Language of document : ECLI:EU:C:2019:288

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

4 ta’ April 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikolu 5(3) – Kumpens lill-passiġġieri fil-każ ta’ rifjut ta’ imbark u ta’ tħassir jew ta’ dewmien twil ta’ titjira – Portata – Eżenzjoni mill-obbligu ta’ kumpens – Kunċett ta’ ‘ċirkustanzi straordinarji’ – Ħsara f’tajer ta’ ajruplan minħabba oġġett estern fuq il-pista tat-tlugħ ta’ ajruport”

Fil-Kawża C‑501/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Köln (il-Qorti Reġjonali ta’ Köln, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Lulju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Awwissu 2017, fil-proċedura

Germanwings GmbH

vs

Wolfgang Pauels,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tar-Raba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, J. Malenovský, L. Bay Larsen, M. Safjan u D. Šváby (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Unità,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑17 ta’ Settembru 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Germanwings GmbH, minn W. Bloch u Y. Pochyla, Rechtsanwälte,

–        għal W. Pauels, minn E. Stamer u M. Hofmann, Rechtsanwälte,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, J. Möller, M. Hellmann u M. Kall, J. Techert u A. Berg, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Simonsson, B. Bertelmann u K.‑Ph. Wojcik, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑22 ta’ Novembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU 2004, L 46, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Wolfgang Pauels u Germanwings GmbH, trasportatur tal-ajru, dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tikkumpensa lil dan il-passiġġier li ġarrab dewmien sinjifikattiv tat-titjira tiegħu.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Il-premessi 14 u 15 tar-Regolament Nru 261/2004 jistabbilixxu li:

“(14)      Bħal taħt il-Konvenzjoni ta’ Montreal, obbligazzjonijiet dwar trasportaturi ta’ l-ajru li jaħdmu għandhom ikunu limitati jew esklużi fejn xi ħaġa ġiet ikkawżata minn ċirkostanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri kollha raġonevoli kienu ttieħdu. Ċirkostanzi bħal dawn jistgħu, partikolarment, iseħħu f’każijiet ta’ nuqqas ta’ stabbilitá politika, kondizzjonijiet meteoroloġiċi li ma jaqblux ma’ l-operazzjoni tat-titjira in kwistjoni, riskji tas-sigurtá, nuqqasijiet mhux mistennijin fir-rigward tas-sigurtá tat-titjira u strajkijiet li jaffettaw l-operazzjoni ta’ trasportatur ta’ l-ajru li jopera.

(15)      Ċirkostanzi straordinarji għandhom jiġu meqjusin li jeżistu fejn l-impatt ta’ deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku ta’ l-ajru fir-rigward ta’ inġenju ta’ l-ajru partikolari fuq ġurnata partikolari tikkawża dewmien twil, dewmien ta’ matul il-lejl, jew il-kanċellazzjoni ta’ titjira waħda jew aktar titjiriet ta’ dak l-inġenju ta’ l-ajru, anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ttieħdu mil-trasportatur ta’ l-ajru in kwistjoni biex jiġu evitati id-dewmien jew kanċellazzjonijiet.”

4        Bit-titolu “Kanċellazzjoni”, l-Artikolu 5(1) u (3) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi li:

“1.      Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

[…]

(ċ)      jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, kemm-il darba:

(i)      huma informati bil-kanċellazzjoni mill-inqas ġimgħatejn qabel il-ħin tat-tluq skedat; jew

(ii)      huma informati bil-kanċellazzjoni bejn ġimgħatejn u sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn sagħtejn qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn erba’ sigħat wara l-ħin tal-wasla skedat; jew

(iii)      huma informati bil-kanċellazzjoni inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat.

[…]

3.      Trasportatur ta’ l-ajru li jopera m’għandux ikun obbligat iħallas kumpens skond l-Artikolu 7, jekk jista’ juri li l-kanċellazzjoni hi kkawżata minn ċirkostanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin.”

5        Bit-titolu “Dritt għall-kumpens”, l-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament jipprevedi, fil-paragrafu 1(a) tiegħu, li:

“Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

(a)      EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas;

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

6        W. Pauels għamel, ma’ Germanwings, riżervazzjoni għal titjira minn Dublin (l-Irlanda) lejn Düsseldorf (il-Ġermanja).

7        Din it-titjira ġiet operata fit‑28 ta’ Awwissu 2015 b’dewmien ta’ tliet sigħat u tmienja u għoxrin minuta mill-wasla.

8        Germanwings rrifjutat li tilqa’ t-talba għal kumpens ta’ W. Pauels għar-raġuni li d-dewmien tat-titjira kkonċernata kien dovut għal “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, li teħlisha mill-obbligu tagħha ta’ kumpens previst fl-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament.

9        F’dan ir-rigward, Germanwings issostni li d-dewmien huwa dovut għall-fatt li instab, matul il-preparamenti għat-tlugħ tat-titjira inkwistjoni, vit f’wieħed mit-tajers tal-ajruplan li kien qed jopera din it-titjira, li wassal sabiex kellu jinbidel it-tajer ikkonċernat.

10      Adita minn W. Pauels, l-Amtsgericht Köln (il-Qorti Distrettwali ta’ Köln, il-Ġermanja) ikkundannat lil Germanwings tħallsu s-somma ta’ EUR 250, miżjuda bl-interessi, peress li d-dannu kkawżat lit-tajer ta’ ajruplan minħabba vit li kien jinsab fuq pista ta’ ajruport jikkostitwixxi ċirkustanza inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività ta’ trasportatur tal-ajru, effettivament kontrollabbli minnu. Insostenn tad-deċiżjoni tagħha, l-Amtsgericht Köln (il-Qorti Distrettwali ta’ Köln) żiedet li l-analiżi tagħha hija wkoll konformi mar-rieda tal-leġiżlatur kif turi l-eżistenza ta’ kontroll tal-pista u l-obbligu legali li tagħmel dan.

11      Germanwings appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Landgericht Köln (il-Qorti Reġjonali ta’ Köln). Hija tqis li l-Amtsgericht Köln (il-Qorti Distrettwali ta’ Köln) estendiet iżżejjed l-ambitu tal-elementi li jaqgħu taħt il-kontroll tagħha. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-użu ta’ pisti ta’ ajruport jaqa’ b’mod ġenerali taħt it-traffiku tal-ajru u ma jikkostitwixxix b’mod partikolari attività tat-trasportatur tal-ajru. Hija tqis li t-tindif tal-pisti lanqas ma jaqa’ taħt id-dmirijiet tat-trasportatur tal-ajru u huwa lil hinn mill-kontroll ta’ dan tal-aħħar.

12      Il-Landgericht Köln (il-Qorti Reġjonali ta’ Köln) tqis li s-soluzzjoni tat-tilwima tiddependi fuq il-kwistjoni dwar jekk, skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 14 ta’ dan tal-aħħar, il-ħsara f’tajer minħabba l-preżenza ta’ vit fuq il-pisti tagħmilx jew le parti mill-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat u jekk, minħabba n-natura tagħha jew il-kawża tagħha, hijiex effettivament lil hinn mill-kontroll tiegħu.

13      Hija ssostni li hija qieset f’bosta proċeduri preċedenti li l-ħsara f’tajer ta’ ajruplan minħabba l-preżenza ta’ vit jew ta’ oġġetti oħra komparabbli fuq il-pista tikkostitwixxi “ċirkustanza straordinarja” sa fejn il-preżenza ta’ tali oġġetti esterni tikkostitwixxi riskju mhux kontrollabbli għat-trasportatur tal-ajru u għalhekk avveniment estranju, kuntrarjament għall-ħsara prematura ta’ ċerti komponenti ta’ ajruplan minkejja manutenzjoni regolari.

14      Madankollu, hija tirreferi għall-ġurisprudenza ta’ qrati oħra li tgħid l-oppost, b’mod partikolari wara d-digriet tal‑14 ta’ Novembru 2014, Siewert (C‑394/14, EU:C:2014:2377), filwaqt li tqis li l-ħsara f’tajer ta’ ajruplan minħabba l-preżenza ta’ oġġetti esterni fuq il-pista ma tistax tiġi assimilata ma’ kolliżjoni ma’ pont tal-imbark kif prevista f’dan id-digriet u għandha pjuttost tiġi assimilata ma’ kolliżjoni ma’ għasafar, kif prevista fis-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška, C‑315/15, EU:C:2017:342). F’dan ir-rigward, hija tosserva li t-tindif tal-pisti jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tas-sigurtà tal-ajruport u mhux taħt ir-responsabbiltà tat-trasportatur tal-ajru.

15      Għaldaqstant, hija tqis neċessarju li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li tosserva li, jekk kellha tiġi aċċettata l-klassifikazzjoni bħala “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, din tkun tinvolvi min-naħa tagħha ġbir ta’ provi addizzjonali.

16      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Köln (il-Qorti Reġjonali ta’ Köln) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-ħsara f’tajer ta’ ajruplan minħabba vit li kien jinsab fuq il-pista tat-tlugħ jew tal-inżul (dannu kkawżat minn oġġett estern) tikkostitwixxi ċirkustanza straordinarja fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004?”

 Fuq id-domanda preliminari

17      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 14 tiegħu, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-ħsara f’tajer ta’ ajruplan minħabba oġġett estern, bħal residwi mobbli, fuq il-pista ta’ ajruport taqa’ taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

18      Għandu jitfakkar li, fil-każ ta’ tħassir ta’ titjira jew ta’ dewmien twil, jiġifieri ta’ tul ta’ tliet sigħat jew iktar, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jistabbilixxi l-obbligi tat-trasportaturi tal-ajru previsti fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 261/2004 (ara s-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška, C‑315/15, EU:C:2017:342, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19      Skont il-premessi 14 u 15 kif ukoll l-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, it-trasportatur tal-ajru huwa għalhekk eżentat mill-obbligu tiegħu ta’ kumpens lill-passiġġieri skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 jekk dan ikun jista’ juri li t-tħassir jew id-dewmien tat-titjira ta’ tliet sigħat jew iktar mill-wasla jkun dovut għal ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha kienu ttieħdu (ara s-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška, C‑315/15, EU:C:2017:342, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata) u, fil-każ li sseħħ tali ċirkustanza, li huwa jkun adotta l-miżuri adatti għas-sitwazzjoni billi jimplimenta l-mezzi kollha f’termini ta’ persunal jew ta’ materjal u l-mezzi finanzjarji li huwa kellu, sabiex jiġi evitat li din twassal għat-tħassir jew għad-dewmien twil tat-titjira kkonċernata, mingħajr ma jkun jista’ jiġi rikjest minnu li jagħmel sagrifiċċji mhux tollerabbli fid-dawl tal-kapaċitajiet tal-impriża tiegħu fil-mument rilevanti (ara s-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška, C‑315/15, EU:C:2017:342, punti 29 u 34).

20      Skont ġurisprudenza stabbilita, jistgħu jiġu kklassifikati bħala ċirkustanzi straordinarji, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, l-avvenimenti li, minn natura tagħhom jew mill-oriġini tagħhom, ma humiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat u li huma lil hinn mill-kontroll effettiv ta’ dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann, C‑549/07, EU:C:2008:771, punt 23, kif ukoll tal‑4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška, C‑315/15, EU:C:2017:342, punt 22), peress li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma kumulattivi (sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Krüsemann et, C‑195/17, C‑197/17 sa C‑203/17, C‑226/17, C‑228/17, C‑254/17, C‑274/17, C‑275/17, C‑278/17 sa C‑286/17 u C‑290/17 sa C‑292/17, EU:C:2018:258, punt 34).

21      Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-ħsara f’tajers ta’ ajruplan, li jikkostitwixxu elementi indispensabbli għall-funzjonament tiegħu, tistax tiġi kklassifikata bħala “ċirkustanzi straordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, għandu qabelxejn jiġi kkonstatat li l-ħsara prematura ta’ ċerti komponenti tikkostitwixxi b’mod partikolari, bħala prinċipju, avveniment intrinsiku marbut mas-sistema ta’ funzjonament tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 2015, van der Lans, C‑257/14, EU:C:2015:618, punti 41 u 42, kif ukoll tal‑4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška, C‑315/15, EU:C:2017:342, punt 23).

22      Fil-fatt, it-trasportaturi tal-ajru jaffaċċjaw regolarment tali ħsarat, fid-dawl tal-kundizzjonijiet partikolari li fihom isir it-trasport bl-ajru u tal-livell ta’ sofistikazzjoni teknoloġika tal-ajruplani (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann, C‑549/07, EU:C:2008:771, punt 24; digriet tal‑14 ta’ Novembru 2014, Siewert et, C‑394/14, EU:C:2014:2377, punt 19 kif ukoll is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, van der Lans, C‑257/14, EU:C:2015:618, punti 37 u 42).

23      F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li t-tajers tal-ajruplani jikkostitwixxu elementi suġġetti, fl-okkażjoni tat-tlugħ u tal-inżul, għal strapazz kbir ħafna u għalhekk huma suġġetti għal riskju permanenti ta’ ħsara, liema fatt jiġġustifika kontrolli tas-sigurtà regolari partikolarment stretti, li jifformaw parti mill-kundizzjonijiet operattivi kurrenti tal-impriżi tat-trasport bl-ajru.

24      Madankollu, meta l-ħsara kkonċernata tkun tirriżulta esklużivament mill-kolliżjoni ma’ oġġett estern, liema fatt għandu jintwera mit-trasportatur tal-ajru, din il-ħsara ma tistax titqies bħala intrinsikament marbuta mas-sistema ta’ funzjonament tal-ajruplan.

25      Dan huwa b’mod partikolari l-każ ta’ ħsara f’ajruplan ikkawżata mill-kolliżjoni bejn l-ajruplan u għasfur (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška, C‑315/15, EU:C:2017:342, punt 24) kif ukoll, bħal fil-kawża prinċipali, ta’ ħsara f’tajer minħabba oġġett estern, bħal residwi mobbli, fuq il-pista tal-ajruport.

26      Għalhekk, il-ħsara f’tajer li toriġina esklużivament mill-kolliżjoni ma’ oġġett estern fuq il-pista tal-ajruport ma tistax titqies bħala inerenti, min-natura jew mill-oriġini tagħha, għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat. Barra minn hekk, fil-dawl tar-restrizzjonijiet partikolari imposti fuq it-trasportatur tal-ajru waqt l-operazzjonijiet ta’ tlugħ u ta’ nżul, marbuta b’mod partikolari mal-veloċità li biha dawn għandhom jitwettqu u l-ħtieġa ta’ sigurtà tal-passiġġieri abbord, kif ukoll il-fatt li l-manutenzjoni tal-pisti b’ebda mod ma taqa’ taħt il-kompetenza tiegħu, l-imsemmija ċirkustanza hija lil hinn mill-kontroll effettiv tiegħu.

27      Konsegwentement, tali ħsara għandha tiġi kklassifikata bħala “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004.

28      Hekk kif jirriżulta mill-punt 78 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, tali konklużjoni tissodisfa l-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri tal-ajru, imfittex mir-Regolament Nru 261/2004, li, hekk kif huwa speċifikat fil-premessa 1 tiegħu, jimplika li t-trasportaturi tal-ajru ma għandhomx jiġu mħeġġa joqogħdu lura milli jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex iwettqu t-titjiriet tagħhom u sabiex ikunu fil-ħin b’detriment għall-għan tas-sigurtà ta’ dawn tal-aħħar.

29      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata minħabba s-soluzzjoni mogħtija fid-digriet tal‑14 ta’ Novembru 2014, Siewert et (C‑394/14, EU:C:2014:2377), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kolliżjoni ma’ taraġ mobbli għat-tlugħ abbord ta’ ajruport ma’ ajruplan ma jistax jiġi kkwalifikat bħala “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004.

30      Fil-fatt, tali tagħmir jintuża neċessarjament fil-kuntest tat-trasport bl-ajru ta’ passiġġieri, li jippermetti li dawn tal-aħħar jitilgħu u jinżlu mill-ajruplan (digriet tal‑14 ta’ Novembru 2014, Siewert et, C‑394/14, EU:C:2014:2377, punt 19) u l-użu ta’ tali tagħmir normalment isir b’kollaborazzjoni mal-ekwipaġġ tal-ajruplani kkonċernati. Għalhekk, din iċ-ċirkustanza la ma tista’ titqies li ma hijiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat u lanqas li hija lil hinn mill-kontroll effettiv tiegħu.

31      Madankollu, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, fil-każ li sseħħ “ċirkustanza straordinarja”, it-trasportatur tal-ajru huwa eżentat mill-obbligu tiegħu ta’ kumpens lill-passiġġieri skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 jekk dan ikun jista’ juri li huwa jkun adotta l-miżuri adatti għas-sitwazzjoni billi jimplimenta l-mezzi kollha f’termini ta’ persunal jew ta’ materjal u l-mezzi finanzjarji li huwa kellu, sabiex jiġi evitat li din twassal għat-tħassir jew għad-dewmien twil tat-titjira kkonċernata, mingħajr ma jkun jista’ jiġi rikjest minnu li jagħmel sagrifiċċji mhux tollerabbli fid-dawl tal-kapaċitajiet tal-impriża tiegħu fil-mument rilevanti.

32      F’dan ir-rigward, mis-seduta rriżulta li t-tajers tal-ajruplani huma suġġetti għal manutenzjoni regolari u għal proċeduri ta’ sostituzzjoni standardizzati li fihom it-trasportaturi tal-ajru jistgħu jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom fl-ajruporti li minnhom joperaw, inklużi dawk li ma jikkostitwixxux is-siti prinċipali tagħhom, kuntratti ta’ sostituzzjoni tat-tajers tagħhom konklużi ma’ kumpanniji ta’ manutenzjoni fl-avjazzjoni u li jiżguraw trattament prijoritarju għas-sostituzzjoni tal-imsemmija tajers.

33      Għaldaqstant, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa t-trasportatur tal-ajru kkonċernat li għandu juri li implimenta l-mezzi kollha f’termini ta’ persunal jew ta’ materjal u l-mezzi finanzjarji li huwa kellu, sabiex jiġi evitat li s-sostituzzjoni tat-tajer bil-ħsara minħabba oġġett estern fuq il-pista ta’ ajruport ma twassalx għal dewmien twil tat-titjira kkonċernata, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

34      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 14 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ħsara f’tajer ta’ ajruplan minħabba oġġett estern, bħal residwi mobbli, fuq il-pista ta’ ajruport taqa’ taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Madankollu, sabiex jeżonera ruħu mill-obbligu tiegħu ta’ kumpens lill-passiġġieri previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, it-trasportatur tal-ajru li t-titjira tiegħu tkun ġarrbet dewmien twil minħabba tali “ċirkustanza straordinarja” għandu juri li huwa implimenta l-mezzi kollha f’termini ta’ persunal jew ta’ materjal u l-mezzi finanzjarji li huwa kellu, sabiex jiġi evitat li s-sostituzzjoni tat-tajer bil-ħsara minħabba oġġett estern, bħal residwi mobbli, fuq il-pista ta’ ajruport ma twassalx għall-imsemmi dewmien tat-titjira kkonċernata.

 Fuq l-ispejjeż

35      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, moqri fid-dawl tal-premessa 14 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ħsara f’tajer ta’ ajruplan minħabba oġġett estern, bħal residwi mobbli, fuq il-pista ta’ ajruport taqa’ taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Madankollu, sabiex jeżonera ruħu mill-obbligu tiegħu ta’ kumpens lill-passiġġieri previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, it-trasportatur tal-ajru li t-titjira tiegħu tkun ġarrbet dewmien twil minħabba tali “ċirkustanza straordinarja” għandu juri li huwa implimenta l-mezzi kollha f’termini ta’ persunal jew ta’ materjal u l-mezzi finanzjarji li huwa kellu, sabiex jiġi evitat li s-sostituzzjoni tat-tajer bil-ħsara minħabba oġġett estern, bħal residwi mobbli, fuq il-pista ta’ ajruport ma twassalx għall-imsemmi dewmien tat-titjira kkonċernata.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.