Language of document :

Appell ippreżentat fit-8 ta’ Frar 2019 minn il-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fid-29 ta’ Novembru 2018 fil-Kawża T-811/16, Di Bernardo vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-114/19 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: B. Mongin, G. Gattinara, aġenti)

Parti oħra fil-proċedura: Danilo Di Bernardo

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Novembru 2018 (Is-Seba’ Awla), Di Bernardo vs Il-Kummissjoni, T-811/16;

tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali;

tirriżerva l-ispejjeż fl-ewwel istanza u fl-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju, li jirrigwarda l-aħħar sentenza tal-punti 41 sa 53, tas-sentenza appellata, huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fid-definizzjoni tal-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-bord ta’ għażla ta’ kompetizzjoni f’deċiżjoni li permezz tagħha ma tpoġġix kandidat fil-lista ta’ riżerva. Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali tbiegħdet mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tiddistingwi d-deċiżjonijiet dwar l-eżami ta’ applikazzjonijiet, bħal dawk li jikkonċernaw il-kwalifiki jew l-esperjenza tal-kandidat, minn deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-evalwazzjoni tal-merti tal-kandidati wara l-parteċipazzjoni fl-eżamijiet. Fl-ewwel każ, il-bord tal-għażla għandu jindika l-element speċifiku li huwa nieqes fl-applikazzjoni, filwaqt li jikkunsidra l-kwalifiki meħtieġa mill-avviż tal-kompetizzjoni. Madankollu, kemm jekk fid-deċiżjoni oriġinali tiegħu jew inkella fit-tweġiba għat-talba għal eżami mill-ġdid, il-bord tal-għażla f’dan il-każ ikkonforma ruħu mar-rekwiżiti tal-ġurisprudenza, u huwa bi ksur ta’ din tal-aħħar li l-Qorti Ġenerali estenda l-istħarriġ tiegħu għall-kriterji ta’ għażla adottati mill-bord tal-għażla u li impona fuq dan il-bord sabiex jiddeċiedi fuq l-informazzjoni kollha ipprovduta fl-applikazzjoni. Il-fatt li l-bord tal-għażla ta motivi għad-deċiżjoni tiegħu bi tweġiba għal talba għal eżami mill-ġdid ma jestendix dak l-obbligu ta’ motivazzjoni. Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali fixklet ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni, ikun xi jkun il-valur tiegħu, mal-fondatezza tal-motivazzjoni li taqa’ taħt il-legalità tal-mertu tad-deċiżjoni adottata.

It-tieni aggravju, li jikkonċerna l-punti 37 sa 38 u 53 sa 56 tas-sentenza appellata, huwa bbażat fuq żball ta’ liġi meta ma tteħidx inkunsierazzjoni l-obbligu tal-qorti li tikkonstata, ex officio, l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Il-Qorti Ġenerali tbiegħdet mill-ġurisprudenza stabbilita skont liema, fil-każ ta’ motivazzjoni inadegwata, jistgħu dejjem jiġu ppreżentati dettalji addizzjonali fil-mori tal-kawża, peress li dawn jippreġudikaw il-bazi tal-aggravju ta’ annullament ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Billi eskludiet il-possibbiltà li tissupplimenta il-motivazzjoni fil-każ ta’ assenza “kważi totali” ta’ motivazzjoni, u billi tekwipara l-assenza ta’ motivazzjoni “kważi totali” mal-assenza totali ta’ motivazzjoni, il-Qorti Ġenerali rrendiet il-motivazzjoni addizzjonali impossibli fil-mori tal-kawża. Tali ekwiparazzjoni ma għandha l-ebda bażi fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Billi llimitat il-possibilitajiet ta’ regolarizzazzjoni fil-mori tal-kawża, il-Qorti Ġenerali llimitat ir-rwol tal-qorti li jista’, fiċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti, jipprevjeni l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għal ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

____________