Language of document : ECLI:EU:C:2019:346

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

2 ta’ Mejju 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 97/67/KE – Regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali – Provvista tas-servizz postali universali – Drittijiet esklużivi tal-operatur innominat – Ħruġ ta’ mezzi ta’ postaġġ minbarra bolol”

Fil-Kawża C‑259/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Mercantil n°3 de Madrid (il-Qorti Kummerċjali Nru 3 ta’ Madrid, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Ġunju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ April 2018, fil-proċedura

Sociedad Estatal Correos y Telégrafos SA

vs

Asendia Spain SLU,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, J. Malenovský u L. S. Rossi (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Asendia Spain SLU, minn I. Moreno-Tapia Rivas u E. de Félix Parrondo, abogadas, kif ukoll minn J. Botella Carretero, abogado,

–        għall-Gvern Spanjol, inzjalment minn V. Ester Casas, sussegwentement minn M. J. García-Valdecasas Dorrego, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn A.-L. Desjonquères u E. de Moustier kif ukoll minn R. Coesme, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Nicolae u J. Rius Riu, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 71), kif emendata bid-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2008 (ĠU 2008, L 52, p. 3, rettifika fil-ĠU 2015, L 225, p. 49) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 97/67”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Sociedad Estatal Correos y Telégrafos SA (iktar ’il quddiem “Correos”) u Asendia Spain SLU dwar il-kummerċjalizzazzjoni minn din tal-aħħar ta’ mezzi ta’ postaġġ minbarra bolol.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 97/67

3        Il-premessi 8, 16 u 20 tad-Direttiva 97/67 jistabbilixxu:

“(8)      Billi miżuri li jfittxu li jiżguraw il-liberalizzazzjoni bil-mod u kkontrollata tas-suq u li jiżguraw bilanċ adattat fl-applikazzjoni tiegħu huma meħtieġa sabiex jiggarantixxu, mal-Komunità kollha, u bla ħsara għall-obbligi u drittijiet tal-fornituri tas-servizz universali l-forniment ħieles ta’ servizzi fis-settur postali nnifsu;

[…]

(16) Billi ż-żamma ta’ firxa ta’ dawk is-servizzi li tista’ tiġi riżervata, b’konformità mar-regoli tat-Trattat u mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, tidher ġustifikata fuq il-bażi li jiġi żgurat it-tħaddim ta’ servizz universali taħt kondizzjonijiet finanzjarjament bilanċjati; […]

[…]

(20)      Billi, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u sigurtà pubblika, l-Istati Membri jista’ jkollhom interess leġittimu li jikkonferixxu fuq entità waħda jew aktar nominati minnhom id-dritt li jqiegħdu fuq l-awtostrada pubblika kaxxi ta’ l-ittri intenzjonati biex jirċievu oġġetti postali; billi, għall-istess raġunijiet, għandhom ikunu intitolati li jaħtru entità jew entitajiet responsabbli għall-ħruġ ta’ bolli postali li jidentifikaw il-pajjiż ta’ oriġini u dawk responsabbli li jipprovdu s-servizz tal-posta reġistrat użat matul il-proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi mal-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom; […]”

4        L-Artikolu 7(1) sa (4) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri m’għandhomx jagħtu jew iżommu fis-seħħ id-drittijiet esklussivi jew speċjali għall-istabbiliment u l-forniment ta’ servizzi postali. L-Istati Membri jistgħu jiffinanzjaw il-forniment ta’ servizz universali skond wieħed jew aktar mill-modi previsti fil-paragrafi 2, 3 u 4, jew skond kwalunkwe mezz ieħor kompatibbli mat-Trattat.

2.      L-Istati Membri jistgħu jiżguraw il-forniment ta’ servizzi universali billi jakkwistaw dawn is-servizzi skond ir-regoli u r-regolamenti applikabbli dwar l-akkwist pubbliku, inkluż, kif previst mid-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi, il-proċeduri kompetittivi ta’ djalogu jew dawk innegozjati bil-pubblikazzjoni ta’ notifika ta’ kuntratt jew mingħajrha [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132)].

3.      Jekk Stat Membru jqis li l-obbligi ta’ servizz universali, kif previsti minn din id-Direttiva, jinvolvu spiża netta, ikkalkolata b’kont meħud ta’ l-Anness I, u jirrappreżentaw piż finanzjarju inġust għall-fornitur(i) ta’ servizz universali huwa jista’ jintroduċi:

a)      mekkaniżmu maħsub biex jikkumpensa lill-impriża/i konċernata/i mill-fondi pubbliċi; jew

b)      mekkaniżmu għall-kondiviżjoni ta’ l-ispiża netta ta’ l-obbligi ta’ servizz universali bejn il-fornituri tas-servizzi u/jew l-utenti.

4.      Jekk l-ispiża netta tinqasam skond il-paragrafu 3(b), l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu fond ta’ kumpens li jista’ jiġi ffinanzjat mill-fornituri tas-servizz u/jew mill-miżati ta’ l-utenti, u li jkun amministrat għal din il-fini minn korp indipendenti tal-benefiċjarju jew il-benefiċjarji. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet lill-fornituri tas-servizz skond l-Artikolu 9(2) suġġett għall-obbligu li tingħata kontribuzzjoni finanzjarja lil dak il-fond jew li tikkonforma ma’ l-obbligi ta’ servizz universali. L-obbligi ta’ servizz universali tal-fornitur(i) ta’ servizz universali mniżżla fl-Artikolu 3 jistgħu jiġu ffinanzjati b’dan il-mod.”

5        L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ l-Istati Membri li jorganizzaw it-tqegħid tal-kaxxi ta’ l-ittri fuq awtostrada pubblika, il-ħruġ ta’ bolli postali u s-servizz ta’ posta reġistrata użat matul proċeduri ġudizzjali jew amministrattivi skond il-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom.”

 Id-Direttiva 2008/6

6        Il-premessi 2, 10, 11, 13 u 25 tad-Direttiva 2008/6 huma fformulati kif ġej:

“(2)      Id-Direttiva 97/67/KE […] stabbiliet qafas regolatorju għas-settur postali f’livell Komunitarju, inklużi miżuri biex jiġi garantit servizz universali u jiġu stabbiliti limiti massimi għas-servizzi postali li Stati Membri jistgħu jirriżervaw għall-fornitur(i) ta’ servizz universali tagħhom bil-ħsieb li s-servizz universali jinżamm fis-seħħ, li għandhom jitnaqqsu b’mod gradwali u progressiv, u skeda biex jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-ftuħ ulterjuri tas-suq għall-kompetizzjoni, għall-finijiet tal-ħolqien ta’ suq intern fis-servizzi postali.

[…]

(10)      Skond id-Direttiva 97/67/KE, twettaq studju prospettiv li jivvaluta, għal kull Stat Membru, l-impatt fuq is-servizz universali tat-tlestija kompleta tas-suq intern tas-servizzi postali Komunitarji fl-2009. Il-Kummissjoni wettqet ukoll reviżjoni dettaljata tas-settur postali Komunitarju, inkluż il-kummissjonar ta’ studji dwar l-iżviluppi ekonomiċi, soċjali u teknoloġiċi fis-settur u kkonsultat estensivament ma’ partijiet interessati.

(11)      L-istudju prospettiv jiddikjara li l-għan bażiku għas-salvagwardja tal-forniment sostenibbli ta’ servizz universali li taqbel ma’ l-istandard ta’ kwalità definit mill-Istati Membri skond id-Direttiva 97/67/KE, jista’ jkun żgurat fil-Komunità kollha sa l-2009 mingħajr il-ħtieġa ta’ żona riżervata.

[…]

(13)      L-istudju prospettiv juri li ż-żona riżervata ma għandhiex tkun aktar is-soluzzjoni ppreferuta għall-finanzjament tas-servizz universali. […]

[…]

(25)      Fid-dawl ta’ l-istudji mwettqin u bil-ħsieb li jinfetaħ il-potenzjal sħiħ tas-suq intern għas-servizzi postali, jixraq li jintemm l-użu taż-żoni riżervati u d-drittijiet speċjali bħala mod kif jiġi żgurat il-finanzjament tas-servizz universali.”

 Id-dritt Spanjol

7        L-Artikolu 33 tal-Ley 43/2010 del servicio postali universal, de los derechos de los usuarios y del mercado Postali (il-Liġi 43/2010 dwar is-Servizz Postali Universali, id-Drittijiet tal-Utenti u s-Suq Postali), tat-30 ta’ Diċembru 2010 (BOE Nru 318, tal-31 ta’ Diċembru 2010, p. 109195, iktar ’il quddiem il-“Liġi 43/2010”), li jittrasponi d-Direttiva 2008/6, huwa fformulat kif ġej:

“Sabiex tiġi żgurata l-provvista tas-servizz postali universali u l-funzjonament tajjeb tiegħu, huwa ggarantit lill-operatur innominat:

[…]

e)      id-distribuzzjoni tal-bolol postali jew mezzi ta’ postaġġ oħrajn, il-bejgħ bl-imnut li jista’ jseħħ permezz tal-intermedju tan-netwerk postali jew permezz ta’ terzi.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8        Correos hija nnominata mil-Liġi 43/2010 bħala l-operatur responsabbli mis-servizz postali universali fi Spanja.

9        Asendia Spain hija operatur awtorizzat li jipprovdi servizzi postali fis-suq Spanjol.

10      Billi din tal-aħħar tikkummerċjalizza mezzi ta’ postaġġ minbarra bolol postali, Correos adixxiet quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Juzgado de lo Mercantil no 3 de Madrid (il-Qorti Kummerċjali Nru 3 ta’ Madrid, Spanja), rikors għal kompetizzjoni żleali.

11      F’dan il-kuntest, Correos takkuża lil Asendia Spain bi tlett imġibat allegatament żleali li kkawżawlha dannu, jiġifieri, fl-ewwel lok, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ mezzi ta’ postaġġ jew tikketti mħallsa bil-quddiem li jimitaw bolol użati minn Correos u li jistgħu jiġu konfużi ma’ dawn ta’ l-aħħar, fit-tieni lok, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ tali mezzi ta’ postaġġ barra min-netwerk postali intern tagħha u, fit-tielet lok, l-ommissjoni milli tinforma suffiċjentement lilll-utenti tal-imsemmija mezzi ta’ postaġġ li l-korrispondenza li tuża dan il-postaġġ tista’ tiġi ddepożitata unikament f’ċerti kaxxi tal-ittri.

12      Skont il-qorti tar-rinviju, in-natura żleali tal-aġir ta’ Asendia Spain tiddependi mill-portata tal-garanziji mogħtija lil Correos bil-Liġi 43/2010. F’dan ir-rigward, din il-qorti tirreferi għal ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) li fid-dawl tagħha ma jistax jiġi eskluż li l-Artikolu 33(e) tal-Liġi 43/2010 għandu jinqara fis-sens li Correos għandha tingħata dritt esklużiv f’dak li jikkonċerna l-kummerċjalizzazzjoni ta’ mezzi ta’ postaġġ minbarra l-bolol postali.

13      Peress li kellha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ din id-dispożizzjoni hekk interpretata mad-dritt tal-Unjoni, il-Juzgado de lo Mercantil no 3 de Madrid (il-Qorti Kummerċjali Nru 3 ta’ Madrid) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 8 tad-[Direttiva 97/67] jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-garanzija mogħtija lill-operatur postali nnominat għall-provvista ta’ servizz postali universali tinkludi li dan ikun l-uniku wieħed awtorizzat jiddistribwixxi mezzi ta’ postaġġ minbarra bolol?

2)      F’każ li d-domanda preċedenti tingħata risposta pożittiva, huwa kompatibbli mal-leġiżlazzjoni postali tal-Unjoni Ewropea ir-rekwiżit li l-operaturi postali privati għandu jkollhom stabbilimenti ta’ bejgħ fiżiċi miftuħa għall-pubbliku sabiex ikunu jistgħu jiddistribwixxu u jikkummerċjalizzaw mezzi ta’ postaġġ minbarra bolol?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi

14      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali li permezz tiegħu tal-ewwel tipprovdilhom l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkunu jeħtieġu sabiex jiddeċiedu l-kawża li jkollhom quddiemhom (sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle, C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

15      F’dan il-kuntest, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni, li għandha tevalwa, fir-rigward taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun fil-pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, hija marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

16      Isegwi li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, kuntest li ma huwiex id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ talba mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

17      F’dan l-aħħar rigward, il-ħtieġa li ssir interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teħtieġ li din tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih jidħlu d-domandi li tagħmel jew li, tal-inqas, tispjega l-ipoteżijiet fattwali li fuqhom huma bbażati dawn id-domandi. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha s-setgħa biss li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni ta’ test tal-Unjoni abbażi ta’ fatti li jiġu indikati lilha mill-qorti nazzjonali (digriet tal-21 ta’ Ġunju 2018, Idroenergia, C‑166/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:476, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata).

18      Il-qorti tar-rinviju għandha wkoll tindika r-raġunijiet preċiżi li jkunu wassluha sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u sabiex tqis li jkun neċessarju li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Minbarra dan, huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tagħti minimu ta’ spjegazzjonijiet fuq ir-raġunijiet tal-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tagħhom titlob l-intepretazzjoni kif ukoll fuq ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwma mressqa quddiemha (digriet tal-21 ta’ Ġunju 2018, Idroenergia, C‑166/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:476, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19      Dawn ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari jissemmew b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, fejn il-qorti tar-rinviju hija meqjusa, fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, li għandha konjizzjoni tiegħu u li hija obbligata tosserva bir-reqqa (digriet tal-21 ta’ Ġunju 2018, Idroenergia, C‑166/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:476, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      Barra minn hekk, dawn ir-rekwiżiti huma riflessi wkoll fil-punt 15 tar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2018, C 257, p. 1). Mill-punt 16 ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet jirriżulta li “il-qorti tar-rinviju għandha tipprovdi r-referenzi preċiżi għad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli għall-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali” (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-21 ta’ Ġunju 2018, Idroenergia, C‑166/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:476, punti 16 u 17).

21      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludix biżżejjed elementi li jikkonċernaw il-kuntest fattwali tal-kawża prinċipali kif ukoll il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti biex wieħed jifhem l-ewwel domanda. Konsegwentement, din id-domanda għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

22      Issa, jirriżulta b’mod ċar minn din id-deċiżjoni, minn naħa, li l-qorti tar-rinviju hija mitluba tiddeċiedi dwar in-natura żleali tal-prassi kummerċjali li tikkonsisti, għal Asendia Spain, li tipproponi l-bejgħ ta’ mezzi ta’ postaġġ minbarra l-bolol postali u, min-naħa l-oħra, li n-natura żleali ta’ din il-prassi tiddependi fuq il-kwistjoni dwar jekk id-dritt esklużiv mogħti mill-Artikolu 33(e) tal-Liġi 43/2010 lil Correos għad-distribuzzjoni ta’ dawn il-mezzi ta’ postaġġ huwiex kompatibbli jew le mal-Artikoli 7 u 8 tad-Direttiva 97/67.

23      Il-fatt li l-Kummissjoni tqis li l-interpretazzjoni, mill-qorti tar-rinviju, tad-dritt Spanjol ma hijiex korretta, u li għaldaqstant l-Artikolu 33(e) tal-Liġi 43/2010 ma jagħti ebda dritt esklużiv lil Correos, ma jistax ikun rilevanti, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 16 u 17 ta’ din is-sentenza.

24      Isegwi li l-ewwel domanda hija ammissibbli.

25      Min-naħa l-oħra, dan ma huwiex il-każ fir-rigward tat-tieni domanda.

26      Fil-fatt, kif jirrilevaw, essenzjalment, kemm il-Gvern Franċiż kif ukoll il-Kummissjoni, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-qorti tar-rinviju bl-ebda mod ma tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih taqa’ din it-tieni domanda. B’mod partikolari, hija ma tispjegax fuq liema bażi tikkunsidra li għandu jiġi dedott mill-unika dispożizzjoni nazzjonali ċċitata fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, jiġifieri l-Artikolu 33(e) tal-Liġi 43/2010, li din timponi fuq l-operaturi postali privati li kellhom punti ta’ bejgħ fiżiċi miftuħa għall-pubbliku sabiex ikunu jistgħu jiddistribwixxu u jikkummerċjalizzaw mezzi ta’ postaġġ minbarra bolol postali.

27      Barra minn hekk, din id-deċiżjoni ma tidentifikax, apparti riferiment ġeneriku għal-“leġiżlazzjoni postali tal-Unjoni Ewropea”, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li hija titlob l-interpretazzjoni tagħhom, li jipprekludi li l-Qorti tal-Ġustizzja milli tifhem ir-rabta bejn dan id-dritt u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali.

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għat-tieni domanda li hija, minħabba dan il-fatt, manifestament inammissibbli.

 Fuq l-ewwel domanda

29      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 97/67 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiggarantixxi lill-operatur innominat għall-provvista tas-servizz postali universali dritt esklużiv għad-distribuzzjoni ta’ mezzi ta’ postaġġ minbarra l-bolol postali.

30      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li mill-formulazzjoni stess tal-imsemmi Artikolu 7(1) jirriżulta li “[l]-Istati Membri m’għandhomx jagħtu jew iżommu fis-seħħ id-drittijiet esklussivi jew speċjali għall-istabbiliment u l-forniment ta’ servizzi postali”.

31      Għalhekk, din id-dispożizzjoni tipprekludi kull leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħti drittijiet esklużivi lill-fornituri ta’ servizzi postali, inkluż, għaldaqstant, id-dritt esklużiv li jiġu kkummerċjalizzati mezzi ta’ postaġġ minbarra l-bolol postali.

32      Hija favur dan is-sens ukoll l-interpretazzjoni storika u teleoloġika tad-Direttiva 97/67.

33      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 16 tad-Direttiva 97/67, fil-verżjoni inizjali tagħha, iż-żamma tas-setturi riżervati kienet tikkostitwixxi l-għażla privileġġata għall-finanzjament tas-servizz postali universali. Madankollu, mill-premessi 10, 11, 13 u 25 tad-Direttiva 2008/6 jirriżulta li, bl-adozzjoni ta’ din l-aħħar direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni fl-aħħar nett ikkunsidra, fid-dawl tal-istudji prospettivi li twettqu sabiex jiġi evalwat l-impatt fuq is-servizz universali tat-tlestija kompleta tas-suq intern tas-servizzi postali, li l-għan fundamentali għas-salvagwardja tal-provvista sostenibbli ta’ servizz universali seta’ issa jintlaħaq mingħajr ma jkun meħtieġ li jinżamm settur irriżervat u li, konsegwentement, “[kien] jixraq li jintemm l-użu taż-żoni riżervati u d-drittijiet speċjali bħala mod kif jiġi żgurat il-finanzjament tas-servizz universali”.

34      Barra minn hekk, anki meta finanzjament estern tal-ispejjeż netti residwi tas-servizz universali jibqa’ neċessarju, l-Artikolu 7(2) sa (4) tad-Direttiva 97/67 ma jsemmix, fost l-għażliet espressament awtorizzati għall-finanzjament tas-servizz universali, l-għoti ta’ drittijiet esklużivi jew speċjali lill-operatur innominat.

35      Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti ma humiex ikkontradetti mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 97/67, skont liema d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 tagħha ma jippreġudikawx id-dritt tal-Istati Membri li jorganizzaw, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, b’mod partikolari l-ħruġ ta’ bolol postali.

36      Fil-fatt, il-ħruġ ta’ mezzi ta’ postaġġ minbarra bolol postali, bħal dawk imqassma minn Asendia Spain, ma jaqax manifestament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-imsemmi Artikolu 8, li jirreferi biss għat-tqegħid tal-kaxxi tal-ittri fuq awtostrada pubblika, il-ħruġ ta’ bolol postali u s-servizz ta’ posta rreġistrata użat fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjali jew amministrattivi.

37      Barra minn hekk tali konklużjoni hija kkonfermata miċ-ċirkustanza li, minn naħa, dan l-Artikolu 8 jintroduċi eċċezzjoni għar-regola ta’ prinċipju li tinsab fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 97/67 u huwa intiż sabiex jikseb l-għan prinċipali tad-Direttiva 2008/6, jiġifieri, kif jirriżulta mill-istess titolu tagħha, it-tlestija kompleta tas-suq intern fis-servizzi postali, dan l-Artikolu 8 għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv. Min-naħa l-oħra, mill-premessa 20 tad-Direttiva 97/67 jirriżulta li huwa biss għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika li l-Istati Membri għandhom dejjem b’mod partikolari jinnominaw l-entità jew l-entitajiet li għandhom id-dritt joħorġu bolol postali li jidentifikaw il-pajjiż ta’ oriġini, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe raġuni oħra marbuta mal-finanzjament tas-servizz universali.

38      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-ewwel domanda għandha tiġi risposta li l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 97/67 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiggarantixxi lill-operatur innominat għall-provvista tas-servizz postali universali dritt esklużiv għad-distribuzzjoni ta’ mezzi ta’ postaġġ minbarra l-bolol postali.

 Fuq l-ispejjeż

39      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz, kif emendata bid-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2008, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiggarantixxi lill-operatur innominat għall-provvista tas-servizz postali universali dritt esklużiv għad-distribuzzjoni ta’ mezzi ta’ postaġġ minbarra l-bolol postali.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.