Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesgericht Salzburg (l-Awstrija) fil-31 ta’ Ottubru 2019 – BU vs Markt24 GmbH

(Kawża C-804/19)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landesgericht Salzburg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: BU

Konvenuta: Markt24 GmbH

Domandi preliminari

L-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali 1 japplika għal relazzjoni ta’ xogħol fejn, minkejja l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol fl-Awstrija għal twettiq ta’ xogħol fil-Ġermanja, il-ħaddiem madankollu ma jkun wettaq ebda xogħol minkejja li kien disponibbli sabiex jaħdem diversi xhur fl-Awstrija?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda?

L-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li tista’ tiġi applikata dispożizzjoni nazzjonali li tippermetti lil ħaddiem iressaq kawża (iktar faċilment) quddiem il-qrati tal-post fejn kien joqgħod matul ir-relazzjoni ta’ xogħol jew fejn kien joqgħod meta ntemmet ir-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu, bħall-Artikolu 4(1)(a) tal-Bundesgesetz vom 7. März 1985 über die Arbeits- und Sozialgerichtsbarkeit (il-Liġi Federali tas-7 ta’ Marzu 1985 dwar il-Qrati Kompetenti fil-Qasam Soċjali, iktar ’il quddiem l-“ASGG”)?

L-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li tista’ tiġi applikata dispożizzjoni nazzjonali li tippermetti lil ħaddiem iressaq kawża (iktar faċilment) quddiem il-qrati tal-post fejn ir-remunerazzjoni hija dovuta jew kienet dovuta meta ntemmet ir-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu, bħall-Artikolu 4(1)(d) tal-ASGG?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni u għat-tielet domanda:

4.1    L-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ relazzjoni ta’ xogħol fejn il-ħaddiem ma jkun wettaq ebda xogħol, il-kawża għandha titressaq quddiem il-qrati tal-Istat Membru fit-territorju fejn huwa kien disponibbli li jaħdem?

4.2    L-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ relazzjoni ta’ xogħol fejn il-ħaddiem ma jkun wettaq ebda xogħol, il-kawża għandha titressaq quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn ikun ġie inizjat u konkluż il-kuntratt ta’ xogħol, anki jekk dan tal-aħħar jikkonferma jew jipprevedi li l-ħaddiem jaħdem fi Stat Membru ieħor?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda?

Il-punt 1 tal-Artikolu 7 tar Regolament Nru 1215/2012 japplika għal relazzjoni ta’ xogħol fejn, minkejja l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol fl-Awstrija għal twettiq ta’ xogħol fil-Ġermanja, il-ħaddiem madankollu ma jkun wettaq ebda xogħol minkejja li kien disponibbli sabiex jaħdem diversi xhur fl-Awstrija, fil-każ li tista’ tiġi applikata dispożizzjoni nazzjonali li tippermetti lil ħaddiem iressaq kawża (iktar faċilment) quddiem il-qrati tal-post fejn kien joqgħod matul ir-relazzjoni ta’ xogħol jew fejn kien joqgħod meta ntemmet ir-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu, bħall-Artikolu 4(1)(a) tal-ASGG jew dispożizzjoni nazzjonali li tippermetti lil ħaddiem iressaq kawża (iktar faċilment) quddiem il-qrati tal-post fejn ir-remunerazzjoni hija dovuta jew kienet dovuta meta ntemmet ir-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu, bħall-Artikolu 4(1)(d) tal-ASGG?

____________

1     ĠU 2012 L 351, p. 1.