat għall-verifika ta' l-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, kif ukoll ta’ l-eżattezza materjali tal-fatti, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti u ta’ abbuż ta’ poter.

130    Jirriżulta mill-ġurisprudenza dwar il-prezzijiet predatorji li, minn naħa, l-prezzijiet inferjuri għall-medja ta' spejjeż varjabbli jippresupponu l-karattru eliminatorju ta' prattika ta' prezzijiet u li, min-naħa l-oħra, prezzijiet inferjuri għall-medja ta' l-ispejjeż totali iżda superjuri għall-medja ta' l-ispejjeż varjabbli għandhom jiġu kkunsidrati bħala abbużivi meta huma stabbiliti fil-kuntest ta' pjan li għandu bħala għan li jelimina kompetitur (sentenza AKZO vs Il-Kummissjoni, punt 100 iktar 'il fuq, punti 71 u 72; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' Ottubru 1994, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, T-83/91, Ġabra p. II-755, punti 148 u 149, ikkonfermata mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Novembru 1996, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, C-333/94 P, Ġabra p. I-5951, punt 41).

131    Fid-deċiżjoni, il-Kummissjoni ppreżentat tliet analiżi differenti, sabiex tikkjarifika r-raġunament tagħha. L-ewwel waħda, esposta fil-premessi 73 sa 75 tad-deċiżjoni, tikkonsisti fl-analiżi fuq bażi ta' kontabbiltà sempliċi li tinkludi b'mod istantanju d-dħul u l-ispejjeż. Din hija, skond WIN stess, miżura goffa ta' dħul u ħruġ irreġistrati fil-kontijiet tagħha. Iż-żewġ partijiet jaqblu li jirrikonoxxu n-natura mhux adattata ta' dan il-metodu. Għalkemm WIN tiċħad kull sinjifikat ta' din l-ewwel analiżi, hija ma tikkontestax iċ-ċifri kkunsidrati. B'mod ġenerali, hija tirrikonoxxi li "kważi l-informazzjoni kollha dwar l-ispejjeż gejja mingħand WIN, peress illi rarament tiġi mingħand France Télécom".

132    It-tieni analiżi, deskritta fil-premessi 76 sa 86 tad-deċiżjoni, tikkonċerna l-kopriment effettiv ta' l-ispejjeż aġġustati. Skond il-prinċipju tad-deprezzament ta' l-assi, il-Kummissjoni tieħu l-ipoteżi tal-firxa ta' l-ispejjeż ta' akkwist tal-klijenti fuq 48-il xahar. Fuq din il-bażi, hija eżaminat b'mod separat il-kopriment ta' l-ispejjeż varjabbli aġġustati, billi affermat li l-Qorti tal-Ġustizzja tipprevedi żewġ testijiet ta' kopriment ta' l-ispejjeż, skond jekk l-azzjonijiet ta' l-impriża dominanti humiex inklużi jew le fil-kuntest ta' pjan li huwa intiż għall-eliminazzjoni tal-kompetituri. Hija din l-analiżi li kienet il-bażi tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

133    Barra minn hekk, il-Kummissjoni wettqet, fil-premessi 97 sa 106 tad-deċiżjoni, it-tielet analiżi supplementarja tal-kopriment ta' l-ispejjeż aġġustati prevedibbli ex ante. Huwa żgur illi, kif tafferma WIN fir-risposta tagħha għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza, din it-tielet analiżi għandha approċċ differenti, peress illi l-Kummissjoni ma tipprovax tidentifika l-ispejjeż u d-dħul reali. Madankollu, din l-analiżi hija intiża biss, skond id-deċiżjoni, sabiex "tagħti kjarifika supplementarja". Fil-fatt, il-Kummissjoni tesponi espressament, fil-premessa 72 tad-deċiżjoni, li "huwa biss l-approċċ ta' l-ispejjeż aġġustati li jippermetti li ssir konklużjoni eżatta". Għaldaqstant, il-Kummissjoni rrikorriet għat-tieni metodu, dak ta' l-ispejjeż aġġustati, sabiex tikkonkludi dwar in-nuqqas ta' kopriment ta' l-ispejjeż. Bħala konsegwenza, għandha ssir verifika dwar il-legalità ta' dan il-metodu, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il-legalità ta' l-analiżi supplementarja tal-kopriment ta' l-ispejjeż prevedibbli ex ante.

134    Jirriżulta b'mod ċar mill-premessi 73 sa 75 tad-deċiżjoni li l-applikazzjoni tal-metodu ta’ kontabbiltà użat fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi AKZO vs Il-Kummissjoni, punt 100 iktar 'il fuq u għas-sentenzi tas-6 ta' Otturbu 1994 u ta' l-14 ta' Novembru 1996, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, punt 130 iktar 'il fuq, li jieħu in kunsiderazzjoni l-ispejjeż li jirriżultaw purament u sempliċement mill-kontijiet ta' l-impriża, iwassal, fil-kawża preżenti, għal rati ta' kopriment baxxi ħafna, jiġifieri 30% għall-perijodu bejn Jannar u Lulju 2001, 60% għall-perijodu bejn Awwissu sa Diċembru 2001 u 83% għall-perijodu bejn Jannar sa Ġunju 2002 (tabella 2 tad-deċiżjoni).

135    Madankollu, il-Kummissjoni sostniet, fil-premessa 75 tad-deċiżjoni, li, f'suq li jinsab fi fażi ta' żvilupp, l-ispejjeż ta' akkwist tal-klijenti li jirrapreżentaw parti sinjifikattiva ta' l-ispejjeż, "ir-rati ta' kopriment indikati fit-tabella 2 ma [jistgħux] għaldaqstant fihom infushom ikunu konklużivi sabiex jikkwalifikaw bħala prezzijiet predatorji".

136    Kif sostniet il-Kummissjoni fil-premessa 76 tad-deċiżjoni, hija kkunsidrat li, fil-kuntest preżenti, "l-għan għall-impriża ma [kienx] li tottjeni immedjatament riżultat kontabbli pożittiv u istantanju", iżda "li tilħaq livell ta' kopriment ta' l-ispejjeż rikorrenti (spejjeż ta' netwerk u spejjeż ta' produzzjoni) li huwa biżżejjed sabiex il-marġni mogħtija fuq l-ispejjeż rikorrenti tkopri għal perijodu ta' temp raġonevoli l-ispejjeż varjabbli mhux rikorrenti investiti fl-iżvilupp kummerċjali tal-prodotti in kwistjoni". Għaldaqstant, il-Kummissjoni ddeċidiet li taġġusta l-ispejjeż varjabbli mhux rikorrenti billi tifrixhom fuq perijodu, skond il-prinċipju tad-deprezzament ta' l-assi.

137    Għalhekk, il-Kummissjoni għażlet li tifrex l-ispejjeż ta' akkwist tal-klijenti fuq 48-il xahar, approċċ li WIN aċċettat billi indikat li l-perijodu medju ta' l-abbonamenti jkun pjuttost ta' ħames snin u li erbgħa snin hija stima minima. Madankollu, għandu jiġi osservat li WIN ma tipprattikax tali deprezzament peress illi l-ispejjeż in kwistjoni jiddaħlu fil-kontijiet fil-mument li dawn iseħħu, bħall-infiq kurrenti ordinarju. Barra minn hekk, ċerti kompetituri pproċedew, fil-pjanijiet tan-negozju tagħhom, għal tqassim fiż-żmien ta' l-ispejjeż varjabbli mhux rikorrenti, iżda f'perijodi inferjuri minn dawk użati mill-Kummissjoni fil-kawża preżenti (premessa 79 u n-noti tal-qiegħ fil-paġni Nri 70 u 71 tad-Deċiżjoni). Għaldaqstant, il-perijodu ta' tqassim magħżul ma jidhirx li huwa żbaljat.

138    Billi applikat dan il-metodu, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-prezzijiet ipprattikati minn WIN ma ppermettewlhiex li tkopri l-ispejjeż varjabbli tagħha sa Awwissu 2001 u lanqas l-ispejjeż globali minn Jannar 2001 sa Ottubru 2002 (tabelli 3 u 4 tad-deċiżjoni), peress illi mhemmx dubju li, meta jittieħed in kunsiderazzjoni l-livell ta' kopriment ta' l-ispejjeż varjabbli, l-ispejjeż globali ma kinux koperti sa Awwissu 2001.

139    Għaldaqstant, għandu jiġi evalwat il-metodu adottat mill-Kummissjoni fir-rigward ta' l-għan intiż, jiġifieri t-test ta' kopriment ta' l-ispejjeż fil-kuntest ta' l-Artikolu 82 KE, u b'relazzjoni mal-kritika fformulata minn WIN.

140    Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li tallega WIN, il-Kummissjoni ma kkunsidratx test ta' kopriment statiku, li barra minn hekk kien ikun ħafna inqas favorevoli għal WIN (ara punt 134 iktar 'il fuq).

141    Jirriżulta b'mod ċar mid-deċiżjoni (premessi 76 u 77) li, sabiex jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li, fil-każ ta' abbonamenti, l-ispejjeż u l-profitti ġġenerati mill-abbonat huma mifruxa fiż-żmien fuq perijodu twil, il-Kummissjoni ddeċidiet li taġġusta l-ispejjeż ta' akkwist tal-klijenti fuq 48-il xahar.

142    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tafferma WIN, il-metodu bl-ebda mod ma jirrikjedi li l-ispejjeż ta' akkwist jiġu magħduda mar-riżultat ta' l-ammont ta' l-ispejjeż rikorrenti ta' kull xahar, li jeżistu fid-data tas-sottoskrizzjoni ta' l-abbonament, immultiplikat bi 48, u għall-paragun bejn dan it-total u r-riżultat ta' l-ammont tad-dħul ta' kull xahar, li jeżisti fl-istess data, immultiplikat bi 48.

143    B'mod kuntrarju, meta wieħed jaqra d-deċiżjoni u l-annessi tagħha, huwa ċar li l-Kummissjoni integrat, għal kull perijodu ta' ksur ikkunsidrat u għall-abbonati kollha, it-tnaqqis suċċessiv tat-tariffi li sar matul il-perijodu in kwistjoni. Hija bbażat ukoll l-analiża tagħha fuq dan it-tnaqqis.

144    Fil-fatt, it-tmiem, fil-31 ta' Lulju 2001, ta' l-ewwel perijodu kkunsidrat mill-Kummissjoni għall-analiżi ta' l-ispejjeż varjabbli aġġustati (tabella 3 tad-deċiżjoni) jikkoinċidi mat-tnaqqis tat-tariffi tar-routing nazzjonali u reġjonali tat-traffiku. It-tieni perijodu jikkunsidra dan it-tnaqqis ta' l-ispejjeż billi japplika t-tariffi ġodda. It-tmiem tat-tieni perijodu, il-15 ta' Ottubru 2001, jikkoinċidi mal-bidu ta' perijodu fejn l-ispejjeż sabiex wieħed jidħol fis-servizz, normalment iffatturati minn France Télécom lill-prestatarji, kienu b'xejn. Fl-aħħar, il-fruntiera bejn it-tielet u r-raba' perijodu, li huwa l-15 ta' Frar 2002, jimmarka l-bidla tat-tariffi tas-servizz ta' "konnettività" internazzjonali u t-twaqqif mill-ġdid tal-fatturazzjoni ta’ l-ispejjeż ta' attivazzjoni minn France Télécom.

145    Għaldaqstant, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet ta' WIN, jidher b'mod ċar li l-perijodi differenti kkunsidrati huma intiżi preċiżament sabiex jieħdu in kunsiderazzjoni t-tnaqqis ta' l-ispejjeż invokat.

146    Barra minn hekk, jirriżulta b'mod partikolari minn paragun bejn l-annessi 1, 3, 5 u 7 tad-deċiżjoni, għas-servizz eXtense, kif ukoll mill-annessi 2, 4, 6 u 8 tad-deċiżjoni, għal Wanadoo ADSL, li, għal kull perijodu kkunsidrat, it-tariffi ġodda u fatturi oħra ta' spejjeż ġew mhux biss applikati għall-abbonati sottoskritti mill-bidu tal-perijodu ta' ksur, iżda wkoll kellhom effett fuq it-totalità akkumulata ta' abbonati.

147    Jekk wieħed jagħmel paragun, per eżempju, bejn l-ispejjeż varjabbli rikorrenti li jidhru fit-tabella li tikkonċerna s-servizz eXtense f'l-anness 1 tad-deċiżjoni u bbażata fuq il-perijodu bejn it-8 ta' Jannar u l-31 ta' Lulju 2001 ma' dawk ta' l-istess natura li jidhru fl-anness 3 iżda li jkopri l-perijodu bejn il-1 ta' Awwissa sal-15 ta' Ottubru 2001, jirriżulta li, minn perijodu għall-ieħor, il-prezzijiet tar-routing nazzjonali jew reġjonali ta' traffiku mar minn 151 għal 52, 43 FRF u dak ta' l-ispejjeż ta' servizz ta' aċċess għall-ADSL minn 185 għal 140 FRF. Issa, dan it-tnaqqis fil-prezz ġie kkunsidrat sew, mhux biss għall-abbonati sottoskritti wara l-bidu tal-perijodu ta' ksur (tabella 3.2 ta' l-Anness 3 tad-Deċiżjoni), iżda wkoll għat-totalità akkumulata ta' abbonati (tabella 3.1 ta' l-istess anness).

148    Bl-istess mod, jirriżulta mill-paragun bejn l-annessi 2 u 4 tad-deċiżjoni għall-ispejjeż varjabbli aġġustati ta' Wanadoo ADSL li l-prezzijiet tar-routing nazzjonali jew reġjonali tat-traffiku naqqsu, għat-totalità akkumulata ta' abbonati, minn 151 għal 52 FRF.

149    Barra minn hekk, l-attivazzjoni b'xejn għall-abbonati ġodda tas-servizz eXtense (tabella 5.2 ta' l-anness 5 tad-deċiżjoni), mill-15 ta' Ottubru 2001, irriżultat fi tnaqqis ta' l-ispejjeż ta' attivazzjoni għat-totalità akkumulata ta' abbonati (tabella 5.1 ta' dan l-istess anness) minn 53,40 għal 27, 16 EUR. B'mod oppost, dawn l-aħħar spejjeż reġgħu telgħu għal 32,37 EUR (tabella 7.1 ta' l-anness 7 tad-deċiżjoni) peress illi l-ispejjeż ta' attivazzjoni għall-abbonati ġodda eXtense reġgħu ġew introdotti mill-15 ta' Frar 2002 (tabella 7.2 ta' dan l-istess anness).

150    Fir-rigward ta' l-ispiża ta' "konnettività" internazzjonali, il-paragun bejn l-annessi 5 u 7 tad-deċiżjoni għas-servizz eXtense kif ukoll bejn l-annessi 6 u 8 tad-deċiżjoni għal Wanadoo ADSL juri li t-tnaqqis minn 3,19 sa 1,62 EUR, li sar bejn it-tielet u r-raba' perijodu, kellu effett mhux biss fuq l-abbonati kollha iżda wkoll fuq it-totalità akkumulata ta' klijenti (tabella 7.1 ta' l-anness 7 jew tabella 8.1 ta' l-anness 8 tad-deċiżjoni, skond il-prodott).

151    Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkunsidrat il-modifiki tariffarji differenti fl-evalwazzjoni ta' l-ispejjeż tagħha.

152    F'dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni kkunsidrat ġustament li d-dħul u l-ispejjeż sussegwenti għall-ksur m'għandhomx jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata r-rata ta' kopriment ta' l-ispejjeż matul il-perijodu kkunsidrat. Fil-fatt, skond il-ġurisprudenza, l-Artikolu 82 jagħmel referenza għall-pożizzjoni miżmuma, fis-suq komuni, mill-impriża kkonċernata fil-mument fejn hija wettqet il-ksur allegatament abusiv (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punt 450). Għalhekk, WIN ma tistax tinkludi fil-kalkoli tagħha prezzijiet jew spejjeż li ġew wara x-xahar ta' Ottubru 2002. Għaldaqstant, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti bbażati fuq il-prezzijiet jew l-ispejjeż li ġew wara x-xahar ta' Ottubru 2002 ma jistgħux jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni.

153    Fl-aħħar nett, fir-rigward ta' l-allegazzjoni ta' WIN skond liema huwa biss il-metodu ta' likwidità skontata li huwa rilevanti għall-kalkolu tar-rata ta' kopriment fil-kawża in kwistjoni, għandu jiġi osservat li, għalkemm WIN tagħti prova li l-metodu li hija tinvoka huwa adatt f'ċerti każijiet, dan mhuwiex biżżejjed sabiex turi l-illegalità tal-metodu użat fil-kawża preżenti mill-Kummissjoni. Huwa l-kompitu tar-rikorrenti sabiex jistabbilixxi din l-illegalità. Issa, l-eżami ta' qabel irrileva li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta' evalwazzjoni billi għażlet dan il-metodu.

154    Fl-aħħar nett, WIN ma wrietx li l-Kummissjoni, billi użat l-informazzjoni rreġistrata fil-kontabbiltà ta' WIN u billi kkorreġietha b'mod favorevoli għal WIN b'tali mod li tieħu in kunsiderazzjoni l-kuntest partikolari tas-suq in kwistjoni, b'rispett għall-eżiġenzi ta' l-eżami meħtieġa mill-Artikolu 82 KE, fil-kawża preżenti, applikat test ta' kopriment ta' l-ispejjeż illegali.

155    Għandu jiġi kkonstatat għall-kompletezza li, minn naħa, ma jirriżultax mill-ġurisprudenza li l-użu tal-metodu ta' likwidità skontata huwa applikabbli f'dan il-każ u li, min-naħa l-oħra, WIN ma ressqet ebda argument li jistabbilixxi li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni f'dan ir-rigward.

156    Għaldaqstant, l-allegazzjonijiet li jirrigwardaw il-metodu ta' kalkolu ta' rata ta' kopriment ta' l-ispejjeż għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-iżbalji ta' kalkolu waqt l-implementazzjoni tal-metodu magħżul

–       L-argumenti tal-partijiet

157    Skond WIN, il-Kummissjoni wettqet żbalji waqt l-implementazzjoni tal-metodu ta' kalkolazzjoni tagħha, b'mod partikolari, fil-kalkolu ta' l-ispejjeż fissi u varjabbli. Il-Kummissjoni kienet għażlet valuri differenti sabiex tirrappreżenta l-istess spejjeż, b'mod sistematikament sfavorevoli għal WIN. Hija kienet għamlet ukoll referenzi arbitrarji għall-eżistenza ta' differenzi fil-prezzijiet li kienu intiżi sabiex jirriflettu xhur ta' abbonament mingħajr ħlas li ġew offerti lill-klijenti. Dawn l-iżbalji jispjegaw fil-parti l-kbira l-konstatazzjoni ta' nuqqas ta' kopriment ta' l-ispejjeż li wasslet għalih il-Kummissjoni. Għal iktar żviluppi dwar l-iżbalji ta' kalkolu, WIN tirreferi għal waħda mill-annessi mar-rikors tagħha.

158    Il-Kummissjoni ssostni li r-rikors stess ma jidentifikax l-iżbalji ta' kalkolu allegatament imwettqa fid-deċiżjoni, u r-referenza għad-dokument anness hija ġenerali. Dan il-motiv supplementari għandu għaldaqstant jiġi ddikjarat bħala inammissibbli.

159    Barra minn hekk, skond il-Kummissjoni, WIN ma tistax tallega li l-korrezzjoni ta' dawn l-iżbalji kienu jwasslu għal riżultat differenti peress illi r-rata ta' kopriment tibqa' inferjuri għal 100%. Dan il-motiv għalhekk huwa f'kull każ, irrilevanti.

160    Fir-replika tagħha, WIN irrispondiet li, minkejja l-iżbalji ta' kalkolu li jinsabu fl-anness, ir-raġuni, ippreżentata b'mod preċiż fir-rikors, kienet ammissibbli. Lanqas ma hija, fl-opinjoni tagħha, irrilevanti. Fil-fatt, din ir-raġuni turi li r-rata ta' kopriment ta' spejjeż globali marret minn marġni ta' 90 sa 91% għal marġni ta' 98 sa 99%. Issa l-Kummissjoni kienet sostniet li rata ta' kopriment ta' 99,7% ma tikkonsistix ksur.

161    Fir-replika tagħha, WIN ikkontestat l-inklużjoni tar-reklamar fl-ispejjeż varjabbli u l-kalkolu tal-medja tar-rati ta' kopriment ta' l-ispejjeż għaż-żewġ servizzi in kwistjoni.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

162    Qabel kollox, għandha ssir distinzjoni bejn l-applikazzjoni tal-metodu ta' determinazzjoni tar-rata ta' kopriment ta' l-ispejjeż u l-kalkoli per se, li huma limitati għal operazzjonijiet matematiċi sempliċi. Jirriżulta mid-dokumenti ta' WIN li hija ma tikkontestax l-kalkoli matematiċi iżda l-kunsiderazzjoni ta' ċerti elementi żbaljati.

163    L-applikazzjoni tal-metodu ta' determinazzjoni tar-rata ta' kopriment ta' l-ispejjeż, għad-differenza tal-kalkoli stess, timplika evalwazzjoni ekonomika kumplessa min-naħa tal-Kummissjoni li għandha tingħata diskrezzjoni wiesgħa (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Deere vs Il-Kummissjoni, punt 129 iktar 'il fuq, punt 34). L-istħarriġ ġudizzjarju għandu għaldaqstant ikun limitat għall-verifika ta' l-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, kif ukoll ta’ l-eżattezza materjali tal-fatti, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti u ta’ abbuż ta’ poter..

164    Indipendentament mill-ammissibbiltà tar-raġuni preżenti, għandu jiġi rrilevat li, kif tafferma l-Kummissjoni, anki jekk l-iżbalji kollha allegati jiġu kkunsidrati u jingħataw il-provi tagħhom, ir-rata ta' kopriment ta' l-ispejjeż globali li tasal għaliha WIN, tibqa', skond WIN stess, inferjuri minn 99% u anki 98% għas-servizz eXtense. Għaldaqstant, l-ilment ta' nuqqas ta' kopriment ta' l-ispejjeż globali matul il-perijodu kkunsidrat kollu jibqa' japplika.

165    F'dan ir-rigward, il-fatt li, billi għamlet użu mid-diskrezzjoni tagħha, il-Kummissjoni setgħet tammetti li rata ta' kopriment ta' l-ispejjeż varjabbli ta' 99,7% ma tikkonsistix fi ksur ma jfissirx li hija obbligata tagħmel l-istess għal rata ta' 98 jew 99%, skond il-każ, ta' l-ispejjeż globali. Għaldaqstant din ir-raġuni għandha tiġi miċħuda bħala irrilevanti.

166    Għall-kompletezza, fir-rigward ta' l-allegata inammissibbiltà ta' din ir-raġuni, skond l-Artikolu 21 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u ta' l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u sunt tar-raġunijiet imressqa. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr is-sostenn ta' ebda informazzjoni oħra (Digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-29 ta' Novembru 1993, Koelman vs Il-Kummissjoni, T-56/92, Ġabra p. II-1267, punt 21).

167    Għandu jiġi mfakkar wkoll li, jekk ir-rikors jista' jiġi sostnut u kkompletat, fuq punti speċifiċi, minn referenzi għal estratti tad-dokumenti li huma annessi miegħu, l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-7 ta' Novembru 1997, Cipeke vs Il-Kummissjoni, T-84/96, Ġabra p. II-2081, punt 34). Għaldaqstant, l-annessi ma jistgħux iservu sabiex jiżviluppaw raġuni deskritta sommarjament fir-rikors billi jressqu lmenti jew argumenti li mhumiex fir-rikors. Ir-rikorrenti għandha tindika fir-rikors tagħha l-ilmenti preċiżi li fuqhom il-Qorti tal-Prim'Istanza ġiet mitluba tagħti deċiżjoni, kif ukoll, għall-inqas b'mod sommarju, l-elementi ta' dritt u ta' fatt li fuqhom huma bbażati dawn l-ilmenti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta' Marzu 1992, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C-52/90, Ġabra P. I-2187, punt 17 u d-Digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-28 ta' April 1993, De Hoe vs Il-Kummissjoni, T-85/92, Ġabra p. II-523, punt 20).

168    Għaldaqstant, din ir-raġuni hija ammissibbli safejn l-iżbalji huma msemmija b'mod ċar fir-rikors, jiġifieri l-għażla ta' valuri differenti sabiex jirrapreżentaw l-istess spejjeż u l-inferenza ta' differenzi fil-prezzijiet li jirriflettu xhur ta' abbonament mingħajr ħlas li ġew offerti lill-klijenti. Min-naħa l-oħra, mhuwiex ammissibbli f'dak li jirrigwarda l-inklużjoni tar-reklamar fl-ispejjeż varjabbli u l-kalkolu tal-medja tar-rati ta' kopriment ta' l-ispejjeż għaż-żewġ servizzi eżaminati, li huma elementi li mhumiex imsemmija jew żviluppati ħlief f'waħda mill-annessi mar-rikors.

169    Għaldaqstant, din ir-raġuni għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, irrilevanti, kif indikat fil-punt 165.

b)     Fuq l-ilmenti dwar it-test ta' prezzijiet predatorji

170    Skond WIN, il-Kummissjoni wettqet żball ta' dritt u żbalji manifesti ta' evalwazzjoni fl-applikazzjoni tat-test ta' prezzijiet predatorji li jwasslu għall-annullament tad-deċiżjoni minħabba ksur ta' l-Artikolu 82 KE. WIN tinvoka l-ġustifikazzjoni bbażata fuq id-dritt ta' allinjament ta' WIN mal-prezzijiet tal-kompetituri tagħha, in-nuqqas ta' pjan ta' prezzijiet predatorji u t-tnaqqis tal-kompetizzjoni u l-bżonn li tingħata prova ta' l-irkupru tat-telf.

 Fuq il-ġustifikazzjoni bbażata fuq id-dritt ta' allinjament ta' WIN mal-prezzijiet tal-kompetituri tagħha

–       L-argumenti tal-partijiet

171    Skond WIN, id-dritt ta' operatur, ikun xi jkun, li jallinja, bi bona fide, il-prezzijiet tiegħu ma' dawk ipprattikati preċedentement minn kompetitur huwa l-element bażiku tal-proċess kompettitiv. Dan id-dritt huwa rikonoxxut mill-Kummissjoni stess fil-prassi deċiżjonali tagħha, mill-ġurisprudenza, mit-tagħlim unanimu tad-duttrina u l-analiżi ekonomika. Il-fatt li l-prezzijiet ipprattikati mill-kompetituri jikkorrispondu għal prezzijiet li huma inferjuri għall-ispejjeż ta' l-impriża kkonċernata mhuwiex importanti f'dan ir-rigward.

172    Hija għal din ir-raġuni li l-Kummissjoni stess kienet, fid-deċiżjoni tagħha 83/462/KEE, tad-29 ta' Lulju 1983, dwar il-proċedura skond l-Artikolu [82 KE] (IV/3-.698 – ECS/Akzo - Miżuri proviżjonali, ĠU L 252, p.13), awtorizzat espressament lill-impriża dominanti kkonċernata tipprattika prezzijiet inferjuri għall-ispejjeż tagħha sabiex tallinja, bi bona fide, il-prezzijiet tagħha ma' dawk ipprattikati preċedentement mill-kompetituri tagħha. Min-naħa tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta' rikors kontra din id-deċiżjoni, kienet irrilevat preċiżament li l-Kummissjoni ma tistax, bħala prinċipju, tikkontesta d-dritt ta' allinjament ta' impriża dominanti u b'hekk stabbiliet b'mod ċar ħafna dan il-prinċipju.

173    Barra minn hekk, fil-konstatazzjonijiet ulterjuri tagħha, il-Kummissjoni żnaturat il-fatti billi kkontestat b'mod żbaljat l-allinjament tal-prezzijiet minn WIN ma' dawk tal-kompetituri tagħha.

174    Il-Kummissjoni kkunsidrat li, għalkemm l-allinjament mal-prezzijiet tal-kompetituri mhuwiex, b'mod assolut, ipprojbit għal impriżi f'pożizzjoni dominanti, din il-possibbiltà mhijiex disponibbli lilha jekk din timplika l-prattika ta' prezzijiet li huma inferjuri għall-ispejjeż tas-servizz in kwistjoni. Fil-kawża preżenti, skond il-Kummissjoni, peress illi l-politika ta' prezzijiet ta' l-impriża dominanti ma tippermettilhiex li tkopri l-ispejjeż tagħha, l-allinjament mal-prezzijiet promozzjonali ta' operatur ieħor mhux dominanti ma jkunx iġġustifikat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-kompetituri ta' WIN ma kinux f'pożizzjoni dominanti u kkontestat, għall-kompletezza, l-eżattezza ta' l-affermazzjonijiet ta' WIN skond liema l-prattika ta' prezzijiet tagħha tikkonsisti biss f'allinjament ma' dik tal-kompetituri tagħha.

175    Fi kwalunkwe każ, skond il-Kummissjoni, id-diskussjoni dwar l-allinjament hija mingħajr importanza. Id-deċiżjoni fil-fatt tillimita ruħha li takkuża lil WIN biż-żamma tal-prezzijiet wara x-xahar ta' Marzu 2001, fi żmien meta l-kumpanniji Noos u Mangoosta kienu għolew il-prezzijiet tagħhom b'iktar minn 20% u fejn ma kienx hemm kwistjoni ta' allinjament. Hija tagħmel referenza f'dan ir-rigward għall-premessa 331 tad-deċiżjoni.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

176    Għandu jiġi kkonstatat qabel kollox li l-Kummissjoni ma kkontestatx bl-ebda mod id-dritt ta' operatur li jallinja l-prezzijiet tiegħu ma' dawk ipprattikati preċedentement minn kompetitur. Hija tafferma fil-premessa 315 tad-deċiżjoni li, "[j]ekk huwa veru li mhuwiex, b'mod assolut, ipprojbit għal operatur dominanti li jallinja l-prezzijiet tiegħu ma' dawk tal-kompetituri tiegħu, ma jonqosx li din il-fakultà għandha tiġi miċħuda lilu fejn din timplika n-nuqqas ta' kopriment mill-impriża dominanti ta' l-ispejjeż tas-servizz in kwistjoni".

177    Madankollu WIN issostni li l-Kummissjoni ma tirrispettax ukoll il-prassi deċiżjonali tagħha u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

178    F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fil-kawżi preċedenti invokati minn WIN, ir-rikonoxximent ta' dritt ta' allinjament għal impriża dominanti kien limitat. Din l-osservazzjoni hija valida kemm għad-Deċiżjoni 83/462 li tordna miżuri proviżorji u għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ġiet warajha (sentenza AKZO vs Il-Kummissjoni, punt 100 iktar 'il fuq, punt 134).

179    Fil-fatt, fid-Deċiżjoni 83/462, il-Kummissjoni ma awtorizzatx l-allinjament ġenerali tal-prezzijiet ta' AKZO mal-prezzijiet tal-kompetituri iżda biss l-allinjament fil-każ ta' klijent partikolari mal-prezz ta' prodottur ieħor li kien f'pożizzjoni li jkun il-fornitur tiegħu. Barra minn hekk, din l-awtorizzazzjoni għall-allinjament taħt kundizzjonijiet preċiżi ħafna ma jidhrux fid-deċiżjoni finali mogħtija fl-istess kawża [Deċiżjoni tal-Kummissjoni 85/609/KEE, ta' l-14 ta' Diċembru 1985, dwar il-proċedura skond l-Artikolu [82 KE] (IV/30.698 – ECS vs AKZO Chemie), ĠU L 374 p. 1].

180    Għaldaqstant WIN ma tistax tallega fuq din il-bażi biss li, fil-prassi deċiżjonali tagħha, il-Kummissjoni kienet irrikonoxxiet għall-imprizi dominanti d-dritt li jallinjaw il-prezzijiet tagħhom ma' dawk tal-kompetituri tagħhom, anki meta dan iwassalhom li jipprattikaw prezzijiet li huma inferjuri għall-ispejjeż tagħhom.

181    Fis-sentenza AKZO vs Il-Kummisjoni, punt 100 iktar 'il fuq, li hija l-uniku eżempju ta' ġurisprudenza ċċitata minn WIN in sostenn tat-teżi tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkontestatx, bħala prinċipju, id-dritt ta' allinjament ta' impriża dominanti. Madankollu, billi ġie kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet ikkonstatat ġustament in-nuqqas ta' offerta kompettitiva, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex tiddeċiedi fuq il-legalità ta' allinjament mal-prezzijiet tal-kompetituri minn naħa ta' impriża dominanti fil-każ fejn tali allinjament jimplika prezzijiet inferjuri għall-ispejjeż.

182    Għaldaqstant, ma jistax jiġi affermat li d-dritt ta' allinjament ta' impriża mal-prezzijiet tal-kompetitur tagħha huwa assolut u li huwa rikonoxxut bħala tali mill-Kummissjoni fil-prassi deċiżjonali tagħha u mill-ġurisprudenza, speċjalment fejn dan id-dritt iwassal sabiex jiġġustifika l-użu ta' prezzijiet predatorji li huma pprojbiti barra minn hekk mit-Trattat.

183    Fil-kawża preżenti, l-Kummissjoni tikkunsidra li l-fakultà ta' allinjament għandha tiġi miċħuda lil impriża dominanti fejn din timplika n-nuqqas ta' kopriment ta' l-ispejjeż tas-servizz in kwistjoni.

184    Għaldaqstant, għandha tiġi vverifikata l-kompatibbiltà ta' din ir-restrizzjoni mad-dritt Komunitarju.

185    Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, jekk pożizzjoni dominanti ma tistax tiċħad lil impriża li tinsab f'tali pożizzjoni d-dritt li tippreżerva l-interessi kummerċjali tagħha, meta dawn ikunu mhedda, u jekk għandha tingħata, f'miżura raġonevoli, l-fakultà li twettaq dawk l-atti li hija tqis bħala adattati sabiex tipproteġi l-imsemmija interessi, ma tistax tiġi aċċettata mġieba li għandha preċiżament bħala għan li ssaħħaħ din il-pożizzjoni dominanti u li tabbuża minnha (sentenza United Brands vs Il-Kummissjoni, punt 101 iktar 'il fuq, punt 189; sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-1 ta' April 1993, BPB Industries u British Gypsum vs Il-Kummissjoni, T-65/89, Ġabra p. II-389, punt 117, u Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummissjoni, punt 104 iktar 'il fuq, punt 146).

186    L-obbligi speċifiċi imposti fuq l-impriżi f'pożizzjoni dominanti kienu ġew ikkonfermati mill-ġurisprudenza f'diversi okkażjonijiet. Il-Qorti tal-Prim'Istanza ddikjarat, fis-sentenza tagħha tas-17 ta' Lulju 1998, ITT Promedia vs Il-Kummissjoni (T-111/96, Ġabra p. II-2937, punt 139), li jirriżulta min-natura ta' l-obbligi imposti mill-Artikolu 82 KE li, f'ċirkustanzi speċifiċi, l-impriżi f'pożizzjoni dominanti jistgħu jiġu miċħuda mid-dritt li jadottaw aġir, jew iwettqu xi atti, li mhumiex fihom infushom abbużivi, u li mhumiex kundannabbli meta adottati jew imwettqa minn impriżi mhux dominanti.

187    WIN ma tistax tinvoka dritt assolut li tallinja l-prezzijiet tagħha ma dawk tal-kompetituri sabiex tiġġustifika l-aġir tagħha. Jekk huwa veru li l-allinjament ta' impriża dominanti mal-prezzijiet tal-kompetituri mhuwiex fih innifsu abbużiv jew kundannabbli, ma jistax jiġi eskluż li jsir tali fejn mhuwiex intiż biss għall-protezzjoni ta' l-interessi tagħha iżda għandu bħala għan li jsaħħaħ din il-pożizzjoni dominanti u li jabbuża minnha.

 Fuq l-allegat nuqqas ta' pjan ta' prezzijiet predatorji u ta' tnaqqis tal-kompetizzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

188    Skond WIN, il-prezzijiet predatorji jippresupponu tnaqqis sinjifikattiv tal-kompetizzjoni. Fl-opinjoni tagħha, jekk ma teżisti ebda possibbiltà li l-kompetituri jiġu esklużi jew, għall-inqas, imwaqqfa jew ostakolati mill-aġir tagħhom, strateġija ta' prezzijiet predatorji ma tistax bl-ebda mod tiġi kkunsidrata bħala razzjonali. Għaldaqstant, billi ppenalizzat lil WIN minkejja li rrikonoxxiet li l-parti tas-suq tagħha naqset b'mod sinjifikattiv matul il-perijodu ta' ksur allegat u li l-kompetizzjoni fil-bidu tal-perijodu kienet attiva, il-Kummissjoni wettqet ksur gravi ta' l-Artikolu 82 KE. WIN ma kellha ebda opportunità li telimina l-kompetituri tagħha fis-suq billi żżomm prezzijiet baxxi wisq. Barra minn hekk, peress illi l-ostakoli għad-dħul huma dgħajfa f'dan is-settur, huwa partikolarment irrazzjonali li tfittex li teskludi l-kompetituri minn settur ta' dan it-tip, peress li dan ifisser, li anki jekk tirnexxi fl-esklużjoni, hija taf ikollha tiffaċċja dħul possibbli f'kull mument, liema fatt jannulla l-interess eventwali għal esklużjoni tal-kompetituri.

189    Il-Kummissjoni wettqet żball serju ta' evalwazzjoni meta akkużat lil WIN bl-esklużjoni tal-kumpannija Mangoosta. Fil-fatt, il-falliment ta' din l-impriża huwa dovut biss għal politika ta' strateġija partikolarment riskjuża u bl-ebda mod għat-tariffi ta' WIN.

190    Barra minn hekk, WIN tikkontesta l-fatt li l-Kummissjoni tattribwixxi n-nuqqas ta' ħeffa fil-progress ta' ċerti kompetituri għan-nuqqas ta' possibbiltà li għandhom dawn ta' l-aħħar sabiex jallinjaw il-prezzijiet tagħhom ma' dawk ta' WIN. Il-Kummissjoni ma kinitx ikkunsidrat il-volontà tal-kompetituri ta' WIN li jikkonċentraw fuq l-iżvilupp ta' l-aċċess ta' veloċità baxxa, għad-detriment ta' l-ADSL, li kien ġie kkunsidrat bħala mhux vijabbli.

191    Il-Kummissjoni wettqet ukoll żball manifest ta' evalwazzjoni billi kkunsidrat bħala predatorji xi prezzijiet li kienu perfettament razzjonali fil-kuntest ta' kompetizzjoni qawwija, li kkontribwew għall-iżvilupp tas-suq u li huma r-raġuni għalfejn teżisti llum kompetizzjoni qawwija. Fi kwalunkwe każ, il-konsumatur qatt ma ġie ppreġudikat peress illi bbenefika minn prezzijiet baxxi.

192    Fl-aħħar nett, skond WIN, l-istrateġija li hija adottat bl-ebda mod ma tista' tiġi kkunsidrata bħala li tindika xi tip ta' intenzjoni ta' prezzijiet predatorji. Il-Kummissjoni llimitat ruħha li tirrileva xi elementi intiżi sabiex jagħtu prova ta' l-intenzjoni allegata ta' WIN li telimina l-kompetituri tagħha, iżda ma wrietx pjan ta' esklużjoni oġġettiv. L-essenza ta' l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-allegata intenzjoni ta' esklużjoni hija bbażata fuq selezzjoni arbitrarja u ppreġudikata ta' dokumenti interni li ttieħdu mill-bini ta' WIN.

193    Minn naħa tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-effetti konkreti tal-prezzijiet predatorji ppratikati minn WIN mhumiex determinanti għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-ksur in kwistjoni. Hija tallega li l-Artikolu 82 KE għandu jiġi applikat fejn hemm ir-riskju ta' eliminazzjoni tal-kompetizzjoni, mingħajr ma jkun hemm bżonn li wieħed jistenna sakemm l-objettiv ta' esklużjoni jiġi milħuq.

194    Fir-rigward tal-pjan ta' prezzijiet predatorji, il-Kummissjoni ssostni li jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-element intenzjonali huwa preżunt fil-każ ta' prezzijiet inferjuri għall-ispejjeż varjabbli medji u għandhom jingħataw provi ta' tali element abbażi ta' indizji serji u konkordanti fil-każ ta' prezzijiet inferjuri għall-medja ta' spejjeż totali iżda superjuri għall-medja ta' l-ispejjeż varjabbli. Il-Kummissjoni ssostni li hija tat fid-deċiżjoni tagħha indizji serji li juru li l-impriża kienet bdiet intenzjonalment strateġija ta' "antiċipazzjoni" tas-suq u ta' tnaqqis tal-firxa tal-kompetizzjoni.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

195    Fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 82 KE u d-distinzjoni bejn l-għan u l-effett tal-prattika abbużiva, għandu jiġi enfasizzat li, għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' dan l-artikolu, id-determinazzjoni ta' l-għan u ta' l-effett anti-kompettitv jistgħu, skond il-każ, jiġu kkunsidrati bħala l-istess ħaġa. Fil-fatt, jekk jintwera li l-għan ta' l-aġir ta' impriża f'pożizzjoni dominanti huwa li tirrestrinġi l-kompetizzjoni, dan l-aġir jista' jwassal ukoll li jkollu tali effett. Għaldaqstant, fir-rigward tal-prattika tal-prezzijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza tagħha AKZO vs Il-Kummissjoni, punt 100 iktar 'il fuq, li l-prezzijiet inferjuri għall-medja tal-prezzijiet ta' l-ispejjeż varjabbli pprattikati minn impriża li għandha pożizzjoni dominanti huma kkunsidrati bħala abbużivi, peress illi l-uniku interess li jista' jkollha impriża li tipprattika tali prezzijiet huwa li telimina l-kompetituri tagħha, u li l-prezzijiet inferjuri għall-medja ta' l-ispejjeż totali iżda superjuri għall-medja ta' l-ispejjeż varjabbli huma abbużivi peress illi huma stabbiliti fil-kuntest ta' pjan li għandu bħala għan l-eliminazzjoni ta' kompetitur. Ebda prova ta' l-effetti konkreti tal-prattika in kwistjoni ma ġiet mitluba mill-Qorti tal-Ġustizzja f'din il-kawża (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' Settembru 2003, Michelin vs Il-Kummissjoni, T-203/01, Ġabra p. II-4071, punti 241 u 242).

196    Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li, fejn impriża f'pożizzjoni dominanti timplementa effettivament prattika fejn l-għan tagħha hija li teskludi kompetitur, iċ-ċirkustanza fejn ir-riżultat mistenni ma jintlaħaqx mhuwiex biżżejjed sabiex tiġi evitata l-kwalifika ta' abbuż ta' pożizzjoni dominanti fis-sens ta' l-Artikolu 82 KE (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza, Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummissjoni, punt 104 iktar 'il fuq, punt 149, u tas-7 ta' Ottubru 1999, Irish Sugarvs Il-Kummissjoni, T 228/97, Ġabra p. II 2969, punt 191).

197    Jirriżulta b'mod ċar li, fir-rigward tal-prezzijiet predatorji, l-ewwel element ta' prattika abbużiva implementata mill-impriża dominanti hija kkostitwita min-nuqqas ta' kopriment ta' l-ispejjeż tagħha. Fil-każ tan-nuqqas ta' kopriment ta' l-ispejjeż, it-tieni element, jiġifieri l-intenzjoni ta' prezzijiet predatorji, huwa preżunt, filwaqt li, għall-prezzijiet inferjuri għall-medja ta' l-ispejjeż globali, għandha tingħata prova ta' l-eżistenza ta' pjan ta' esklużjoni tal-kompetizzjoni. Skond is-sentenza tas-6 ta' Ottubru 1994, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni (punt 130 iktar 'il fuq, punt 151), din l-intenzjoni ta' esklużjoni għandha tiġi stabbilita abbażi ta' indizji serji u konverġenti.

198    Fil-kawża preżenti, l-Kummissjoni stabbiliet il-pożizzjoni dominanti ta' WIN u, fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni, akkużatha talli naqset milli tkopri l-ispejjeż varjabbli tagħha sa Awwissu 2001 kif ukoll talli naqset milli tkopri l-ispejjeż globali tagħha minn din id-data sa Ottubru 2002. Għall-perijodu ta' nuqqas ta' kopriment ta' l-ispejjeż globali, hija kienet għaldaqstant marbuta, sabiex tistabbilixxi l-ksur, tipprovdi indizji serji ta' l-eżistenza ta' strateġija ta' "antiċipazzjoni" tas-suq.

199    Fil-premessa 110, id-deċiżjoni ssemmi diversi dokumenti, li jikkorrispondu għall-perijodu kollu in kwistjoni, li jattestaw l-eżistenza ta’ strateġija ta’ "antiċipazzjoni" tas-suq ta’ veloċità għolja minn WIN, b’mod patikolari:

–        dokument ta’ Lulju 2000 li jesprimi l-għan li ġej għat-tieni semestru tas-sena 2000 u għas sena 2001: “antiċipazzjoni tas-suq ADSL b'offerta pakkett [plus] b’kollox inkluż u żjieda fl-investimenti għall-2001, iżda bi bilanċ finanzjarju negattiv”;

–        posta elettronika ta’ Lulju 2000, relatata ma’ diskussjoni fuq il-livell adegwat ta’ prezzijiet li tindika : "ser ikollna diffikultajiet sabiex nantiċipaw is-suq jekk il-prezz ikun għoli wisq”;

–        l-ittra qafas għas-sena 2001 li fiha l-indikazzjoni li ġejja: “l-antiċipazzjoni tagħna tas-suq ADSL hija neċessità”;

–        preżentazzjoni tat-28 ta’ Frar li tinvoka “kampanja ta’ antiċipazzjoni tat-territorju ta’ l-aċċess ta' veloċità għolja minn [WIN]";

–        il-pjan strateġiku għal 2002-2004 li jfakkar għall-perijodu 2001-2003 l-iżvilupp qawwi ta' l-aċċess ta' veloċità għolja u l-għan ta’ “antiċipazzjoni ta’ suq ikkunsidrat bħala li jiġġenera valur ekonomiku".

200    Barra minn hekk, xi dokumenti ta' WIN juru li hija pprovat takkwista sabiex iżomm ishma mis-suq importanti ħafna. L-ittra qafas għal 2001 tindika per eżempju, li "70 […] sa 80% tas-suq ta' l-ADSL għandu jmur lura għand [WIN]". Preżentazzjoni tal-President Direttur Ġenerali ta' WIN għall-kumitat eżekuttiv ta' France Télécom f'Ġunju 2001 tirreferi għal sehem mis-suq ta' 80% matul il-perijodu kollu 2001-2004 fil-qasam ta' "offerti 'disassoċjati' tat-tip Wanadoo ADSL" u sehem mis-suq li jitla' minn medja ta' 50% fl-2001 sa 74% fl-2004 fil-qasam ta' "offerti 'pakkett' tat-tip eXtense".

201    Huwa minnu illi WIN ikkontestat il-portata ta' dawn id-dokumenti u b'mod partikolari s-sinjifikat tal-kelma "antiċipazzjoni" li ntużat. Skond WIN, tali kliem informali u spontanji, jekk mhux ukoll irresponsabbli, m'huma xejn ħlief riflessjoni tad-dijalettiċi tal-proċess deċiżjonali. Jorbtu biss l-awturi tagħhom u mhux l-impriża.

202    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li dawn il-kliem intqalu mill-persunal tad-direzzjoni ta' l-impriża u li ċerti kliem intqalu fil-kuntest ta' preżentazzjonijiet formali sabiex tittieħed deċiżjoni jew f'ittra qafas dettaljata ħafna. Il-karattru spontanju u irresponsabbli tagħhom jidher dubjuż.

203    Barra minn hekk, WIN allegat, fir-rikors tagħha, u fuq kollox f'ċerti annessi mar-rikors tagħha, li l-biċċa l-kbira tad-dokumenti u dikjarazzjoni kontriha ttieħdu mill-kuntest tagħhom u li l-Kummissjoni naqset intenzjonalment milli tikkunsidra d-diversi dikjarazzjonijiet favuriha.

204    Għandu jiġi kkonstatat li, fir-rikors tagħha, WIN illimitat ruħha li ssostni li l-Kummissjoni użat diversi siltiet ta' dokumenti interni li hija naqset milli tqiegħed fil-kuntest veru tagħhom. Affermazzjoni daqshekk vaga ma tippermettix lill-parti konvenuta sabiex tipprepara d-difiża tagħha u għall-Qorti tal-Prim’Istanza li tieħu deċiżjoni, jekk ikun il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra in sostenn tagħha (Digriet Koelman vs Il-Kummissjoni, punt 166 iktar 'il fuq, punt 21). Ikun kuntrarju għall-funzjoni purament probatorja u strumentali ta' l-annessi jekk dawn ikunu jistgħu jservu sabiex juru b’mod iktar iddettaljat l-allegazzjoni ppreżentata b'mod li mhuwiex ċar jew preċiż biżżejjed fir-rikors.

205    Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-ilment ta' WIN ibbażat fuq it-teħid in kunsiderazzjoni, barra mill-kuntest tagħhom, ta' dokumenti kontriha u n-nuqqas ta' teħid in kunsiderazzjoni ta' diversi dikjarazzjonijiet favuriha.

206    Għall-kompletezza, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk is-sentenza "ser ikollna diffikultajiet sabiex nantiċipaw is-suq jekk il-prezz ikun għoli wisq" terġa titpoġġa fil-kuntest tagħha, jiġifieri li tiġi ppreċeduta minn "it-tariffi tagħna huma għoljin wisq" u segwita minn "il-kompetituri tagħna ser ikollhom tariffi iktar baxxi", il-kunċett ta' intenzjoni ta' esklużjoni tal-kompetizzjoni jibqa'.

207    Bl-istess mod, is-sentenza "l-antiċipazzjoni tagħna tas-suq ADSL hija neċessità" ma tistax tinftiehem b'mod ieħor ħlief bħala intenzjoni ta' "antiċipazzjoni" anki jekk titqiegħed fil-kuntest imressaq minn WIN ta' kompetizzjoni ġġeneralizzata. Il-fatt li d-dikjarazzjoni prevista mill-Kummissjoni hija segwita minn dikjarazzjoni skond liema "id-dħul tal-kompetizzjoni fis-suq ta’ l-ADSL ser jikkawża tnaqqis tat-tariffi ta' Netissimo (bl-imnut u bl-ingrossa) fil-bidu ta' l-2001" u "l-iffissar tal-kundizzjonijiet tariffarji ta' l-unbundling tan-netwerk lokali [ser] mingħajr dubju jikkontribwixxi għat-tnaqqis tat-tariffi ADSL" ma jistax jinvalida n-neċessita espressa minn WIN li "tantiċipa" s-suq.

208    Għal dak li jirrigwarda s-sentenza skond liema "70 […] sa 80% tas-suq ta' l-ADSL għandu jmur lura għand Wanadoo", din mhijiex ikkontestat. WIN tafferma sempliċiment li ma sar ebda riferiment għall-użu eventwali ta’ prezzijiet baxxi u li għaldaqstant m'hemm l-ebda rabta bejn il-prezzijiet stabbiliti u l-għanijiet tagħha fir-rigward ta’ sehem mis-suq. Madankollu, l-fatt li xejn ma jissemma dwar il-mod kif riedet tasal għal sehem ta’ 70 sa 80% mis-suq ma jaffettwax l-għan li kellu jintlaħaq.

209    Fi kwalunkwe każ, dawn id-dikjarazzjonijiet, li jidhru fid-dokumenti interni tal-kumpannija, jikkostitwixxu indizju ta' l-eżistenza ta' pjan ta' prezzijiet predatorji, li huwa sostnut minn elementi oħra.

210    Skond il-premessi 279 u ta' wara tad-deċiżjoni, l-intenzjoni ta' tnaqqis tal-firxa tal-kompetizzjoni tirriżulta wkoll mill-fatt li WIN kienet taf li din l-istrateġija ta' tariffi mingħajr ebda dħul flimkien ma' volumi ta' bejgħ sinjifikattivi ma kinitx sostenibbli għall-kompetituri tagħha.

211    F'posta elettronika lill-President Direttur Ġenerali ta' WIN ta' April 2001 (premessa 279 tad-deċiżjoni u n-nota f'qiegħ il-paġna Nru 319), il-persuna responsabbli għas-servizzi ADSL tagħmel referenza għall-kompetituri li jew ma jaċċettawx l-offerta ta' servizz ta' sostenn ta' France Télécom jew inkella li "qed isiru rrilevanti".

212    WIN kienet taf ukoll li l-impossibbiltà li ssegwi t-tariffi bl-imnut tagħha mingħajr ma ssostni telf żamm lil AOL milli tidħol fis-suq ta' aċċess ta' veloċità għolja. Fil-fatt, posta elettronika ta' France Télécom lid-Direttur ta' l-istrateġiji ta' marketing ta' WIN tad-29 ta' Ġunju 2001 fiha bħala anness dikjarazzjoni tal-President Direttur Ġeneral ta' AOL Franza li tgħid (nota f'qiegħ il-paġna Nru 321 tad-Deċiżjoni):

"Fiż-żmien meta l-ażżjonista tagħna kienet Cégétel, ħriġna offerta ma' Monaco Telecom u kellna 500 abbonat. Ma ħriġniex din l-offerta fi Franza peress illi l-ħruġ ta' l-offerta ADSL ta' France Télécom ma tippermettilniex nagħmlu l-flus. Teknikament aħna lesti, iżda m'għandniex l-intenzjoni li nitilfu l-flus."

213    Jirriżulta wkoll minn dokument intitolat "Analiża ta' nota – Télécoms –
Kwistjonijiet dwar ir-regolazzjoni ta' l-internet fi Franza", ta' l-20 ta' Lulju 2001, li WIN kienet analizzat fid-dettall il-vantaġġi li kienet tibbenifika minnhom fil-kwalità tagħha ta' operatur prinċipali fis-suq (premessa 280 u n-nota f'qiegħ il-paġna Nru 332 tad-deċiżjoni). Dan id-dokument juri biċ-ċar li kompetitur li jiddisponi minn traffiku inqas minn dak ta' WIN jibbenifika minn marġnijiet fuq l-ispejjeż ta' netwerk li huma inferjuri b'ħafna punti minn dawk previsti għal WIN.

214    Jirriżulta minn dak li ntqal qabel li t-tħabbir minn WIN fl-2001, u fil-bidu tas-sena 2002, ta' għanijiet kummerċjali kemmxejn ambizzjużi, li impriża mhux dominanti jaf ikollha xi diffikultajiet sabiex tilħaq minħabba l-kundizzjonijiet ta' profittabbiltà sfavorevoli dak iż-żmien, kellha bħala effett li jiskoraġġixxu l-impriżi kompetituri. Dan jirriżulta mill-għan ta' l-impriża li teskludi l-kompetizzjoni.

215    Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet li ġew qabel, għandu jiġi kkonstatat li l-Kumissjoni pprovdiet indizji serji u konverġenti ta' l-eżistenza ta' pjan ta' prezzijiet predatorji matul il-perijodu ta' ksur kollu. Il-loġika wara din l-istrateġija tirriżulta b'mod ċar minn nota tad-direttur strateġiku ta' WIN ta' Diċembru 2001, skond liema:

"Il-veloċità għolja u s-suq ta' l-ADSL iridu jsegwu għal xi snin loġika ta' konkwista, li l-għan strateġiku jkun li jirbħu pożizzjoni dominanti bħala sehem mis-suq, fejn il-fażi tal-profittibbiltà tintervjeni biss iktar tard."

216    Skond is-sentenza AKZO vs Il-Kummissjoni, punt 100 iktar 'il fuq, u s-sentenzi tas-6 ta' Ottubru 1994 u ta' l-14 ta' Novembru 1996, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, punt 130 iktar 'il fuq, il-Kummissjoni stabbiliet għaldaqstant iż-żewġ elementi meħtieġa mill-prova ta' prattika ta' prezzijiet predatorji inferjuri għall-ispejjeż globali minn impriża dominanti.

217    L-argumenti mressqa minn WIN fuq l-ekonomiji ta' skala u l-effetti ta' apprentistat li jiġġustifikaw fil-kawża preżenti t-tariffi li huma nqas mill-ispejjeż mhumiex ta' natura li jdaħħlu in kwistjoni l-konklużjoni li wasslet għaliha l-Qorti tal-Prim'Istanza. Fil-fatt, l-impriża li tipprattika l-prezzijiet predatorji tista' tibbenifika mill-ekonomiji ta' skala u mill-effetti ta' l-apprentistat minħabba produzzjoni ikbar li jasslu għaliha preċiżament permezz ta' din il-prattika. L-ekonomiji ta' skala u l-effetti ta' l-apprentistat miksuba ma jeżentawx l-impriża mir-responsabbiltajiet tagħha fir-rigward ta' l-Artikolu 82 KE.

218    Minn dan jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta' pjan ta' prezzijiet predatorji ma jistax jiġi milqugħ.

 Fuq l-irkupru tat-telf

–       L-argumenti tal-partijiet

219    WIN issostni li l-irkupru tat-telf huwa element kompletament separat mit-test ta' prezzijiet predatorji li għalih il-Kummissjoni għandha ġġib il-provi. Hija ssostni li, jekk impriża f'pożizzjoni dominanti ma tistax raġonevolment tistenna, b'mod partikolari minħabba li d-dħul fis-suq in kwistjoni huwa faċli, li tnaqqas il-kompetizzjoni fuq medda ta' żmien fit-tul sabiex tirkupra t-telf tagħha, ma jkunx razzjonali għaliha li tidħol f'politika ta' prezzijiet predatorji. F'dan il-każ, il-politika ta' prezzijiet baxxi applikata mill-impriża għandha neċessarjament spjegazzjoni oħra minn dik ta' strateġija ta' prezzijiet predatorji.

220    Skond WIN, din il-pożizzjoni hija sostnuta mid-duttrina ekonomika u legali kollha kif ukoll mid-diversi qrati u awtoritajiet tal-kompetizzjoni li fosthom jidhru dawk ta' l-Istati Uniti iżda wkoll ta' bosta Stati membri ta' l-Unjoni Ewropea. Il-ġurisprudenza Komunitarja stess qatt ma eskludiet li għandhom jingħataw provi għal dan il-għan.

221    Issa, il-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni fuq is-suq tas-servizzi ta' aċċess għall-internet ta' veloċità għolja huma totalment differenti għal dawk li l-Qorti tal-Prim'Istanza u l-Qorti tal-Ġustizzja kellhom jiddeċiedu fuqhom fil-kawżi ta' prezzijiet predatorji ta' qabel. Fil-fatt, l-ostakoli għad-dħul f'dan is-suq huma dgħajfa, t-tkabbir huwa b'saħħtu, is-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni mhijiex iffriżata u l-kompetituri l-ġodda attwali u potenzjali huma numerużi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni wettqet żball ta' dritt serju meta sostniet li m'għandhiex tingħata prova ta' l-irkupru tat-telf.

222    Barra minn hekk, skond WIN, il-Kummissjoni wettqet żball ta' evalwazzjoni manifest, flimkien ma' żball ta' dritt, meta sostniet li ressqet il-prova ta' possibbiltà ta' rkupru tat-telf.

223    Il-Kummissjoni tafferma li l-prova ta' l-irkupru tat-telf mhijiex prerekwiżit għall-konstatazzjoni ta' prezzijiet predatorji kuntrarji għall-Artikolu 82 KE. Hija ssostni li l-ġurisprudenza hija ċara f'dan ir-rigward. Sussidjarjament, il-Kummissjoni tirrileva li l-irkupru tat-telf huwa fil-kawża preżenti plawżibbli minħabba l-istruttura tas-suq u d-dħul assoċjat li jista' jiġi mistenni.

–        Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

224    Fis-sentenza AKZO vs Il-Kummissjoni, punt 100 iktar 'il fuq (punti 71 u 72), il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet l-eżistenza taż-żewġ metodi ta' analiżi differenti meta għandu jiġi vverifikat jekk impriża ppratikat prezzijiet predatorji. Fl-ewwel lok, il-prezzijiet li huma inferjuri għall-medja ta' l-ispejjeż varjabbli għandhom dejjem jiġi kkunsidrati bħala abbużivi. F'dan il-każ, għan ekonomiku minbarra l-eliminazzjoni ta' kompetitur mhuwiex konċepibbli, peress illi kull unità prodotta u mibjugħa tfisser telf għall-impriża. Fit-tieni lok, il-prezzijiet inferjuri għall-medja tal-ispejjeż globali iżda superjuri għall-medja ta' l-ispejjeż varjabbli m'għandhomx jiġu kkunsidrati bħala abbużivi ħlief fejn tista' tingħata prova ta' pjan ta' eliminazzjoni (sentenza ta' l-14 ta' Novembru 1996, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, punt 130 iktar 'il fuq, punt 41).

225    Fis-sentenza tagħha ta' l-14 ta' Novembru 1996, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, punt 130 iktar 'il fuq (punti 42 u 43), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, fis-sentenza kkontestata, l-Qorti tal-Prim'Istanza kienet segwiet l-istess raġunament, liema raġunament hija aċċettat. Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li:

"42       Għall-bejgħ ta' kartun mhux antiseptiku fl-Italja bejn l-1971 u l-1981, [il-Qorti tal-Prim'Istanza] kkonstatat li l-prezzijiet kienu inferjuri ħafna għall-medja ta' l-ispejjeż varjabbli. Għaldaqstant, il-prova ta' l-intenzjoni li jiġu eliminati l-kompetituri ma kinitx neċessarja. Fl-1982, il-prezz ta' dan il-kartun kien bejn il-medja ta' l-ispejjeż varjabbli u l-medja ta' l-ispejjeż totali. Din hija r-raġuni għalfejn, fil-punt 151 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet sforz, mingħajr barra minn hekk ma ġiet ikkritikata mir-rikorrenti, sabiex tistabbilixxi li Tetra Pak kellha l-intenzjoni li telimina kompetitur.

43       Il-Qorti tal-Prim'Istanza kienet iġġustifikata wkoll meta, fil-punti 189 sa 191 tas-sentenza kkontestata, segwiet eżattament l-istess raġunament għal dak li jirrigwarda l-bejgħ ta' magni mhux antiseptiċi fir-Renju Unit bejn l-1981 u l-1984."

226    Fir-rigward ta' l-irkupru tat-telf, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet, fil-punt 44 tas-sentenza ċċitata iktar 'il fuq:

"[F]iċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, ma jkunx opportun li, barra minn hekk, jiġi mitlub, għall-kompletezza, sabiex jintwera li Tetra Pak kellha ċans reali li tirkupra t-telf tagħha. Fil-fatt, prattika ta' prezzijiet predatorji għandha tkun tista' tiġi ppenalizzata malli jkun hemm ir-riskju ta' eliminazzjoni tal-kompetituri. Issa, tali riskju ġie kkonstatat mill-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punti 151 u 191 tas-sentenza kkontestata. L-għan li jrid jintlaħaq, li huwa ż-żamma ta' kompetizzjoni b'saħħitha, ma jippermettix li wieħed joqgħod jistenna sakemm tali strateġija twassal għall-eliminazzjoni effettiva tal-kompetituri."

227    Fid-dawl tal-ġurisprudenza Komunitarja, l-Kummisjoni tista' għaldaqstant tikkunsidra bħala abbużivi l-prezzijiet inferjuri għall-medja ta' l-ispejjeż varjabbli. F'dan il-każ, in-natura eliminatorja ta' tali prattika ta' prezzijiet hija preżunta (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta' Ottubru 1994, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, punt 130 iktar 'il fuq, punt 148). F'dak li jirrigwarda l-ispejjeż globali, il-Kummissjoni għandha tressaq ukoll il-prova li l-prattika ta' prezzijiet predatorji ta' WIN hija parti ta' pjan intiż sabiex "tantiċipa" is-suq. Fiż-żewġ każijiet, mhuwiex neċessarju li jiġi stabbilit, bħala prova supplementari, li WIN kellha ċans reali li tirkupra t-telf tagħha.

228    Għaldaqstant, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata meta kkunsidrat li l-prova ta' rkupru ta' telf mhijiex prerekwiżit għall-konstatazzjoni ta' prezzijiet predatorji.

229    Min-naħa l-oħra, skond is-sentenzi tas-6 ta' Ottobru 1994 u ta' l-14 ta' Novembru 1996, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, punt 130 iktar 'il fuq, u AKZO vs Il-Kummissjoni, punt 100 iktar 'il fuq, għandu jiġi vverifikat, fil-każ ta' prezzijiet inferjuri għall-ispejjeż globali iżda superjuri għall-ispejjeż varjabbli, jekk humiex parti minn pjan ta' eliminazzjoni tal-kompetizzjoni. Issa, fil-punt 215 iktar il'fuq, il-Qorti tal-Prim'Istanza wasslet għall-konklużjoni li l-Kummissjoni pprovdiet indizji serji u konverġenti ta' l-eżistenza ta' pjan ta' prezzijiet predatorji matul il-perijodu ta' ksur kollu.

230    Għaldaqstant, għandhom jiġu miċħuda r-raġunijiet kollha mressqa in sostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni.

II –  Fuq it-talbiet sussidjarji intiżi għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa

231    Sussidjarjament, WIN tikkontesta l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha u titlob l-annullament jew t-tnaqqis sostanzjali ta' din is-sanzjoni. Hija tinvoka in sostenn tat-talbiet tagħha l-ksur tal-prinċipji tan-natura individwali u tal-legalità tal-pieni, in-nuqqas ta' effetti tal-prattiki in kwistjoni, l-iffissar żbaljat tal-perijodu tal-ksur u l-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità.

A –  Il-ksur tal-prinċipji tan-natura individwali u tal-legalità tal-pieni

1.     Fuq il-ksur tal-prinċipju tan-natura individwali tal-pieni

a)     L-argumenti tal-partijiet

232    Skond WIN, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju tan-natura individwali tal-pieni billi bbażat ruħha fuq l-aġir ta' France Télécom sabiex tippenalizzaha. Minn naħa, il-Kummissjoni ammettiet li kien l-intervent ta' France Télécom li ġab tmiem għall-ksur. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni l-aġir ta' France Télécom sabiex tevalwa n-natura intenzjonali tal-ksur allegatament imwettaq minn WIN.

233    Il-Kummissjoni tikkontesta din ir-raġuni billi tirreferi essenzjalment għar-risposta tagħha għall-istess raġuni mressqa minn WIN fil-kuntest tat-talbiet prinċipali. Il-Kummissjoni żżid li l-intenzjoni ta' esklużjoni ta' WIN hija sostnuta sew mid-dokumenti interni ta' l-impriża u li r-referenzi okkażjonali għal France Télécom m'huma bl-ebda mod determinanti.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

234    Din ir-raġuni taqbel f'parti kbira ma dik invokata prinċipalment minn WIN fil-kuntest tat-talbiet tagħha għall-annullament. Għaldaqstant għandha ssir referenza għall-punti 66 sa 71 iktar 'il fuq.

235    Barra minn hekk, l-iffissar tat-tmiem tal-ksur ta' WIN għad-data tat-tnaqqis tat-tariffi pprattikati minn France Télécom ma jfissirx li l-Kummissjoni ppenalizzat lil WIN abbażi ta' l-aġir ta' France Télécom. Il-ksur in kwistjoni huwa attribwit b'mod ċar lil WIN u mhux lil France Télécom. WIN setgħat ittemm hija stess il-ksur qabel l-intervent ta' France Télécom u mingħajr dan l-intervent. Il-fatt li t-tmiem tal-ksur ma jirriżultax minn aġir ta' WIN ma jaffettwax il-ksur tagħha. Il-ksur huwa marbut b'mod dirett mal-livell ta' l-ispejjeż. Peress illi ċerti spejjeż tagħha jiġu direttament mill-prezzijiet stabbiliti mill-impriżi fornituri, f'ċerti każijiet it-tmiem tal-ksur jista' jirriżulta b'mod loġiku mill-aġir ta' dawn l-impriżi.

236    Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud dan l-argument ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tan-natura individwali tal-pieni.

2.     Fuq ir-raġuni bbażata fuq il-ksur tal-prinċipju tal-legalità tal-pieni

a)     L-argumenti tal-partijiet

237    Skond WIN, id-deċiżjoni ppenalizzataha abbażi ta' żewġ regoli ġuridiċi ġodda. Minn naħa, għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni ta' l-allinjament, kien hemm bidla totali mill-Kummissjoni fir-rigward tal-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha. Min-naħa l-oħra, l-Kummissjoni applikat test ta' prezzijiet predatorji mhux tas-soltu u imprevedibbli.

238    M'hemm l-ebda preċedent fir-rigward ta' prezzijiet predatorji fuq suq emerġenti. Il-Kummissjoni applikat għall-ewwel darba l-metodu ta' kalkolu użat fil-kawża preżenti billi ddeskriviet tali metodu matul il-proċedura. Skond il-metodu adottat minn diversi awtoritajiet nazzjonali ta' kompetizzjoni, WIN issostni li hija setgħat b'mod leġittimu tikkunsidra li l-prezzijiet tagħha ma kinux predatorji.

239    Minn naħa tagħha, l-Kummissjoni tallega li l-Artikolu 82 KE u l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jikkonsistu l-unika bażijiet ġuridiċi ta' l-impożizzjoni tal-multa fil-kawża preżenti u li d-dispożizzjonijiet tagħhom m'huma bl-ebda mod ġodda. Hija tinvoka l-ġurisprudenza kostanti skond liema l-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha ma sservix minnha nfisha bħala kuntest ġuridiku għall-ammendi fil-qasam tal-kompetizzjoni.

240    Għall-kompletezza hija żżid li, fil-ġurisprudenza, il-prattika ta' prezzijiet predatorji diġà ġiet ikkwalifikata bħala ksur ta' l-Artikolu 82 KE.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

241    WIN ma tistax tippretendi li l-aġir ippenalizzat ma jikkonsistix ksur fil-mument meta ġie mwettaq. Fil-fatt, kull użu abbużiv minn impriża tal-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq komuni jew f'parti sostanzjali tiegħu jaqa' taħt l-Artikolu 82 KE.

242    Hija wkoll ġurisprudenza kostanti li l-lista ta' prattiki abbużivi, li jidhru fl-Artikolu 82 KE, mhijiex lista eżawrjenti tat-tipi ta' użi abbużivi ta' pożizzjoni dominanti pprojbiti mit-Trattat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Frar 1973, Europemballage et Continental Can vs Il-Kummissjoni, 6/72, Ġabra p. 215, punt 26, u tas-16 ta' Marzu 2000, Compagnie maritime belge trasports et vs Il-Kummissjoni, , C 395/96 P u C 396/96 P, Ġabra p. I 1365, punt 112).

243    Barra minn hekk, prattika ta' prezzijiet predatorji diġa ġiet ikkwalifikata bħala ksur ta' l-Artikolu 82 KE. Din ġiet ippenalizzata mill-Kummissjoni u tat lok għas-sentenza AKZO vs Il-Kummissjoni, punt 100 iktar 'il fuq, u għas-sentenzi tas-6 ta' Ottubru 1994 u ta' l-14 ta' Novembru 1996, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, punt 130 iktar 'il fuq, li applikaw test ta' prezzijiet predatorji bbażat fuq id-distinzjoni bejn l-ispejjeż varjabbli u l-ispejjeż globali, bħal dak applikat fil-kawża preżenti.

244    Madankollu, il-Kummissjoni fil-kawża preżenti mmodifikat it-test billi firxet, b'mod favorevoli għal WIN, l-ispejjeż ta' xiri tal-klijenti sabiex jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi tas-suq in kwistjoni.

245    F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-applikazzjoni tal-metodu użat f'dawn il-kawżi kienu, fi kwalunkwe każ, jippermetti lil WIN tipprevedi li kienet ser tiġi kkundannata skond l-Artikolu 82 KE. WIN ma tistax tinvoka l-fatt li bidla f'dan il-metodu, li hija favorevoli għaliha, kienet imprevedibbli.

246    Barra minn hekk, ma jirriżultax, la mill-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni u lanqas mill-ġurisprudenza, li WIN setgħet leġittimament tistenna li jiġi rikonoxxut, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, id-dritt li tallinja l-prezzijiet tagħha ma' dawk tal-kompetituri tagħha (ara punti 176 sa 187 iktar 'il fuq) jew li jiġi applikat l-metodu ta' likwidità skontata (ara punti 153 sa 156 iktar 'il fuq) jew li l-marġnijiet li jeżistu wara d-data li fiha ntemm il-ksur jiġu kkunsidrati (ara punt 152 iktar 'il fuq). Barra minn hekk, is-suq ma kienx għadu f'perijodu ta' żvilupp matul il-perijodu kkunsidrat (ara punt 106 iktar 'il fuq).

247    Madankollu, WIN tinvoka d-deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/354/KE, ta' l-20 ta' Marzu 2001, dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 82 [KE] (kawża COMP/35.141 − Deutsche Post AG) (ĠU L 125, p. 27, premessa 47), li fiha l-Kummissjoni ma imponietx multa għan-nuqqas ta' kopriment ta' l-ispejjeż li jiżdiedu, peress illi ma kellhiex risposta stabbilita għad-domanda sabiex jiġi magħruf l-istandard ta' kopriment ta' spejjeż li għandu jiġi applikat għas-servizzi esposti għall-kompetizzjoni minn impriża ta' diversi prodotti jew ta' diversi servizzi li tibbenifika minn żona riżervata.

248    F'din il-kawża, min ressaq l-ilment sostna li Deutsche Post AG użat id-dħul mill-attivitajiet tagħha li jikkostitwixxu monopolju għal dak li jirrigwarda ittri u posta sabiex tiffinanzja l-bejgħ b'telf fis-settur ta' trasport ta' pakketti kummerċjali bl-għan li teskludi l-kompetituri tagħha f'dan is-settur. Fid-deċiżjoni tagħha, l-Kummissjoni ppenalizzat l-għotja ta' rifużjonijiet għal-lealtà minn Deutsche Post u ordnata tħallas multa ta' 24-il miljun Euro. Madankollu, l-multa msemmija ma ġietx imposta fuq it-trasport ta' pakketti bi prezzijiet inferjuri għall-ispejjeż li jiżdiedu.

249    Għandu jiġi rrilevat li s-sitwazzjoni ta' Deutsche Post kellha, f'din il-kawża, karatteristiċi partikolari ħafna. L-impriża kienet teżerċita attivitajiet li, skond il-każ, jew kienu jirrigwardaw il-monopolju tagħha bbażat fuq l-inkarigu tagħha ta' interess pubbliku jew inkella kienu suġġetti għall-kompetizzjoni. Din il-kawża tippreżenta wkoll il-problema tad-definizzjoni ta' l-istandard ta' kopriment ta' l-ispejjeż għal impriża li tibbenifika minn żona riżervata u li tista' tuża l-benefiċċji mwettqa f'din iż-żona riżervata sabiex tkopri t-telf f'settur ieħor miftuħ għall-kompetizzjoni. F'tali kuntest, l-impriża tista' tkun inċerta fir-rigward tar-regoli applikabbli. Issa, is-sitwazzjoni ta' WIN, li ma toperax ħlief f'suq ta' kompetizzjoni, ma tistax tiġi mqabbla ma' dik ta' Deutsche Post u hija f'dan ir-rigward iktar simil għal dik ta' AKZO u ta' Tetra Pak.

250    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-Kummissjoni ma timponix multa għal din ir-raguni, d-Deċiżjoni 2001/354 tikkonstata, fl-Artikolu 2 tagħha, ksur ta' l-Artikolu 82 imwettaq minn Deutsche Post billi pprovat tassigura t-trasport ta' pakketti għas-settur tal-bejgħ b'korrispondenza bi prezzijiet inferjuri għall-ispejjeż li jiżdiedu. Din id-deċiżjoni ngħatat fl-20 ta' Marzu 2001 u kienet ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali fil-5 ta' Mejju 2001, u għaldaqstant WIN kellha tkun taf fiż-żmien tal-ksur in kwistjoni – Marzu 2001 sa Ottubru 2002 – li tali aġir jikkonsisti fi ksur. Jista' jiġi rrilevat ukoll fil-kuntest tal-kawża preżenti, li hija WIN stess li kkontestat l-użu ta' l-ispejjeż li jiżdiedu u laqgħat il-fatt, fir-risposta tagħha għal-komunikazzjoni ta' l-ilmenti supplementari, li l-Kummissjoni kienet abbandunat dan il-metodu. Għaldaqstant, WIN ma tistax fil-preżenti tikkritika lill-Kummissjoni tali wettqet din il-bidla.

251    Fl-aħħar nett, jekk jiġi kkunsidrat li, minkejja l-fatt li l-prattika ta' prezzijiet predatorji ma kkostitwixxix ksur ġdid, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tas-suq ta' l-aċċess għall-internet ta' veloċità għolja, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma timponix multa f'deċiżjoni preċedenti minħabba n-natura relattivament ġdida tal-ksur ikkonstatat ma tagħtix immunità lill-impriżi li jwettqu xi ksur li ma ġiex ippenalizzat qabel mill-Kummissjoni. Fil-fatt, huwa fil-kuntest partikolari ta' kull kawża li l-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tad-diskrezzjoni tagħha, tiddeċiedi jekk għandhiex timponi multa sabiex tippenalizza l-ksur ikkonstatat u tippreżerva l-effikaċja tad-dritt tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-22 ta' Ottubru 1997, SCK u FNK vs Il-Kummissjoni, T-213/95 u T-18/96, Ġabra p. II-1739, punt 239).

252    Għaldaqstant, fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta' legalità tal-pieni.

B –  Nuqqas ta' effetti tal-prattiki in kwistjoni

1.     L-argumenti tal-partijiet

253    Skond WIN, il-Kummissjoni ma setgħetx turi li l-prattiki allegati ta' WIN affettwaw b'xi mod is-suq. Għaldaqstant, l-ammont tal-multa imposta għandha, f'dan ir-rigward ukoll, tiġi mnaqqsa.

254    Fir-rigward tas-sehem tagħha mis-suq, WIN issostni li l-Kummissjoni tiddikjara hija stess fid-deċiżjoni li din ser tibqa madwar 50% għalkemm kienet laħqet 72% f'Ottubru 2002, data tat-tmiem tal-ksur, jiġifieri tnaqqis ta' terz f'disa' xhur biss. Dan huwa biżżejjed sabiex jintwera li l-istrutturi tas-suq ma ġewx affettwati fit-tul minħabba l-allegati prattiki antikompetittivi tagħha.

255    Barra minn hekk, anki matul il-perijodu in kwistjoni, il-kompetizzjoni kienet attiva ħafna fis-suq ta' l-aċċess għall-internet. F'Settembru 2002 kienu jeżistu iktar minn 70-il offerta għall-konsumaturi. Xi FAI ġodda daħlu fis-suq, filwaqt li l-prezzijiet naqqsu minħabba l-impetu mogħti mill-kompetituri. L-iżvilupp tal-kompetituri ma kienx ġie mfixkel u l-falliment tal-kumpannija Mangoosta mhuwiex attribwibbli lil WIN.

256    WIN tikkunsidra f'dan ir-rigward li l-affermazzjoni tal-Kummissjoni skond liema l-allegati prattiki ta' WIN kienu affettwaw b'mod sinjifikattiv l-istruttura tas-suq tikkonsisti f'sempliċi preżunzjoni li mhija sostnuta bl-ebda fatt konkret li juri d-diffikultajiet effettivi tal-kompetituri ta' WIN.

257    Il-Kummissjoni tikkontesta l-informazzjoni pprovduta minn WIN billi ssostni li din tikkonċerna alternattivament it-totalità ta' l-attività tal-provvista ta' l-aċċess għall-internet ta' veloċità għolja u ta' veloċità baxxa kkunsidrati flimkien, jew il-parti tal-provvista ta' aċċess għall-internet ta' veloċità għolja ADSL, skond liema hija iktar ta' benefiċċju għall-argumenti ta' WIN.

258    Il-Kummissjoni tafferma li paragun bejn iż-żidiet fil-bejgħ tad-diversi protagonisti fis-suq fil-perijodu bejn is-sena 2001 sal-ħarifa tas-sena 2002 jindika b'mod ċar li l-istrateġjia ta' WIN ippermettielha li trażżan il-kompetizzjoni u ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha. Per eżempju, ma kienx hemm dħul ġdid sinjifikattiv fis-suq waqt il-perijodu in kwistjoni.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

259    Skond il-linji ta' gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej ta' l-14 ta' Jannar 1998 (ĠU C 9, p. 3), l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għandha tieħu in kunsiderazzjoni n-natura tiegħu, l-impatt reali tiegħu fuq is-suq u d-daqs tas-suq ġeografiku rilevanti.

260    Issa, WIN ikkontestat li l-ksur in kwistjoni kellu impatt fuq is-suq. Madankollu diversi elementi juru l-kuntrarju.

261    Fl-ewwel lok, is-sehem ta' WIN mis-suq ta' veloċità għolja żdied għall-ewwel minn 50 sa 72% (premessa 400 u tabella 8 tad-deċiżjoni) bejn il-bidu tal-ksur u x-xahar ta' Awwissu 2002, anki jekk, skond id-data pprovduta minn WIN fir-risposta tagħha għad-domandi bil-miktub tal-Qorti tal-Prim'Istanza, dan naqas sabiex laħaq 63,6% f'Ottubru 2002. Barra minn hekk, għandu jiġi enfassiżat li l-kompetitur l-iktar qrib ta' WIN żamm sehem mis-suq ta' 8%, u li l-kompetituri l-oħra kienu jinsabu kollha b'inqas minn 2,5% (premessa 376 tad-deċiżjoni). Jirriżulta mit-tabella 9 tad-deċiżjoni, li ma ġietx ikkontestata minn WIN, li fuq il-perijodu kollu WIN irnexxielha żżid d-differenza bejnha u l-kompetitur ewlieni tagħha b'mod sinjifikattiv.

262    Fit-tieni lok, kompetitriċi waħda, il-kumpannija Mangoosta, sparixxiet mis-suq (premessa 400 tad-deċiżjoni). WIN issostni li l-falliment ta' Mangoosta huwa dovut biss għal politika ta' strateġija partikolarment riskjuża u bl-ebda mod għat-tariffi ta' WIN. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, billi l-prezzijiet tal-prodotti tagħha kienu ftit superjuri għal dawk ta' WIN, Mangoosta tant tilfet flus li fl-aħħar kellha żżid il-prezzijiet tagħha b'20% f'Marzu 2001, liema żieda xorta waħda ma żammithiex milli tiġi amministrata taħt il-kontroll tal-qorti mit-2 ta' Awwissu 2002 (premessa 384 tad-deċiżjoni). L-għajba ta' kompetitur marġinali ħafna li jipprattika tariffi inferjuri għall-ispejjeż tiegħu iżda xi ftit superjuri għall-prezzijiet ta' WIN tikkostitwixxi, mill-inqas, element ta' prova fil-kawża preżenti in sostenn tad-diffikultà ta' kompetitur sabiex jidħol fis-suq.

263    Fit-tielet lok, matul il-perijodu previst, ġie irreġistrat tnaqqis kbir fl-ishma mis-suq ta' l-operaturi tal-kejbil li huma kompetituri (tabella 14 tad-deċiżjoni) filwaqt li l-kompetituri fis-settur ta' l-ADSL żammew livell ta' dħul dgħajjef ħafna. WIN ma tikkontestax it-tnaqqis ta' l-ishma mis-suq ta' l-operaturi tal-kejbil, għalkemm issostni li dan ma kienx dovut għall-politika ta' tariffi tagħha iżda għall-iżvilupp ta' l-ADSL għad-detriment tal-kejbil. Madankollu, għandu jiġi enfassiżat li, f'Settembru 2001, WIN sostniet li l-operaturi tal-kejbil kienu l-uniċi kompetituri reali fis-suq tas-servizzi ta' aċċess għall-internet ta' veloċità għolja (nota f'qiegħ il-paġna Nru 444 tad-deċiżjoni) u li l-qasam ta' l-ADSL kien jikkonsisti f'"suq li fit-tmiem tas-sena 2001 kien iddominat [minnha] iżda li kien ftit attiv in ġenerali".

264    Fir-raba' lok, il-prattiki ta' WIN kellhom effett dissważiv fuq id-dħul jew fuq l-iżvilupp tal-kompetituri. Bosta minnhom fil-fatt ikkonfermaw li kien impossibbli għalihom li jallinjaw il-prezzijiet tagħhom ma' dawk ta' WIN, meta jittieħdu in kunsiderazzjoni l-ispejjeż involuti, mingħajr ma jirreġistraw telf (ara l-premessa 379 u n-nota f'qiegħ il-paġna Nru 451 tad-deċiżjoni). Barra minn hekk, in-numru ta' kompetituri ġodda kien ukoll marġinali. WIN għamlet referenza għall-każijiet ta' Dixinet u Net pratique. Madankollu, fit-tmiem ta' Awwissu 2002, Dixinet kellha biss għaxar abbonati għas-servizzi ADSL u telefoniċi tagħha, filwaqt li Net pratique, li bdiet toffri s-servizzi tagħha biss fis-Sajf 2002, jiġifieri meta ntemm il-ksur, kellha biss 1400 abbonat sitt xhur wara.

265    F'dan ir-rigward, l-argument ta' WIN, li jattribwixxi t-tnaqqis fil-progress ta' ċerti kompetituri għal għażla strateġika u x-xewqa li jikkonċentraw fuq il-veloċità baxxa għad-detriment ta' l-ADSL, meqjus bħala mhux vijabbli, mhuwiex konvinċenti. Jekk huwa veru li ċerti kompetituri setgħu fil-bidu ddubitaw l-iżvilupp tal-veloċità għolja, ma jistax jiġi preżunt li dawn ippersistew b'din l-opinjoni fid-dawl tat-tkabbir importanti ta' dan is-suq. L-azzjoni tal-kumpannija T-Online, li tipprovdi l-aċċess għall-internet taħt il-marka Club Internet, quddiem l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni Franċiżi jwasslu pjuttost sabiex jiġi preżunt il-kuntrarju. Bl-istess mod, id-dikjarazzjoni tal-President Direttur Ġenerali ta' AOL France, ċċitata fil-punt 212 iktar 'il fuq, twassal għall-preżunzjoni li r-raġuni ta' l-assenza ta' din l-impriża mis-suq ta' veloċità għolja kienet f'dawk iż-żminijiet marbuta mat-telf li sostniet minħabba l-offerta iktar vantaġġuża ta' WIN u mhux minħabba x-xewqa tagħha li tillimita ruħha għall-veloċità baxxa.

266    Fir-rigward ta' l-argument ta' WIN li jgħid li l-konsumaturi ma ġewx ippreġudikati mill-prattiki ta' prezzijiet tagħha, iżda, għall-kuntrarju, bbenifikaw minnhom, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja affermat li l-Artikolu 82 KE ma jkoprix biss il-prattiki li jistgħu jagħmlu ħsara immedjata lill-konsumaturi iżda wkoll dawk li jistgħu joħolqu ħsara billi jkunu ta' detriment għall-istruttura ta' kompetizzjoni effettiva (sentenza Europemballage u Continental Can vs Il-Kummissjoni, punt 242 iktar 'il fuq, punt 26).

267    Għaldaqstant, ir-raġuni bbażata fuq in-nuqqas ta' effetti tal-prattiki in kwistjoni għandha tiġi miċħuda.

C –  L-iffissar żbaljat tal-perijodu tal-ksur

1.     L-argumenti tal-partijiet

268    WIN issostni, minn naħa, li t-tmiem tal-ksur li hija ġiet akkużata bih kien dovut, skond il-Kummissjoni, għat-tnaqqis tat-tariffi pprattikati minn France Télécom fil-15 ta' Ottubru 2002. Issa, France Télécom kienet ħabbret dan it-tnaqqis b'effett minn April 2002, liema implementazzjoni ta' din il-miżura ġiet ittardjata minħabba l-proċess ta' approvazzjoni mill-Autorité de régulation des Télécommunications (ART) (Awtorità Franċiża li tirregola t-telekomunikazzjonijiet). Għaldaqstant, WIN ma tistax fi kwalunkwe każ tiġi kkunsidrata responsabbli għall-ksur wara x-xahar ta' Marzu, b'mod li l-perijodu tal-ksur ma jistax ikun itwal minn tlettax-il xahar.

269    Min naħa l-oħra, il-perijodu tal-ksur li l-Kummissjoni kienet stabbiliet fid-deċiżjoni tagħha kien itwal minn dak previst fil-komunikazzjoni ta' l-ilmenti. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza għandha tassigura li l-perijodu tal-ksur li jiġi attribwit lil WIN ma jkunx itwal minn 17-il xahar u tnaqqas, bħala konsegwenza, il-multa.

270    Għal dan l-aħħar argument, il-Kummissjoni tirrispondi li l-komunikazzjoni ta' l-ilmenti ma tistax tinqara' b'mod li hija tillimita fiż-żmien il-perijodu tal-ksur, peress illi dan kien għadu għaddej.

271    Fir-rigward ta' l-argument ibbażat fuq id-dewmien għat-tnaqqis ta' tariffi ta' France Télécom minħabba l-proċess ta' appovazzjoni mill-ART, il-Kummissjoni ssostni li WIN ma tistax tqajjem dan l-argument.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

272    F'dak li jirrigwarda l-estensjoni allegata tal-perijodu tal-ksur fid-dawl tal-komunikazzjoni ta' l-ilmenti, għandha ssir referenza għall-punti 49 sa 52 iktar 'il fuq, fejn jirriżulta li dan l-argument għandu jiġi miċħud.

273    Fir-rigward tad-dikjarazzjoni magħmula minn France Télécom dwar it-tnaqqis tat-tariffi bl-ingrossa tagħha mix-xahar ta' April 2002, għandu jiġi enfasizzat li l-ksur ma ntemmx f'dan ix-xahar iżda bl-implementazzjoni effettiva ta' dan it-tnaqqis fit-tariffi. B'mod mekkaniku, dan it-tnaqqis tat-tariffi ta' France Télécom wassal għal tnaqqis fl-ispejjeż. Il-prezzijiet ta' WIN waqfu milli jkunu inferjuri għall-ispejjeż globali u l-ksur intemm. WIN setgħet fi kwalunkwe mument, mingħajr ma toqgħod tistenna dan it-tnaqqis tat-tariffi ta' France Télécom, ittemm il-ksur billi per eżempju żżid it-tariffi tagħha jew billi tnaqqas spejjeż oħra. Madankollu hija ma ħadet l-ebda azzjoni ta' dan it-tip.

274    Minn dan jirriżulta li l-ammont tal-multa imposta m'għandux jitnaqqas fid-dawl tal-perijodu tal-ksur allegat.

D –  Il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità

1.     L-argumenti tal-partijiet

275    WIN tikkontesta, fl-ewwel lok, il-fatt li ma ttieħditx in kunsiderazzjoni, fid-determinazzjoni ta' l-ammont tal-multa, l-attitudni tagħha ta' kooperazzjoni u trasparenza. Hija tikkritika, fit-tieni lok, il-fatt li l-Kummissjoni injorat it-tneħħija progressiva tal-ksur kemm fl-iffissar ta' l-ammont tal-multa u kemm fir-rigward taċ-ċirkustanzi attenwanti. Il-kobor tal-ksur kien tnaqqas fix-xahar ta' Awwissu 2001 minħabba t-tnaqqis tat-tariffi bl-ingrossa minn France Télécom, qabel ma din ta' l-aħħar kienet ġiet informata bl-istħarriġ tal-Kummissjoni. France Télécom qatt ma waqfet milli turi x-xewqa permanenti tagħha li ssib soluzzjoni kemm jista' jkun malajr għall-problema identifikata mill-Kummissjoni.

276    Il-Kummissjoni tikkunsidra li m'hemmx ċirkustanzi attenwanti u lanqas aggravanti fil-kawża preżenti.

2.     2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

277    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kooperazzjoni allegata, hija ġurisprudenza kostanti li kooperazzjoni fi stħarriġ li ma tmurx lilhinn minn dak li jirriżulta mill-obbligi li għandhom l-impriżi skond l-Artikolu 11(4) u (5) tar-Regolament Nru 17 ma jiġġustifikax tnaqqis tal-multa (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-10 ta' Marzu 1992, Solvay vs Il-Kummissjoni T-12/89, Ġabra p. II-907, punti 341 u 342, u ta' l-14 ta' Mejju 1998, Weig vs Il-Kummissjoni, T-317/94, Ġabra p. II-1235, punt 238).

278    Fil-premessa 412 tad-deċiżjoni, l-Kummissjoni ssemmi l-fatt li WIN tinvoka bħala ċirkustanzi attenwanti t-trasparenza tagħha u l-kooperazzjoni fl-iżvolġiment tal-proċedura preżenti. Madankollu l-Kummissjoni tikkonstata "li l-impriża sempliċiment ikkonformat ruħha b'mod normali ma' l-obbligi ta' għoti ta' informazzjoni lill-Kummissjoni li hija għandha skond ir-Regolament Nru 17".

279    Fir-rikors tagħha, WIN issostni li l-Kummissjoni ma kkunsidratx il-fatt li hija dejjem ikkooperat bis-sħiħ mal-proċedura u adottat imġieba kompletament trasparenti. WIN iżżid li barra minn hekk kien minħabba stedina tagħha li l-Kummissjoni żaret l-uffiċċji tagħha u ħadet kopji tad-dokumenti dwar l-ispejjeż tagħha u l-elaborazzjoni ta' l-offerti kummerċjali tagħha. La r-rikors tagħha u lanqas ir-replika tagħha ma fihom iktar indikazzjonijiet dwar din il-kooperazzjoni.

280    Għandu jiġi kkonstatat li WIN ma ppreżentat ebda prova li tinvalida l-fatt li hija kkonformat sempliċiment ruħha ma' l-obbligi li hija għandha skond ir-Regolament Nru 17. WIN ma tistabbilixxix, b'mod partikolari, li kienet hija stess li stiednet lill-Kummissjoni fl-uffiċċji tagħha qabel il-ftuħ ta' l-istħarriġ. Fil-fatt, il-Kummissjoni tafferma, fir-risposta tagħha, li r-rikorrenti ma tistax tibbaża ċirkustanza attenwanti fuq il-fatt li l-Kummissjoni llimitat ruħha li twettaq dawn l-investigazzjonijiet fuq il-post skond l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 17 "billi għamlet appuntament ma' l-impriża sabiex iżżur l-uffiċċji tagħha".

281    Sussidjarjament, anki jekk dan kien il-każ, il-fatt li hija stess stiednet lill-Kummissjoni sabiex twettaq żjara fl-uffiċċji tagħha mingħajr ma tistenna li din ta' l-aħħar tordna investigazzjonijiet permezz ta' deċiżjoni mhuwiex biżżejjed sabiex tistabbilixxi kooperazzjoni daqstant mill-viċin li tista' tiġġustifika l-inklużjoni tagħha bħala ċirkustanza attenwanti. Għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 14 tar-Regolament 17 jipprevedi li, sabiex twettaq id-doveri mogħtija lilha mill-Artikolu 81 KE, il-Kummissjoni tista' twettaq l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa fl-impriżi. L-uffiċjali awtorizzati tagħha għandhom b'mod partikolari s-setgħa li jidħlu f'kull fond u li jieħdu kopji tad-dokumenti tan-negozju. L-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni jistgħu jsiru b'awtorizzazzjoni sempliċi (Artikolu 14(2)) jew ordnati permezz ta' deċiżjoni (Artikolu 14(3)). Il-fatt li l-Kummissjoni ma pproċedietx fil-kawża preżenti permezz ta' deċiżjoni, fih innifsu ma jfissirx li kien hemm "kooperazzjoni effettiva mill-impriża lejn il-proċedura", fis-sens ta' linji ta' gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA.

282    Fir-rigward, fit-tieni lok, ta' l-argument dwar it-tneħħija progressiva tal-ksur, għandu jiġi enfassiżat, minn naħa, li WIN stess ma ħadet ebda miżura f'dan is-sens. Hija ma tistax tinvoka għad-difiża tagħha l-isforzi magħmula minn France Télécom. Min-naħa l-oħra, anki jekk il-passi meħuda minn din ta' l-aħħar setgħu kellhom impatt pożittiv fuq is-suq qabel ma ntemm il-ksur, dawn ma jistgħux ibidlu l-klassifikazzjoni tal-ksur imwettaq minn WIN, billi jrendu tali ksur inqas serju. Fil-fatt, il-prezzijiet predatorji pprattikati minn WIN fis-suq in kwistjoni jikkonsistu fi ksur gravi tar-regoli ta' kompetizzjoni. Il-fatt li l-intensità ta' ċerti elementi abbużivi setgħet tvarja matul il-perijodu in kwistjoni ma jbiddilx din il-klassifikazzjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta' Settembru 2003, Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 195 iktar 'il fuq, punt 278).

283    Jirriżulta minn dak li ntqal qabel li r-raġuni ta' WIN ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità m'għandhiex tiġi milqugħa, b'mod li t-talbiet intiżi għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa għandhom jiġu miċħuda.

284    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

285    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli ta' Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skond it-talbiet tal-Kummissjoni f'dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Il-Ħames Awla Estiża)

taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż.


Vilaras

Martins Ribeiro

Dehousseras

Šváby

 

Jürimäe

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-30 ta' Jannar 2007.

Le greffier

 

       Le président

E. Coulon

 

       M. Vilaras

Werrej


Il-fatti u l-proċedura

It-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

I –  Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni

A –  Fuq ir-raġuni bbażata fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-ħtiġijiet proċedurali essenzjali

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

B –  Fuq ir-raġuni bbażata fuq nuqqas ta' motivazzjoni

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

C –  Fuq ir-raġuni bbażata fuq il-ksur tal-prinċipju tan-natura individwali tal-pieni

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

D –  Fuq il-ksur ta' l-Artikolu 82 KE

1.  Fuq il-pożizzjoni dominanti

a)  Fuq id-definizzjoni żbaljata tas-suq

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

b)  Fuq l-eżami mhux komplut tal-pożizzjoni dominanti

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

2.  Fuq l-abbuż tal-pożizzjoni dominanti

a)  Fuq l-ilmenti relatati mat-test ta' kopriment ta' l-ispejjeż

Fuq l-iżball fil-metodu ta' kalkolu tar-rata ta' kopriment ta' l-ispejjeż

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-iżbalji ta' kalkolu waqt l-implementazzjoni tal-metodu magħżul

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

b)  Fuq l-ilmenti dwar it-test ta' prezzijiet predatorji

Fuq il-ġustifikazzjoni bbażata fuq id-dritt ta' allinjament ta' WIN mal-prezzijiet tal-kompetituri tagħha

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-allegat nuqqas ta' pjan ta' prezzijiet predatorji u ta' tnaqqis tal-kompetizzjoni

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-irkupru tat-telf

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

II –  Fuq it-talbiet sussidjarji intiżi għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa

A –  Il-ksur tal-prinċipji tan-natura individwali u tal-legalità tal-pieni

1.  Fuq il-ksur tal-prinċipju tan-natura individwali tal-pieni

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

2.  Fuq ir-raġuni bbażata fuq il-ksur tal-prinċipju tal-legalitŕ tal-pieni

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

B –  Nuqqas ta' effetti tal-prattiki in kwistjoni

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

C –  L-iffissar żbaljat tal-perijodu tal-ksur

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

D –  Il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ispejjeż




* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.