Language of document : ECLI:EU:F:2013:14

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

tad-19 ta’ Frar 2013

Kawża F‑17/11

BB

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Membru tal-persunal bil-kuntratt — Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat — Rikors għal annullament — Rikors għad-danni”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu BB jitlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Awtorità awtorizzata tikkonkludi l-kuntratti tal-ingaġġ tal-Kummissjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“AATK”) li l-kuntratt tiegħu bħala membru tal-persunal bil-kuntratt ma jiġix imġedded, deċiżjoni li tirriżulta impliċitament min-nota tat-28 ta’ April 2010 u kkomunikata bil-fomm fis-7 ta’ Mejju 2010, kif ukoll tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment u, min-naħa l-oħra, il-kumpens għad-danni materjali u morali li huwa ġarrab.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata għal terz tal-ispejjeż sostnuti mir-rikorrent. BB għandu jbati żewġ terzi tal-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Membri tal-persunal bil-kuntratt — Reklutaġġ — Tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-oħra, Artikolu 85(1)

2.      Uffiċjali — Membri tal-persunal bil-kuntratt — Dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Portata — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

3.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Responsabbiltà — Teħid inkunsiderazzjoni tar-rekwiżiti ta’ ekwità — Parti rebbieħa kkundannata għall-ħlas ta’ parti mill-ispejjeż

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikoli 87(1) u 88)

1.      Membru tal-persunal bil-kuntratt, detentur ta’ kuntratt għal żmien determinat, bħala prinċipju, ma għandu ebda dritt għat-tiġdid tal-kuntratt tiegħu, peress li dan it-tiġdid huwa sempliċement possibbiltà, suġġetta għall-kundizzjoni li dan it-tiġdid ikun konformi mal-interess tas-servizz.

Fil-fatt, bid-differenza tal-uffiċjali, li l-istabbiltà tal-impjieg tagħhom hija ggarantita mir-Regolamenti tal-Persunal, il-membri tal-persunal bil-kuntratt jifformaw parti minn sistema oħra li abbażi tagħha huwa mfassal il-kuntratt ta’ impjieg konkluż mal-istituzzjoni kkonċernata. Mill-Artikolu 85(1) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-oħra jirriżulta li t-tul tar-relazzjoni ta’ impjieg bejn istituzzjoni u membru tal-persunal bil-kuntratt, imsemmi fl-Artikolu 3a tal-imsemmija kondizzjonijiet tal-impjieg, impjegat għal żmien determinat huwa, speċifikament, irregolat mill-kundizzjonijiet stabbiliti fil-kuntratt konkluż bejn il-partijiet.

Anki jekk l-amministrazzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-qasam tat-tiġdid tal-kuntratti, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li quddiemu ġie ppreżentat rikors għal annullament intiż kontra att adottat fl-eżerċizzju ta’ tali setgħa, xorta waħda jwettaq stħarriġ tal-legalità tiegħu, li jsir b’diversi modi. Fir-rigward ta’ talba għall-annullament ta’ deċiżjoni li kuntratt ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt ma jiġix imġedded, li huwa att li jikkawża preġudizzju, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għall-verifika tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-evalwazzjoni tal-interess tas-servizz li eventwalment iġġustifikat l-imsemmija deċiżjoni u tal-assenza ta’ abbuż ta’ poter kif ukoll għall-verifika tal-assenza ta’ preġudizzju għad-dmir ta’ premura li l-amministrazzjoni għandha meta hija tkun imsejħa tiddeċiedi dwar it-tiġdid ta’ kuntratt li jorbotha ma’ wieħed mill-membri tal-persunal tagħha.

Għalhekk, fil-kuntest tal-motivi mressqa mir-rikorrent, huwa t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li għandu jivverifika jekk l-amministrazzjoni wettqitx żball manifest meta evalwat l-elementi li hija ħadet inkunsiderazzjoni sabiex tieħu d-deċiżjoni kkontestata. Issa, fil-kuntest ta’ setgħa diskrezzjonali wiesgħa rrikonoxxuta lill-amministrazzjoni, il-fatt li jiġi stabbilit li l-amministrazzjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti ta’ natura li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni meħuda abbażi ta’ din l-evalwazzjoni jippreżumi li l-provi, li r-rikorrent għandu jipproduċi, huma suffiċjenti sabiex iwaqqgħu l-kredibbiltà tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-amministrazzjoni.

(ara l-punti 57 sa 60)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il‑Kummissjoni, T‑380/94, punt 59; 17 ta’ Ottubru 2002, Cocchi u Hainz vs Il‑Kummissjoni, T‑330/00 u T‑114/01, punt 82; 6 ta’ Frar 2003, Pyres vs Il‑Kummissjoni, T‑7/01, punt 64; 12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il‑Kummissjoni, T‑289/03, punt 221

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 27 ta’ Novembru 2008, Klug vs EMEA, F‑35/07, punt 68; 23 ta’ Novembru 2010, Gheysens vs Il‑Kunsill, F‑8/10, punt 75; 15 ta’ April 2011, Daake vs UASI, F‑72/09 u F‑17/10, punt 41; 13 ta’ Ġunju 2012, Davids vs Il-Kummissjoni, F‑105/11, punt 36; 13 ta’ Ġunju 2012, Macchia vs Il‑Kummissjoni, F‑63/11, punti 47 u 49, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑368/12 P

2.      Id-dmir ta’ premura u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, jimplikaw, b’mod partikolari, li meta tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal, u dan anki fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-awtorità kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha; hija għandha, meta tagħmel dan, tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-interess tas-servizz, iżda wkoll l-interess tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal ikkonċernat. Madankollu, fid-dawl speċifikament tal-portata tas-setgħa diskrezzjonali li għandhom l-istituzzjonijiet fl-evalwazzjoni tal-interess tas-servizz, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għall-kwistjoni dwar jekk l-istituzzjoni kkonċernata żammitx ruħha f’limiti raġonevoli u ma użatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod żbaljat.

(ara l-punt 61)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Macchia vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Kapitolu Tmienja tat-Tieni Titolu ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, skont l-Artikolu 88 tal-imsemmija regoli, parti fil-kawża, anki jekk rebbieħa, tista’ tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, parzjalment jew kollha, jekk jidher li dan ikun iġġustifikat minħabba l-atteġġament tagħha, anki qabel ma titressaq l-istanza, b’mod partikolari jekk tkun ikkawżat lill-parti l-oħra spejjeż li jkunu meqjusa fiergħa jew vessatorji.

Madankollu, l-applikazzjoni tal-Artikolu 88 tal-imsemmija regoli tal-proċedura ma hijiex limitata biss għall-każijiet fejn l-amministrazzjoni kkawżat lil rikorrent spejjeż fiergħa jew vessatorji. Għalhekk, istituzzjoni rebbieħa għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati parti mill-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti, meta l-insistenza tagħha li teċċepixxi l-inammissibbiltà tar-rikors abbażi ta’ ġurisprudenza li, għal diversi snin, ma għadhiex attwali, saħansitra mingħajr ma tipprova tispjega r-raġunijiet li jwassluha tinjora l-ġurisprudenza l-ġdida tal-Qorti tal-Ġustizzja, wasslet sabiex it-Tribunal jiddeċiedi, minn naħa, li kien meħtieġ skambju ġdid ta’ noti u, min-naħa l-oħra, li kien hemm lok li l-partijiet jissejħu għas-seduta sabiex ikunu jistgħu jesprimu ruħhom dwar l-imsemmija ġurisprudenza, u dan neċessarjament implika spejjeż addizzjonali ta’ rappreżentazzjoni għar-rikorrenti li setgħu jiġu evitati.

(ara l-punti 85, 87 u 88)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Daake vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq