Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy w Chełmnie (il-Polonja) fid-29 ta’ Ottubru 2018 – Centraal Justitieel Incassobureau, Ministerie van Veiligheid en Justitie (CJIB) vs ZP

(Kawża C-671/18)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Rejonowy w Chełmnie

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Centraal Justitieel Incassobureau, Ministerie van Veiligheid en Justitie (CJIB)

Konvenut: ZP

Domandi preliminari

L-Artikolu 7(2)(i)(iii) u l-Artikolu 20(3) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/214/ĠAI tal-24 ta’ Frar 2005 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ penali finanzjarji 1 , kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 2 , iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas”, għandhom jiġu interpretati fis-sens li qorti hija awtorizzata li tirrifjuta li teżegwixxi deċiżjoni ta’ awtorità mhux ġudizzjarja tal-Istat emittenti jekk tikkonstata li din id-deċiżjoni ġiet innotifikata b’mod li jikser id-dritt ta’ parti għal difiża effettiva quddiem qorti?

B’mod partikolari, dan ir-rifjut jista jkun ibbażat fuq il-konstatazzjoni li, minkejja l-osservanza tar-regoli dwar in-notifika u t-termini applikabbli fl-Istat emittenti sabiex id-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 1(a)(ii) u (iii) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/214/ĠAI tiġi kkontestata, il-parti li tirrisjedi fl-Istat ta’ eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni ma kellha l-ebda mezz reali u effettiv sabiex tiddefendi d-drittijiet tagħha stess matul l-istadju tal-proċedura prekontenzjuża, peress li t-terminu li ngħatat ma kienx biżżejjed sabiex twieġeb b’mod xieraq għan-notifika dwar l-impożizzjoni tas-sanzjoni pekunjarja?

Konformement mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/214/ĠAI, il-portata tal-protezzjoni ġuridika mogħtija lil persuni suġġetti għal sanzjoni pekunjarja tista’ tiddependi fuq jekk il-proċedura għall-impożizzjoni tas-sanzjoni kinitx proċedura amministrattiva, proċedura dwar kontravvenzjoni jew proċedura kriminali?

Fid-dawl tal-għanijiet u tal-prinċipji stabbiliti fid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/214/ĠAI, inkluż fl-Artikolu 3 tagħha, id-deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet mhux ġudizzjarji li ġew adottati fuq il-bażi tad-dritt tal-Istat emittenti u taħt liema l-persuna li f’isimha tkun irreġistrata vettura hija miżmuma responsabbli għal ksur tal-kodiċi tat-triq, u għaldaqstant, id-deċiżjonijiet li huma bbażati biss fuq l-informazzjoni miksuba fil-kuntest tal-iskambju transkonfinali ta’ data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi, mingħajr ma ssir xi investigazzjoni preliminari rigward dan il-każ u, b’mod partikolari, mingħajr ma jiġi identifikat il-veru awtur tal-ksur, huma eżekuttivi?

____________

1     ĠU 2006, L 159M, p. 256.

2     Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 li temenda d-Deċiżjonijiet Kwadru 2002/584/ĠAI, 2005/214/ĠAI, 2006/783/ĠAI, 2008/909/ĠAI u 2008/947/ĠAI, u b’hekk issaħħaħ id-drittijiet proċedurali ta’ persuni, li trawwem l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku fir-rigward ta’ deċiżjonijiet mogħtija fl-assenza tal-persuna konċernata fil-kawża (ĠU 2009, L 81, p. 24).