Language of document : ECLI:EU:C:2003:415

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

tal-24 ta’ Lulju 2003 (*)

“Regolament (KEE) Nru 1191/69 ─ Provvista ta’ servizzi skedati ta’ trasport urbani, suburbani u reġjonali ─ Sussidji pubbliċi ─ Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat ─ Kumpens għat-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku”

Fil-Kawża C-280/00,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja) fil-kawża quddiemha bejn

Altmark Trans GmbH,

Regierungspräsidium Magdeburg

u

Nahverkehrsgesellschaft Altmark GmbH,

fil-preżenza ta’:

Oberbundesanwalt beim Bundesverwaltungsgericht,

dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 92 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 87 KE) u 77 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 73 KE) kif ukoll tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69, tas-26 ta’ Ġunju 1969, dwar azzjoni mill-Istati Membri dwar l-obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU L 156, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1893/91, ta’ l-20 ta’ Ġunju 1991 (ĠU L 169, p.1),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

komposta minn G.C. Rodríguez Iglesias, President, J.-P. Puissochet, M. Wathelet, R. Schintgen u C.W.A. Timmermans (relatur), presidenti ta’ awla, C. Gulmann, D.A.O. Edward, A. La Pergola, P. Jann, V. Skouris, F. Macken, N. Colneric, S. von Bahr, J.N. Cunha Rodrigues u A. Rosas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Léger,

Reġistratur: D. Louterman-Hubeau, Kap ta’ Diviżjoni u, sussegwentement, H.A. Rühl, Amministratur Prinċipali,

wara li rat l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati:

–        għal Altmark Trans GmbH, minn M. Ronellenfitsch, Rechtsanwalt,

–        għar-Regierungspräsidium Magdeburg, minn L.-H. Rode, bħala aġent,

–        għal Nahverkehrsgesellschaft Altmark GmbH, minn C. Heinze, Rechtsanwalt,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Wolfcarius u D. Triantafyllou, bħala aġenti,

wara li rat ir-rapport għas-seduta,

wara li semgħet l-osservazzjonijiet orali ta’ Altmark Trans GmbH, irrappreżentata minn M. Ronellenfitsch, ta’ Regierungspräsidium Magdeburg, irrappreżentat minn L. H. Rode, ta’ Nahverkehrsgesellschaft Altmark GmbH, irrappreżentata minn C. Heinze, tal-Kummissjoni, irrappreżentata minn M. Wolfcarius u minn D. Triantafyllou, waqt is-seduta tas-6 ta’ Novembru 2001,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Marzu 2002,

wara li rat id-digriet għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali tat-18 ta’ Ġunju 2002,

wara li semgħet l-osservazzjonijiet orali ta’ Altmark Trans GmbH, irrappreżentata minn M. Ronellenfitsch, ta’ Regierungspräsidium Magdeburg, irrappreżentat minn S. Karnop, bħala aġent, ta’ Nahverkehrsgesellschaft Altmark GmbH, irrappreżentata minn C. Heinze, tal-Gvern Ġermaniz, irrappreżentat minn M. Lumma, bħala aġent, tal-Gvern Daniż, irrappreżentat minn J. Molde, bħala aġent, tal-Gvern Spanjol, irrappreżentat minn R. Silva de Lapuerta, bħala aġent, tal-Gvern Franċiż, irrappreżentat minn F. Million, bħala aġent, tal-Gvern Olandiż, irrappreżentat minn N.A.J. Bel, bħala aġent, tal-Gvern tar-Renju Unit, irrappreżentat minn J.E. Collins, bħala aġent, assistit minn E. Sharpston, QC, u tal-Kummissjoni, irrappreżentata minn D. Triantafyllou, fis-seduta tal-15 ta’ Ottubru 2002,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Jannar 2003,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ digriet tas-6 ta’ April 2000, li wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Lulju ta’ wara, il-Bundesverwaltungsgericht ressqet talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 92 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 87 KE) u 77 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 73 KE) kif ukoll tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69, tas-26 ta’ Ġunju 1969, dwar azzjoni mill-Istati Membri dwar l-obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU L 156, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1893/91, ta’ l-20 ta’ Ġunju 1991 (ĠU L 169, p. 1; iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1191/69”).

2        Din it-talba saret fil-kuntest ta’ kawża bejn Altmark Trans GmbH (iktar ’il quddiem “Altmark Trans”) u Nahverkehrsgesellschaft Altmark GmbH (iktar ’il quddiem “Nahverkehrsgesellschaft”) li tirrigwarda l-għotja lil ta’ l-ewwel, mill- Regierungspräsidium Magdeburg (il-gvern tar-Reġjun ta’ Magdeburg, iktar ’il quddiem ir-“Regierungspräsidium”), ta’ liċenzji għal servizzi skedati bil-karozza tal-linja f’Landkreis Stendal (il-Ġermanja) u ta’ sussidji pubbliċi għall-eżekuzzjoni ta’ l-imsemmija servizzi.

 Il-kuntest legali

 Id-Dritt Komunitarju

3        L-Artikolu 92(1) tat-Trattat jipprovdi illi:

“Bla ħsara ta’ kull deroga kontemplata f’dan it-Trattat, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq komuni.”

4        L-Artikolu 74 tat-Trattat (li sar l-Artikolu 70 KE), li jinsab fit-Titolu IV tat-Tielet Parti, dwar it-trasport, jipprovdi illi l-għanijiet tat-Trattat għandhom jiġu segwiti mill-Istati Membri fil-kuntest ta’ politika komuni tat-trasport.

5        Skond l-Artikolu 77 tat-Trattat, li jaqa’ taħt l-imsemmi Titolu IV, l-għajnuna meħtieġa għall-koordinament tat-trasport, jew li jikkorrispondu ma’ rimborsi ta’ ċerti piżijiet inerenti fil-principju ta’ servizz pubbliku għandhom ikunu kompatibbli ma’ dan it-Trattat.

6        Ir-Regolament 1191/69 huwa diviż f’sitt taqsimiet, li minnhom l-ewwel waħda tinkludi d-dispożizzjonijiet ġenerali (Artikoli 1 u 2), it-tieni tirrigwarda l-prinċipji komuni dwar it-terminazzjoni jew iż-żamma ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku (Artikoli 3 sa 8), it-tielet titratta kif ir-rati u l-kundizzjonijiet tat-trasport imposti fl-interessi ta’ kategorija jew kategoriji partikolari ta’ persuni japplikaw għat-trasport ta’ passiġġieri (Artikolu 9), ir-raba’ tirrigwarda l-proċeduri komuni ta’ kumpens (Artikoli 10 sa 13), il-ħames tikkonċerna l-kuntratti ta’ servizz pubbliku (Artikolu 15) u s-sitt tinkludi d-dispożizzjonijiet finali (Artikoli 15 sa 20).

7        L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi illi:

“1.      Dan ir-Regolament għandu japplika għal intrapriżi tat-trasport li joperaw servizzi fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni.

Stati Membri jistgħu jeskludu mill-iskop ta’ dan ir-Regolament xi intrapriżi li l-attivitajiet tagħhom ikunu limitati esklussivament għall-ħidma ta’ servizzi urbani, suburbani jew reġjonali.

2.      Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

–        ‘servizzi urbani u suburbani’ tfisser servizzi ta’ trasport li jilħqu l-ħtiġiet ta’ ċentru urban jew konurbazzjoni, u l-ħtiġiet ta’ trasport bejnu u l-inħawi ta’ madwar,

–        ‘servizzi reġjonali’ tfisser servizzi ta’ trasport imħaddma biex jilħqu l-ħtiġiet tat-trasport ta’ kull reġjun.

3.      L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom itemmu l-obbligazzjonjiet kollha li jinsabu fil-kunċett ta’ kull servizz pubbliku kif imfisser f’dan ir-Regolament impost fuq trasport bil-ferrovija, bit-triq jew passaġġi ta’ ilma interni.

4.      Sabiex jiġi żgurat servizzi ta’ trasport adegwati li b’mod partikolari jieħdu in kunsiderazzjoni fatturi soċjali u ambjentali u l-ippjanar ta’ bliet u rħula, jew bil-għan li jiġu offruti nollijiet partikolari lil ċerti kategoriji ta’ passiġġieri, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri jistgħu jagħmlu kuntratti ta’ servizz pubbliċi ma’ kull intrapriża tat-trasport. Il-kondizzjonijiet u d-dettalji ta’ l-operat ta’ dawn il-kuntratti huma stabbiliti fit-Taqsima V.

5.      Madankollu, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jimponu l-obbligazzjonijiet ta’ servizz pubbliku li għalih saret referenza fl-Artikolu 2 dwar servizzi ta’ trasport urban, suburban u reġjonali għal passiġġieri. Il-kondizzjonijiet u d-dettalji ta’ l-operat, inklużi metodi ta’ kumpens, huma stabbiliti fit-Taqsimiet II, III u IV.

[…]

6.      Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx il-paragrafi 3 u 4 fil-qasam ta’ trasport ta’ passiġġieri lir-rati ta’ trasport u kondizzjonijiet imposti fl-interess ta’ kategorija waħda partikolari ta’ persuni jew iktar.”

8        L-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 1191/69 jipprovdi li ġej:

“Deċiżjonijiet biex jinżamm obbligu ta’ servizz pubbliku jew parti minnu, jew li jiġi terminat fl-aħħar ta’ perjodu speċifikat, għandhom jipprovdu għal kumpens li għandu jingħata fir-rigward tal-piżijiet finanzjarji li jirrisultaw minn dan; l-ammont ta’ dan il-kumpens għandu jiġi determinat skond il-proċeduri komuni li jinsabu fl-Artikoli 10 sa 13.”

9        L-Artikolu 9(1) ta’ l-istess regolament jipprovdi:

“L-ammont ta’ kumpens fir-rigward ta’ piżijiet finanzjarji li jaqgħu fuq intrapriżi, minħabba l-applikazzjoni ta’ rati u kondizzjonijiet tat-trasport imposti fl-interessi ta’ kategorija jew kategoriji partikolari ta’ persuni għat-trasport ta’ passiġġieri, għandu jiġi stabbilit skond il-proċeduri komuni li jinsabu fl-Artikoli 11 sa 13.”

10      L-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1191/69 jipprovdi illi:

“Il-kumpens imħallas taħt dan ir-Regolament għandu jkun eżenti mill-proċedura ta’ informazzjoni preliminari li tinsab fl-Artikolu 93(3) tat-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ekonomika Ewropea.

L-Istati Membri għandhom jgħaddu minnufih lill-Kummissjoni dettalji, klassifikati skond il-kategorija ta’ l-obbligu, ta’ ħlasijiet ta’ kumpens magħmula fir-rigward ta’ piżijiet finanzjarji li jkunu waqgħu fuq intrapriżi tat-trasport minħabba ż-żamma ta’ l-obbligi ta’ servizz pubbliku li jinsabu fl-Artikolu 2 jew minħabba l-applikazzjoni tar-rati u l-kondizzjonijiet tat-trasport imposti fl-interessi ta’ kategorija jew kategoriji partikolari ta’ persuni għat-trasport ta’ passiġġieri.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

11      Il-Verordnung zur Festlegung des Anwendungsbereiches der Verordnung (EWG) Nr. 1191/69 in der Fassung der Verordnung (EWG) Nr. 1893/91 im Straßenpersonenverkehr (Regolament li japplika r-Regolament Nru 1191/69 fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament Nru 1893/91 dwar it-trasport tal-passiġġieri bit-triq), tal-Ministru Federali tat-Trasport, tal-31 ta’ Lulju 1992 (BGBl. 1992 I, p. 1442), fil-verżjoni li tirriżulta minn emenda tad-29 ta’ Novembru 1994 (BGBl. 1994 I, p. 3630), jeskludi b’mod ġenerali sal-31 ta’ Diċembru 1995, l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1191/69 għat-trasport pubbliku tal-passiġġieri fir-rigward ta’ l-impriżi li jillimitaw l-attività tagħhom esklużivament għall-operazzjoni ta’ servizzi urbani, suburbani jew reġjonali.

12      Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 2(1), flimkien ma’ dawk ta’ l-Artikolu 1(1) tal-Personenbeförderungsgesetz (liġi dwar it-trasport tal-persuni fuq l-art; iktar ’il quddiem il-“PbefG”), jipprovdu illi, fil-Ġermanja, it-trasport ta’ persuni b’servizz skedat permezz ta’ vetturi tat-triq, huwa suġġett għall-għoti ta’ liċenżja. Din il-liċenzja tobbliga lit-trasportatur li jżomm biss it-tariffa awtorizzata mill-awtorità li toħroġ il-liċenzja, li jirrispetta l-iskeda tal-ħinijiet approvata u li jikkonforma ruħu ma’ l-obbligi ta’ operazzjoni u ta’ trasport li huma imposti fuqu bil-liġi.

13      Sal-31 ta’ Diċembru 1995, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ liċenzja għal servizz skedat ta’ trasport permezz tal-karozza tal-linja kienu stabbiliti biss fl-Artikolu 13 tal-PBefG. Din id-dispożizzjoni timponi, b’mod partikulari, xi kundizzjonijiet dwar il-kapaċità finanzjarja u l-affidabilità ta’ l-impriża ta’ trasport u timponi r-rifjut tat-talba għal-liċenzja meta s-servizz previst huwa tali li jeffettwa l-interessi tal-pubbliku fit-trasport. Jekk diversi impriżi jridu jipprovdu l-istess servizzi ta’ trasport, skond il-paragrafu 3 ta’ l-istess Artikolu, l-awtorità kkonċernata għandha tieħu in kunsiderazzjoni b’mod xieraq iċ-ċirkustanzi ta’ provvista adegwata ta’ dawn is-servizzi minn waħda minn dawn l-imprizi matul numru ta’ snin.

14      Permezz ta’ l-Artikolu 6(116) ta’ l-Eisenbahnneuordnungsgesetz (liġi dwar ir-ristrutturazzjoni tal-ferroviji), tas-27 ta’ Diċembru 1993 (BGBl. 1993 I, p. 2378), b’effett mill-1 ta’ Jannar 1996, il-leġiżlatur Ġermaniż introduċa distinzjoni bejn it-trasport operat taħt sistema ta’ awtonomija finanzjarja u trasport operat bħala servizz pubbliku għall-għoti ta’ liċenzji ta’ servizzi skedati ta’ trasport urbani, suburbani u reġjonali.

15      L-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 8(4) tal-PBefG tistabbilixxi l-prinċipju li s-servizzi ta’ trasport pubbliku urbani, suburbani u reġjonali għandhom ikunu pprovduti taħt is-sistema ta’ awtonomija finanzjarja.

16      It-tieni sentenza ta’ dan il-paragrafu tiddefinixxi s-servizzi ta’ trasport ipprovduti fil-kuntest ta’ sistema ta’ awtonomija finanzjarja bħala dawk li l-ispejjeż tagħhom huma koperti mid-dħul tat-trasport imwettaq, minn dħul riċevut skond dispożizzjonijiet ta’ liġi li jirrigwardaw kumpens jew rifusjoni minħabba ċerti tariffi u skeda speċifika ta’ trasport kif ukoll minn dħul ieħor ta’ l-impriża skond id-dritt kummerċjali. Il-kundizzjonijiet sabiex tingħata liċenzja taħt is-sistema ta’ awtonomija finanzjarja huma ddefiniti fl-Artikolu 13 tal-PBefG, kif intqal fil-punt 13 ta’ din is-sentenza.

17      It-tielet sentenza ta’ l-Artikolu 8(4) tal-PBefG tipprovdi illi huwa r-Regolament Nru 1191/69, fil-verżjoni li hija fis-seħħ, li għandu jiġi applikat, fejn mhuwiex possibbli li servizz ta’ trasport adegwat ikun żgurat taħt is-sistema ta’ awtonomija finanzjarja. Il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ liċenzji li jikkonċernaw servizzi ta’ trasport bħala servizz pubbliku taħt dan ir-regolament huma ddefiniti fil-paragrafu 13a tal-PBefG.

18      Skond din l-aħħar dispożizzjoni, liċenzja għandha tingħata meta dan hu indispensabbli għall-implementazzjoni ta’ servizz ta’ trasport ibbazat fuq att ta’ awtorità jew fuq kuntratt skond ir-Regolament Nru 1191/69 u meta hija s-soluzzjoni li timplika l-inqas spiża għall-komunità.

 Il-kawża prinċipali

19      Il-kawża prinċipali tikkonċerna l-għoti ta’ liċenzji għal servizzi skedati ta’ trasport bil-karozza tal-linja fil-Landkreis Stendal mir-Regierungspräsidium lil Altmark Trans.

20      Oriġinarjament, Altmark Trans kienet mogħtija liċenzji għall-perijodu mill-25 ta’ Settembru 1990 sad-19 ta’ Settembru 1994. B’deċiżjoni tas-27 ta’ Ottubru 1994, Altmark ingħatat liċenzji ġodda sal-31 ta’ Ottubru 1996.

21      Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li, fl-istess żmien, ir-Regierungspräsidium ċaħdet it-talbiet ta’ Nahverkehrsgesellschaft għall-għoti ta’ liċenzji sabiex topera dawn is-servizzi. Sabiex tiġġustifika din id-deċiżjoni, ir-Regierungspräsidium stqarret li Altmark Trans kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni stipulati fil-punti 1 u 2 ta’ l-Artikolu 13(a) tal-PBefG. Bħala impriża li kienet ilha topera, Altmark Trans kienet tibbenefika minn protezzjoni ta’ drittijiet akkwiżiti skond il-paragrafu 3 ta’ l-istess Artikolu. Din il-protezzjoni timplika li l-operazzjoni ta’ servizz skedat ta’ trasport minn impriza li hija attwalment inkarigata li twettaq tali servizz tista’ tirrappreżenta offerta ta’ trasport aħjar minn dik ta’ applikant ġdid. Fil-fatt, ma kienx hemm tali offerta ġdida. Peress li Altmark Trans uriet defiċit ta’ DM 0.58 għal kull kilometru skedat, hija kellha bżonn l-inqas ammont ta’ finanzjament addizjonali mingħand l-awtoritajiet pubbliċi.

22      Wara lment ta’ Altmark Trans, ir-Regierungspräsidium, b’deċiżjoni tat-30 ta’ Lulju 1996, ġedded dawn il-liċenzji sal-31 ta’ Ottubru 2002.

23      Nahverkehrsgesellschaft ippreżentat ilment kontra d-deċiżjoni tas-27 ta’ Ottubru 1994 fejn sostniet li Altmark Trans ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ l-Artikolu 13 tal-PBefG. Fil-fatt, din ma kinitx impriża ekonomikament vijabbli peress li ma setgħatx tibqa’ teżisti mingħajr sussidji pubbliċi. Għaldaqstant, il-liċenzji li ngħatawlha kienu illegali. Skond Nahverkehrsgesellschaft lanqas m’hu eżatt li jingħad li Altmark Trans kellha l-inqas bżonn ta’ sussidji. B’deċiżjoni tad-29 ta’ Ġunju 1995, ir-Regierungspräsidium ċaħad dan l-ilment.

24      Nahverkehrsgesellschaft ippreżentat rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet tas-27 ta’ Ottubru 1994 u tat-30 ta’ Lulju 1996 quddiem il-Verwaltungsgericht Magdeburg (Tribunal Amministrativ tal-Ewwel Istanza ta’ Magdeburg) (il-Ġermanja), li ċaħad dan ir-rikors.

25      Fl-istadju tal-appell, l-Oberverwaltungsgericht Sachsen-Anhalt (Qorti Amministrattiva tal-Appell tas-Sassonja-Anhalt) (il-Ġermanja) laqgħet ir-rikors ta’ Nahverkehrsgesellschaft u għalhekk annullat l-għoti ta’ liċenzji lil Altmark Trans. Din il-qorti kkunsidrat, b’mod partikolari li, fil-mument meta d-deċiżjoni tat-30 ta’ Lulju 1996 kienet ġiet addottata, l-effiċjenza ekonomika ta’ Altmark Trans ma kinitx iktar garantita, għaliex din kellha bżonn tas-sussidji tal-Lankreis Stendal sabiex topera s-servizzi liċenzjati. Barra minn hekk, il-qorti ddeċidiet li dawn is-sussidji ma kinux kompatibbli mad-dritt Komunitarju dwar l-għajnuna mill-Istat, kif jirriżulta b’mod partikolari mir-Regolament Nru 1191/69.

26      F’dan ir-rigward, l-Oberverwaltungsgericht irrilevat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet użat il-possibbiltà, offerta mir-Regolament Nru 1191/69, li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu dawk l-impriżi li jillimitaw l-attività tagħhom esklużivament għall-operazzjoni ta’ servizzi ta’ trasport urbani, suburbani jew reġjonali, sal-31 ta’ Diċembru 1995 biss. Hija għalhekk iddeċidiet li, wara din id-data, is-sussidji pubbliċi in kwistjoni kienu awtorizzati biss jekk kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati mill-imsemmi regolament. Fost dawn il-kundizzjonijiet, kien hemm il-bżonn li jiġu imposti obbligi ta’ servizz pubbliku jew permezz ta’ kuntratt jew permezz ta’ att tal-awtoritajiet kompetenti. Peress li l-Landkreis Stendal la kienet għamlet kuntratt ma’ Altmark Trans u lanqas ma kienet addottat att amministrattiv skond id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament, l-Oberverwaltungsgericht iddeċidiet li, mill-1 ta’ Jannar 1996, il-Landkreis ma kinitx iktar awtorizzata li tissussidja lil Altmark Trans sabiex topera s-servizzi li kienu jaqgħu taħt il-liċenzji li ngħatawlha.

27      Altmark Trans ippreżentat appell għar-“reviżjoni” kontra din id-deċiżjoni tal-Oberverwaltungsgericht quddiem il-Bundesverwaltungsgericht. Din tal-aħħar osservat li l-Artikolu 8(4) tal-PBefG iqajjem il-kwistjoni dwar jekk l-operazzjoni ta’ servizzi skedati ta’ trasport urbani, suburbani jew reġjonali, li ma tistax issir bi profitt minħabba d-dħul minn tali trasport u li, għalhekk, tiddependi neċessarjament fuq sussidju pubbliku, tistax, skond id-dritt nazzjonali, tkun ikkunsidrata bħala effettwata taħt sistema ta’ awtonomija finanzjarja jew hux neċessarjament meħtieġ li tkun ikkunsidrata bħala effettwata taħt sistema ta’ servizz pubbliku.

28      F’dan ir-rigward, il-Bundesverwaltungsgericht tikkunsidra li s-sussidji pubbliċi in kwistjoni jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “dħul ieħor tal-impriża skond id-dritt kummerċjali” imsemmi fit-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tal-PBefG. Permezz tal-metodi normali ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, hija waslet għall-konklużjoni li l-fatt li xi sussidji pubbliċi huma neċessarji ma jeskludix li s-servizzi ta’ trasport jingħataw taħt sistema ta’ awtonomija finanzjarja.

29      Madankollu, il-qorti tar-rinviju iddubbitat li l-Artikoli 77 u 99 tat-Trattat kif ukoll ir-Regolament Nru 1191/69 jimplikaw neċessarjament l-interpretazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tal-PBefG skond id-dritt Komunitarju segwit mill-Oberverwaltungsgericht. Minħabba s-sistema kumplessa ta’ projbizzjonijiet, ta’ eċċezzjonijiet u ta’ eċċezzjonijiet għall-eċċezzjonjiet, il-qorti kkunsidrat li din il-kwistjoni għandha tiġi kkjarita mill-Qorti tal-Ġustizzja.

 It-talba għal deċiżjoni preliminari

30      Peress li kkunsidrat li fil-kawża quddiemha l-portata tar-regoli Komunitarji ma kinitx ċerta u li talba għal deċiżjoni preliminari kienet neċessarja għad-deċiżjoni tal-kawża prinċipali, il-Bundesverwaltungsgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli [77 u 92 tat-Trattat] KE flimkien, kif ukoll tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69, kif emendat bir-Regolament (KEE) Nru 1893/91, jipprekludu l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza l-konċessjoni ta’ liċenzji ta’ servizzi skedati ta’ trasport fis-settur tat-trasport pubbliku urban, suburban jew reġjonali, lill-impriżi ta’ trasport li jiddependu neċessarjament fuq sussidji, mingħajr ma jiġu rrispettati t-Taqsimiiet II, III u IV tal-imsemmi regolament?”

31      Il-qorti tar-rinviju speċifikat li din id-domanda kellha tkun intiża bħala li tinkludi t-tliet partijiet li ġejjin:

“1)      Is-sussidji intiżi sabiex jikkumpensaw defiċit ta’ servizz pubbliku ta’ trasport lokali tal-passiġġieri huma suġġetti għall-projbizzjoni ta’ l-għajnuna stipulata fl-Artikolu [92](1), [tat-Trattat] KE, jew, jekk ikun ikkunsidrat l-iskop reġjonali tagħhom, għandu jkun ikkunsidrat li sussidji bħal dawn m’humiex a priori ta’ natura li jaffettwaw lill-kummerċ bejn l-Istati Membri? Ir-risposta għal din id-domanda tista’ tiddependi fuq is-sitwazzjoni konkreta u fuq ir-rilevanza tas-settur ta’ attività tat-trasport urbani, suburbani jew reġjonali msemmija f’kull każ?

2)      L-Artikolu [77 tat-Trattat] KE jagħti lil-leġiżlatur nazzjonali, b’mod ġenerali, il-possibbiltà li jawtorizza sussidji pubbliċi sabiex jikkumpensaw id-defiċit fis-settur tat-trasport pubbliku urban, suburban jew reġjonali mingħajr ma jiġi kkunsidrat ir-Regolament (KEE) Nru 1191/69?

3)      Ir-Regolament (KEE) Nru 1191/69 jippermetti lil-leġiżlatur nazzjonali li jawtorizza l-operazzjoni ta’ servizz skedat ta’ trasport pubbliku urban, suburban jew reġjonali, li neċessarjament jiddependi fuq sussidji pubbliċi mingħajr ma jirrispetta t-Taqsimiet II, III u IV ta’ l-imsemmi regolament, billi jippreskrivi l-applikazzjoni ta’ dawn id-diposizzjonijiet biss meta l-provvista ta’ trasport adegwat m’hijiex possibli mod ieħor? Din il-possibbiltà offerta lil-leġiżlatur nazzjonali, tirriżulta, b’mod partikolari, mill-fatt li, skond l-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69, kif emendat bir-Regolament Nru 1893/91, hu kellu d-dritt li jeskludi kompletament mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament l-impriżi ta’ trasport urban, suburban jew reġjonali?”

 Osservazzjonijiet preliminari

32      Fil-kawża prinċipali, l-għoti ta’ liċenzji lil Altmark Trans huwa kkuntestat biss in kwantu din kellha bżonn ta’ sussidji pubbliċi sabiex twettaq l-obbligi ta’ servizz pubbliku, li jirriżultaw mill-imsemmija liċenzji. Għaldaqstant din il-kawża tikkonċerna essenzjalment il-kwistjoni dwar jekk is-sussidji pubbliċi li Altmark Trans ingħatat b’dan il-mod kinux mogħtija leġittimament.

33      Wara li sabet li l-ħlas ta’ sussidji lil Altmark Trans għall-operazzjoni tal-liċenzji in kwistjoni fil-kawża prinċipali taħt is-sistema ta’ awtonomija finanzjarja ma jmurx kontra d-dritt nazzjonali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tal-imsemmija sussidji mad-dritt Komunitarju.

34      Id-dispożizzjonijiet prinċipali tat-Trattat li jirregolaw is-sussidji pubbliċi huma dawk li jirrigwardaw l-għajnuna mill-Istat, jiġifieri l-Artikoli 92 et seq tat-Trattat. L-Artikolu 77 tat-Trattat joħloq deroga mir-regoli ġenerali applikabbli għall-għajnuna mill-Istat fis-settur tat-trasport, billi jipprovdi li l-għajnuna meħtieġa għall-koordinament tat-trasport jew li jikkorrispondu għar-rifusjoni ta’ ċertu piżijiet inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku, huma kompatibbli mat-Trattat.

35      Għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill addotta r-Regolament Nru 1191/69 fuq il-bażi tal-Artikoli 75 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 71 KE) u 94 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 89 KE), u għalhekk kemm fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-politika komuni tat-trasport, kif ukoll ta’ dawk dwar l-għajnuna mill-Istat.

36      Ir-Regolament Nru 1191/69 jistabbilixxi sistema Komunitarja applikabbli għall-obbligi ta’ servizz pubbliku fis-settur tat-trasport. Madankollu, skond it-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(1) tar-regolament, l-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-impriżi b’attività li hija limitata esklużivament għall-operazzjoni ta’ servizzi ta’ trasport urbani, suburbani jew reġjonali.

37      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat l-ewwel nett jekk ir-Regolament Nru 1191/69 huwiex applikabbli għas-servizzi ta’ trasport in kwistjoni fil-kawża prinċipali. Huwa biss jekk dan m’huwiex il-każ li jkun neċessarju li tkun eżaminata l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ġenerali tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat għas-sussidji in kwistjoni fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant, għandha l-ewwel nett tingħata risposta għat-tielet parti tad-domanda preliminari.

 Fuq it-tielet parti tad-domanda preliminari

38      Bit-tielet parti tad-domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk ir-Regolament Nru 1191/69, u b’mod partikolari t-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(1) tiegħu, jistax ikun interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istat Membru li ma japplikax dan ir-regolament għall-operazzjoni ta’ servizzi tat-trasport skedati urbani, suburbani jew reġjonali li jiddependu neċessarjament fuq sussidji pubbliċi u li jillimita l-applikazzjoni tiegħu fil-każ fejn il-provvista ta’ servizz adegwat ta’ trasport m’hijiex possibbli mod ieħor.

 Osservazzjonijiet magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja

39      Altmark Trans, ir-Regierungspräsidium u Nahverkehrsgesellschaft jissottomettu li m’huwiex possibbli li mir-Regolament Nru 1191/69 jiġi dedott li sussidji pubbliċi lill-impriżi ta’ trasport huma kompatibbli mad-dritt Komunitarju biss jekk jiġu imposti obbligi ta’ servizz pubbliku skond l-imsemmi regolament jew jekk jiġi konkluż kuntratt ta’ servizz pubbliku skond dan ir-regolament.

40      Huma josservaw b’mod partikolari li l-leġiżlatur Ġermaniż għamel distinzjoni bejn is-servizzi ta’ trasport operati taħt is-sistema ta’ awtonomija finanzjarja u dawk operati taħt dik ta’ servizz pubbliku. Skond l-Artikolu 8(4) tal-PBefG, ir-Regolament Nru 1191/69 japplika biss għat-trasport taħt is-sistema ta’ servizz pubbliku. Għaldaqstant, is-servizzi ta’ trasport operati taħt is-sistema ta’ awtonomija finanzjarja ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

41      Fil-fatt, anki jekk mill-1 ta’ Jannar 1996, il-leġiżlatur Ġermaniż m’għadux jagħmel użu iktar, b’mod ġenerali, mill-possibbiltà ta’ deroga stipulata fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1191/69, huwa indirettament għamel eċċezzjoni għall-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament favur servizzi ta’ trasport urbani, suburbani u reġjonali pprovduti taħt is-sistema ta’ awtonomija finanzjarja. Peress li dan ir-regolament jawtorizza deroga ġenerali, dan il-leġiżlatur għandu wkoll il-possibbiltà li jipprovdi għal deroga parzjali. Fil-fatt, il-prinċipju “in maiore minus inest” (Min jista’ jagħmel iktar, jista’ jagħmel inqas) japplika f’dan il-każ.

42      Il-Kummissjoni ssostni li, in kwantu s-servizzi ta’ trasport urbani, suburbani jew reġjonali ma ġewx esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1191/69 permezz tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(1), il-leġiżlatur nazzjonali għandu jirregola l-operazzjoni ta’ servizz skedat jew billi jimponi obbligi ta’ servizz pubbliku, skond it-Taqsimiet II sa IV ta’ dan ir-regolament, jew permezz ta’ kuntratti li jipprovdu għal dawn l-obbligi u li jirrispettaw id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima V tal-imsemmi regolament.

 Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

43      Sabiex tingħata risposta għal din il-parti tad-domanda, jeħtieġ li preliminarjament ikun stabbilit jekk ir-Regolament Nru 1191/69 jimponix sistema obbligatorja li l-Istati Membri jridu bil-fors jirrispettaw meta jikkunsidraw li jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku fis-settur tat-trasport bit-triq.

44      Kemm mill-premessi ta’ l-imsemmi regolament, kif ukoll mill-korp tiegħu, jirriżulta li dan effettivament jimponi sistema obbligatorja fuq l-Istati Membri.

45      Fil-fatt, skond l-ewwel premessa tar-Regolament Nru 1191/69, wieħed mill-għanijiet tal-politika komuni tat-trasport hija l-eliminazzjoni tad-diskrepanzi li jirriżultaw mill-obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku imposti fuq impriżi ta’ trasport mill-Istati Membri u li huma ta’ natura li jikkawżaw distorsjoni sostanzjali fil-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni. Skont it-tieni premessa tal-imsemmi regolament, huwa għalhekk neċessarju li obbligi ta’ servizz pubbliku, kif iddefiniti fir-regolament, jiġu soppressi anki jekk, madankollu, iż-żamma ta’ tali obbligi jista’ jkun indispensabbli f’xi każijiet sabiex tkun żgurata l-provvista ta’ servizzi trasport adegwati.

46      Għal dan l-iskop, l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 1191/69 jipprovdi illi l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom iwaqqfu l-obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku, kif iddefiniti f’dan ir-regolament, imposti fis-settur tat-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni. Skond l-Artikolu 1(4), sabiex jiġu żgurati servizzi ta’ trasport adegwati li jieħdu in kunsiderazzjoni b’mod partikolari fatturi soċjali, ambjentali u ta’ ppjanar tal-iżvilupp tat-territorju, jew sabiex ikunu offruti kundizzjonijiet tariffarji partikulari lil ċerti kategoriji ta’ passiġġieri, dawn l-awtoritajiet jistgħu jikkonkludu kuntratti ta’ servizz pubbliku ma’ impriża ta’ trasport skond il-kundizzjonijiet u d-dettalji stabbiliti fit-Taqsima 5 tal-imsemmi regolament. L-Artikolu 1(5) iżid li, madankollu, l-imsemmija awtoritajiet jistgħu jżommu jew jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku fil-każ ta’ servizzi urbani, suburbani u reġjonali ta’ trasport ta’ passiġġieri skond il-kundizzjonijiet u d-dettalji, inklużi metodi ta’ kumpens, stabbiliti fit-Taqsimiet II sa IV tal-imsemmi regolament.

47      Għaldaqstant, in kwantu l-liċenzji in kwistjoni fil-kawża prinċipali jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku u huma marbuta ma’ sussidji li jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-eżekuzzjoni tagħhom, l-għoti ta’ dawn il-liċenzji u ta’ dawn is-sussidji kien, bħala prinċipju, suġġett għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1191/69.

48      Madankollu, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament jawtorizza lill-Istati Membri li jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-impriżi li jillimitaw l-attivitajiet tagħhom esklużivament għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport urbani, suburbani jew reġjonali.

49      Oriġinarjament, jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru 1995, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għamlet użu mid-deroga stipulata fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1191/69, filwaqt li eskludiet speċifikament mil-leġiżlazzjoni nazzjonali l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament għall-impriżi ta’ trasport urban, suburban u reġjonali.

50      Mill-1 ta’ Jannar 1996, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża ma baqgħetx espressament tipprovdi tali deroga. Għall-kuntrarju, l-imsemmi regolament ġie ddikjarat applikabbli għall-għoti ta’ liċenzji għat-trasport bil-karozza tal-linja fil-Ġermanja taħt is-sistema ta’ servizz pubbliku, abbażi tat-tielet sentenza tal-Artikolu 8(4) u tal-paragrafu 13a tal-PBefG. Madankollu, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża ma tistipulax espliċitament jekk dan ir-regolament huwiex ukoll applikabbli għall-għoti ta’ liċenzji tat-trasport bil-karozzi tal-linja taħt is-sistema ta’ awtonomija finanzjarja.

51      F’dan ir-rigward, għandu jiġi eżaminat jekk in-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1191/69 għas-sistema ta’ awtonomija finanzjarja, jekk ikun il-każ, hux kontra dan ir-regolament.

52      Altmark Trans, ir-Regierungspräsidium u Nahverkehrsgesellschaft isostnu illi, jekk it-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1191/69 jippermetti li tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament kategorija sħiħa ta’ servizzi ta’ trasport, din id-dispożizzjoni għandha, a fortiori, tippermetti li parti limitata ta’ dawn is-servizzi tkun eskluża mill-applikazzjoni tal-istess regolament.

53      Għandu jiġi mfakkar li, hekk kif ġie spjegat fil-punti 44 sa 47 ta’ din is-sentenza, ir-Regolament Nru 1191/69 stabbilixxa sistema li l-Istati Membri huma obbligati jirrispettaw meta jikkunsidraw li jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku fuq impriżi ta’ trasport bit-triq.

54      Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jistabilixxu deroga mid-dispożizzjonijiet tar- Regolament Nru 1191/69, skond it-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(1), favur impriżi li jipprovdu servizzi ta’ trasport urbani, suburbani jew reġjonali. Il-leġiżlatur Ġermaniż għamel użu ġenerali ta’ din id-deroga sal-31 ta’ Diċembru 1995.

55      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-emenda tal-PBefG, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1996, tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għanijiet tar-Regolament Nru 1191/69.

56      Fil-fatt, permezz ta’ din l-emenda, il-leġiżlatur Ġermaniż introduċa distinzjoni bejn is-sistema ta’ awtonomija finanzjarja u dik tas-servizz pubbliku għall-għoti ta’ liċenzji li jirrigwardaw it-trasport tal-passiġġieri bil-karozza tal-linja. Permezz tal-Artikolu 13a tal-PBefG, ir-Regolament Nru 1191/69 sar applikabbli fil-każ tal-għoti ta’ liċenzji taħt is-sistema ta’ servizz pubbliku. Din l-emenda tal-PBefG għalhekk naqset il-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga stipulata fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(1) tal-imsemmi regolament. Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża resqet iktar viċin l-għanijiet ta’ dan ir-regolament.

57      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, abbażi tal-possibbiltà ta’ deroga stipulata fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(1), Stat Membru jista’ leġittimament, mhux biss jeskludi kompletament is-servizzi skedati ta’ trasport urbani, suburbani u reġjonali mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, iżda wkoll japplika tali deroga b’mod iktar limitat. Fi kliem ieħor, bħala regola, din id-dispożizzjoni tippermetti lil-leġiżlatur Ġermaniż li fil-każ ta’ servizzi ta’ trasport pprovduti taħt is-sistema ta’ awtonomija finanzjarja, jipprovdi illi jkunu imposti obbligi ta’ servizz pubbliku u mogħtija sussidji mingħajr ma jkunu rrispettati l-kundizzjonijiet u d-dettalji stabbiliti mill-imsemmi regolament.

58      Madankollu, il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tiddelimita b’mod ċar l-użu ta’ din il-possibbiltà ta’ deroga sabiex ikun possibbli li jiġi stabbilit f’liema sitwazzjoni tapplika l-imsemmija deroga u f’liema sitwazzjoni japplika r-Regolament Nru 1191/69.

59      Fil-fatt, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, huwa partikolarment importanti, sabiex ikun sodisfatt ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali, li l-individwi jkollhom il-benefiċċju ta’ sitwazzjoni ġuridika ċara u preċiża, li tippermettilhom ikunu jafu eżattament x’inhuma d-drittijiet tagħhom u kif jistgħu jużawhom, fejn hu l-każ, quddiem il-qrati nazzjonali (ara s-sentenzi tat-23 ta’ Mejju 1985, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, 29/84, Ġabra p. 1661, punt 23; tad-9 April 1987, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 363/85, Ġabra p. 1733, punt 7; tat-30 ta’ Mejju 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-59/89, Ġabra p. I-2607, punt 18, u tad-19 ta’ Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-236/95, Ġabra p. I-4459, punt 13).

60      Id-deċiżjoni tar-rinviju fiha numru ta’ punti li jnisslu dubbju jekk dawn ir-rekwiżiti ta’ kjarezza kinux rispettati f’dan il-każ.

61      Fil-fatt, mid-digriet tar-rinviju jirriżulta, minn naħa, li s-sistema ta’ awtonomija finanzjarja tista’ tkun applikata anki għall-impriżi li jeħtieġu sussidji pubbliċi sabiex joperaw liċenzji ta’ servizzi ta’ trasport. Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju ikkonstatat li “fir-rigward ta’ servizzi skedati ta’ trasport urban, suburban jew reġjonali, fil-biċċa l-kbira tagħhom b’defiċit, dan id-dritt tal-għażla mogħti lill-operatur mil-leġiżlatur huwa, fil-prattika, imneħħi, minħabba l-bżonn ta’ sussidji pubbliċi li għandhom il-konsegwenza awtomatika li tali servizzi jkunu kklassifikati taħt is-sistema ta’ servizz pubbliku”.

62      Minn dak li ntqal preċedentement jidher li jirriżulta li l-liċenzji ta’ servizzi ta’ trasport li jeħtieġu sussidji pubbliċi sabiex ikunu operati jistgħu jkunu suġġetti kemm għal sistema ta’ awtonomija finanzjarja kif ukoll għal sistema ta’ servizz pubbliku. Kieku dan kien effettivament il-każ, id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata ma jistabbilixxux b’mod ċar u preċiż f’liema sitwazzjoni tali liċenzji jaqgħu f’sistema jew oħra. Għalhekk, in kwantu l-fatt li Regolament Nru 1191/69 m’huwiex applikabbli għas-sistema ta’ awtonomija finanzjarja, inċertezza eventwali dwar il-linja li tissepara din is-sistema minn dik ta’ servizz pubbliku tkun estiża wkoll għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament fil-Ġermanja.

63      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-applikazzjoni li l-leġiżlatur Ġermaniż għamel tal-possibbiltà ta’ deroga stipulata fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1191/69 tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ kjarezza u preċiżjoni imposti mill-prinċipju ta’ ċertezza legali.

64      Għaldaqstant ir-risposta għat-tielet parti tad-domanda preliminari għandha tkun li r-Regolament Nru 1191/69, u b’mod partikolari t-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(1) tiegħu, għandu jkun interpretat fis-sens li b’mod li jippermetti lil Stat Membru li ma japplikax dan ir-regolament għall-operazzjoni ta’ servizzi skedati ta’ trasport urbani, suburbani jew reġjonali li jiddependu neċessarjament fuq sussidji pubbliċi u li jillimita l-applikazzjoni tiegħu għall-każijiet fejn, il-provvista ta’ servizz ta’ trasport adegwat m’hijiex possibli b’mod ieħor, sakemm il-prinċipju ta’ ċertezza legali jkun debitament rispettat.

65      Għandu wkoll jiġi ppreċiżat li, jekk il-qorti tar-rinviju tiddeċiedi li l-prinċipju ta’ ċertezza legali ma kienx irrispettat fil-kawża prinċipali, hija għandha tikkunsidra li r-Regolament Nru 1191/69 huwa applikabbli fil-Ġermanja fit-totalità tiegħu u li, għaldaqstant huwa validu bl-istess mod anki għas-sistema ta’ awtonomija finanzjarja. F’każ bħal dan, għandu jiġi vverifikat jekk il-liċenzji kkonċernati fil-kawża prinċipali kinux mogħtija skond dan ir-regolament u, jekk dan hu l-każ, jekk is-sussidji in kwistjoni fil-kawża prinċipali, kinux mogħtija skond l-istess regolament. Jekk tali liċenzji u sussidji ma jirrispettawx il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-imsemmi regolament, il-qorti tar-rinviju għandha tikkonkludi li m’humiex kompatibbli mad-dritt Komunitarju mingħajr ma jkun neċessarju li teżaminahom fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

66      Għaldaqstant, huwa biss jekk il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li r-Regolament Nru 1191/69 ma japplikax għas-sistema ta’ awtonomija finanzjarja u li l-użu li l-leġiżlatur Ġermaniż għamel mill-possibbiltà ta’ deroga prevista mill-imsemmi regolament huwa skond il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jkollha teżamina jekk is-sussidji in kwistjoni fil-kawża prinċipali ngħatawx skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat.

 Fuq l-ewwel parti tad-domanda preliminari

67      Permezz tal-ewwel parti tad-domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk sussidji intiżi sabiex jikkumpensaw għad-defiċit ta’ servizz pubbliku ta’ trasport urban, suburban jew reġjonali jaqgħux dejjem taħt l-Artikolu 92(1) tat-Trattat jew jekk, fid-dawl tan-natura lokali jew reġjonali tas-servizzi ta’ trasport ipprovduti, u skond il-każ, id-daqs tas-settur tal-attività kkonċernata, dawn is-sussidji humiex ta’ natura li jeffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

 Osservazzjonijiet magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja

68      Altmark Trans, ir-Regierungspräsidium u Nahverkehrsgesellschaft isostnu li s-sussidji in kwistjoni fil-kawża prinċipali, m’għandhomx effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri skond l-Artikolu 92(1) tat-Trattat, peress li jirrigwardaw biss servizzi lokali u, fi kwulunkwe każ, huma ta’ ammont tant żgħir li m’għandhomx effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ.

69      Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni tissottometti li mill-1995, tmien Stati Membri volontarjament fetħu xi swieq ta’ trasport urbani, suburbani jew reġjonali għall-kompetizzjoni minn impriżi ta’ Stati Membri oħra u li jeżistu diversi eżempji ta’ impriżi ta’ trasport ta’ Stat Membru li jeżerċitaw attivitajiet fi Stat Membru ieħor. Dan il-ftuħ tas-suq f’ċerti Stati Membri juri b’mod ċar li l-kummerċ intra-Komunitarju m’huwiex biss possibbli u potenzjali iżda li diġà qiegħed iseħħ.

70      Għandu jiġi mfakkar li, b’digriet tat-18 ta’ Ġunju 2002, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li terġa’ tiftaħ il-proċedura orali f’din il-kawża sabiex toffri lill-partijiet fil-kawża prinċipali, lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill il-possibbiltà li jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-konsegwenzi eventwali tas-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2001, Ferring (C-53/00, Ġabra, p. I-9067), fir-rigward tar-risposta li għandha tingħata għad-domanda preliminari f’din il-kawża.

71      Matul it-tieni seduta, li saret fil-15 ta’ Ottubru 2002, Altmark Trans, ir-Regierungspräsidium, Nahverkehrsgesellschaft kif ukoll il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern Spanjol essenzjalment ipproponew il-konferma tal-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Ferring, iċċitata iktar ’il fuq. Huma għalhekk jikkunsidraw li l-finanzjament ta’ servizzi pubbliċi mill-Istat ma jikkostitwixxix għajnuna skond l-Artikolu 92(1) tat-Trattat jekk il-vantaġġi mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi ma jeċċedux l-ispejjeż sostnuti sabiex jitwettqu l-obbligi ta’ servizz pubbliku.

72      F’dan ir-rigward, huma sostnew prinċiparjament li l-kunċett ta’ għajnuna skond l-Artikolu 92(1) tat-Trattat japplika biss għall-miżuri li jistgħu jagħtu vantaġġ ekonomiku lil impriża waħda jew iktar. Għalhekk, sussidju pubbliku li huwa limitat biss sabiex jikkumpensa l-ispiża konnessa ma’ l-għotja ta’ servizzi pubbliċi li kienu imposti ma jwassal għal ebda vantaġġ effettiv għall-impriża li tibbenefika minnu. Barra minn hekk, f’każ bħal dan, il-kompetizzjoni ma tiġix distorta għaliex kull impriża tkun tista’ tibbenefika minn sussidju pubbliku sakemm tipprovdi s-servizzi pubbliċi ta’ trasport imposti mill-Istat.

73      Matul din it-tieni seduta, il-Gvern Daniż, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Olandiż u l-Gvern tar-Renju Unit sostnew, essenzjalment, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tadotta l-linja żviluppata mill-Avukat Ġenerali Jacobs fil-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fit-30 ta’ April 2002 fil-Kawża GEMO (C-126/01) li għadha pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Skond din il-linja, għandha ssir distinzjoni bejn żewġ kategoriji ta’ sitwazzjonijiet. Fejn hemm rabta diretta u ovvja bejn finanzjament mill-Istat u obbligi ta’ servizz pubbliku ddefiniti b’mod ċar, l- ammonti mħallsa mill-awtoritajiet pubbliċi ma jikkostitwux għajnuna skond l-Artikolu 92(1) tat-Trattat. Għall-kuntrarju, fejn m’hemmx tali rabta jew fejn l-obbligi ta’ servizz pubbliku m’humiex iddefiniti b’mod ċar, l-ammonti mħallsa minn dawn l-awtoritajiet jikkostitwixxu għajnuna.

 Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

74      Sabiex tingħata risposta għall-ewwel parti tad-domanda, jeħtieġ li jkunu eżaminati l-elementi differenti tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat li jinsab fl-Artikolu 92(1) tat-Trattat. Fil-fatt, skond ġurisprudenza stabbilita, il-kwalifika ta’ għajnuna teħtieġ li jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha msemmija f’din id-dispożizzjoni (ara s-sentenzi tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, magħrufa bħala “Tubemeuse”, C-142/87, Ġabra p. I-959, punt 25; tal-14 ta’ Settembru 1994, Spanja vs Il-Kummissjoni, Kawżi magħquda minn C-278/92 sa C-280/92, Ġabra p. I-4103, punt 20, u tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, Kawża C-482/99, Ġabra p. I-4397, punt 68).

75      L-Artikolu 92(1) tat-Trattat jistabilixxi l-kundizzjonijiet li ġejjin. L-ewwel nett għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz tar-riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun jista’ jeffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet nett, irid jingħata vantaġġ lill-benefiċjarju. Ir-raba’ nett l-intervent irid iwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni.

76      Id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tikkonċerna b’mod partikolari t-tieni waħda minn dawn il-kundizzjonijiet.

77      F’dan ir-rigward għandu, qabel kollox, ikun osservat li m’huwa bl-ebda mod eskluż li sussidju pubbliku mogħti lil impriża li tipprovdi biss servizzi ta’ trasport lokali jew reġjonali u ma tipprovdix servizzi ta’ trasport barra mill-Istat tagħha ta’ oriġini, jista’, madankollu, ikollu effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

78      Fil-fatt, meta Stat Membru jagħti sussidju pubbliku lil impriża, il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport minn din l-impriża tista’, għal din ir-raġuni, tibqa’ l-istess jew tiżdied, bil-konsegwenza li l-possibilitajiet tal-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra li jipprovdu s-servizzi tagħhom ta’ trasport fis-suq ta’ dan l-Istat, jiġu għalhekk imnaqqsa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1988, Franza vs Il-Kummissjoni, 102/87, Ġabra p. 4067, punt 19; tal-21 ta’ Marzu 1991, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-305/89, Ġabra p. I-1603, punt 26, u Spanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

79      F’dan il-każ, din il-konstatazzjoni m’hijiex ta’ natura ipotetika biss peress li, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, mill-1995, numru ta’ Stati Membri bdew jiftħu ċerti swieq ta’ trasport għall-kompetizzjoni minn impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra, b’mod li diversi impriżi diġà joffru s-servizzi tagħhom ta’ trasport urbani, suburbani jew reġjonali fi Stati Membri oħra li m’humiex l-Istat ta’ oriġini tagħhom.

80      Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, tas-6 ta’ Marzu 1996, dwar l-għajnuna de minimis (ĠU C 68, p. 9), ma tirrigwardax is-settur tat-trasport, kif jirriżulta mir-raba’ paragrafu tagħha. Bl-istess mod, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 69/2001, tat-12 ta’ Jannar 2001, dwar it-tħaddim ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE dwar għajnuna de minimis (ĠU L 10, p. 30), ma japplikax għal dan is-settur, skond it-tielet premessa u l-Artikolu 1(a) tiegħu.

81      Fl-aħħar nett, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, m’hemmx limitu jew perċentwali, taħt liema jista’ jiġi kkunsidrat li l-kummerċ bejn l-Istati Membri m’huwiex milqut. Fil-fatt, l-ammont relattivament żgħir ta’ għajnuna jew id-daqs relattivament żgħir tal-impriża benefiċjarja ma jeskludux minn qabel il-possibbiltà li l-kummerċ bejn l-Istati Membri jista’ jkun milqut (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Tubemeuse, punt 43, u Spanja vs Il-Kummissjoni, punt 42).

82      Għaldaqstant, it-tieni kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 92(1) tat-Trattat, jiġifieri li l-għajnuna trid tkun ta’ natura li tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, ma tiddependix fuq in-natura lokali jew reġjonali tas-servizzi ta’ trasport ipprovduti jew mill-kobor tas-settur ta’ attività kkonċernat.

83      Madankollu, sabiex intervent tal-Istat ikun jista’ jaqa’ taħt l-Artikolu 92(1) tat-Trattat, kif intqal fil-punt 75 ta’ din is-sentenza, irid ikun ukoll kapaċi li jiġi kkunsidrat bħala vantaġġ mogħti lill-impriża benefiċjarja.

84      F’dan ir-rigward, interventi li, tkun xi tkun il-forma tagħhom, huma kapaċi li jiffavorixxu, direttament jew indirettament ċerti impriżi (sentenza tal-15 ta’ Lulju 1964, Costa, 6/64, Ġabra p. 1141, 1161 ) jew li għandhom ikunu kkunsidrati bħala vantaġġ ekonomiku li impriża benefiċjarja ma kinitx takkwista f’kundizzjonijiet normali tas-suq (sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1996 SFEI et, C-39/94, Ġabra p. I-3547, punt 60, u tad-29 ta’ April 1999, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-342/96, Ġabra p. I-2459, punt 41), huma kkunsidrati bħala għajnuna.

85      Madankollu, għandu jiġi mfakkar dak li l-Qorti iddeċidiet dwar indennità stipulata fid-Direttiva tal-Kunsill 75/439/KEE tas-16 ta’ Ġunju 1975, dwar ir-rimi ta’ żejt użat (ĠU L 194, p. 23). Din l-indennità setgħet tingħata lill-impriżi li kienu jiġbru u/jew jeliminaw iż-żjut użati bħala kumpens għall-obbligi ta’ ġbir u/jew eliminazzjoni li kienu ġew imposti fuqhom mill-Istat Membru, bil-kundizzjoni li tali indennità ma tissuperax l-ispejjeż annwali li ma kinux koperti u li kienu effettivament ivverifikati mill-impriża, wara li jittieħed in kunsiderazzjoni profitt raġjonevoli. Il-Qorti ddeċidiet li indennità bħal din ma tikkostitwixxix għajnuna skond l-Artikolu 92 et seq tat-Trattat, iżda kumpens għas-servizzi ta’ ġbir jew eliminazzjoni pprovduti mill-impriżi (ara s-sentenza tas-7 ta’ Frar 1985, ADBHU, 240/83, Ġabra p. 531, punti 3, l-aħħar sentenza u 18).

86      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, b’mod analogu, sa kemm taxxa fuq il-bejgħ dirett, imposta fuq il-laboratorji faramaċewtiċi tikkorrispondi ma’ l-ispejjeż żejda sostnuti effettivament mill-grossisti distributori sabiex iwettqu l-obbligi tagħhom ta’ servizz pubbliku, il-fatt li dawn tal-aħħar ma jiġux assuġġettati għal din it-taxxa, jista’ jiġi kkunsidrat bħala ħlas għas-servizzi pprovduti minnhom u għalhekk, bħala miżura li ma tikkostitwix għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 92 tat-Trattat. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat illi, sa kemm tali kundizzjoni ta’ ekwivalenza bejn l-eżenzjoni mogħtija u l-ispejjeż żejda indikati hija sodisfatta, il-grossisti distributuri, fir-realtà, ma jibbenefikawx minn vantaġġ skond l-Artikolu 92(1) tat-Trattat peress li l-uniku effett tal-miżura kkonċernata jkun li tpoġġi lil dawn tal-aħħar u l-laboratorji farmaċewtiċi f’kundizzjonijiet komparabbli ta’ kompetizzjoni (sentenza Ferring, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

87      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta illi, sa kemm intervent mill-Istat għandu jkun ikkunsidrat bħala kumpens għas-servizzi pprovduti mill-impriżi benefiċjarji sabiex iwettqu obbligi ta’ servizz pubbliku, b’mod illi dawn l-impriżi, fir-realtà ma jiħdux vantaġġ finanzjarju u li l-imsemmi intervent m’għandux għalhekk l-effett li jpoġġi tali impriżi f’pożizzjoni kompetittiva iktar favorevoli minn dik ta’ impriżi kompetituri tagħhom, tali intervent ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 92(1) tat-Trattat.

88      Madankollu, ċerti kundizzjonijiet għandhom jiġu sodisfatti sabiex, f’każ konkret, tali kumpens ma jiġix kkwalifikat bħala għajnuna mill-Istat.

89      L-ewwel nett, l-impriża benefiċjarja trid tkun effettivament inkarigata sabiex twettaq obbligi ta’ servizz pubbliku, u tali obbliġi jridu jkunu ddefiniti b’mod ċar. Fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju jkollha għalhekk teżamina jekk l-obbligi ta’ servizz pubbliku, li kienu imposti fuq Altmark Trans jirriżultawx b’mod ċar mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u/jew mil-liċenzji li huma s-suġġett tal-kawża prinċipali.

90      It-tieni nett, il-parametri li fuqhom huwa kkalkolat l-kumpens iridu jkunu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti sabiex ikun evitat li tali kumpens jirriżulta f’vantaġġ ekonomiku li jista’ jiffavorixxi l-impriża benefiċjarja fuq impriżi kompetituri.

91      Barra minn hekk, il-kumpens minn Stat Membru ta’ telf sostnut minn impriża mingħajr mal-parametri għal tali kumpens ma jkunu ġew stabbiliti minn qabel, meta jirriżulta a posteriori li l-operazzjoni ta’ ċerti servizzi fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku ma kinitx ekonomikament vijabbli, jikkostitwixxi intervent finanzjarju li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 92(1) tat-Trattat.

92      It-tielet nett, il-kumpens ma jistax ikun iktar minn dak li hu neċessarju sabiex ikunu koperti l-ispejjeż kollha jew parti minnhom, li jirriżultaw mit-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, filwaqt li jiġi kkunsidrat id-dħul rilevanti kollu kif ukoll il-profitt raġjonevoli għat-twettiq ta’ tali obbligi. Ir-rispett ta’ kundizzjoni bħal din huwa indispensabbli sabiex jiżgura li l-impriża benefiċjarja ma tingħata l-ebda vantaġġ li jikkawża distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetitzzjoni billi jsaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tagħha.

93      Ir-raba’ nett, meta, f’każ speċifiku, l-impriza li għandha twettaq l-obbligi ta’ servizz pubbliku mhijiex magħżula permezz ta’ proċedura ta’ appalt pubbliku li tippermetti li jintgħażel il-kandidat kapaċi li jipprovdi tali servizzi bl-inqas spiża għall-komunità, il-livell tal-kumpens neċessarju għandu jkun stabbilit abbażi ta’ analiżi tal-ispejjeż, li impriża medja, immexxija tajjeb u adegwatament mogħnija b’mezzi ta’ trasport sabiex tkun tista’ tissodisfa l-bżonnijiet neċessarji ta’ servizz pubbliku, kienet tagħmel sabiex twettaq tali obbligi, filwaqt li jiġi kkunsidrat id-dħul rilevanti kollu kif ukoll il-profitt raġjonevoli għat-twettiq ta’ dawn l-obbligi.

94      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li meta sussidji pubbliċi, li huma mogħtija lill-impriżi li kienu espliċitament inkarigati b’obbligi ta’ servizz pubbliku sabiex jiġu kkumpensati għall-ispejjeż magħmula fit-twettiq ta’ tali obbligi, jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti 89 sa 93 ta’ din is-sentenza, tali sussidji ma jaqgħux taħt l-Artikolu 92(1) tat-Trattat. Għall-kuntrarju, l-intervent mill-Istat li ma jissodisfax waħda jew iktar mill-imsemmija kundizzjonijiet għandu jkun ikkunsidrat bħala għajnuna mill-Istat skond din id-dispożizzjoni.

95      Għaldaqstant ir-risposta għall-ewwel parti tad-domanda preliminari għandha tkun li l-kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 92(1) tat-Trattat, li l-għajnuna għandha tkun ta’ natura li teffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri ma tiddependix la fuq in-natura lokali jew reġjonali tas-servizzi ta’ trasport ipprovduti u lanqas fuq id-daqs tas-settur ta’ attività kkonċernat.

Madankollu, sussidji pubbliċi intiżi sabiex jippermettu l-operazzjoni ta’ servizzi skedati ta’ trasport urbani, suburbani jew reġjonali ma jaqgħux fil-kamp ta’ din id-dispożizzjoni in kwantu huma kkunsidrati bħala kumpens għall-ħlas ta’ servizzi pprovduti mill-impriżi benefiċjarji sabiex iwettqu obbligi ta’ servizz pubbliku. Sabiex dan il-kriterju jiġi applikat, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika li l-kundizzjonijiet segwenti jkunu sodisfatti:

–        l-ewwel nett, l-impriża benefiċjarja kienet effettivament inkarigata sabiex twettaq obbligi ta’ servizz pubbliku, u tali obbligi għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar;

–        it-tieni nett, il-parametri li fuqhom huwa kkalkolat l-kumpens għandhom ikunu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti;

–        it-tielet nett, il-kumpens ma jistax ikun iktar minn dak li hu neċessarju sabiex ikunu koperti l-ispejjeż, kollha jew parti minnhom, li jirriżultaw mit-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, filwaqt li jiġi kkunsidrat id-dħul rilevanti kollu kif ukoll il-profitt raġjonevoli għat-twettiq ta’ tali obbligi;

–        ir-raba’ nett, meta l-impriza li għandha twettaq l-obbligi ta’ servizz pubbliku ma ntgħażlitx permezz ta’ proċedura ta’ appalt pubbliku, il-livell tal-kumpens neċessarju għandu jkun stabbilit abbażi ta’ analiżi tal-ispejjeż li impriża medja, immexxija tajjeb u adegwatament mogħbija b’mezzi ta’ trasport sabiex tkun tista’ tissodisfa l-bżonnijiet neċessarji ta’ servizz pubbliku, kienet tagħmel sabiex twettaq tali obbligi, filwaqt li jiġi kkunsidrat id-dħul rilevanti kollu kif ukoll il-profitt raġjonevoli għat-twettiq ta’ dawn l-obbligi.

 Fuq it-tieni parti tad-domanda preliminari

96      Permezz tat-tieni parti tad-domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 77 tat-Trattat jistax jiġi applikat għal sussidji pubbliċi li jikkumpensaw l-ispejjeż addizzjonali sostnuti fit-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku mingħajr ma jiġi kkunsidrat ir-Regolament Nru 1191/69.

 Osservazzjonijiet magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja

97      Altmark Trans tissottometti li l-possibbiltà li għandu l-leġiżlatur nazzjonali li jawtorizza sussidji pubbliċi intiżi sabiex jikkumpensaw għal defiċits li jirriżultaw mill-operazzjoni ta’ servizzi ta’ trasport pubbliku urbani, suburbani jew reġjonali, mingħajr ma jikkunsidra r-Regolament Nru 1191/69, teżisti indipendentement mill-Artikolu 77 tat-Trattat.

98      Minn naħa tagħha, ir-Regierungspräsidium issostni li l-Artikolu 77 tat-Trattat ma jagħtix lil-leġiżlatur nazzjonali l-possibbiltà li jawtorizza sussidji pubbliċi mingħajr ma jikkunsidra r-Regolament Nru 1191/69.

99      Nahverkehrsgesellschaft issostni li, in kwantu s-sussidji pubbliċi in kwistjoni jaqgħu taħt il-projbizzjoni tal-Artikolu 92 tat-Trattat, l-Artikolu 77 tal-istess Trattat jeskludi tali applikazzjoni, peress li dawn is-sussidji jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu stess. Minkejja dan, hija tissottometti illi f’dan il-każ, ir-Regolament Nru 1191/69 ma jipprekludix l-għoti ta’ tali sussidji.

100    Il-Kummissjoni tikkunsidra illi, skond l-Artikolu 77 tat-Trattat, il-leġiżlatur nazzjonali għandu l-poter li jagħti sussidji pubbliċi intiżi sabiex jikkumpensaw defiċits fis-settur ta’ trasport pubbliku urban, suburban jew reġjonali mingħajr ma jikkunsidra r-Regolament Nru 1191/69, iżda li l-imsemmija sussidji huma mbagħad suġġetti kompletament għall-proċedura ta’ notifika minn qabel stipulata fl-Artikolu 93(3) tat-Trattat KE (li issa sar l-Artikolu 88(3) KE) dwar l-eżami ta’ għajnuna mill-Istat.

 Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

101    L-Artikolu 77 tat-Trattat jipprovdi illi miżuri ta’ għajnuna meħtieġa għall-koordinament tat-trasport jew li jikkorrispondu ma’ rimborsi ta’ ċerti piżijiet inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku huma kompatibbli mat-Trattat.

102    Fil-punt 37 ta’ din is-sentenza ġie affermat li, kieku ma kienx hemm regolament applikabbli għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi eżaminat jekk is-sussidji in kwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħux taħt d-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jikkonċernaw l-għajnuna mill-Istat.

103    Mill-punti 65 u 66 ta’ din is-sentenza jirriżulta li r-Regolament Nru 1191/69 jista’ jkun applikabbli għall-kawża prinċipali peress illi l-leġiżlatur Ġermaniż ma eskludiex l-applikazzjoni tal-imsemmi regolament fil-każ tas-sistema ta’ awtonomija finanzjarja jew m’għamilx dan b’rispett għall-prinċipju ta’ ċertezza legali. Jekk dan hu l-każ, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament huma applikabbli għas-sussidji in kwistjoni fil-kawża prinċipali u l-qorti nazzjonali ma jkollhiex bżonn teżamina jekk dawn humiex kompatibbli mad-dispożizzjoni tad-dritt primarju.

104    Madankollu f’każ li r-Regolament Nru 1191/69 ma kienx applikabbli għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali, mir-risposta mogħtija għall-ewwel parti tad-domanda preliminari, jirriżulta illi peress illi s-sussidji in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom ikunu kkunsidrati bħala kumpens għall-ħlas ta’ servizzi ta’ trasport magħmula sabiex jitwettqu obbligi ta’ servizz pubbliku u li jissodisfaw l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti 89 sa 93 ta’ din is-sentenza, l-imsemmija sussidji ma jaqgħux taħt l-Artikolu 92 tat-Trattat, b’tali mod li ma jkunx hemm bżonn li tiġi invokata d-deroga għal din id-dispożizzjoni stipulata fl-Artikolu 77 tat-Trattat.

105    Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju dwar l-għajnuna mill-Istat u l-politika komuni dwar it-trasport ikunu applikabbli għas-sussidji in kwistjoni fil-kawża prinċipali biss jekk, minn naħa, tali sussidji ma jaqgħux fil-kamp tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1191/69 u, min-naħa l-oħra ─ fejn tali sussidji kienu mogħtija sabiex jikkumpensaw għall-ispejjeż addizzjonali sostnuti fit-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku ─ jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti 89 sa 93 ta’ din is-sentenza ma kinux sodisfatti.

106    Madankollu, anki f’każ li s-sussidji in kwistjoni fil-kawża prinċipali kellhom jiġu eżaminati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat, id-deroga stipulata fl-Artikolu 77 tal-istess Trattat ma tkunx tista’ tiġi applikata bħala tali.

107    Fil-fatt, fl-4 ta’ Ġunju 1970, il-Kunsill addotta r-Regolament (KEE) Nru 1107/70 dwar l-għoti ta’ għajnuniet għal trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU L 130, p. 1). L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jipprovdi illi “[m]ingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1192/69 […] u tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69 […], l-Istati Membri m’għandhom la jieħdu miżuri ta’ koordinazzjoni u lanqas m’għandhom jimponu obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku li jinvolvu l-għoti ta’ għajnuna skond l-Artikolu 77 tat-Trattat ħlief fil-każijiet jew fiċ-ċirkostanzi li ġejjin […]”. Minn dan jirriżulta illi l-Istati Membri m’humiex iktar awtorizzati li jiddependu fuq l-Artikolu 77 tat-Trattat ħlief fil-każijiet imsemmija fid-dritt Komunitarju sekondarju.

108    Għaldaqstant, sakemm ir-Regolament Nru 1191/69 ma japplikax fil-każ preżenti u s-sussidji in kwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu taħt l-Artikolu 92(1) tat-Trattat, ir-Regolament Nru 1107/70 jipprovdi, b’mod eżawrijenti, il-kundizzjonijiet li taħthom l-awtoritajiet tal-Istati Membri jistgħu jagħtu għajnuna skond l-Artikolu 77 tat-Trattat.

109    Jeħtieġ għalhekk li r-risposta għat-tieni parti tad-domanda preliminari tkun li l-Artikolu 77 tat-Trattat ma jistax ikun applikat għal sussidji pubbliċi li jikkumpensaw l-ispejjeż żejda magħmula fit-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, mingħajr ma jiġi kkunsidrat ir-Regolament Nru 1191/69.

 Fuq l-ispejjeż

110    L-ispejjeż sostnuti mill-gvernijiet Ġermaniż, Daniż, Spanjol, Franċiż, mill- Olandiż u tar-Renju Unit, kif ukoll mill-Kummissjoni, għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

sabiex tirrispondi għad-domanda magħmula lilha mill-Bundesverwaltungsgericht permezz tad-digriet tas-6 ta’ April 2000, tiddeċiedi:

1)      Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69, tas-26 ta’ Ġunju 1969, dwar azzjoni mill-Istati Membri dwar l-obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1893/91, tal-20 ta’ Ġunju 1991, u b’mod partikolari t-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(1) tiegħu, għandu jkun interpretat fis-sens li jippermetti lil Stat Membru li ma japplikax dan ir-regolament għall-operazzjoni ta’ servizzi skedati ta’ trasport urbani, suburbani jew reġjonali li jiddependu neċessarjament fuq sussidji pubbliċi u li jillimita l-applikazzjoni tiegħu għall-każijiet fejn, il-provvista ta’ servizz ta’ trasport adegwat m’hijiex possibli b’mod ieħor, sakemm il-prinċipju ta’ ċertezza legali jkun debitament rispettat.

2)      Il-kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 92(1) tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 87(1) KE), li l-għajnuna għandha tkun ta’ natura li teffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, ma tiddependix la fuq in-natura lokali jew reġjonali tas-servizzi ta’ trasport ipprovduti u lanqas fuq id-daqs tas-settur ta’ attività kkonċernat.

Madankollu, sussidji pubbliċi intiżi sabiex jippermettu l-operazzjoni ta’ servizzi skedati ta’ trasport urbani, suburbani jew reġjonali ma jaqgħux fil-kamp ta’ din id-dispożizzjoni in kwantu huma kkunsidrati bħala kumpens għall-ħlas ta’ servizzi pprovduti mill-impriżi benefiċjarji sabiex iwettqu obbligi ta’ servizz pubbliku. Sabiex dan il-kriterju jiġi applikat, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika li l-kundizzjonijiet segwenti jkunu sodisfatti:

–        l-ewwel nett, l-impriża benefiċjarja kienet effettivament inkarigata sabiex twettaq obbligi ta’ servizz pubbliku, u tali obbligi għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar;

–        it-tieni nett, il-parametri li fuqhom huwa kkalkolat il-kumpens għandhom ikunu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti;

–        it-tielet nett, il-kumpens ma jistax ikun iktar minn dak li hu neċessarju sabiex ikunu koperti l-ispejjeż, kollha jew parti minnhom, li jirriżultaw mit-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, filwaqt li jiġi kkunsidrat id-dħul rilevanti kollu kif ukoll il-profitt raġjonevoli għat-twettiq ta’ tali obbligi;

–        ir-raba’ nett, meta l-impriza li għandha twettaq l-obbligi ta’ servizz pubbliku, ma ntgħażlitx permezz ta’ proċedura ta’ appalt pubbliku, il-livell tal-kumpens neċesarju għandu jkun stabbilit abbażi ta’ analiżi tal-ispejjeż li impriża medja, immexxija tajjeb u adegwatament mogħnija b’mezzi ta’ trasport sabiex tkun tista’ tissodisfa l-bżonnijiet neċessarji ta’ servizz pubbliku, kienet tagħmel sabiex twettaq tali obbligi, filwaqt li jiġi kkunsidrat id-dħul rilevanti kollu kif ukoll il-profitt raġjonevoli għat-twettiq ta’ dawn l-obbligi.

3)      L-Artikolu 77 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 73 KE) ma jistax ikun applikat għal sussidji pubbliċi li jikkumpensaw l-ispejjeż żejda magħmula fit-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, mingħajr ma jiġi kkunsidrat ir-Regolament Nru 1191/69, kif emendat bir-Regolament Nru 1893/91.

Rodríguez Iglesias

Puissochet

Wathelet

Schintgen

Timmermans

Gulmann

Edward

La Pergola

Jann

Skouris

Macken

Colneric

von Bahr

Cunha Rodrigues

Rosas

Mogħtija f’qorti bil-mitfuħ fil-Lussemburgu, fl-24 ta’ Lulju 2003.

Reġistratur

 

      President

R. Grass

 

      G. C. Rodríguez Iglesias


* Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż.