Language of document :

Appell ippreżentat fis-16 ta’ Awwissu 2019 minn John Dalli mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fis-6 ta’ Ġunju 2019 fil-Kawża T-399/17, Dalli vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-615/19 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: John Dalli (rappreżentanti: L. Levi, avukat, S. Rodrigues, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tirriforma s-sentenza appellata u tiddikjara t-talbiet tal-appellant fil-kawża T-399/17 ammissibbli u fondati, u konsegwentement tordna

il-kumpens għad-danni, b’mod partikolari d-danni morali, li jista’ jiġi stmat, provviżorjament, f’EUR 1,000,000;

li l-konvenuta tiġi kkundannata għall-ispejjeż kollha.

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea tbati l-ispejjeż kollha kemm tal-appell kif ukoll tal-proċedura fl-ewwel istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz tal-ewwel aggravju l-appellant jallega diversi żbalji ta’ liġi, speċifikament ksur tad-dmir ta’ motivazzjoni u distorsjoni tal-proċess biċ-ċaħda tal-ewwel motiv marbut mal-illegalità tad-deċiżjoni li tinfetaħ investigazzjoni.

It-tieni nett, l-appellant jallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ċaħdet it-tieni motiv marbut ma nuqqasijiet fil-karatterizzazzjoni tal-investigazzjoni u mal-estensjoni illegali tal-investigazzjoni.

It-tielet net, l-appellant jallega distorsjoni tal-evidenza u ksur tad-drittijiet tad-difiża fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali li fiha t-tielet motiv, marbut mal-ksur tal-prinċipji li jmexxu l-ġbir tal-evidenza u distorsjoni u falsifikazzjoni tal-evidenza, ġie miċħud.

Ir-raba’ nett, l-appellanti jallega distorsjoni tas-sens ċar tal-fatti u tal-evidenza u żbalji ta’ liġi mill-Qorti Ġenerali meta ċaħdet ir-raba’ motiv marbut mal-ksur tad-drittijiet tad-difiża, tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/396,1 u tal-Artikolu 18 tal-Istruzzjonijiet OLAF.

Il-ħames nett, l-appellant jallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kisret id-dmir ta’ motivazzjoni u għawġet l-evidenza billi ċaħdet il-ħames motiv marbut mal-ksur tal-Artikolu 11(7) tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999 2 u tal-Artikolu 13(5) tar-Regoli tal-Kumitat Superviżur.

Is-sitt net, l-appellant jallega diversi żbalji ta’ liġi u distorsjoni tal-evidenza fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali, li fiha s-sitt motiv marbut mal-ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, mal-ksur tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1073/1999 u tal-Artikolu 339 TFUE, u mal-ksur tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, ġie miċħud.

Bis-seba’ u l-aħħar aggravju l-appellant jallega distorsjoni tas-sens ċar tar-rikors u tal-evidenza u żball ta’ liġi mill-Qorti Ġenerali meta kkonkludiet li l-appellant ma kienx stabbilixxa l-eżistenza ta’ dannu morali.

____________

1 1999/396/KE, ECSC, Euratom: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Ġunju 1999 dwar it-termini u l-kondizzjonijiet għall-investigazzjonijiet interni rigward il-prevenzjoni ta’ frodi, korruzzjoni u kull xorta ta’ attività illegali li hija ta’ ħsara lejn l-interess tal-Komunitajiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 1, Vol. 3, p. 118).

2 Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1073/1999 (KE) tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 1, Vol. 3, p. 91).