Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-26 ta’ April 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tar-Rechtbank Midden-Nederland – il-Pajjiżi l-Baxxi) – Stichting Brein vs Jack Frederik Wullems, li qed jaġixxi taħt l-isem Filmspeler

(Kawża C-527/15) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali u industrijali – Direttiva 2001/29/KE – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Artikolu 3(1) – Avviż lill-pubbliku – Kunċett – Bejgħ ta’ mediaplayer – Moduli addizzjonali (add-ons) – Pubblikazzjoni ta’ xogħlijiet mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur – Aċċess għal siti tal-internet ta’ streaming – Artikolu 5(1) u (5) – Dritt ta’ riproduzzjoni – Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet – Użu legali)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Rechtbank Midden-Nederland

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Stichting Brein

Konvenut: Jack Frederik Wullems, li qed jaġixxi taħt l-isem Filmspeler

Dispożittiv

Il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri l-bejgħ ta’ mediaplayer, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fuqu ġew installati minn qabel add ons, disponibbli fuq l-internet, li jinkludu hypertext links li jwasslu għal siti tal-internet liberament aċċessibbli għall-pubbliku li fuqhom tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi ta’ dan id-dritt.

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(1) u (5) tad-Direttiva 2001/29 għandhom jiġu interpretati fis-sens li atti ta’ riproduzzjoni temporanja, fuq mediaplayer bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ta’ xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur miksub permezz ta’ xandir bi streaming fuq sit tal-internet li jappartjeni lil terza persuna li jipproponi dan ix-xogħol mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet iddikjarati fl-imsemmija dispożizzjonijiet.

____________

1 ĠU C 27, 25.1.2016