Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (l-Irlanda) fis-26 ta’ Lulju 2019 – Irish Ferries Ltd vs National Transport Authority

(Kawża C-570/19)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court (l-Irlanda)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Irish Ferries Ltd

Konvenuta: National Transport Authority

Domandi preliminari

A.    Applikabbiltà tar-regolament 1

Ir-regolament (b’mod partikolari l-Artikoli 18 u/jew 19 tiegħu) japplika fil-każ fejn passiġġieri għamlu prenotazzjoni minn qabel u kkonkludew kuntratti ta’ trasport u fil-każ li s-servizzi ta’ passiġġieri tħassru b’notifika ta’ mill-inqas seba’ ġimgħat qabel it-tluq skedat minħabba t-tardività tal-kunsinna ta’ vapur ġdid lill-operatur tal-laneċ? F’dan ir-rigward, huma rilevanti, parzjalment jew kompletament, il-fatti li ġejjin għall-applikabbiltà tar-regolament:

il-kunsinna spiċċat ġiet imdewma b’200 ġurnata;

l-operatur tal-laneċ kellu jħassar staġun sħiħ ta’ vjaġġi;

l-ebda vapur alternattiv ma seta’ jinkiseb;

iktar minn 20 000 passiġġier kienu bbukkjati mill-ġdid mill-operatur tal-laneċ fuq vjaġġi differenti jew irċevew rimbors tat-tariffi tagħhom;

il-vjaġġi twettqu fuq rotta ġdida li nfetħet mill-operatur tal-laneċ b’ebda servizz alternattiv simili fuq ir-rotta?

B.    Interpretazzjoni tal-Artikolu 18 tar-regolament

Hemm bżonn li tingħata risposta għal din id-domanda biss jekk jista’ japplika l-Artikolu 18.

Fil-każ li passiġġier jingħata rotta differenti skont l-Artikolu 18, dan ifisser li jibda jeżisti kuntratt tat-trasport ġdid b’tali mod li d-dritt għal kumpens taħt l-Artikolu 19 għandu jiġi ddeterminat skont dan il-kuntratt il-ġdid minflok il-kuntratt tat-trasport oriġinali?

a)    Fil-każ li japplika l-Artikolu 18, jekk vjaġġ jitħassar u ma kien hemm l-ebda servizz alternattiv li kien qed jopera fuq dik ir-rotta (jiġifieri ma kien hemm l-ebda servizz dirett bejn dawk iż-żewġ portijiet), il-provvista ta’ vjaġġ alternattiv fuq kwalunkwe rotta jew rotot oħra li kienu disponibbli u magħżula mill-passiġġier, inkluż b’rotta fuq l-art (pereżempju, l-ivvjaġġar mill-Irlanda sar-Renju Unit b’lanċa u mbagħad permezz tas-sewqan, bir-rimbors tal-ispejjeż tal-karburanti lill-passiġġier mill-operatur tal-laneċ, lejn port tar-Renju Unit b’konnessjoni għal Franza u l-ivvjaġġar minn hemm lejn Franza fejn il-passiġġier jagħżel kull wieħed mill-vjaġġi) tammonta għall-“bdil tar-rotta lejn id-destinazzjoni finali” għall-finijiet tal-Artikolu 18? Jekk le, liema kriterji għandhom jiġu applikati fid-determinazzjoni dwar jekk l-għoti ta’ rotta differenti huwiex “taħt kondizzjonijiet komparabbli”?

b)    Jekk ma hemm l-ebda vjaġġ alternattiv fuq ir-rotta li tħassret, b’tali mod li l-passiġġier affettwat ma jistax jiġi akkomodat bi vjaġġ dirett mill-port oriġinali ta’ imbark lejn id-destinazzjoni finali skont il-kuntratt tat-trasport, it-trasportatur huwa obbligat li jħallas kwalunkwe spejjeż addizzjonali sostnuti minn passiġġier li ngħata rotta differenti sabiex jivvjaġġa lejn u mill-port ta’ imbark il-ġdid u/jew lejn u mill-port ta’ destinazzjoni l-ġdid?

C.    Interpretazzjoni tal-Artikolu 19 tar-regolament

a)    Jista’ japplika l-Artikolu 19 meta, infatti, il-vjaġġ diġà tħassar mill-inqas seba’ ġimgħat qabel it-tluq skedat? Jekk l-Artikolu 19 japplika, dan japplika meta l-Artikolu 18 ġie applikat u l-passiġġier ingħata rotta ġdida mingħajr ħlas addizzjonali u/jew ġie rrimborsat u/jew għażel vjaġġ iktar tard?

b)    Jekk l-Artikolu 19 effettivament japplika, liema hi d-“destinazzjoni finali” għall-finijiet tal-Artikolu 19?

Jekk jista’ japplika l-Artikolu 19:

kif għandu jitkejjel il-perijodu ta’ dewmien f’tali ċirkustanzi?

kif għandu jiġi kkalkulat il-prezz skont it-tifsira tal-Artikolu 19 meta jkun qiegħed jiġi ddeterminat il-livell ta’ kumpens li għandu jitħallas u, b’mod partikolari, dan jinkludi l-ispejjeż marbuta ma’ opzjonijiet addizzjonali (pereżempju kabini, postijiet fejn jinżammu l-klieb u swali tal-ogħla klassi)?

D.    Interpretazzjoni tal-Artikolu 20(4)

Jekk ir-regolament effettivament japplika, iċ-ċirkustanzi u l-kunsiderazzjonijiet imsemmija fl-ewwel domanda jammontaw għal “ċirkostanzi eċċezzjonali […] li ma setgħux jiġu evitati anki li kieku ttieħdu l-miżuri kollha raġonevoli” għall-finijiet tal-Artikolu 20(4) tar-regolament?

E.    Interpretazzjoni tal-Artikolu 24

L-Artikolu 24 għandu l-effett li jimponi obbligu mandatorju fuq kwalunkwe passiġġier li jixtieq jibbenefika minn kumpens skont l-Artikolu 19 tar-regolament li jagħmel ilment fi żmien xahrejn mid-data meta s-servizz ġie pprovdut jew kellu jiġi pprovdut?

F.    Interpretazzjoni tal-Artikolu 25

Il-kompetenza tal-korp nazzjonali kompetenti responsabbli għall-eżekuzzjoni tar-regolament hija limitata għal vjaġġi li jinvolvu l-portijiet speċifikati fl-Artikolu 25 tar-regolament jew tista’ testendi għal vjaġġ ta’ ritorn mill-port ta’ Stat Membru ieħor lejn l-istat tal-korp nazzjonali kompetenti?

G.    Il-validità tad-deċiżjoni u tan-notifiki

a)    Liema prinċipji u regoli tad-dritt tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu applikati mill-qorti tar-rinviju meta din tevalwa l-validità tad-deċiżjoni u/jew tan-notifiki tal-korp nazzjonali ta’ eżekuzzjoni b’riferiment għall-Artikoli 16, 17, 20 u/jew 47 tal-Karta 2 u/jew għall-prinċipji ta’ proporzjonalità, ċertezza legali, u trattament ugwali?

b)    It-test ta’ natura irraġonevoli li għandu jiġi applikat mill-qorti nazzjonali huwa dak tal-iżball manifest?

H.    Il-validità tar-Regolament 1177/2010

Din id-domanda titqajjem biss skont ir-risposti għad-domandi preċedenti.

Ir-Regolament 1177/2010 huwa validu skont id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, fir-rigward:

tal-Artikoli 16, 17 u 20 tal-Karta?

tal-fatt li l-operaturi tal-linji tal-ajru ma għandhom l-ebda obbligu li jħallsu kumpens jekk jinformaw lill-passiġġier tal-linja tal-ajru dwar it-tħassir mill-inqas ġimagħtejn qabel il-ħin tat-tluq skedat [il-punt (i) tal-Artikolu 5(1)(ċ) tar-Regolament 261/2004 3 ]?

tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ċertezza legali u trattament ugwali?

____________

1     Regolament (UE) Nru 1177/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew minn passaġġi fuq l-ilma interni u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU 2010, L 334, p. 1).

2     Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2012, C 326, p. 391).

3     Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).