Language of document :

Rikors ippreżentat fil-25 ta' Ġunju 2009 - Guido Strack vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża F-61/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: Guido Strack (Cologne, il-Ġermanja) (rappreżentant: H. Tettenborn, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komuniatjiet Ewropej

Deskrizzjoni tal-kawża

Annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad it-talba għall-aċċess tal-fajls tar-rikorrent.

Talbiet tar-rikorrent

jannulla d-deċiżjonijiet impliċiti u espliċiti tal-Kummissjoni, b'mod partikolari dawk li ngħataw fl-okkażjoni ta' sessjonijiet ta' konsultazzjoni tal-fajls tat-12 ta' Settembru 2008, tat-3 ta' Ottubru 2008 u tal-14 ta' Novembru 2008, id-deċiżjoni tas-Sur Jansen tad-19 ta' Settembru 2008 u, sa fejn huwa neċessarju, id-deċiżjoni mogħtija fil-25 ta' Marzu 2009 li tiċħad l-ilment R/554/08 tar-rikorrent, sa fejn dawn ipprekludew jew illimitaw l-aċċess sħiħ tar-rikorrent għad-data jew għad-dokumenti kollha li l-Kummissjoni żżomm fir-rigward tiegħu, kif ukoll għall-fajls individwali, mediċi u oħrajn korrettament miżmuma, omoġenji, kompluti u li ma fihomx problemi ta' lingwa jew ta' forma li jillimitaw il-komprensività jew l-aċċessibbiltà għar-rikorrent fir-rigward tagħhom, jiġifieri, essenzjalment, skont ir-rekwiżiti tal-Artikoli 26 u 26a tar-Regolamenti tal-Persunal u li setgħu kienu preċedentement is-suġġett tat-titjib neċessarju f'dan ir-rigward, u b'hekk ċaħdu minn tal-inqas parzjalment it-talbiet tar-rikorrent, fost oħrajn dawk tal-10 ta' Lulju 2008, tad-19 ta' Settembru 2008 u tat-28 ta' Novembru 2008;

jikkundanna lill-Kummissjoni, minħabba l-aġir illegali tagħha deskritt f'dan ir-rikors, għall-ħlas tad-danni adegwati lir-rikorrent, fid-dawl tal-enfasi li l-ammont ta' dawn id-danni jitħalla għall-evalwazzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jiddeċiedi skont il-prinċipji ta' ekwità, iżda li normalment m'għandux ikun inqas minn EUR 2 500;

jikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tħallas lir-rikorrent id-danni għal kull xahar mid-data tal-preżentata ta' dan ir-rikors, sa meta l-Kummissjoni tagħtih aċċess effettiv u sħiħ għad-data u d-dokumenti inkwistjoni kollha, kif ukoll għall-fajl individwali tiegħu u għall-fajl mediku tiegħu fil-forma korretta, fid-dawl tal-enfasi li l-ammont ta' dawn id-danni jitħalla għall-evalwazzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jiddeċiedi skont il-prinċipji ta' ekwità, iżda li normalment m'għandux ikun inqas minn EUR 200;

jikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tirrimborsa lir-rikorrent il-ħlasijiet u l-ispejjeż li rriżultaw minħabba sessjonijiet supplementari neċessarji ta' konsultazzjoni tal-fajls, billi japplika b'analoġija r-regoli tiegħu li jikkonċernaw ir-rimbors tal-ispejjeż tal-missjoni jew, sussidjarjament, l-ispejjeż li r-rikorrent diġà kellu jirrimborsa sabiex jivvjaġġa lejn il-Lussemburgu fit-12 ta' Settembru 2008 u fl-14 ta' Novembru 2008, skont l-istess regoli;

jikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż.

____________