Language of document :

Appell ippreżentat fis-26 ta’ Frar 2020 mir-Repubblika Ellenika mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fid-19 ta’ Diċembru 2019 fil-Kawża T-295/18, Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-107/20 P)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Appellanti: Ir-Repubblika Ellenika (rappreżentanti: E. Tsaousi, A. Vasilopoulou u E. Krompa)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tilqa’ l-appell u tannulla s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (T-295/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:880), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ippreżentat mir-Repubblika Ellenika fis-7 ta’ Mejju 2018 intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/304 tas-27 ta’ Frar 2018 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq li ġarrbu l-Istati Membri fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (il-FAEG) u fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (il-FAEŻR) (notifikata bid-dokument C(2018) 955) (ĠU 2018, L 59, p. 3) sa fejn hija teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq tar-Repubblika Ellenika fl-ammont gross totali ta’ EUR 17 869 131.75 (impatt fuq il-baġit ta’ EUR 14 857 076.98) li twettaq u li ġie ddikjarat fil-kuntest tal-FAEŻR fil-kuntest tal-miżuri 125A, 321 u 322 (ammont gross totali ta’ EUR 15 631 043.52 u impatt fuq il-baġit ta’ EUR 12 618 988.75) u tal-miżura 123A (ammont ta’ EUR 12 618 988.75) kif ukoll fl-ammont ta’ EUR 588 103.59 li twettaq fil-kuntest tal-FAEG wara l-miżura ta’ kontroll tal-operazzjonijiet għas-snin finanzjarji 2011-2014.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell, l-appellanti tqajjem sitt aggravji.

L-ewwel ħames aggravji jirrigwardaw iċ-ċaħda tal-motivi mqajma għall-finijiet tal-annullament tal-korrezzjonijiet imposti għall-infiq li twettaq fil-kuntest tal-FAEŻR.

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 52(4) tar-Regolament (KE) Nru 1306/2013, fuq l-iżnaturament tal-kontenut tar-rikors u tal-Anness A23 tiegħu, kif ukoll fuq il-motivazzjoni inadegwata u assenti tas-sentenza appellata.

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fis-sentenza appellata, fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ ne bis in idem u fuq l-ommissjoni mill-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi, bi ksur tal-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura, dwar l-ilmenti mqajma mir-Repubblika Ellenika dwar il-ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ proporzjonalità.

It-tielet aggravju huwa bbażat fuq il-fatt li s-sentenza appellata hija vvizjata b’interpretazzjoni u b’applikazzjoni żbaljata tal-Artikoli 71(2) u (3), u 75 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, tal-Artikolu 43 tar-Regolament (KE) Nru 1974/2006 u tal-Artikolu 24(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 65/2011, kif ukoll fuq motivazzjoni inadegwata u assenti għal dak li jirrigwarda t-tielet motiv tar-rikors.

Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 296 TFUE flimkien ma’ dawk tal-Artikoli 36 u 40 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 908/2014, kif ukoll fuq il-motivazzjoni insuffiċjenti, inadegwata u kontradittorja li biha hija vvizzjata s-sentenza appellata għal dak li jirrigwarda l-ilment li jgħid li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ amministrazzjoni tajba.

Il-ħames aggravju huwa bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali astjeniet, bi ksur tal-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura, milli tiddeċiedi dwar l-ilmenti li permezz tagħhom ir-Repubblika Ellenika tinvoka l-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għal dak li jirrigwarda l-korrezzjoni finanzjarja imposta fuqha mill-Kummissjoni dwar il-miżuri 321, 322 u 123A.

Is-sitt aggravju, marbut maċ-ċaħda tal-motivi mqajma għall-finijiet tal-annullament tal-korrezzjoni imposta dwar l-infiq imwettaq fil-kuntest tal-FAEG, huwa bbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-obbligu ta’ motivazzjoni msemmi fl-Artikolu 296 TFUE, fuq żnaturament tal-kontenut tar-rapport ta’ sinteżi u fuq motivazzjoni inadegwata.

____________