Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (l-Italja) fis-17 ta’ Diċembru 2018 – Athesia Energy Srl et vs Ministero dello Sviluppo Economico, Gestore dei servizi energetici (GSE) SpA

(Kawża C-799/18)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Athesia Energy Srl, Pv Project Cologna S.r.l., Belriccetto S.r.l., Itt Energy S.r.l., Pietra dei Fiori S.r.l., Energia Solare S.r.l., Green Hunter S.p.A, Actasol 5 S.r.l., Actasol 6 S.r.l., Cinque S.r.l., Spf Energy Uno S.r.l., Spr Energy Due S.r.l., Spf Energy Tre S.r.l., Bulicata S.r.l., Energy Line S.r.l., Marche Solare 1 S.r.l.

Konvenuti: Ministero dello Sviluppo Economico, Gestore dei servizi energetici (GSE) SpA

Domandi preliminari

Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hi dik li tinsab fl-Artikolu 26(2) u (3) tad-Digriet Liġi Nru 91/2014, hekk kif ikkonvertit mil-Liġi 116/2014, li tnaqqas jew aħjar idewwem b’mod sinjifikattiv il-ħlas tal-inċentivi diġà mogħtija b’liġi u ddefiniti skont ftehimiet ad hoc miftiehma mill-produtturi tal-elettriku mill-konverżjoni fotovoltajika mal-Gestore dei servizi energetici s.p.a., kumpannija pubblika inkarigata b’din il-funzjoni;

B’mod partikolari tali dispożizzjoni nazzjonali hija kompatibbli mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea ta’ aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali, ta’ koperazzjoni leali u ta’ effettività mal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; mad-Direttiva 2009/28/KE 1 u mar-regolamentazzjoni tal-iskemi ta’ appoġġ li huma previsti hemmhekk; mal-Artikolu 216(2) TFUE, b’mod partikolari fir-rigward tat-Trattat tal-Karta Ewropea tal-Enerġija ?

____________

1     Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU 2009, L 140, p. 16).