Language of document :

Appell ippreżentat fis-27 ta’ Awwissu 2019 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (it-Tieni Awla Estiża) fit-18 ta’ Ġunju 2019 fil-Kawża T-624/15, European Food et vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-638/19 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: T. Maxian Rusche, aġent, P.-J. Loewenthal, aġent)

Partijiet oħra fil-proċedura: European Food SA, Starmill SRL, Multipack SRL, Scandic Distilleries SA, Ioan Micula, Viorel Micula, European Drinks SA, Rieni Drinks SA, Transilvania General Import-Export SRL, West Leasing International SRL, ir-Renju ta’ Spanja u l-Ungerija

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (it-Tieni Awla Estiża) tat-18 ta’ Ġunju 2019 fil-kawżi magħquda T-624/15, T-694/15 u T-704/15, European Food et vs Il-Kummissjoni 1 ;

tiċħad l-ewwel parti tal-ewwel motiv u l-ewwel parti tat-tieni motiv invokati fil-Kawża T-704/15;

tiċħad l-ewwel u t-tieni parti tat-tieni motiv invokati fil-kawżi T-624/15 u T-694/15;

tibgħat il-kawżi magħquda T-624/15, T-694/15 u T-704/15 lura quddiem il-Qorti Ġenerali għall-eżami tal-motivi li għadhom ma ġewx evalwati; u

tirriżerva l-ispejjeż tal-proċeduri fl-ewwel istanza u tal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni targumenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE u/jew tal-Kapitolu 2 tal-Anness V tal-att dwar l-adeżjoni tar-Rumanija2 kif ukoll żball fil-klassifikazzjoni tal-fatti, meta kkonkludiet li l-Kummissjoni ma kellhiex kompetenza sabiex tadotta d-deċiżjoni appellata 3 .

Prinċipalment, il-Kummissjoni targumenta li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li l-miżura li permezz tagħha r-Rumanija tat l-għajnuna lil Ion u lil Viorel Micula, investituri ta’ ċittadinanza Svediża, u lil tliet kumpanniji Rumeni kkontrollati minnhom (iktar ’il quddiem imsejħa flimkien l-“aħwa Micula”) hija r-revoka tal-iskema ta’ inċentivi fit-22 ta’ Frar 2005. Fil-fatt, huwa bil-ħlas tad-danni mogħtija minħabba r-revoka ta’ din l-iskema, li sseħħet wara l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni, li r-Rumanija tat l-għajnuna lill-aħwa Micula.

Sussidjarjament, il-Kummissjoni targumenta li, anki jekk jitqies li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet ġustament li l-miżura ta’ għoti tal-għajnuna kienet ir-revoka tal-iskema ta’ inċentivi mir-Rumanija (quod non), il-Kummissjoni fi kwalunkwe każ kellha kompetenza sabiex tadotta d-deċiżjoni appellata skont il-Kapitolu 2 tal-Anness V tal-att dwar l-adeżjoni tar-Rumanija.

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni targumenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 2 tal-att dwar l-adeżjoni tar-Rumanija u tar-regoli dwar l-applikazzjoni ratione temporis tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll żball fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-ftehim Ewropew tal-19954 u fil-klassifikazzjoni tal-fatti, meta kkonkludiet li d-dritt tal-Unjoni ma kienx japplika għad-danni mogħtija.

Prinċipalment, il-Kummissjoni targumenta li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li d-dritt tal-Unjoni ma kienx applikabbli għad-danni mogħtija għar-raġuni li l-fatti wara dawn tal-aħħar seħħew qabel l-adeżjoni. Fir-realtà, l-għoti tad-danni jikkostitwixxi l-effetti ulterjuri ta’ sitwazzjoni li seħħet qabel l-adeżjoni fis-sens tar-regoli dwar l-applikazzjoni ratione temporis tad-dritt tal-Unjoni.

Sussidjarjament, il-Kummissjoni targumenta li, anki jekk jitqies li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet ġustament li l-għoti tad-danni ma kienx jikkostitwixxi l-effetti ulterjuri ta’ sitwazzjoni li seħħet qabel l-adeżjoni (quod non), id-dritt tal-Unjoni xorta kien japplika għad-danni mogħtija, għaliex il-ftehim Ewropew tal-1995, li jagħmel parti mid-dritt tal-Unjoni, kien applikabbli għall-fatti kollha wara l-imsemmija danni li seħħew qabel l-adeżjoni.

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni targumenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE u naqset milli tapplika l-Artikolu 64(1)(iii) tal-ftehim Ewropew tal-1995, billi kkonkludiet li d-deċiżjoni appellata kklassifikat b’mod żbaljat l-għoti ta’ danni mit-Tribunal Arbitrali bħala vantaġġ.

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li l-Kummissjoni ma kellhiex kompetenza sabiex tadotta d-deċiżjoni appellata u li d-dritt tal-Unjoni ma kienx applikabbli għad-danni mogħtija.

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx l-argumenti kollha mqajma fid-deċiżjoni appellata li jippruvaw li r-Rumanija tat vantaġġ lill-aħwa Micula. L-argumenti mhux eżaminati huma biżżejjed fihom infushom sabiex tiġi ġġustifikata l-eżistenza ta’ vantaġġ.

____________

1 EU:T:2019:423.

2 Att dwar il-kondizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija u l-aġġustamenti lit-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2005, L 157, p. 203).

3 Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1470 tat-30 ta’ Marzu 2015 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.38517 (2014/C) (ex 2014/NN) et seq implimentata mir-Rumanija – Deċiżjoni ta’ Arbitraġġ Micula vs ir-Rumanija tal-11 ta’ Diċembru 2013 (ĠU 2015, L 232, p. 43).

4 Ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ekonomiċi Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Rumanija, min-naħa l-oħra (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 59, p. 3).