Language of document : ECLI:EU:F:2009:133

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

29 ta’ Settembru 2009

Kawża F-64/09

Kay Labate

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Sigurtà soċjali – Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol – Mard ikkaġunat mix-xogħol – Rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni – Nuqqas ta’ kompetenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku – Rinviju lill-Qorti tal-Prim’Istanza”

Suġġett: Rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 234 KE, li permezz tiegħu K. Labate titlob lit-Tribunal, b’mod partikolari: jikkonstata li l-Kummissjoni illegalment naqset milli tieħu azzjoni, fis-sens tal-Artikolu 232 KE; jordna lill-Kummissjoni tadotta l-miżuri sabiex tikkonforma ruħha mad-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea tal-1 ta’ Frar 2008, Labate vs Il‑Kummissjoni (F‑77/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000); jagħti lill-dan ir-rikors it-trattament prijoritarju xieraq u jagħti sentenza f’terminu ta’ sitt ġimgħat; jordna kull miżura oħra li tista’ tkun neċessarja; jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Deċiżjoni: Ir-rikors irreġistrat bir-Referenza F‑64/09, Labate vs Il‑Kummissjoni huwa rrinvijat lill-Qorti tal-Prim’Istanza. L-ispejjeż tal-istanza huma rriżervati.

Sommarju

Uffiċjali – Rikorsi – Rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni – Nuqqas kompetenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

(Artikoli 232 KE u 236 KE; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

Rikors li ma huwiex intiż għall-annullament ta’ att li jikkawża preġudizzju iżda sabiex il-qorti tikkonstata li istituzzjoni illegalment naqset milli tieħu azzjoni, li kien ippreċedut mill-proċedura ta’ talba sabiex wieħed jaġixxi prevista fl-Artikolu 232 KE u li ġie ppreżentat b’mod ċar bħala li huwa bbażat fuq l-Artikolu 232 KE huwa rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 225(1) KE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51, tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata mill-fatt li l-kawża inkwistjoni għandha bħala suġġett ir-relazzjoni ta’ impjieg bejn istituzzjoni u persuna koperta mir-Regolamenti tal-Persunal u li taqa’, għalhekk, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 236 KE.

Il-kwistjoni ta’ jekk, f’kawża bħal din, ir-rikorrenti hijiex ammissa li tressaq rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni, meta hija għandha, abbażi tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-possibbiltà li tikkontesta n-nuqqas ta’ teħid ta’ azzjoni tal-amministrazzjoni permezz ta’ rikors ippreżentat kontra deċiżjoni impliċita ta’ rifjut ta’ talba, tista’ tiġi deċiża biss mill-qorti li għandha kompetenza sabiex tiddeċiedi fuq ir-rikorsi għal nuqqas li tittieħed azzjoni, jiġifieri l-Qorti tal-Prim’Istanza, u mhux it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

(ara l-punti 20 sa 23)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 6 ta’ Lulju 2009, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, T‑176/04 DEP, mhux ippubblikata fil-ġabra, punti 23 sa 27; 9 ta’ Lulju 2009, Infeurope vs Il‑Kummissjoni, T‑176/08, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 36 sa 40