Language of document : ECLI:EU:C:2020:749

Kawża C-195/20 PPU

XC

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-24 ta’ Settembru 2020

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Effetti tal-konsenja – Artikolu 27 – Prosekuzzjoni eventwali għal ksur ieħor – Regola ta’ speċjalità”

1.        Kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali – Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Skop – Sostituzzjoni tas-sistema ta’ estradizzjoni bejn Stati Membri b’sistema ta’ konsenja bejn awtoritajiet ġudizzjarji

(Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, premessa 5 u Artikolu 1(1) u (2))

(ara l-punti 31, 32)

2.        Kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali – Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku – Portata

(Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, premessi 5 u 6 u Artikolu 1(1) u (2))

(ara l-punti 31, 33)

3.        Kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali – Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Regola ta’ speċjalità – Regola intrinsikament marbuta mal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew speċifiku

(Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, Artikoli 1(1), 8(1) u 27(2))

(ara l-punti 37-40)

4.        Kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali – Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Regola ta’ speċjalità – Miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà, meħuda kontra persuna koperta mill-ewwel mandat ta’ arrest Ewropew, minħabba fatti differenti minn dawk li jkunu kkostitwixxew ir-raġuni għall-konsenja tagħha b’eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat u preċedenti għal dawn il-fatti – Persuna li tkun telqet b’mod volontarju mit-territorju tal-Istat Membru li jkun ħareġ l-ewwel mandat u li tkun ġiet ikkonsenjata mill-ġdid hemmhekk b’eżekuzzjoni tat-tieni mandat ta’ arrest Ewropew, maħruġ wara dan it-tluq – Ammissibbiltà – Kundizzjoni

(Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, Artikolu 27(2) u (3))

(ara l-punti 42, 45, 46 u d-dispożittiv)

Sunt

Miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà meħuda kontra persuna koperta mill-ewwel mandat ta’ arrest Ewropew (MAE) abbażi ta’ fatti preċedenti u differenti minn dawk li ġġustifikaw il-konsenja tagħha b’eżekuzzjoni tat-tieni MAE ma tmurx kontra d-dritt tal-UE jekk din il-persuna tkun telqet b’mod volontarju mill-Istat Membru li jkun ħareġ l-ewwel MAE

F’dan il-kuntest, il-kunsens għandu jingħata mill-awtoritajiet ta’ eżekuzzjoni tal-Istat Membru li jkun ikkonsenja l-persuna li tkun is-suġġett ta’ prosekuzzjoni abbażi tat-tieni MAE

XC kien is-suġġett ta’ prosekuzzjoni fil-Ġermanja fi tliet proċeduri kriminali distinti. L-ewwel nett, fis-6 ta’ Ottubru 2011, huwa ġie kkundannat minn qorti distrettwali għal piena ta’ priġunerija globali ta’ sena u disa’ xhur. L-eżekuzzjoni ta’ din il-piena ġiet sospiża taħt ċerti kundizzjonijiet.

It-tieni nett, matul is-sena 2016, infetħu proċeduri kriminali fil-Ġermanja kontra XC għal fatti mwettqa fil-Portugall. Peress li XC kien jinsab fil-Portugall, ix-Staatsanwaltschaft Hannover (il‑Prosekutur ta’ Hannover, il-Ġermanja) ħareġ mandat ta’ arrest Ewropew (iktar ’il quddiem “MAE”) għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali għal dawn il-fatti. L-awtorità ta’ eżekuzzjoni Portugiża awtorizzat il-konsenja ta’ XC lill-awtoritajiet ġudizzjarji Ġermaniżi. Dan tal-aħħar ġie kkundannat għal piena ta’ priġunerija ta’ sena u tliet xhur. Matul l-eżekuzzjoni ta’ din il-piena, is-sospensjoni taħt ċerti kundizzjonijiet tal-eżekuzzjoni tal-piena mogħtija fl-2011 ġiet irrevokata.

Fit-22 ta’ Awwissu 2018, ix-Staatsanwaltschaft Flensburg (il-Prosekutur ta’ Flensburg, il‑Ġermanja) talab lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni Portugiża tirrinunzja għall-applikazzjoni tar-regola ta’ speċjalità u tagħti l-kunsens tagħha għall-eżekuzzjoni tal-piena mogħtija fl-2011. Fil-fatt, skont din ir-regola, stabbilita fl-Artikolu 27(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (1), persuna li tkun ġiet ikkonsenjata ma tistax tkun suġġetta għal prosekuzzjoni, ikkundannata jew imċaħħda mil-libertà għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha minbarra għal dak li jkun ta lok għall-konsenja tagħha. Madankollu, il-paragrafu 3(g) tal-istess artikolu jipprevedi li r-regola ta’ speċjalità ma tapplikax meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tkun ikkonsenjat il-persuna tagħti l-kunsens tagħha.

Fil-31 ta’ Awwissu 2018, fin-nuqqas ta’ tweġiba mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni Portugiża, XC ingħata l-libertà. Fit-18 ta’ Settembru 2018, huwa mar il-Pajjiżi l-Baxxi u mbagħad l-Italja. L-għada nħareġ MAE ġdid fil-konfront tiegħu mix-Staatsanwaltschaft Flensburg (il-Prosekutur ta’ Flensburg) għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tas-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2011. XC ġie arrestat fl-Italja abbażi ta’ dan l-aħħar MAE. L-awtorità ta’ eżekuzzjoni Taljana tat il-kunsens tagħha għall-konsenja tiegħu lill-awtoritajiet Ġermaniżi.

It-tielet nett, fil-5 ta’ Novembru 2018, inħareġ mandat ta’ arrest mill-Amtsgericht Braunschweig (il-Qorti Distrettwali ta’ Braunschweig, il-Ġermanja) għall-finijiet tal-istruttorja tat-tielet kawża li timplika lil XC u li tirrigwarda fatti mwettqa fil-Portugall matul is-sena 2005 (iktar ’il quddiem il-“mandat ta’ arrest tal-5 ta’ Novembru 2018”). F’Diċembru 2018, ix-Staatsanwaltschaft Braunschweig (il-Prosekutur ta’ Braunschweig, il-Ġermanja) talab lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni Taljana tagħti l-kunsens tagħha wkoll sabiex XC ikun is-suġġett ta’ prosekuzzjoni għal dawn il-fatti. L-imsemmija awtorità laqgħet din it-talba.

XC tqiegħed taħt arrest preventiv fil-Ġermanja mit-23 ta’ Lulju 2019 sal-11 ta’ Frar 2020 skont il-mandat ta’ arrest nazzjonali. Matul dan il-perijodu, permezz ta’ sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2019, XC ġie kkundannat, għall-fatti mwettqa fil-Portugall matul is-sena 2005, għal piena ta’ priġunerija globali ta’ seba’ snin li tieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2011.

XC ippreżenta appell għal reviżjoni kontra s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2019 quddiem il-qorti tar-rinviju, jiġifieri l-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), fejn b’mod partikolari invoka r-regola ta’ speċjalità prevista mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Huwa jsostni, essenzjalment, li, sa fejn l-awtorità ta’ eżekuzzjoni Portugiża ma tatx il-kunsens tagħha għall-prosekuzzjoni għall-fatti mwettqa fil-Portugall matul is-sena 2005, l-awtoritajiet Ġermaniżi ma kellhomx id-dritt li jibdew proċeduri kontrih. Fid-dawl ta’ dan l-argument, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq il-kwistjoni dwar jekk il-mandat ta’ arrest tal-5 ta’ Novembru 2018 jistax jinżamm jew għandux jiġi annullat.

Permezz tas-sentenza tagħha tal-24 ta’ Settembru 2020, mogħtija fil-kuntest ta’ proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja qatgħet u ddeċidiet li l-Artikolu 27(2) u (3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-regola ta’ speċjalità stabbilita fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu ma tipprekludix miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà meħuda kontra persuna koperta mill-ewwel MAE minħabba fatti differenti minn dawk li jkunu kkostitwixxew ir-raġuni għall-konsenja tagħha b’eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat u preċedenti għal dawn il-fatti, meta din il-persuna tkun telqet b’mod volontarju mit-territorju tal-Istat Membru li jkun ħareġ l-ewwel MAE u tkun ġiet ikkonsenjata mill-ġdid hemmhekk, b’eżekuzzjoni tat-tieni MAE maħruġ wara dan it-tluq għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jekk kemm‑il darba, abbażi tat-tieni MAE, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tiegħu tkun tat il-kunsens tagħha għall-finijiet tal-estensjoni tal-prosekuzzjonijiet għall-fatti li jkunu wasslu għall-miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li mill-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 27(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jirriżulta li r-regola ta’ speċjalità li huwa jistabbilixxi hija strettament marbuta mal-konsenja li tirriżulta mill-eżekuzzjoni ta’ MAE speċifiku, sa fejn il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tirreferi għall-“konsenja” fis-singular. Tali interpretazzjoni hija kkorroborata mill-interpretazzjoni kuntestwali tal-imsemmija dispożizzjoni, peress li dispożizzjonijiet oħra tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (2) ukoll jindikaw li r-regola ta’ speċjalità hija marbuta mal-eżekuzzjoni ta’ MAE speċifiku. F’dawn iċ-ċirkustanzi, li jiġi rikjest li jingħata kunsens fis-sens tal-Artikolu 27(3)(g) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 kemm mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tal-ewwel MAE kif ukoll mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tat-tieni MAE jipprekludi l-effettività tal-proċedura ta’ konsenja u b’hekk iqiegħed f’riskju l-għan imfittex mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li jikkonsisti f’li jiġu ffaċilitati u mħaffa l-konsenji bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri.

Għaldaqstant, peress li, f’dan il-każ, XC telaq b’mod volontarju mit-territorju Ġermaniż wara li f’dan l-Istat Membru skonta l-piena li għaliha kien ġie kkundannat għall-fatti msemmija fl-ewwel MAE, huwa ma għadx għandu d-dritt li jinvoka r-regola ta’ speċjalità relatata ma’ dan l-ewwel MAE. Sa fejn, fil-kawża ineżami, is-sempliċi konsenja rilevanti sabiex tiġi evalwata l-osservanza tar-regola ta’ speċjalità hija dik imwettqa abbażi tat-tieni MAE, il-kunsens meħtieġ fl-Artikolu 27(3)(g) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jingħata biss mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tal-Istat Membru li jkun ikkonsenja l-persuna li tkun is-suġġett ta’ prosekuzzjoni abbażi tal-imsemmi MAE.


1      Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”).


2      B’mod partikolari l-Artikolu 1(1), li jiddefinixxi l-MAE fid-dawl tal-għan speċifiku mfittex minnu, u l-Artikolu 8(1), li jeżiġi li kull MAE għandu jkun preċiż fir-rigward tan-natura u tal-klassifikazzjoni legali tar-reati li huwa jkopri u jiddeskrivi ċ-ċirkustanzi tat-twettiq tagħhom.