Language of document : ECLI:EU:F:2013:65

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

28 ta’ Mejju 2013

Kawża F‑67/11

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni – Eżekuzzjoni tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku – Dannu li jirriżulta min-nuqqas ta’ eżekuzzjoni – Kundizzjonijiet – Rikors manifestament infondat fid-dritt”

Suġġett :      Rikors, imressaq skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106(a) tiegħu, li permezz tagħha L. Marcuccio jitlob, essenzjalment, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Ġunju 2011 li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea ċaħdet it-talba tiegħu tat-28 ta’ Frar 2011 intiża, b’mod partikolari, għall-adozzjoni tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni tat-tieni punt tad-dispożittiv tas-sentenza tat-Tribunal tad-9 ta’ Ġunju 2010, Marcuccio vs Il-Kummissjoni (F-56/09, iktar ʼil quddiem is-“sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2010”) u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-kumpens għad-danni li huwa jallega li ġarrab.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud minħabba li huwa manifestament infondat fid-dritt. L. Marcuccio għandu jbati, barra l-ispejjeż tiegħu stess, l-ispejjeż tal-Kummissjoni, inklużi dawk marbuta mal-proċeduri għal miżuri provviżorji fil-Kawża F-67/11 R, Marcuccio vs Il-Kummissjoni.

Sommarju

Uffiċjali – Rikorsi tal-uffiċjali – Sentenza ta’ annullament – Effetti – Obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ eżekuzzjoni – Rispett tad-dritt tal-Unjoni – Kumpens għad-dannu tar-rikorrent marbut mal-att annullat – Diffikultajiet partikolari – Għoti ta’ kumpens ekwu għall-iżvantaġġ imġarrab mir-rikorrent

(Artikolu 266 TFUE)

Hija l-istituzzjoni kkonċernata li għandha tieħu l-miżuri li l-eżekuzzjoni ta’ eventwali ta’ sentenza ta’ annullament tinvolvi, billi teżerċita, taħt l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni, is-setgħa diskrezzjonali li hija għandha għal dan il-għan waqt illi tirrispetta kemm id-dispożittiv u l-motivi tas-sentenza li hija għandha teżegwixxi kif ukoll id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

Meta jkun hemm diffikultajiet partikolari għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ annullament, l-istituzzjoni kkonċernata tista’ tissodisfa l-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 266 TFUE billi tieħu, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità, kull deċiżjoni li hija tat-tip li tikkumpensa b’mod ekwu l-iżvantaġġ li jirriżulta għall-persuna interessata mid-deċiżjoni annullata.

(ara l-punti 38 u 44)

Referenza:

Qorti tal-Prim’Istanza: 6 ta’ Ottubru 2004, Vicente-Nuñez vs Il-Kummissjoni, T‑294/02, punt 46

Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 7 ta’ Ġunju 2011, Larue u Seigneur vs BĊE, F‑84/09, punt 64