Language of document : ECLI:EU:C:2012:794

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

13 ta’ Diċembru 2012 (*)

“Regolament (KE) Nru 1896/2006 — Proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea — Applikazzjoni għal ordni li ma tissodisfax ir-rekwiżiti formali previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali — Natura eżawrjenti tal-kundizzjonijiet li għandha tissodisfa l-applikazzjoni — Possibbiltà li jintalbu l-interessi li ddekorrew sad-data tal-ħlas tal-ammont prinċipali dovut”

Fil-Kawża C‑215/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Okręgowy we Wrocławiu (Il‑Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ April 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Mejju 2011, fil-proċedura

Iwona Szyrocka

vs

SiGer Technologie GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President ta’ Awla, M. Ilešič (Relatur), E. Levits, J.‑J. Kasel u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ April 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar u M. Arciszewski, kif ukoll minn B. Czech, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Fernandes, bħala aġent,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn M. Pere, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Ossowski, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A.‑M. Rouchaud‑Joët u K. Herrmann, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Ġunju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (ĠU L 399, p. 1).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea, imressqa minn I. Szyrocka, residenti fil-Polonja, kontra Technologie GmbH, li għandha s-sede tagħha fil-Ġermanja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament Nru 189/2006

3        Skont il-premessi 8, 9, 10, u 11 tar-Regolament Nru 1896/2006:

“(8)  L-impedimenti li jirriżultaw għal aċċess għal ġustizzja effiċjenti f’każijiet transkonfini u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern ikkawżata min-nuqqas ta’ ekwilibriju fir-rigward tat-tħaddim tal-mezzi proċedurali mogħtija lill-kredituri fi Stati Membri differenti jfissru l-ħtieġa ta’ leġislazzjoni Komunitarja li tiggarantixxi parità għall-kredituri u d-debituri fl-Unjoni Ewropea kollha.

(9)       L-iskop ta’ dan ir-Regolament huwa li jissimplifika, jħaffef u jnaqqas l-ispejjeż tal-litigazzjoni f’każijiet transkonfinali li jirrigwardjaw talbiet ta’ flus mhux ikkontestati billi joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea [...].

(10)  Il-proċedura stabbilita b’dan ir-Regolament għandha sservi ta’ mezz addizzjonali u fakultattiv għal pretendent, li jibqa’ liberu li jirrikorri għal proċedura prevista fil-liġi nazzjonali. Għaldaqstant, dan ir-Regolament la jissostitwixxi u lanqas jarmonizza l-mekkaniżmi eżistenti għall-irkupru ta’ talbiet mhux ikkontestati taħt il-liġi nazzjonali.

(11)  Il-proċedura għandha tkun ibbażata, sa fejn l-aktar ikun possibbli, fuq l-użu ta’ formoli standard f’kwalunkwe komunikazzjoni bejn il-qorti u l-partijiet sabiex l-amministrazzjoni tagħha tkun aktar faċli u biex tippermetti l-użu ta’ l-ipproċessar awtomatiku tad-data.”

4        Skont il-premessa 16 tal-imsemmi regolament, “[i]l-qorti għandha teżamina l-applikazzjoni, inkluż il-kwistjoni ta’ ġurisdizzjoni u d-deskrizzjoni tal-provi, abbażi ta’ l-informazzjoni pprovduta fil-formola ta’ applikazzjoni. Dan ikun jippermetti lill-qorti teżamina prima facie l-merti tat-talba u inter alia li teskludi talbiet li jkunu kjarament bla bażi jew applikazzjonijiet inammissibbli”.

5        Skont il-premessa 29 tar-Regolament Nru 1896/2006, l-għan tal-imsemmi regolament huwa “li jinħalaq mekkaniżmu uniformi, effiċjenti u rapidu għall-irkuprar ta’ talbiet ta’ flus mhux ikkontestati fl-Unjoni Ewropea kollha”.

6        L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1896/2006 jipprovdi:

“L-għan ta’ dan ir-Regolament hu:

a)      li jissimplifika, iħaffef u jnaqqas l-ispejjeż ta’ litigazzjoni f’każijiet transkonfinali fir-rigward ta’ talbiet mhux kontestati ta’ flus permezz tal-ħolqien ta’ proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea;

[...]”

7        L-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għal kwistjonijiet ċivili u kummerċjali f’każijiet transkonfinali tkun liema tkun ix-xorta tal-qorti jew tat-tribunal. [...]”

8        Skont l-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, każ transkonfinali huwa wieħed fejn mill-inqas waħda mill-partijiet hija domiċiljata jew abitwalment residenti fi Stat Membru li mhuwiex l-Istat Membru fejn ikun sar rikors għall-qorti.”

9        L-Artikolu 4 tal-istess regolament jistabbilixxi:

“Il-proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea għandha tiġi stabbilita għall-ġbir ta’ talbiet ta’ flus ta’ ammont speċifiku li jridu jitħallsu fil-waqt meta tiġi sottomessa l-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea.”

10      L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1896/2006 jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi ddeterminata skond ir-regoli rilevanti tal-liġi Komunitarja [...]”

11      L-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.      Applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea għandha ssir billi tintuża l-formola standard A, kif stabbilit fl-Anness 1.

2.      L-applikazzjoni għandha tiddikjara:

a)      l-ismijiet u l-indirizzi tal-partijiet, u, fejn applikabbli, ir-rappreżentanti tagħhom, u tal-qorti li lilha ssir l-applikazzjoni;

b)      l-ammont tat-talba, inkluż it-talba prinċipali u, fejn applikabbli, l-imgħax u l-penali kuntrattwali u l-ispejjeż;

ċ)      jekk jintalab l-imgħax fuq it-talba, ir-rata ta’ l-imgħax u l-perijodu ta’ żmien li għalih jintalab l-imgħax sakemm ma jiġix magħqud b’mod awtomatiku mal-prinċipali taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini;

d)      il-kawża ta’ l-azzjoni, inkluż deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi invokati bħala l-bażi tat-talba u, fejn applikabbli, ta’ l-imgħax mitlub;

e)      deskrizzjoni ta’ evidenza li tappoġġa t-talba;

f)      ir-raġunijiet għall-ġurisdizzjoni;

u

g)      in-natura transkonfini tal-każ fit-tifsira ta’ l-Artikolu 3.

3.      Fl-applikazzjoni, il-pretendent għandu jiddikjara li l-informazzjoni pprovduta hi vera skond l-għarfien u t-twemmin tiegħu u għandu jirrikonoxxi li kwalunkwe dikjarazzjoni deliberatament falza tista’ twassal għal penali xierqa taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini.

4.      F’appendiċi għall-applikazzjoni l-pretendent jista’ jindika lill-qorti li hu jopponi trasferiment għal proċedimenti ċivili ordinarji […] f’każ ta’ oppożizzjoni mill-konvenut. Dan ma jimpedixxix lill-pretendent milli jinforma b’dan lill-qorti sussegwentement, iżda fi kwalunkwe każ qabel tkun ħarġet l-ordni.

5.      L-applikazzjoni għandha tiġi sottomessa fuq karta jew bi kwalunkwe mezz ieħor ta’ komunikazzjoni, inkluż il-forma elettronika, aċċettat mill-Istat Membru ta’ oriġini u disponibbli għall-qorti ta’ oriġini.

6.      L-applikazzjoni għandha tkun iffirmata mill-pretendent jew, fejn applikabbli, mir-rappreżentant tiegħu. [...]”

12      L-Artikolu 11(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Il-qorti għandha tirrifjuta l-applikazzjoni jekk:

a) ir-rekwiżiti mniżżla fl-Artikoli 2, 3, 4, 6 u 7 ma jintlaħqux;

[...]”

13      Skont l-Artikolu 12(3) tal-istess regolament:

“Fl-ordni ta’ ħlas Ewropea, il-konvenut għandu jiġi infurmat bl-għażliet li jkollu biex:

a)      iħallas l-ammont indikat fl-ordni lill-pretendent;

[...]”

14      L-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1896/2006 jipprovdi:

“1.      Il-miżati kombinati tal-qorti ta’ proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea u tal-proċedimenti ordinarji ċivili li jsegwu f’każ ta’ dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea fi Stat Membru m’għandhomx jaqbżu l-miżati tal-qorti ta’ proċedimenti ċivili ordinarji mingħajr proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea preċedenti f’dak l-Istat Membru.

2.      Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-miżati tal-qorti għandhom jinkludu miżati u spejjeż li għandhom jitħallsu lill-qorti, li l-ammont tagħhom huwa ffissat skond il-liġi nazzjonali.”

15      L-Artikolu 26 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Il-kwistjonijiet proċedurali kollha li ma ġewx ittrattati b’mod speċifiku f’dan ir-Regolament għandhom jiġu rregolati mil-liġi nazzjonali.”

16      L-Anness I ta’ dan ir-regolament jinkludi l-formola A, intitolata “Applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas ewropea”.

17      Il-punt 7 tal-Linji gwida, intitolati “Linji Gwida biex timla l-formola ta’ applikazzjoni”, li jinsab fl-Anness I ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Imgħax. Jekk l-imgħax huwa mitlub, dan għandu jiġi speċifikat għal kull takba skond il-kodiċi indikati f’din il-formola. […] Jekk l-interess huwa mitlub sad-deċiżjoni tal-Qorti, l-aħħar kaxxa [sa] għandha titħalla vojta. [...]”

18      Il-formola E sabiex tinħareġ ordni ta’ ħlas Ewropea tinsab fl-Anness V tar-Regolament Nru 1896/2006.

 Id-dritt Pollakk

19      Skont l-Artikolu 187(1) tal-Kodiċi ta’ proċedura ċibili, fil-kawżi li jikkonċernaw drittijiet ta’ natura patrimonjali, it-talba għandha tindika l-valur tas-suġġett tal-kawża, sakemm dan is-suġġett ma jikkorrispondix għall-ammont pekunjarju indikat.

20      L-Artikolu 130(1) tal-Kodiċi ta’ proċedura ċivili jiddetermina l-konsegwenzi tal-preżentata ta’ talba vvizzjata formalment. Skont din id-dispożizzjoni, il-qorti, bħala regola ġenerali, tistieden lill-parti li tkun qed tressaq it-talba, taħt piena li jintbagħtu lura l-atti proċedurali, sabiex jirrettifikaha, jikkompletaha jew iħallas l-ispejjeż f’terminu ta’ ġimgħa.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21      Fit-23 ta’ Frar 2011, I. Szyrocka, residenti fil-Polonja ppreżentat quddiem is-Sąd Okręgowy ta’ Wrocław talba għal ordni ta’ ħlas Ewropea kontra SiGer Technologie GmbH, li għandha s-sede tagħha f’Tangermünde (il-Ġermanja).

22      Waqt l-eżami tal-imsemmija talba, il-qorti ta’ rinviju kkonstatat li hija ma kinitx tissodisfa ċerti kundizzjonijiet formali, preskritti mid-dritt Pollakk, u b’mod partikolari li hija ma kinitx tispeċifika, bħal ma jirrikjedi d-dritt Pollakk, il-valur tas-suġġett tal-kawża f’valuta Pollakka, sabiex ikun jista jsir il-kalkolu tal-ispejjeż legali. Mill-fajl imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li I. Szyrocka indikat, fil-formola tal-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea, l-ammont prinċipali f’EUR. Barra minn hekk, il-qorti ta’ rinviju tenfasizza li I. Szyrocka indikat, f’din il-formola, li hija kienet qed titlob il-ħlas tal-interessi minn data speċifika sad-data ta’ ħlas tal-ammont prinċipali.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi s-Sąd Okręgowy we Wrocławiu ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:


“1)      L-Artikolu 7 tar-[Regolament Nru 1896/2006] għandux jiġi interpretat fis-sens li:

a)      jirregola b’mod eżawrjenti l-kundizzjonijiet kollha li għandhom jiġu sodisfatti minn applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea, jew

b)      dan l-artikolu jistabbilixxi biss ir-rekwiżiti minimi ta’ din l-applikazzjoni, u għaldaqstant hija meħtieġa l-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt nazzjonali li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet formali mhux stabbiliti minn din id-dispożizzjoni?

2)      Fil-każ li d-domanda 1(b) titwieġeb fl-affermattiv, jekk l-applikazzjoni ma tissodisfax il-kundizzjonijiet formali previsti mid-dritt tal-Istat Membru kkonċernat (pereżempju n-nuqqas ta’ kopja tal-applikazzjoni għall-parti l-oħra jew in-nuqqas ta’ indikazzjoni tal-valur tas-suġġett tal-kawża), għandu l-pretendent jintalab jikkompleta l-applikazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, inkonformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1896/2006 jew mal-Artikolu 9 tal-istess regolament?

3)      L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1896/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-karatteristiċi tat-talbiet ta’ flus li huma msemmija f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri l-likwidità u l-eżiġibbiltà tat-talba fil-mument meta tiġi sottomessa l-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea, jikkonċernaw biss l-ammont prinċipali tal-imsemmija talba jew jikkonċernaw ukoll l-interessi moratorji?

4)      Interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 7(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1896/2006 timplika li meta d-dritt tal-Istat Membru kkonċernat ma jipprevedix żieda awtomatika ta’ interessi, l-ammonti li ġejjin, flimkien [mat]-talba prinċipali, jistgħu jintalbu bħala parti minn ordni ta’ ħlas Ewropea:

a)      l-interessi kollha, inklużi l-interessi msejħa “miftuħa” (ikkalkolati mill-jum li jsiru dovuti kif indikat minn data speċifika sal-jum tal-ħlas li d-data tiegħu ma tkunx iddeterminata, pereżempju, “mill-20 ta’ Marzu 2011 sal-jum tal-ħlas”);

b)      dawk l-interessi biss li jkunu dovuti mill-jum li fih isiru dovuti indikat minn data speċifika sal-jum tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni jew sakemm tinħareġ l-ordni għall-ħlas;

c)      esklussivament dawk l-interessi li jkunu dovuti mill-jum li fih isiru dovuti indikat minn data speċifika sal-jum tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni?

5)      Jekk ir-risposta għad-domanda 4(a) hija fl-affermattiv, kif għandha tiġi fformulata d-deċiżjoni tal-qorti dwar l-interessi fl-ordni ta’ ħlas, skont ir-Regolament Nru 1896/2006?

6)      Jekk ir-risposta għad-domanda 4(b) hija fl-affermattiv, min għandu jindika l-ammont tal-interessi: il-parti kkonċernata jew il-qorti ex officio?

7)      Jekk ir-risposta għad-domanda 4(c) hija fl-affermattiv, għandha l-parti kkonċernata tiddikjara fl-applikazzjoni l-ammont ta’ interessi kkalkolati?

8)      Jekk il-pretendent ma jikkalkolax l-ammont ta’ interessi dovuti sal-jum tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni, il-qorti għandha tikkalkola dan l-ammont ex officio jew għandha tistieden lill-parti kkonċernata biex tikkompleta l-informazzjoni li tkun nieqsa fl-applikazzjoni, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1896/2006?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

24      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti ta’ rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1896/2006 għandux jiġi interpretat fis-sens li jirregola b’mod eżawrjenti l-kundizzjonijiet li għandha tissodisfa l-applikazzjoni ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea jew jekk jinkludix biss il-kundizzjonijiet minimi ta’ din l-applikazzjoni, fejn id-dritt nazzjonali jirregola l-kundizzjonijiet formali l-oħra kollha li ma humiex marbuta ma’ din id-dispożizzjoni.

25      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, jeħtieġ li jsir riferiment kemm għall-kliem tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1896/2006, kif ukoll għall-istruttura u għall-għan ta’ dan ir-regolament.

26      Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament jinkludi serje ta’ rekwiżiti relatati mal-kontenut u mal-forma ta’ applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea. Għalhekk huwa jirregola, b’mod partikolari, il-kundizzjoni tal-preżentata ta’ tali applikazzjoni permezz ta’ formola standard, l-elementi li jikkostitwixxuha, id-dikjarazzjoni tal-pretendent dwar l-eżattezza tal-informazzjoni pprovduta f’din l-applikazzjoni, il-possibbiltà li dan il-pretendent jopponi trasferiment lejn il-proċedura ċivili ordinarja, kif ukoll il-modalitajiet li jirregolaw l-iffirmar tal-imsemmija applikazzjoni.

27      Għandu jiġi kkonstatat li l-kliem tal-imsemmi artikolu ma jinkludi ebda punt li jippermetti lil wieħed jasal għall-konklużjoni li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jimponu kundizzjonijiet addizzjonali, previsti mid-dritt nazzjonali tagħhom, fir-rigward tal-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea.

28      Fil-fatt, bħal ma jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 7(2)(ċ), (3), (5) u (6) tar-Regolament Nru 1896/2006, meta din id-dispożizzjoni tawtorizza lill-Istati Membri sabiex jirregolaw ċerti aspetti speċifiċi tar-rekwiżiti li għandha tissodisfa applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea permezz tad-dritt nazzjonali tagħhom, hija tagħmel dan espressament. Min-naħa l-oħra, ebda riferiment ieħor espress jew impliċitu li jawtorizza, b’mod ġenerali, l-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet addizzjonali, previsti mid-dritt nazzjonali tal-Istati Membri, ma jirriżulta f’dan l-artikolu.

29      Sussegwentement, din l-interpretazzjoni litterali hija kkorroborata bl-istruttura tar-Regolament Nru 1896/2006. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, bħal ma jirriżulta mill-premessa 16 ta’ dan ir-regolament, li l-qorti adita għandha teżamina l-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea biss abbażi tal-informazzjoni li tinsab fiha. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 2 sa 4 u 6 tal-imsemmi regolament, li jagħmlu kjarifikazzjonijiet dwar ċerti kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġett l-għoti tal-ordni ta’ ħlas Ewropea, ukoll ma jipprovdu ebda possibbiltà li jiġu imposti kundizzjonijiet supplimentari abbażi tad-dritt nazzjonali tal-Istati Membri. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 11(1)(a) tal-istess regolament, huwa biss in-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 2 sa 4, 6 u 7 tagħha li jagħti lok għaċ-ċaħda tat-talba għal ordni ta’ ħlas Ewropea.

30      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar, bħal ma jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament Nru 1896/2006, li dan għandu bħala għan b’mod partikolari li jissemplifika, li jħaffef u li jnaqqas l-ispejjeż ta’ proċedura fit-tilwim transkonfinali dwar dejn pekunjarju mhux ikkontestat. Hekk kif inhu pprovdut fil-premessi 8, 10 u 29 ta’ dan ir-regolament, minkejja li ma jissostitwixxix u lanqas ma jarmonizza l-mekkaniżmi nazzjonali ta’ rkupru ta’ dejn mhux ikkontestata, sabiex jinkiseb dan l-għan, huwa jintroduċi strument uniformi ta’ rkupru ta’ tali dejn, li jiggarantixxi kundizzjonijiet identiċi għall-kredituri u għad-debituri fl-Unjoni kollha.

31      Issa, l-imsemmi għan jitqiegħed inkwistjoni kieku l-Istati Membri setgħu, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, jippreskrivu, b’mod ġenerali, rekwiżiti addizzjonali li għandhom jiġu sodisfatti bl-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea. Fil-fatt, tali rekwiżiti ma jagħtux biss lok għall-impożizzjoni, fid-diversi Stati Membri, ta’ kundizzjonijiet diverġenti għal tali applikazzjoni, iżda jwasslu wkoll għaż-żieda fil-kumplessità, fit-tul u fl-ispejjeż tal-proċedura ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea.

32      Għaldaqstant, hija biss l-interpretazzjoni li l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1896/2006 jirregola b’mod eżawrjenti l-kundizzjonijiet li għandha tissodisfa l-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea li tiggarantixxi l-osservanza tal-għan tal-imsemmi regolament.

33      B’mod iktar partikolari, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-qorti nazzjonali tistax, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tistieden lill-pretendent sabiex jikkompleta l-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea sabiex din tkun tindika l-valur tas-suġġett tal-kawża f’valuta Pollakka sabiex ikunu jistgħu jiġu kkalkolati l-ispejjeż legali, għandu jiġi kkonstatat li huwa ammess li din il-qorti tistrieħ, għal dan il-għan, fuq l-Artikolu 25(2) tar-Regolament Nru 1896/2006, li jipprovdi li l-ammont tal-ispejjeż legali għandu jiġi ffissat skont id-dritt nazzjonali.

34      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni ta’ mekkaniżmi nazzjonali ta’ rkupru ta’ djun mhux ikkontestati, il-modalitajiet proċedurali ta’ determinazzjoni tal-ammont tal-ispejjeż legali jaqgħu, suġġett għall-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 25 tal-imsemmi regolament, taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar. Madankollu, dawn il-modalitajiet ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas li jkunu tali li jrendu impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C-618/10, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Minn dan jirriżulta li l-qorti nazzjonali tibqa’, bħala prinċipju, ħielsa li tikseb l-informazzjoni li teħtieġ dwar il-valur tas-suġġett tal-kawża skont il-modalitajiet previsti mid-dritt nazzjonali tagħha, dejjem sakemm ir-rekwiżiti proċedurali marbuta mad-determinazzjoni tal-ispejjeż legali ma jikkawżaw la tul eċċessiv tal-proċedura Ewropea ta’ ordni ta’ ħlas u lanqas iċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal tali ordni.

36      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1896/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li jirregola b’mod eżawrjenti l-kundizzjonijiet li għandha tissodisfa l-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea. Il-qorti nazzjonali tibqa’, skont l-Artikolu 25 ta’ dan ir-regolament u b’riżerva għall-kundizzjonijiet imsemmija f’dan l-artikolu, libera li tiddetermina l-ammont tal-ispejjeż legali skont il-modalitajiet previsti mid-dritt nazzjonali tagħha, dejjem sakemm dawn il-modalitajiet ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern u li huma ma jrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni.

 Fuq it-tieni domanda

37      Fid‑dawl tar‑risposta mogħtija għall‑ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat‑tieni domanda.

 Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

38      Permezz tat-tielet u r-raba’ domandi tagħha, il-qorti ta’ rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 4 u 7(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1896/2006 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-pretendent milli, fil-kuntest tal-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea, jitlob l-interessi għall-perijodu mid-data tal-eżiġibbiltà tagħhom sad-data ta’ ħlas tal-ammont prinċipali.

39      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1896/2006, id-dejn pekunjarju li tiegħu qed jintalab l-irkupru fil-kuntest tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea għandu jkun disponibbli fi flus u eżiġibbli, filwaqt li l-Artikolu 7(2)(ċ) tal-imsemmi regolament jipprovdi li, jekk jintalbu interessi fuq id-dejn, l-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas għandha tindika r-rata ta’ interessi u l-perijodu li għalih qed jintalbu.

40      Minn naħa, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-interessi mitluba fil-kuntest tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea għandhomx ikunu disponibbli fi flus u eżiġibbli fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1896/2006, għandu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni litterali ta’ dan l-artikolu ma jipprovdix indikazzjoni preċiża f’dan ir-rigward, ġaladarba b’mod partikolari din id-dispożizzjoni tirreferi, b’mod ġenerali għal “talbiet ta’ flus [dejn pekunjarju]” li jistgħu jintalbu fil-kuntest ta’ proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea.

41      Madankollu għandu jiġi enfasizzat li mill-kuntest li fih tidħol din id-dispożizzjoni, u b’mod partikolari minn interpretazzjoni magħquda tagħha mal-Artikolu 7(2)(ċ) tal-imsemmi regolament, jirriżulta li l-kundizzjonijiet ta’ likwidità u ta’ eżiġibbiltà tad-dejn li jirriżultaw fihom ma jinkludux l-interessi.

42      Fil-fatt, bħal ma tenfasizza ġustament il-Kummissjoni Ewropea, ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1896/2006 ma jirrikjedi li l-pretendent jindika, fl-applikazzjoni tiegħu għal ordni ta’ ħlas Ewropea, l-ammont eżatt tal-interessi. B’mod partikolari, l-Artikolu 7(2)(ċ) ta’ dan ir-regolament jipprovdi biss, għall-każ fejn jintalbu interessi fuq id-dejn, li hemm lok li tiġi indikata r-rata ta’ interessi kif ukoll il-perijodu li għalih qed jintalbu l-interessi, liema fatt huwa wara kollox rifless mill-formola ta’ applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea li tinsab fl-Anness I tal-imsemmi regolament.

43      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-imsemmi Artikolu 7(2)(ċ) jipprekludix it-talba ta’ interessi għall-perijodu mid-data tal-eżiġibbiltà tagħhom sad-data tal-ħlas tal-ammont prinċipali, għandu jiġi enfasizzat li, filwaqt li ma jirrikjedix l-indikazzjoni tal-ammont tal-interessi fl-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas, huwa lanqas ma jispeċifika d-data sa liema jistgħu jintalbu dawn l-interessi.

44      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmija dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod partikolari fid-dawl tal-għan tar-Regolament Nru 1896/2006, li hu, bħal ma ġie indikat fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, mhux biss li jiġi stabbilit mekkaniżmu sempliċi, iktar bil-ħeffa u effikaċi ta’ rkupru tad-dejn pekunjarju inkontestat, iżda wkoll li jnaqqas l-ispejjeż ta’ tali proċedura.

45      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1896/2006 li ċċaħħad lill-pretendent mill-possibbiltà li jitlob l-interessi li ddekorrew sad-data ta’ ħlas tal-ammont prinċipali ma tikkorrispondix mal-imsemmi għan. Fil-fatt, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 66 tal-konklużjonijiet tiegħu, kieku t-talba għal interessi kellha tkun limitata għall-interessi li ddekorrew fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea jew fid-data tal-għoti ta’ tali ordni, il-pretendent ikun f’pożizzjoni li jikseb l-interessi kollha dovuti sad-data tal-ħlas tal-ammont prinċipali biss permezz ta’ ħafna applikazzjonijiet suċċessivi, jiġifieri applikazzjoni inizjali għall-ammont prinċipali u l-interessi li ddekorrew, segwita minn applikazzjoni intiża għall-ħlas tal-interessi li jkunu fadlu għall-perijodu mill-preżentata tal-applikazzjoni inizjali jew mill-għoti tal-ordni ta’ ħlas sal-ħlas tal-ammont prinċipali.

46      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1896/2006 li ma tippermettiex li jintalbu l-interessi li ddekorrew sad-data tal-ħlas tal-ammont prinċipali tista’ żżid it-tul u l-kumplessità tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea u żżid l-ispejjeż tagħha.

47      Qabel kollox, tali interpretazzjoni tista’ tiddiswadi lill-pretendent milli jibda’ proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea u tinċentivah pjuttost sabiex jirrikorri għall-proċeduri nazzjonali li jippermettulu jikseb l-interessi kollha. Għalkemm huwa, ċertament, minnu, hekk kif tipprovdi l-premessa 10 tar-Regolament Nru 1896/2006, li l-proċedura stabbilita minn dan ir-regolament jikkostitwixxi biss strument supplimentari u fakultattiv meta mqabbel ma’ dawk previsti mid-dritt nazzjonali, xorta jibqa’ l-fatt li, sabiex dan il-perijodu jirrappreżenta għażla vera għall-kredituri, dawn tal-aħħar għandhom ikunu f’pożizzjoni li jinvokaw l-istess drittijiet bħalma jagħmlu taħt il-proċeduri nazzjonali.

48      Għaldaqstant l-Artikoli 4 u 7(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1896/2006 ma jipprekludux lill-pretendent milli jitlob, fil-kuntest tal-ordni ta’ ħlas Ewropea, l-interessi li ddekorrew sad-data ta’ ħlas tal-ammont prinċipali.

49      Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni ma titqiegħedx inkwistjoni mill-argumenti mressqa mill-gvern Portugiż u mill-gvern tar-Renju Unit favur l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fis-sens li l-interessi ma jistgħux jintalbu għall-perijodu wara l-għoti tal-ordni ta’ ħlas.

50      Fil-fatt, bil-kontra ta’ dak li jsostni l-gvern tar-Renju Unit, iċ-ċirkustanza li l-linji gwida dwar kif għandha timtela’ l-formola għal applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea, li jinsabu fl-Anness I tar-Regolament Nru 1896/2006, isemmu biss, fil-punt 7, li l-possibbiltà li jintalbu l-interessi li ddekorrew sad-data tad-deċiżjoni tal-qorti dwar tali talba, ma tistax iċċaħħad lill-pretendent mill-possibbiltà li jitlob ukoll l-interessi li ddekorrew wara din id-data. Fil-fatt, għalkemm dawn il-linji gwida jistgħu mingħajr dubju jservu ta’ għajnuna għall-interpretazzjoni tal-imsemmi regolament, dawn, hekk kif ikkonstata l-Avukat Ġenerali fil-punt 86 tal-konklużjonijiet tiegħu, huma biss ta’ natura indikattiva, li ma jkoprux, b’mod eżawrjenti, is-sitwazzjonijiet kollha li jistgħu jirriżultaw fil-prattika.

51      Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tal-Gvern Portugiż ibbażat fuq l-Artikolu 12(3)(a) tar-Regolament Nru 1896/2006, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni tipprovdi li fl-ordni ta’ ħlas Ewropea, il-konvenut huwa informat dwar l-ammont li għandu jħallas lill-pretendent. Issa, il-konvenut huwa informat dwar dan l-ammont mhux biss meta l-ammonti finali tal-ammont prinċipali u tal-interessi jinsabu mniżżla fl-ordni ta’ ħlas Ewropea, iżda wkoll fl-ipoteżi fejn din l-ordni tindika l-ammont prinċipali kif ukoll ir-rata ta’ interessi u l-perijodu li għalih qed jintalbu dawn l-interessi. Barra minn hekk, interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni li ma tippermettix lill-pretendent jitlob l-interessi li ddekorrew sad-data ta’ ħlas tal-ammont prinċipali hija, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 44 sa 46 ta’ din is-sentenza, kuntrarja għall-għan ta’ dan ir-regolament.

52      Għandu jingħad ukoll li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1896/2006 ma jistgħux, fihom infushom, mingħajr bażi legali li tirregola r-relazzjoni ġuridika bejn il-pretendent u l-konvenut, jikkostitwixxu bażi legali għat-talba ta’ interessi li ddekorrew sad-data tal-ħlas ta’ dan id-dejn. Fil-fatt, peress li r-Regolament Nru 1896/2006 jirregola biss l-aspetti proċedurali tal-mekkaniżmu ta’ ordni ta’ ħlas, kull kwistjoni li taqa’ taħt id-dritt materjali, inkluża dik tat-tip ta’ interessi li jistgħu jintalbu fil-kuntest ta’ din il-proċedura, tibqa’, bħala prinċipju, irregolata mid-dritt applikabbli għar-relazzjoni bejn partijiet li minnhom jirriżulta d-dejn inkwistjoni.

53      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-risposta għat-tielet u r-raba’ domandi għandha tkun li l-Artikoli 4 u 7(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1896/2006 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li pretendent jitlob, fil-kuntest tal-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea, l-interessi għall-perijodu mid-data tal-eżiġibbiltà tagħhom sad-data ta’ ħlas tal-ammont prinċipali.

 Fuq il-ħames domanda

54      Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, b’liema mod għandha timtela’ l-formola għal ordni ta’ ħlas Ewropea li tinsab fl-Anness V tar-Regolament Nru 1896/2006, jekk jiġi ordnat lill-konvenut iħallas lill-pretendent l-interessi li ddekorrew sad-data tal-ħlas tal-ammont prinċipali.

55      Preliminarjament, għandu jiġi speċifikat li, fl-imsemmija formola, tinsab linja orizzontali intitolata “Imgħax [minn]” maġenb tliet kolonni vertikali, intitolati rispettivament “Munita”, “Ammount” u “Data (jum/xahar/sena)”.

56      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, bħal ma jirriżulta mill-premessa 11 tar-Regolament Nru 1896/2006, li l-proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea għandha tibbaża ruħha, sa fejn huwa possibli, fuq l-użu ta’ formoli standard sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvolġiment tagħha u sabiex ikun jista’ jsur użu mill-informatika.

57      Issa, peress li l-formoli huma bbażatu fuq l-iktar sitwazzjonijiet tipiċi li jistgħu jirriżultaw fil-prattika, għandu jiġi kkonstatat li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, fejn il-formola għal ordni ta’ ħlas Ewropea ma tipprovdix espressament il-possibbiltà li jiġi indikat li l-konvenut għandu l-obbligu li jħallas lill-pretendent l-interessi li ddekorrew sad-data ta’ ħlas tal-ammont prinċipali, il-kontenut tal-imsemmija formola għandu jiġi adattat għaċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, b’tali mod li l-qorti tista’ tieħu tali deċiżjoni.

58      B’hekk, il-formola għal ordni ta’ ħlas Ewropea għandha timtela’ b’mod li tippermetti lill-konvenut, minn naħa, li jifhem mingħajr ebda dubju d-deċiżjoni li huwa għandu jħallas lill-pretendent l-interessi li ddekorrew sad-data tal-ħlas tal-ammont prinċipali u, min-naħa l-oħra li jidentifika b’mod ċar ir-rata ta’ interessi kif ukoll id-data li minnha dawn l-interessi qegħdin jintalbu. Sa fejn dawn ir-rekwiżiti huma osservati, il-modalitajiet konkreti relatati ma’ kif għandha timtela’ l-imsemmija formola jistgħu jiġu ddeterminati mill-qorti nazzjonali.

59      Bħala eżempju, il-qorti nazzjonali tista’ tindika, fil-formola għal ordni ta’ ħlas Ewropea, il-valuta fil-kolonna prevista għal dan il-għan, ir-rata ta’ interessi fil-kolonna “Amount” kif ukoll, fil-kolonna “Data (jum/xahar/sena)”, il-preċiżazzjoni li l-konvenut għandu l-obbligu jħallas l-interessi minn ċertu data sad-data ta’ ħlas tal-ammont prinċipali.

60      Għaldaqstant, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li, meta jiġi ordnat lill-konvenut iħallas lill-pretendent l-interessi li ddekorrew sad-data ta’ ħlas tal-ammont prinċipali, il-qorti nazzjonali tibqa’ libera li tagħżel il-modalitajiet konkreti sabiex tiġi kkompletata l-formola ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea, li tinsab fl-Anness V tar-Regolament Nru 1896/2006, sa fejn il-formola hekk ikkompletata tippermetti lill-konvenut, minn naħa, li jiddistingwi mingħajr ebda dubju d-deċiżjoni li tgħid li għandu jħallas l-interessi li ddekorrew sad-data tal-ħlas tal-ammont prinċipali u, min-naħa l-oħra, li jidentifika b’mod ċar ir-rata ta’ interessi kif ukoll id-data li minnha ntalbu dawn l-interessi.

 Fuq is-sitt, is-seba’ u t-tmien domandi

61      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tielet u għar-raba’ domandi, ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domandi l-oħra magħmula.

 Fuq l-ispejjeż

62      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li jirregola b’mod eżawrjenti l-kundizzjonijiet li għandha tissodisfa l-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea.

Il-qorti nazzjonali tibqa’, skont l-Artikolu 25 ta’ dan ir-regolament u b’riżerva għall-kundizzjonijiet imsemmija f’dan l-artikolu, libera li tiddetermina l-ammont tal-ispejjeż legali skont il-modalitajiet previsti mid-dritt nazzjonali tagħha, dejjem sakemm dawn il-modalitajiet ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern u li huma ma jrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni.

2)      L-Artikoli 4 u 7(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1896/2006 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li pretendent jitlob, fil-kuntest tal-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea, l-interessi għall-perijodu mid-data tal-eżiġibbiltà tagħhom sad-data ta’ ħlas tal-ammont prinċipali.

3)      Meta jiġi ordnat lill-konvenut iħallas lill-pretendent l-interessi li ddekorrew sad-data ta’ ħlas tal-ammont prinċipali, il-qorti nazzjonali tibqa’ libera li tagħżel il-modalitajiet konkreti sabiex tiġi kkompletata l-formola ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea, li tinsab fl-Anness V tar-Regolament Nru 1896/2006, sa fejn il-formola hekk ikkompletata tippermetti lill-konvenut, minn naħa, li jiddistingwi mingħajr ebda dubju d-deċiżjoni li tgħid li għandu jħallas l-interessi li ddekorrew sad-data tal-ħlas tal-ammont prinċipali u, min-naħa l-oħra, li jidentifika b’mod ċar ir-rata ta’ interessi kif ukoll id-data li minnha ntalbu dawn l-interessi.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.