Language of document : ECLI:EU:C:2009:252

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

POIARES MADURO

ppreżentati fit‑23 ta’ April 2009 1(1)

Kawża C‑424/07

Il‑Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej

vs

Ir‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja

“Komunikazzjonijiet elettroniċi –– Netwerks u servizzi –– Leġiżlazzjoni nazzjonali –– Swieq ġodda”





1.        Is‑settur tat‑telekomunikazzjoni huwa rregolat b’qafas regolamentari Komunitarju sabiex jintlaħqu diversi għanijiet, fosthom prinċipalment dak li tiġi mħarsa l‑kompetizzjoni. Ġie stabbilit arranġament istituzzjonali speċifiku, li permezz tiegħu awtoritajiet nazzjonali regolatorji (iktar ’il quddiem l‑“ANR”) ġew assenjati dawk l‑għanijiet u mogħtija s‑setgħa li jintervjenu, kull fejn huwa meħtieġ, billi jimponu obbligi fuq operaturi tat‑telekomunikazzjoni li għandhom saħħa sinjifikattiva fis‑suq.

2.        Il‑kawża preżenti tittratta essenzjalment il‑marġni ta’ diskrezzjoni tal‑Istati Membri fl‑implementazzjoni ta’ dan il‑qafas regolamentari Komunitarju: l‑ewwel nett, il‑libertà tagħhom li jillimitaw l‑applikazzjoni ta’ din il‑leġiżlazzjoni fejn ikunu involuti swieq sensittivi, jiġifieri swieq ġodda, u t‑tieni nett, il‑libertà tagħhom li jiggwidaw l‑interventi tal‑ANR fir‑rigward ta’ għanijiet regolatorji speċifiċi, bħal pereżempju l‑promozzjoni ta’ investiment u ta’ innovazzjoni.

I –    Il‑kuntest ġuridiku u fattwali

3.        Fl‑ambitu tal‑qafas regolamentari Komunitarju li japplika għas‑settur tat‑telekomunikazzjoni, it‑testi li ġejjin huma rilevanti għall‑kawża preżenti: id‑Direttiva Kwadru [Qafas] (2), id‑Direttiva tal‑Aċċess (3), u d‑Direttiva Servizz Universali.(4)

4.        Il‑leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni hija l‑Liġi dwar it‑telekomunikazzjoni (it‑“TKG”) (5). Filwaqt li t‑TKG tagħmel fil‑parti l‑kbira tagħha t‑traspożizzjoni tal‑qafas regolamentari Komunitarju, din kienet ukoll suġġetta għal żewġ emendi, li jikkonċernaw swieq ġodda, li jinsabu fil‑qalba ta’ din il‑kawża (6).

5.        Dawn l‑emendi għat‑TKG jeżentaw swieq ġodda mil‑leġiżlazzjoni Komunitarja, sakemm din ma tkunx meħtieġa għal kompetizzjoni fit‑tul. Dawn jistipulaw ukoll li l‑ANR Ġermaniża (7), meta tanalizza jekk il‑leġiżlazzjoni hijiex meħtieġa, din għandha tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l‑għan tal‑promozzjoni tal‑investiment fl‑infrastruttura u l‑innovazzjoni.

6.        Sabiex nistabbilixxi l‑isfond għall‑każ preżenti, jien se naqsam ir‑referenzi għad‑dispożizzjonijiet rilevanti tal‑qafas regolamentari Komunitarju bejn l‑għanijiet regolatorji tiegħu (A) u l‑kwistjonijiet proċedurali: is‑sistema ta’ trasparenza, is‑sistema ta’ kooperazzjoni bejn l‑ANR u l‑Kummissjoni, id‑definizzjoni tas‑suq u analiżi tas‑suq (B). Wara, jien ser niddeskrivi t‑TGK f’iktar dettall (C). Fl‑aħħar nett, jien se niddeskrivi fil‑qosor xi avvenimenti relatati mal‑fażi prekontenzjuża tal‑proċedura (D).

A –    L‑għanijiet tal‑qafas regolamentari Komunitarju

7.        L‑Artikolu 7(1) tad‑Direttiva Qafas jistipula li, fit‑twettiq tax‑xogħlijiet stabbiliti fil‑qafas regolamentari Komunitarju, l‑ANR għandhom jagħtu “l‑akbar kont” tal‑għanijiet stipulati fl‑Artikolu 8.

8.        L‑Artikolu 8(1) tad‑Direttiva Qafas jistipula li l‑Istati Membri “għandhom jassiguraw” li l‑ANR jieħdu l‑miżuri raġonevoli u proporzjonali kollha intiżi sabiex jintlaqħu dawn l‑għanijiet.

9.        L‑Artikolu 8(2) tad‑Direttiva Qafas imbagħad jelenka l‑ewwel sett ta’ għanijiet, konnessi mat‑tħaris tal‑kompetizzjoni:

“[l‑ANR] għandhom jippromwovu l‑komeptizzjoni fil‑provvista ta’ netwerks tal‑komunikazzjonijiet elettroniċi, servizzi tal‑komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet u servizzi assoċjati billi fost ħwejjeġ oħra:

(a)      jassiguraw li utenti, inklużi utenti b’diżabbilità, jieħdu l‑benefiċċju massimu f’termini ta’ għażla, prezz u kwalità;

(b)      jassiguraw li ma jkun hemm ebda tgħawwiġ jew restrizzjoni fil‑kompetizzjoni fis‑settur tal‑komunikazzjonijiet elettroniċi;

(ċ)      jinkoraġġixxu l‑investiment effiċjenti fl‑infrastruttura u jippromwovu l‑in[n]ovazzjoni; u

(d)      jinkoraġġixxu l‑użu effiċjenti u jassiguraw l‑amministrazzjoni effettiva tal‑frekwenzi tar‑radju u r‑riżorsi tan‑numerazzjoni.”

10.      L‑Artikolu 8(3) u (4) tad‑Direttiva Qafas jelenka żewġ settijiet oħra ta’ għanijiet, immirati rispettivament biex jippromwovu s‑suq intern iktar fil‑fond u biex iħarsu l‑interessi taċ‑ċittadini tal‑Komunità.

11.      L‑Artikolu 8(4) tad‑Direttiva tal‑Aċċess u l‑Artikolu 17(2) tad‑Direttiva Servizzi Universali jirreferu għall‑għanijiet tad‑Direttiva Qafas. Dawn l‑għanijiet jiġġustifikaw l‑obbligi msemmija f’dawn l‑artikoli, li jistgħu jiġu imposti fuq impriżi li għandhom saħħa sinjifikattiva fis‑suq (8).

12.      L‑Artikolu 15(2) tad‑Direttiva Qafas jobbliga lill‑Kummissjoni tadotta, “konformi mal‑prinċipji tal‑liġi tal‑kompetizzjoni”, linji gwida għall‑analiżi tas‑suq u l‑istima tas‑saħħa sinjifikattiva fis‑suq (iktar ’il quddiem il‑“Linji Gwida tal‑Kummissjoni”) (9).

13.      Il‑premessa 27 tad‑Direttiva Qafas tistipula li l‑Linji Gwida tal‑Kummissjoni għandhom jittrattaw il‑kwistjoni tal‑applikazzjoni ta’ obbligi regolatorji għal swieq ġodda:

“[il‑Linji Gwida tal‑Kummissjoni] għandhom ukoll jindirizzaw il‑kwistjoni tas‑swieq emerġenti, fejn fil‑fatt il‑mexxej tas‑suq x’aktarx li jkollu sehem importanti fis‑suq iżda m’għandux jiġi suġġett għall‑obbligazzjonijiet mhux adattati”.

14.      Il‑punt 32 tal‑Linji Gwida tal‑Kummissjoni jindirizzaw din il‑kwistjoni billi jirrepetu l‑premessa 27 tad‑Direttiva Qafas u jżid ir‑raġunament li ġej:

“Dan għaliex l‑impożizzjoni prematura ta’ leġiżlazzjoni ex ante tista’ tinfluwenza b’mod eċċessiv il‑kundizzjonijiet kompetittivi li jkunu qed jiffurmaw fi ħdan suq ġdid u emerġenti. Fl‑istess ħin, għandu jiġi evitat li tali swieq emerġenti jiġu maħnuqin minn impriżi fit‑tmexxija. Bla preġudizzju għal interventi xierqa mill‑awtoritajiet tal‑kompetizzjoni f’każijiet individwali, l‑ANR għandhom jiżguraw li huma jistgħu jiġġustifikaw għal kollox kwalunkwe forma ta’ intervent ex ante, bikri f’suq emerġenti, partikolarment għax huma jżommu l‑kapaċità li jintervjenu fi stadju iktar tard, fil‑kuntest ta’ eżamijiet mill‑ġdid perjodiċi tas‑swieq rilevanti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

15.      L‑Artikolu 15(1) tad‑Direttiva Qafas jobbliga wkoll lill‑Kummissjoni tadotta rakkomandazzjoni li ser tidentifika, “konformi mal‑prinċipji tal‑liġi tal‑kompetizzjoni”, is‑swieq fejn jistgħu jiġu imposti obbligi taħt id‑Direttiva tal‑Aċċess u d‑Direttiva Servizz Universali (iktar ’il quddiem ir‑“Rakkomandazzjoni tal‑Kummissjoni”) (10).

16.      Il‑premessa 15 tar‑Rakkomandazzjoni tal‑Kummissjoni tistipula fir‑rigward tal‑applikazzjoni ta’ obbligi regolatorji għal swieq ġodda:

“swieq ġodda u emerġenti, li fihom impriżi jistgħu jkunu b’saħħithom minħabba l‑vantaġġi ta’ ‘min jieħu l‑inizjattiva l‑ewwel’, ma għandhomx bħala prinċipju jkunu suġġetti għal‑leġiżlazzjoni ex ante”.

B –    Is‑sistema ta’ trasparenza, is‑sistema ta’ kooperazzjoni, definizzjoni tas‑suq u analiżi tas‑suq

17.      L‑Artikolu 6 tad‑Direttiva Qafas idaħħal fis‑seħħ sistema ta’ trasparenza fir‑rigward tal‑partijiet interessati. L‑ANR għandhom, bħala regola ġenerali, jippermettu lil dawn il‑partijiet, li jippreżentaw l‑osservazzjonijiet tagħhom dwar miżuri proposti, li jippubblikaw il‑proċeduri dwar konsultazzjoni pubblika organizzati mill‑ANR u jagħmlu pubbliċi r‑riżultati ta’ dawn il‑proċeduri.

18.      L‑Artikolu 7(2) tad‑Direttiva Qafas jistabbilixxi sistema ta’ kooperazzjoni bejn l‑ANR u bejnhom u l‑Kummissjoni, sabiex jiżguraw “applikazzjoni konsistenti” tal‑kwadru qafas.

19.      L‑Artikolu 7(3) u (5) tad‑Direttiva Qafas jispeċifika l‑forma li l‑kooperazzjoni għandha tieħu. Meta ANR jkollha l‑intenzjoni li tieħu miżura koperta, inter alia, bl‑Artikoli 15 u 16 tad‑Direttiva Qafas u li tkun ser taffettwa wkoll il‑kummerċ bejn l‑Istati Membri, din għandha tinforma wkoll lill‑ANR oħrajn u lill‑Kummissjoni. Il‑miżura proposta u r‑raġunijiet tagħha għandhom ikunu aċċessibbli għall‑ANR l‑oħra u għall‑Kummissjoni għall‑osservazzjonijiet tagħhom. L‑ANR għandha tikkunsidra dawn l‑osservazzjonijiet u jekk hija tipproċedi bil‑miżura proposta hija għandha tikkomunikaha lill‑Kummissjoni.

20.      L‑Artikoli 15 u 16 tad‑Direttiva Qafas jittrattaw id‑definizzjoni tas‑suq u l‑analiżi tas‑suq, li għalihom tapplika l‑kooperazzjoni.

21.      L‑Artikolu 15(3) tad‑Direttiva Qafas jirregola d‑definizjoni tas‑suq mill‑ANR:

“l‑[ANR] għandhom, waqt li jagħtu l‑akbar kont għar‑[Rakkomandazzjoni tal‑Kummissjoni] u l‑[Linji Gwida tal‑Kummissjoni], jiddefinixxu s‑swieq rilevanti adatti għaċ‑ċirkustanzi nazzjonali, b’mod partikolari is‑swieq ġeografiċi rilevanti fit‑territorju tagħhom, skont il‑prinċipji tal‑liġi tal‑kompetizzjoni. [...]”

22.      L‑Artikolu 16(1) u (2) tad‑Direttiva Qafas jistipula li, wara li jiddefinixxu s‑swieq rilevanti, l‑ANR għandhom janalizzaw dawk is‑swieq, waqt li jagħtu kont tal‑Linji Gwida tal‑Kummissjoni (u, fejn xieraq, b’kollaborazzjoni ma’ awtoritajiet nazzjonali tal‑kompetizzjoni). Meta ANR tiġi msejħa biex tasal għal deċiżjoni dwar obbligu taħt id‑Direttiva tal‑Aċċess jew id‑Direttiva Servizz Universali, din għandha tiddetermina jekk is‑suq huwiex effettivament kompetittiv.

23.      L‑Artikolu 16(3) u (4) tad‑Direttiva Qafas ikopri s‑sitwazzjoni meta l‑ANR tasal għall‑konklużjoni tagħha dwar jekk is‑suq huwiex effettivament kompetittiv jew le. Jekk is‑suq jiġi kkunsidrat li huwa effettivament kompetittiv, l‑ANR ma għandhiex timponi jew iżżomm l‑obbligi imsemmija fl‑Artikolu 16(2), jew tirtira dawk eżistenti. Jekk ma tikkunsidrax li huwa hekk, l‑ANR għandha tidentifika l‑impriżi li għandhom saħħa sinjifikattiva fis‑suq u timponi, iżżomm jew temenda tali obbligi.

24.      L‑Artikolu 7(4) tad‑Direttiva Qafas jagħti lill‑Kummissjoni d‑dritt tal‑veto fuq ċerti miżuri tal‑ANR. Dawk il‑miżuri għandhom jew jiddefinixxu suq differenti minn dawk identifikati fir‑Rakkomandazzjoni tal‑Kummissjoni jew jiddeċiedu jekk impriża għandhiex saħħa fis‑suq taħt, inter alia, l‑Artikolu 16(3) u (4); barra dan, dawn il‑miżuri għandhom jaffettwaw ukoll il‑kummerċ bejn l‑Istati Membri. Il‑Kummissjoni għandha tindika li l‑miżura proposta tkun se toħloq ostaklu għas‑suq uniku jew li għandha dubji serji dwar il‑kompatibbiltà tal‑miżura proposta mad‑dritt Komunitarju, b’mod partikolari mal‑għanijiet tal‑Artikolu 8. F’din l‑eventwalità, il‑miżura proposta l‑ewwel tiġi posposta u fil‑każ li l‑Kummissjoni tagħżel li tagħmel hekk, l‑ANR ikollha tirtira l‑miżura jekk ma tkunx tista’ tiġi adottata flimkien mal‑proposti speċifiċi dwar kif din għandha tiġi emendata.

25.      L‑Artikolu 7(6) jistabbilixxi proċedura ta’ emerġenza, li għandha tiġi applikata, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, għas‑sistema ta’ kooperazzjoni deskritta iktar ’il fuq.

C –    It‑TKG

26.      L‑Artikolu 2 tat‑TKG jelenka l‑għanijiet leġiżlattivi, li essenzjalment jinkludu l‑għanijiet regolatorji speċfikati fl‑Artikolu 8 tad‑Direttiva Qafas.

27.      L‑Artikolu 9(1) u (2) tat‑TKG jistipula li dak ir‑regolament ser japplika għal dawk is‑swieq li jissodisfaw il‑kundizzjonijiet imsemmija fl‑Artikolu 10 u li fir‑rigward tagħhom analiżi tas‑suq, li tkun twettqet bis‑saħħa tal‑Artikolu 11, turi li effettivament m’hemmx kompetizzjoni. Impriżi li għandhom saħħa sinjifikattiva f’dawn is‑swieq għandu jkollhom imposti fuqhom obbligi regolatorji mill‑ANR Ġermaniża.

28.      L‑Artikolu 10(2) tat‑TKG jiddeskrivi l‑kundizzjonijiet tas‑suq li għandhom iwasslu sabiex tiġi applikata leġiżlazzjoni (ostakoli għolja għad‑dħul fis‑suq, ostakoli strutturali għal kompetizzjoni effettiva fit‑tul u insuffiċjenza tar‑rimedji tal‑ligi tal‑kompetizzjoni). L‑ANR għandha tiddefinixxi dawn is‑swieq, billi tieħu inkunsiderazzjoni r‑Rakkomandazzjoni tal‑Kummissjoni.

29.      L‑Artikolu 11(1) tat‑TKG għandu x’jaqsam mal‑evalwazzjoni tal‑kompetizzjoni effettiva (ma jkun hemm ebda kompetizzjoni effettiva jekk impriża waħda jew iktar għandhom saħħa sinjifikattiva fis‑suq). L‑ANR Ġermaniża għandha twettaq din l‑analiżi tas‑suq, billi tieħu inkunsiderazzjoni r‑Rakkomandazzjoni tal‑Kummissjoni.

30.      L‑Artikolu 12 tat‑TKG jistabbilixxi proċedura li tirrifletti essenzjalment is‑sistema ta’ trasparenza u s‑sistema ta’ kooperazzjoni tal‑Artikoli 6 u 7 tad‑Direttiva Qafas. L‑Artikoli 10(3) u 11(3) tat‑TKG jistipulaw li l‑ANR Ġermaniża għandha tippreżenta, taħt din il‑proċedura, ir‑riżultati tad‑definizzjoni tagħha tas‑suq u l‑analiżi tas‑suq lill‑Kummissjoni kull meta dawn jinvolvu kummerċ bejn l‑Istati Membri.

31.      Kif issemma, it‑TKG kienet suġġetta għal żewġ emendi fir‑rigward ta’ swieq ġodda. Jidher li, qabel ma ġew adottati dawn l‑emendi, l‑operatur Ġermaniż attwali tat‑telekomunikazzjoni (Deutsche Telekom) kien għamel pressjoni biex in‑netwerk tal‑broadband li kellu l‑ħsieb li joħloq ikun eżentat mill‑intervent regolatorju (jiġifieri aċċess obbligatorju bi prezzijiet irregolati).

32.      Jista’ jiġi dedott min‑noti tal‑partijiet, kemm bil‑miktub u waqt is‑seduta, li kien hemm xi ftit tad‑dibattitu fis‑soċjetà Ġermaniża dwar l‑hekk imsejjaħ “waqfien regolatorju” għal swieq ġodda. Dan id‑dibattitu kien jinkludi vuċijiet li ddubitaw mill‑kompattibbiltà ta’ eżenzjoni kompleta mad‑dritt Komunitarju. Ma huwiex possibbli li jiġi aċċertat, min‑noti tal‑partijiet, jekk ipprevalietx xi opinjoni partikolari u kellhiex influwenza deċiżiva fuq l‑emendi li saru lit‑TKG.

33.      Il‑punt 12b tal‑Artikolu 3 kien l‑ewwel emenda li saret għat‑TKG u stabbilixxa d‑definizzjoni ta’ swieq ġodda:

“‘Suq ġdid’ huwa suq għas‑servizzi u prodotti li huma differenti b’mod sinjifikattiv minn servizzi u prodotti disponibbli fil‑preżent, f’termini tal‑effettività tagħhom, il‑portata tagħhom, id‑disponibbilità tagħhom għal numru kbir ta’ utenti (il‑kapaċità għal suq tal‑massa), il‑prezz jew il‑kwalità tagħhom mill‑perspettiva ta’ xerrej informat u li mhux sempliċement issostitwixxa dawk il‑prodotti.”

34.      L‑Artikolu 9a kien it‑tieni emenda li saret għat‑TKG u introduċa regola ta’ eżenzjoni regolatorja ta’ swieq ġodda fl‑ewwel paragrafu tiegħu u eċċezzjoni għal dik ir‑regola fit‑tieni paragrafu tiegħu:

“1.      Għajr kif inhuwa pprovvdut fil‑paragrafu li ġej, swieq ġodda ma għandhomx ikunu suġġetti għal‑leġiżlazzjoni skont it‑tifsira tal‑Parti 2.

2.      Meta ċerti fatti jippermettu s‑suppożizzjoni li fin‑nuqqas tal‑leġiżlazzjoni, l‑iżvilupp ta’ suq sostenibbli kompetittiv fil‑qasam tas‑servizzi jew netwerks tat‑telekomunikazzjoni jiġi ostakolat fuq perijodu fit‑tul, l‑ANR [Ġermaniża] tista’, b’deroga mill‑paragrafu 1 ta’ hawn fuq, tissuġġetta suq ġdid għal‑leġiżlazzjoni skont it‑tifsira tal‑Parti 2, konformi mal‑Artikoli 9, 10, 11 u 12. Sabiex tiġi evalwata l‑ħtieġa għal‑leġiżlazzjoni u fl‑impożizzjoni ta’ miżuri speċifiċi, l‑ANR [Ġermaniża] se tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l‑għan li jiġi promoss investiment effiċjenti fl‑infrastrutturi u li jingħata appoġġ għall‑innovazzjoni.”

35.      Dawn l‑emendi ġew fis‑seħħ fit‑18 ta’ Frar 2007.

D –    Il‑proċedura prekontenzjuża

36.      Fl‑20 ta’ Diċembru 2006, fil‑kuntest ta’ kuntatti mal‑Ġermanja rigward l‑emendi għat‑TKG, imma qabel ma ġew fis‑seħħ dawk iż‑żidiet, il‑Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ il‑proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

37.      Fis‑26 ta’ Frar 2007, il‑Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill‑Ġermanja li tistaqsi dwar il‑kompatibbiltà taż‑żidiet għat‑TKG mal‑qafas regolamentari Komunitarju. Fl‑istess ġurnata, hija ħarġet ukoll stqarrija stampa li semmiet “l‑intenzjoni li tressaq il‑każ kemm jista’ jkun malajr quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja tal‑Komunitajiet Ewropej”.

38.      Peress li ma kinitx sodisfatta bit‑tweġibiet tal‑Ġermanja għall‑ittra ta’ intimazzjoni tagħha u għall‑opinjoni motivata sussegwenti, il‑Kummissjoni resqet ir‑rikors preżenti konformi mal‑Artikolu 226 KE.

II – Ammissibbiltà

39.      Il‑Ġermanja toġġezzjona għall‑ammissibbiltà tar‑rikors preżenti. L‑ewwel oġġezzjoni tagħha hija bbażata fuq il‑fatt li l‑Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ il‑proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu qabel ma ġew fis‑seħħ iż‑żidiet għat‑TKG.

40.      Madankollu, dak il‑fatt għandu jiġi mwarrab. Il‑Ġermanja rċeviet l‑ittra ta’ intimazzjoni tal‑Kummissjoni wara li ż‑żidiet għat‑TKG ġew fis‑seħħ. Għalhekk, skont l‑Artikolu 226 KE, il‑Ġermanja ngħatat l‑opportunità li tissottometti osservazzjonijiet dwar ksur li, allegatament, kien diġà jinsab għaddej (11).

41.      It‑tieni nett, il‑Ġermanja targumenta li d‑drittijiet ta’ difiża tagħha ma ġewx irrispettati meta l‑Kummissjoni esprimiet l‑intenzjoni, fi stqarrija għall‑istampa fl‑istess ġurnata tal‑ittra ta’ intimazzjoni, li tressaq ir‑rikors preżenti quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja kemm jista’ jkun malajr.

42.      L‑impulsività tal‑Kummissjoni kienet inopportuna, b’mod partikolari fid‑dawl tad‑dmir tagħha ta’ kooperazzjoni leali mal‑Istati Membri. (12) Madankollu, dan mhux biżżejjed biex wieħed jikkonkludi li l‑osservazzjonijiet sussegwenti tal‑Ġermanja b’risposta għall‑ittra ta’ intimazzjoni u tal‑opinjoni motivata ma ġewx ikkunsidrati kif kien xieraq mill‑Kummissjoni. Bħala tali, ir‑rikors preżenti huwa ammissibbli.

III – Evalwazzjoni

43.      Permezz tal‑emendi tagħha għat‑TKG, il‑Ġermanja rrestrinġiet l‑applikazzjoni tal‑leġiżlazzjoni fejn kienu involuti swieq ġodda. Il‑punt 12b tal‑Artikolu 3 tat‑TKG jiddefinixxi x’jikkostitwixxi suq ġdid. Imbagħad, taħt l‑Artikolu 9a(1) tat‑TKG, dawn is‑swieq huma fil‑prinċipju eżentati mil‑leġiżlazzjoni. Taħt l‑Artikolu 9a(2) tat‑TKG, il‑leġiżlazzjoni għandha tapplika biss jekk, mingħajrha, il‑kompetizzjoni fit‑tul tiġi ostakolata; fl‑evalwazzjoni tal‑ħtieġa għal‑leġiżlazzjoni, l‑ANR Ġermaniża għandha tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l‑inċentivi għall‑investiment u għall‑innovazzjoni – b’mod partikolari meta timponi obbligi fuq impriżi b’saħħa sinjifikattiva fis‑suq.

44.      Il‑punt 12b tal‑Artikolu 3 u l‑Artikolu 9a tat‑TKG qiegħdu, skont il‑Kummissjoni, lill‑Ġermanja fi ksur tal‑obbligi tagħha, taħt diversi dispożizzjonijiet tal‑qafas regolamentari Komunitarju u jiġifieri, l‑Artikoli 6, 7, 8(1) u (2), 15(3) u 16 tad‑Direttiva Qafas, l‑Artikolu 8(4) tad‑Direttiva tal‑Aċċess u l‑Artikolu 17(2) tad‑Direttiva Servizzi Universali.

45.      Dan l‑allegat ksur jista’ jinġabar f’żewġ settijiet ta’ domandi, l‑ewwel dawk li jittrattaw l‑impatt sostantiv tar‑restrizzjoni tal‑leġiżlazzjoni, it‑tieni l‑implikazzjonijiet proċedurali.

46.      Id‑domandi sostantivi jittrattaw il‑marġni ta’ diskrezzjoni tal‑Ġermanja fit‑traspożizzjoni tal‑qafas regolamentari Komunitarju:

– Il‑Ġermanja tista’ tistabbilixxi regola dwar eżenzjoni regolatorja għal swieq ġodda?

– Il‑Ġermanja tista’ tillimita s‑setgħa diskrezzjonali tal‑ANR Ġermaniża, billi tagħti prijorità għal għan regolatorju partikolari fir‑rigward ta’ interventi fi swieq ġodda?

47.      Id‑domandi proċedurali jittrattaw dwar kemm l‑emendi għat‑TKG jinterferixxu mal‑attivitajiet proċedurali li jwasslu għad‑deċiżjoni tal‑ANR Ġermaniża dwar jekk għandux isir intervent jew le, kif stabbilit fil‑qafas regolamentari Komunitarju – is‑sistema ta’ trasparenza, is‑sistema ta’ kooperazzjoni bejn l‑ANR u l‑Kummissjoni, id‑definizzjoni tas‑suq u analiżi tas‑suq.

48.      Madankollu, ikun meħtieġ li jiġu ttrattati dawn id‑domandi proċedurali f’każ biss li r‑risposta tal‑Qorti tal‑Ġustizzja għad‑domandi sostantivi taċċetta, fl‑ewwel lok, li l‑Ġermanja aġġixxiet legalment fl‑ambitu tas‑setgħa diskrezzjonali tagħha. Jekk le, illegalitajiet oħra relatati ma’ dawn id‑domandi proċedurali ma jkunux iktar rilevanti.

49.      Jien għalhekk se nibda l‑analiżi tiegħi bid‑domandi sostantivi.

A –    L‑allegat ksur li joriġina mill‑istabbiliment ta’ regola ta’ eżenzjoni regolatorja għal swieq ġodda

50.      L‑Artikolu 9a(1) tat‑TKG jistabbilixxi regola ta’ eżenzjoni regolatorja ħlief jekk jiġu ssodisfatti l‑kundizzjonijiet stabbiliti bl‑Artikolu 9a(2) tat‑TKG. Din ir‑regola, skont il‑Kummissjoni, hija maħsuba biex tiffavorixxi l‑investiment ta’ operatur attwali tat‑telekomunikazzjoni f’netwerk broadband billi tneħħi t‑theddida ta’ intervent regolatorju.

51.      Il‑Qorti tal‑Ġustizzja diġà kkonstatat li intervent f’faċilitajiet li huma proprjetà privata fl‑ewwel lok se jnaqqsu l‑inċentivi li jiġu żviluppati dawn il‑faċilitajiet. Huwa għalhekk li taħt l‑Artikolu 82 KE, ordni sabiex jingħata aċċess obbligatorju għal faċilità (bħala rimedju għal rifjut abbużiv li ssir provvista) tkun xierqa biss jekk jintlaħqu l‑iktar rekwiżiti rigorużi (13). Huwa għalhekk ukoll li skont il‑leġiżlazzjoni Komunitarja tas‑settur tat‑telekomunikazzjoni, l‑impożizzjoni ta’ obbligu li tidħol f’negozjati biex tagħti aċċess għandha tkun proporzjonali u tassew meħtieġa mis‑sitwazzjoni kompetittiva (14).

52.      Għaldaqstant, jista’ jiġi stabbilit li l‑possibbiltajiet ta’ intervent li tinvolvi l‑leġiżlazzjoni se jnaqqsu l‑inċentivi biex wieħed jinvesti fl‑infrastruttura u l‑innovazzjoni (15). Bħala tali, huwa biss naturali li l‑operatur attwali tat‑telekomunikazzjoni ma jħarisx lejn il‑leġiżlazzjoni b’mod pożittiv; u jekk il‑Ġermanja tixtieq tippromwovi l‑investiment fl‑infrastruttura tat‑telekomunikazzjoni, ikun aħjar jekk tindirizza dan it‑tħassib. Kollox iħoll u jorbot fuq għażla tal‑politika: li tiġi llimitata l‑leġiżlazzjoni u toqgħod għall‑effetti assoċjati tas‑saħħa fis‑suq sostantiva, sabiex jiġi ffaċilitat l‑investiment fl‑infrastruttura.

53.      F’ċirkustanzi normali, il‑Ġermanja titħalla tagħmel tali għażla tal‑politika; imma mhux fejn ikun hemm leġiżlazzjoni Komunitarja tas‑settur tat‑telekomunikazzjoni. Hawnhekk, l‑għażla diġà saret mil‑leġiżlatur tal‑Komunità li dan is‑settur jiġi suġġett għal‑leġiżlazzjoni, bil‑possibbiltajiet kollha ta’ intervent li dan jinvolvi (16).

54.      Is‑settur tat‑telekomunikazzjoni bla dubju jinkludi s‑swieq ġodda definiti bil‑punt 12b tal‑Artikolu 3 tat‑TKG. Għalhekk, il‑Ġermanja ma tistax taqleb id‑deċiżjoni tal‑leġiżlatur tal‑Komunità u, bħala regola, teżenta dawn is‑swieq ġodda mil‑leġiżlazzjoni.

55.      Madankollu, il‑Ġermanja targumenta li, effettivament, ir‑regola li s‑swieq il‑ġodda ma għandhomx ikunu suġġetti għal‑leġiżlazzjoni hija diġà preżenti fil‑qafas regolamentari Komunitarju.

56.      Dan mhux il‑każ. Il‑Premessa 27 tad‑Direttiva Qafas twissi biss kontra li jiġu imposti “obbligazzjonijiet mhux xierqa” fuq swieq ġodda (17). Hija biss il‑Kummissjoni, l‑ewwel fil‑Linji Gwida u mbagħad fir‑Rakkomandazzjoni tal‑Kummissjoni li tidħol iktar f’dettall dwar dan. Huwa veru li din tal‑aħħar tistipula li swieq ġodda ma għandhomx ikunu suġġetti għal leġiżlazzjoni; madankollu, jien insib li tal‑ewwel tagħti rendikont aħjar u iktar komplut tal‑kwistjonijiet li huma involuti.

57.      Il‑Linji Gwida tal‑Kummissjoni jistipulaw li l‑kundizzjonijiet li qed jevolvu fi swieq ġodda jistgħu jiġu affettwati bil‑leġiżlazzjoni; imma fl‑istess ħin, li dawn is‑swieq ma għandhomx jiġu ostakolati mill‑bidu nett minn impriżi li għandhom saħħa sinjifikattiva fis‑suq. Dan iqiegħed dmir ta’ diliġenza fuq l‑ANR għal meta jintervjenu f’dawn is‑swieq, b’mod partikolari fid‑dawl tal‑possibbiltà li jipposponu dak l‑intervent għal żmien meta l‑kundizzjonijiet kompetittivi jkunu ġew stabilizzati. Ir‑Rakkomandazzjoni tal‑Kummissjoni u r‑riferiment li tagħmel għas‑saħħa fis‑suq miksuba minħabba vantaġġi ta’ “min jieħu l‑inizjattiva l‑ewwel”, għandhom jiġu interpretati f’dan id‑dawl.

58.      Għaldaqstant huwa ċar, fir‑rigward tal‑eżenzjoni ta’ swieq ġodda mil‑leġiżlazzjoni, li l‑pass minn rakkomandazzjonijiet li sempliċement jipprovdu twissija għal regola li torbot legalment ma kienx maħsub mil‑leġiżlatur tal‑Komunità.

59.      Konsegwentement, il‑Ġermanja ma tistax tintroduċi regola ta’ eżenzjoni regolatorja għal swieq ġodda, kif tagħmel fl‑Artikolu 9a(1) tat‑TKG.

B –    L‑allegat ksur li joriġina mil‑limitazzjoni tas‑setgħa diskrezzjonali tal‑ANR billi tingħata prijorità lil xi għan regolatorju partikolari

60.      Il‑Ġermanja ssostni, madankollu, li hija ma stabbilixxietx eżenzjoni regolatorja ġenerali. Hija targumenta li l‑Artikolu 9a tat‑TKG għandu jiġi interpretat fid‑dawl tat‑tieni paragrafu tiegħu, li jistabbilixxi l‑kundizzjonijiet meħtieġa biex tapplika l‑leġiżlazzjoni – l‑ewwel paragrafu jkun sempliċement il‑konsegwenza tan‑nuqqas ta’ twettiq ta’ dawn il‑kundizzjonijiet. F’dan ir‑rigward, il‑Ġermanja ssostni li qiegħda sempliċement tiggwida – jew, kif tpoġġiha hija, “tistruttura minn qabel” – l‑intervent tal‑ANR Ġermaniża fi swieq ġodda.

61.      Essenzjali għal din “l‑istrutturar minn qabel” huwa l‑iffokar, bl‑Artikolu 9a(2) tat‑TKG, fuq l‑għan li jiġu promossi l‑investiment u l‑innovazzjoni (18). Dan l‑għan jikkorrispondi għall‑Artikolu 8(2)(c) tad‑Direttiva Qafas; madankollu l‑għanijiet l‑oħra tal‑Artikolu 8 tad‑Direttiva Qafas japplikaw xorta waħda permezz tal‑Artikolu 2 tat‑TKG. Għall‑Ġermanja, l‑għanijiet tal‑qafas regolamentari Komunitarju jistgħu jiġu bbilanċjati b’diversi modi u dak li għamel il‑leġiżlatur tagħha kien li “jagħti struzzjonijiet” lill‑ANR Ġermaniża dwar kif tasal għal dan il‑bilanċ u jagħti prijorità għal xi għan wieħed partikolari (19).

62.      Il‑Ġermanja targumenta li dawn l‑istruzzjonijiet jaqgħu fi ħdan il‑marġni ta’ diskrezzjoni permess fit‑traspożizzjoni tal‑qafas regolamentari Komunitarju (20). Il‑kwistjoni, għaldaqstant, hija lil min il‑qafas regolamentari Komunitarju jassenja l‑bilanċ bejn l‑għanijiet differenti tagħha: lil‑leġiżlatur nazzjonali, fit‑traspożizzjoni ta’ dan il‑qafas, jew lill‑ANR, fl‑evalwazzjonijiet speċifiċi tagħhom?

63.      Jien għandi nenfasizza li r‑risposta hija indipendenti mill‑għan partikolari mfittex. Jista’ jirriżulta li l‑Ġermanja hija korretta u trid tingħata attenzjoni speċjali, fir‑rigward ta’ swieq ġodda, għal inċentivi għall‑infrastruttura u għall‑innovazzjoni. Madankollu, is‑setgħa diskrezzjonali ta’ dan il‑bilanċ lil‑leġiżlatur nazzjonali għandu konsegwenzi differenti mill‑assenjazzjoni tiegħu lill‑ANR. L‑ANR twaqqfu u ngħataw poteri partikolari mill‑qafas regolamentari Komunitarju għal ċerta raġuni: huma mistennija li jkunu insulati minn ċerti interessi u li jilħqu d‑deċiżjonijiet tagħhom regolati biss mill‑kriterji stabbiliti f’dak il‑qafas.

64.      Bħala tali, jien nemmen li l‑bilanċ bejn l‑għanijiet tal‑qafas regolamentari għandu jintlaħaq mill‑ANR. L‑Artikolu 8 tad‑Direttiva Qafas jitlob li l‑ANR jilħqu dawn l‑għanijiet – u għaldaqstant il‑bilanċ bejniethom – u mhux lil‑leġiżlatur nazzjonali.

65.      Dan joħloq arranġament istituzzjonali li permezz tiegħu l‑funzjoni tal‑leġiżlatur nazzjonali hija limitata biex tiżgura li l‑ANR jieħdu l‑miżuri kollha neċessarji biex jintlaħqu dawn l‑għanijiet, kif ġie kkonfermat mill‑Qorti tal‑Ġustizzja f’diversi okkażjonijiet (21). Anki l‑awtonomija tal‑Istati Membri fir‑rigward tal‑organizzazzjoni u l‑istrutturar tal‑ANR ġiet suġġetta għal din it‑tfittxija. (22)

66.      Dan jippreżupponi wkoll li huma l‑ANR, quddiem evalwazzjonijiet speċifiċi, li jinsabu fl‑aħjar pożizzjoni biex jiddeċiedu kif għandu jintlaħaq il‑bilanċ bejn dawn l‑għanijiet differenti sabiex jiġu massimizzati. Fi kliem ieħor, deċiżjoni minn leġiżlatur nazzjonali li tagħti prijorità lil għan partikolari tkun, fil‑fatt, taffettwa l‑mod li bih il‑leġiżlatur tal‑Komunità kellu l‑ħsieb li jagħmel l‑evalwazzjonijiet tas‑suq speċifiċi: mill‑ANR, billi tieħu inkunsiderazzjoni lill‑għanijiet differenti minn każ għal każ. In‑nuqqas ta’ sistema li tattribwixxi prijorità bejn l‑għanijiet stipulati fil‑qafas regolamentari Komunitarju u d‑diskrezzjoni konsegwenzjali mogħtija lill‑ANR, kienet għal kollox intenzjonata min‑naħa tal‑leġiżlatur tal‑Komunità.

67.      Għaldaqstant, il‑Ġermanja ma tistax tillimita s‑setgħa diskrezzjonali tal‑ANR Ġermaniża fir‑rigward ta’ interventi fi swieq ġodda billi tissuġġettaha għal kundizzjonijiet, bħal dawk stipulati fl‑Artikolu 9a(2) tat‑TKG, li ta prijorità lil għan regolatorju wieħed partikolari (23).

68.      Għalhekk il‑Ġermanja, kisret l‑obbligi tagħha taħt id‑dispożizzjonijiet li jistabbilixxu jew jirreferu għall‑għanijiet tal‑qafas regolamentari Komunitarju: l‑Artikoli 7(1) u 8 tad‑Direttiva Qafas, l‑Artikolu 8(4) tad‑Direttiva tal‑Aċċess u l‑Artikolu 17(2) tad‑Direttiva Servizz Universali (24).

C –    L‑allegat ksur li jikkonċerna s‑sistema ta’ trasparenza, is‑sistema ta’ kooperazzjoni, definizzjoni tas‑suq u analiżi tas‑suq

69.      Id‑dispożizzjonijiet li baqgħu kollha li tirreferi għalihom il‑Kummissjoni jirrigwardaw attivitajiet proċedurali li jwasslu għad‑deċiżjoni tal‑ANR dwar jekk isirx intervent jew le, kif stipulat fil‑qafas regolamentari Komunitarju: is‑sistema ta’ trasparenza, is‑sistema ta’ kooperazzjoni bejn l‑ANR u l‑Kummissjoni, definizzjoni tas‑suq u analiżi tas‑suq.

70.      Peress li diġà ġie stabbilit, rigward interventi mill‑ANR Ġermaniża, li l‑emendi għat‑TKG marru lil hinn mill‑marġni ta’ diskrezzjoni tal‑Ġermanja fit‑traspożizzjoni tal‑qafas regolamentari Komunitarju, huwa irrilevanti jekk dawn l‑emendi kisrux jew le l‑obbligi tal‑Ġermanja li jikkonċernaw il‑materji proċedurali msemmija.

IV – Konklużjoni

71.      Fid‑dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, jien nipproponi li l‑Qorti tal‑Ġustizzja tiddikjara li, bl‑adozzjoni tal‑punt 12b tal‑Artikolu 3 u tal‑Artikolu 9a li jemendaw il‑Liġi tagħha dwar it‑telekomunikazzjoni, ir‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja naqset milli twettaq l‑obbligi tagħha taħt l‑Artikoli 7(1) u 8 tad‑Direttiva Qafas, l‑Artikolu 8(4) tad‑Direttiva tal‑Aċċess u l‑Artikolu 17(2) tad‑Direttiva Servizz Universali.


1 – Lingwa oriġinali: l‑Ingliż.


2 – Direttiva 2002/21/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tas‑7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru regolatorju [qafas regolamentari] komuni għan‑networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru [Qafas]) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349).


3 – Direttiva 2002/19/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tas‑7 ta’ Marzu 2002, dwar l‑aċċess għal, u l‑interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva tal‑Aċċess) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 323).


4 – Direttiva 2002/22/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tas‑7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d‑drittijiet tal‑utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 367).


5 – “Telekommunikationsgesetz” tat‑22 ta’ Ġunju 2004, BGB1. I, p. 1190).


6 – Liġi li temenda d‑dispożizzjonijiet fil‑qasam tat‑telekomunikazzjoni (“Gesetz zur Änderung telekommunikationsrechtlicher Vorschriften”) tat‑18 ta’ Frar 2007 (BGB1. I, p. 106).


7 – Il‑“Bundesnetzagentur”.


8 – Ikun utli li jiġu elenkati wħud minn dawn l‑obbligi biex wieħed jifhem l‑impatt ekonomiku li dawn jista’ jkollhom fuq l‑għan tagħhom: l‑Artikolu 8(4) tad‑Direttiva tal‑Aċċess tirreferi għal obbligi, fost ħwejjeġ oħra, ta’ għoti ta’ aċċess lil, u l‑użu ta’, faċilitajiet ta’ netwerk speċifiċi, u ta’ kontroll ta’ prezzijiet u kontabbiltà tal‑ispejjeż; l‑Artikolu 17(2) tad‑Direttiva Servizzi Universali jinkludi obbligi li jistgħu jirriżultaw f’miżuri ta’ adattament tal‑prezz bl‑imnut, miżuri biex jikkontrollaw tariffi individwali, jew miżuri biex jorjentaw tariffi lejn l‑ispejjeż jew prezzijiet fi swieq li miegħu jista’ jsir tqabbil.


9 – Linji Gwida tal‑Kummissjoni dwar l‑analiżi tas‑suq u l‑istima ta’ saħħa sinjifikattiva fis‑suq taħt il‑Qafas Regolatorju Komunitarju għal netwerks u servizzi tal‑komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU 2002, C 165, p. 6) [traduzzjoni mhux uffiċjali].


10 – Rakkomandazzjoni tal‑Kummissjoni dwar swieq ta’ prodotti u servizzi rilevanti fi ħdan is‑settur tal‑komunikazzjonijiet elettroniċi li jistgħu jkunu suġġetti għal leġiżlazzjoni ex ante konformi mad‑Direttiva 2002/21/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill dwar kwadru regolatorju komuni għal netwerks u servizzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni [innotifikata taħt in‑numru C(2003) 497] (ĠU 2003, L 114, p. 45) [traduzzjoni mhux uffiċjali].


11 – Ara s‑sentenza tal‑15 ta’ Frar 2001, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑230/99, Ġabra p. I‑1169, punt 32).


12 – Ara l‑konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali Mischo ppreżentati fit‑28 ta’ Mejju 2002, fil‑kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑120/01, Ġabra p. I‑6739, punt 50).


13 – Jiġifieri l‑eliminazzjoni ta’ kull kompetizzjoni; ara s‑sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner vs Mediaprint (C‑7/97, Ġabra p. I‑7791, punt 41) u, fir‑rigward tal‑effetti fuq l‑inċentivi, il‑konklużjonijiet tat‑28 ta’ Mejju 1998 tal‑Avukat Ġenerali Jacobs f’din il‑kawża (punt 57).


14 – Ara s‑sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑227/07, ‑Ġabra p. I‑8403, punti 40 sa 44) u l‑konklużjonijiet tal‑10 ta’ Ġunju 2008 tal‑Avukat Ġenerali Ruiz‑Jarabo Colomer (punti 38 u 39), li tgħid li topponi l‑fatt li, “f’suq miftuħ u kompetittiv, jeżistu ostakoli li ma jħallux li l‑impriżi jinnegozjaw”.


15 – B’mod partikolari meta mqabbel mal‑possibbiltajiet li jsir intervent taħt is‑sistema ġenerali tad‑dritt tal‑kompetizzjoni.


16 – Dan ma jfissirx li l‑leġiżlazzjoni hija insensittiva għall‑inċentivi għall‑investiment u għall‑innovazzjoni; tabilħaqq dawk il‑kwistjonijiet jikkundizzjonaw il‑qafas regolatorju Komunitarju permezz tal‑Artikolu 8(2)(c) tad‑Direttiva Qafas, kif diskuss iktar ’l isfel.


17 – Dwar il‑valur interpretattiv tal‑premessi, ara l‑konklużjonijiet tiegħi tas‑17 ta’ Diċembru 2008, fil‑Kawża C‑250/07, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (‑Ġabra p. I‑4369, punt 15).


18 – Kundizzjoni oħra stipulata fil‑Punt 9a(2) tat‑TKG li ġibdet fuqha l‑attenzjoni tal‑Kummissjoni kienet l‑ostakolu, fin‑nuqqas ta’ leġizlazzjoni, għall‑iżvilupp ta’ suq sostentibbli kompetittiv. Madankollu, din il‑kundizzjoni hija meħtieġa wkoll għal kwalunkwe leġiżlazzjoni bil‑Punt 10(2) tat‑TKG (ostakoli strutturali għal kompetizzjoni effettiva fit‑tul), li tirriproduċi fil‑parti l‑kbira l‑premessa 9 tar‑Rakkomandazzjoni tal‑Kummissjoni, u li tidher kompatibbli ma’ applikazzjoni proporzjonali u korretta tal‑leġiżlazzjoni (ara r‑referenzi fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 14).


19 – Waqt is‑seduta, ir‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja ressqet argument iktar fin: il‑Punt 9a(2) tat‑TKG ikun meħtieġ sabiex ikun possibbli l‑istħarriġ ġudizzjarju ta‑s‑setgħa diskrezzjonali tal‑ANR. Madankollu, stħarriġ ġudizzjarju limitat għal għan wieħed huwa ekwivalenti għal struzzjonijiet sabiex tingħata prijorità fir‑rigward ta’ oħrajn.


20 – Dan jirreferi għall‑istruzzjonijiet vinkolanti. Għandu jiġi nnotat li l‑Punti 10(2) u 11(1) tat‑TKG diġà jirreferu għar‑Rakkomandazzjoni tal‑Kummissjoni u l‑Linji Gwida, billi jippermettu li r‑rakkomandazzjonijiet mhux vinkolanti tagħhom japplikaw għal swieq ġodda.


21 – Ara wkoll is‑sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7 (C‑380/05, Ġabra p. I‑349, punt 81), kif ukoll is‑sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 14, punt 63). Fis‑sentenza tagħha tal‑10 ta’ Jannar 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja (C‑387/06, Ġabra p. I‑1, punt 23), il‑Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex jiġi pprovat li kien hemm ostakoli li ma ppermettux li jintlaħqu l‑għanijiet regolatorji tal‑Artikolu 8 tad‑Direttiva Qafas, il‑Kummissjoni kienet obbligata tispeċifika fid‑dettall is‑setgħati tal‑ANR fit‑totalità tagħhom. Bl‑istess mod, fis‑sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (iċċitata iktar ’il fuq, punt 66), il‑Qorti tal‑Ġustizzja kienet issodisfata li l‑ANR kienet ingħatat ‘poteri wiesgħa ta’ intervent’ sabiex tilħaq l‑għanijiet stipulati fl‑Artikolu 8 tad‑Direttiva Qafas.


22 – Ara s‑sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2008, Comisión del Mercado de las Telecomunicaciones (C‑‑82/07, Ġabra p. I‑1265, punt 24).


23 – Sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 14, punti 42 sa 44) ukoll tikkonferma din il‑konklużjoni. Hawnhekk il‑Qorti tal‑Ġustizzja kkunsidrat bħala traspożizzjoni mhux adegwata tad‑Direttiva tal‑Aċċess, u b’mod partikolari l‑obbligu li jintlaħqu l‑għanijiet tal‑Artikolu 8 tad‑Direttiva Qafas, deċiżjoni tal‑Polonja li tiffavorixxi aċċess għal netwerks ta’ infrastruttura billi injorat kundizzjonijiet kompetittivi konkreti.


24 – Hemm ukoll dispożizzjonijiet li jikkorrispondu għall‑Artikolu 8(1) tad‑Direttiva Qafas fid‑Direttiva tal‑Aċċess u d‑Direttiva Servizz Universali, rispettivament fl‑Artikoli 8(1) u 17(1). Madankollu, il‑Kummissjoni ma qajmitx din il‑kwistjoni quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja.