Language of document : ECLI:EU:F:2008:147

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

25 ta’ Novembru 2008

Kawża F-50/07

Valentina Hristova

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Reklutaġġ – Kompetizzjoni ġenerali – Kundizzjonijiet għall-ammissjoni – Ċaħda tal-kandidatura – Motivazzjoni – Diplomi”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 FA, li permezz tiegħu V. Hristova titlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla fil-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AST/14/06, li tirrifjuta lir-rikorrenti l-ammissjoni għall-eżamijiet ta’ din il-kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas tad-danni bħala kumpens għad-danni allegatament subiti.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla fil-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AST/14/06, li tirrifjuta lir-rikorrenti l-ammissjoni għall-eżamijiet ta’ din il-kompetizzjoni hija annullata. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Kompetizzjoni – Bord tal-Għażla – Rifjut ta’ ammissjoni għall-eżamijiet

(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25)

2.      Uffiċjali – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet – Kundizzjonijiet – Illegalità – Dannu – Rabta kawżali

1.      L-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju għandu l-għan, minn naħa, li jipprovdi lill-parti kkonċernata l-indikazzjonijiet neċessarji għall-konstatazzjoni ta’ jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le u, min-naħa l-oħra, li jippermetti li jsir stħarriġ ġudizzjarju. B’mod iktar partikolari, fir-rigward tar-rifjut ta’ ammissjoni għall-eżamijiet, il-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni għandu jindika preċiżament il-kundizzjonijiet tal-avviż ta’ kompetizzjoni li ma ġewx sodisfatti mill-kandidat.

(ara l-punt 22)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 21 ta’ Ġunju 1984, Lux vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, 69/83, Ġabra p. 2447, punt 36; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 21 ta’ Mejju 1992, Fascilla vs Il‑Parlament, T‑55/91, Ġabra p. II‑1757, punt 32; 25 ta’ Marzu 2004, Petrich vs Il‑Kummissjoni, T‑145/02, ĠabraSP p. I‑A‑101 u II‑447, punt 54; 5 ta’ April 2005, Hendrickx vs Il‑Kunsill, T‑376/03, ĠabraSP p. I‑A‑83 u II‑379, punt 68

2.      L-attribuzzjoni tar-responsabbiltà tal-Komunità tassumi li jkunu ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha fir-rigward tal-illegalità tal-aġir allegata fil-konfront tal-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-imġiba u d-dannu invokat.

Sabiex din ir-rabta tiġi milqugħa, jeħtieġ, qabel kollox, li tiġi prodotta il-prova ta’ rabta diretta u ċerta ta’ kawża u effett bejn il-ksur imwettaq mill-istituzzjoni Komunitarja kkonċernata u d-dannu invokat.

Fil-kuntest partikolari ta’ kompetizzjoni, il-livell ta’ ċertezza tar-rabta kawżali jinkiseb meta n-nuqqas imwettaq minn istituzzjoni Komunitarja, b’mod ċert, mhux neċessarjament iċaħħad lil persuna mill-għoti tal-impjieg inkwistjoni, li fir-rigward tiegħu il-parti konnċernata qatt ma ser tkun tista’ tipprova li kellha d-dritt, iżda minn opportunità kunsiderevoli li tinħatar, bil-konsegwenza li l-parti kkonċernata ssofri dannu materjali li jikkonsisti f’telf mid-dħul.

(ara l-punti 38, 40 u 41)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 16 ta’ Diċembru 1987, Delauche vs Il‑Kummissjoni, 111/86, Ġabra p. 5345, punt 30; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 9 ta’ Frar 1994, Latham vs Il‑Kummissjoni, T‑3/92, ĠabraSP p. I‑A‑23 u II‑83, punt 63; 15 ta’ Frar 1996, Ryan‑Sheridan vs FEACVT, T‑589/93, ĠabraSP p. I‑A‑27 u II‑77, punt 141; 5 ta’ Ottubru 2004, Sanders et vs Il‑Kummissjoni, T‑45/01, Ġabra p. II‑3315, punti 149 u 150; 12 ta’ Settembru 2007, Combescot vs Il‑Kummissjoni, T‑250/04, Ġabra p. I‑0000, punti 95 u 96; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 22 ta’ Ottubru 2008, Tzirani vs Il‑Kummissjoni, F‑46/07, Ġabra p. I‑ 0000, punt 215