Language of document : ECLI:EU:F:2012:88

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

20 ta’ Ġunju 2012

Kawża F‑66/11

Alma Yael Cristina

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Kompetizzjoni ġenerali — Deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ta’ nuqqas ta’ ammissjoni għall-parteċipazzjoni fl-eżamijiet ta’ evalwazzjoni — Rimedji ġudizzjarji — Azzjoni ġudizzjarja mressqa qabel ma tingħata d-deċiżjoni fuq l-ilment amministrattiv — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet speċifiċi għall-ammissjoni għall-parteċipazzjoni f’kompetizzjoni — Esperjenza professjonali meħtieġa”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, intiż, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AST/111/10 li permezz tagħha ma tħallietx tipparteċipa fl-eżamijiet ta’ evalwazzjoni tal-imsemmija kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, sabiex il-Kummissjoni Ewropea tiġi kkundannata tikkumpensa d-dannu li hija allegatament subiet b’din id-deċiżjoni.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati l-ispejjeż tal-Kummissjoni.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikors — Deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Natura fakultattiva — Introduzzjoni — Konsegwenzi — Żamma tad-dritt li titressaq direttament kawża quddiem il-qorti tal-Unjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Kompetizzjoni bbażata fuq kwalifiki u eżamijiet — Kundizzjonijiet għall-ammissjoni — Diplomi ppreżentati jew esperjenza professjonali ċċertifikata — Evalwazzjoni mill-Bord tal-Għażla — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2 u l-Artikolu 5)

1.      Meta kandidat eliminat jikkontesta deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni, ma huwa bl-ebda mod neċessarju li huwa jressaq ilment minn qabel kontra d-deċiżjoni li huwa jkun qed jikkontesta. Madankollu, jekk kandidat jindirizza lill-awtorità tal-ħatra, tali approċċ, ikun xi jkun is-sinjifikat legali tiegħu, ma jistax jipprekludi lill-kandidat mid-dritt tiegħu li jressaq direttament kawża quddiem il-qorti. Min-naħa l-oħra, l-ammissibbiltà ta’ tali rikors quddiem il-qorti ma tistax tiġi suġġetta għall-kundizzjoni li qabel għandha tintemm il-proċedura prekontenzjuża stabbilita mill-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li tali kundizzjoni tapplika biss għar-rikorsi li għalihom ilment amministrattiv huwa obbligatorju.

F’dan ir-rigward, l-osservanza tar-rekwiżiti taċ-ċertezza legali ma tistax tiġġustifika l-applikazzjoni fil-konfront tat-tressiq dirett ta’ kawża quddiem il-qorti ta’ kundizzjoni ta’ ammissibbiltà li ma hijiex tiegħu, bil-konsegwenza li jiġi limitat id-dritt, li għandhom il-kandidati eliminati, li jressqu direttament kawża quddiem il-qorti kontra deċiżjoni ta’ Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni. Għal dak li jirrigwarda l-osservanza tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, l-aħjar mod sabiex jiġi osservat dan il-prinċipju huwa dak fejn jiġi ttrattat ir-rikors dirett li jiġi ppreżentat quddiem il-qorti, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-inċertezzi ta’ lment li ma tressaqx quddiemha.

(ara l-punti 38, 40, 42, 50 u 51)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 30 ta’ Novembru 1978, Salemo et vs Il‑Kummissjoni, 4/78, 19/78 u 28/78, punt 10

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 20 ta’ Ġunju 1990, Burban vs Il‑Parlament, T‑133/89, punt 17

2.      Il-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni għandu r-responsabbiltà li jevalwa, każ b’każ, jekk l-esperjenza professjonali li jkollu kull kandidat tikkorrispondix għal-livell rikjest mill-avviż tal-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Għażla għandu setgħa diskrezzjonali, fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal dwar il-proċeduri tal-kompetizzjoni, għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni kemm tan-natura u t-tul tal-esperjenzi professjonali ta’ qabel tal-kandidati kif ukoll għar-rabta kbira jew żgħira li dawn jista’ jkollhom mar-rekwiżiti tal-pożizzjoni vakanti. B’hekk, fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju, il-qorti tal-Unjoni għandha tillimita ruħha li tivverifika li l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa ma kienx ivvizzjat minn żball manifest.

F’dan ir-rigward, il--Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni, sabiex jivverifika jekk ir-rekwiżiti ta’ ammissjoni humiex sodisfatti, jista’ jikkunsidra biss l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-kandidati fl-att ta’ kandidatura tagħhom u d-dokumenti ta’ sostenn li huma għandhom jipprovdu insostenn tiegħu, u huwa ma għandux neċessarjament jistieden lill-kandidati jipprovdu dokumenti addizzjonali jew li jwettaq huwa stess riċerka sabiex jivverifika jekk il-persuna kkonċernata tissodisfax ir-rekwiżiti kollha tal-avviż tal-kompetizzjoni. Mid-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li dawn joffru għażla sempliċi lill-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni li jitlob lill-kandidati informazzjoni addizzjonali, meta dan ikollu dubju dwar il-portata ta’ dokument ippreżentat. Ma hijiex kwistjoni, f’dan ir-rigward, li jitbiddel f’obbligu dak li l-leġiżlatur għamel bħala sempliċi għażla għall-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni.

(ara l-punti 67 sa 69, 80 u 81)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 21 ta’ Novembru 2000, Carrasco Benítez vs Il‑Kummissjoni, T‑214/99, punti 71 u 78; 25 ta’ Marzu 2004, Petrich vs Il‑Kummissjoni, T‑145/02, punt 37; 31 ta’ Jannar 2006, Giuletti vs Il‑Kummissjoni, T‑293/03, punti 65 u 66

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 1 ta’ Lulju 2010, Časta vs Il‑Kummissjoni, F‑40/09, punti 58 u 67, u l-ġurisprudenza ċċitata