Appell ippreżentat fid-19 ta’ Novembru 2020 minn International Management Group (IMG) mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fid-9 ta’ Settembru 2020 fil-Kawża T-381/15 RENV, IMG vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-620/20 P)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellant: International Management Group (IMG) (rappreżentanti: L. Levi, J.-Y. de Cara, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2020 fil-Kawża T-381/15 RENV;
konsegwentement, tilqa’ t-talbiet tal-appellanti mressqa fl-ewwel istanza kif irriveduti u, għalhekk:
tikkundanna lill-appellata għall-kumpens tad-dannu materjali u morali kif adattat fl-osservazzjonijiet tagħha wara r-rinviju T-381/15 RENV;
tikkundanna lill-appellata għall-ispejjeż kollha.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka l-aggravji li ġejjin:
a. Dwar l-illegalità tal-aġir tal-Kummissjoni
1) Ksur tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Jannar 2019, International Management Group vs Il-Kummissjoni (C-183/17 P u C-184/17 P);
2) Is-sentenza appellata tisker il-kunċett ta’ organizzazzjoni internazzjonali previst mil-leġiżlazzjoni finanzjarja: ksur tar-rikonoxximent internazzjonali; ksur tal-ġerarkija tar-regoli; ksur tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Jannar 2019, iċċitata iktar ’il fuq, u tal-leġiżlazzjoni finanzjarja;
3) Ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba;
4) Is-sentenza appellata kisret il-kunċett ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi.
b. Dwar id-dannu
1) Fir-rigward tat-talbiet li jinsabu fl-ewwel sat-tielet inċiż tal-punt 40 tas-sentenza appellata: ksur tal-prinċipju ta’ kumpens in natura; ksur tad-dmir ta’ motivazzjoni tal-qorti; ksur tal-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà; ksur tal-Artikoli 76(e) u 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali;
2) Fir-rigward tat-talbiet li jinsabu fir-raba’ inċiż tal-punt 40 tas-sentenza appellata: ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-qorti; ksur tal-Artikoli 76(e) u 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali;
3) Fir-rigward tad-dannu morali: ksur tal-prinċipju ta’ kumpens in natura; ksur tad-dmir ta’ motivazzjoni tal-qorti; ksur tal-Artikoli 76(e) u 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali; ksur tal-ġurisdizzjoni sħiħa tal-qorti.
____________