Language of document :

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

12 ta’ Ottubru 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 91/250/KEE – Artikolu 4(a) u (ċ) – Artikolu 5(1) u (2) – Direttiva 2009/24/KE – Artikolu 4(1) u (2) – Artikolu 5(1) u (2) – Protezzjoni legali tal-programmi tal-kompjuter – Bejgħ mill-ġdid ta’ kopji ‘użati’ ta’ programmi tal-kompjuter b’liċenzja fuq mezzi fiżiċi li ma humiex oriġinali – Eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni – Dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni”

Fil-Kawża C‑166/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rīgas apgabaltiesas Krimināllietu tiesu kolēģija (qorti reġjonali ta’ Riga, kulleġġ tal-kawżi kriminali, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Marzu 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ April 2015, fil-proċeduri kriminali kontra

Aleksandrs Ranks,

Jurijs Vasiļevičs,

fil-preżenza ta’:

Finanšu un ekonomisko noziegumu izmeklēšanas prokuratūra,

Microsoft Corp.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, M. Vilaras (Relatur), J. Malenovský, M. Safjan u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Marzu 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal A. Ranks u J. Vasiļevičs, minn M. Krūmiņš, advokāts,

–        għal Microsoft Corp., minn I. Veikša, I. Krodere u N. Tuominen, advokātes,

–        għall-Gvern Latvjan, minn I. Kalniņš u J. Treijs-Gigulis, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Varrone, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnadda u A. Sauka, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-1 ta’ Ġunju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, formalment, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) u tal-Artikolu 5(1) u (2) tad-Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (ĠU 2009, L 111, p. 16).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija mill-Finanšu un ekonomisko noziegumu izmeklēšanas prokuratūra (prosekutur tal-uffiċċju għall-prosekuzzjoni tar-reati finanzjarji u ekonomiċi, il-Latvja) kontra Aleksandrs Ranks u Jurijs Vasiļevičs, akkużati bil-bejgħ illegali, f’assoċjazzjoni kriminali, ta’ oġġetti protetti mid-drittijiet tal-awtur, b’użu illegali intenzjonali tat-trade mark ta’ ħaddieħor li jikkawża dannu gravi lid-drittijiet u lill-interessi legalment protetti tal-persuna u bi twettiq ta’ attività kummerċjali mingħajr reġistrazzjoni, talli kkummerċjalizzaw, permezz ta’ suq online, kopji ta’ programmi tal-kompjuter użati rreġistrati fuq mezzi li ma humiex oriġinali.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2009/24

3        L-Artikolu 4(1)(a) u (2) tad-Direttiva 2009/24 jipprovdi:

“1.      Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 u 6, id-drittijiet esklussivi tad-detentur tad-drittijiet skont it-tifsira tal-Artikolu 2 għandhom jinkludu d-dritt li jagħmlu jew li jawtorizzaw:

(a)      ir-riproduzzjoni permanenti jew temporanja ta’ programm tal-kompjuter b’kull mezz u f’kull forma, f’parti jew kollha. In kwantu għat-tlugħ, wiri, tħaddim, trasmissjoni jew ħażna tal-programm tal-kompjuter ikun hemm bżonn din ir-riproduzzjoni, dawn l-atti għandhom ikunu soġġetti għall-awtorizzazzjoni mid-detentur tad-drittijiet;

[...]

2.      L-ewwel bejgħ fil-Komunità ta’ kopja ta’ programm mid-detentur tad-drittijiet jew bil-kunsens tiegħu għandu jeżawrixxi d-dritt ta’ distribuzzjoni fil-Komunità ta’ dik il-kopja, bl-eċċezzjoni tad-dritt biex jikkontrolla aktar il-kiri tal-programm jew kopja tiegħu.”

4        L-Artikolu 5(1) u (2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.      Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi kuntrattwali, l-atti msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 4(1) m’għandhomx jeħtieġu awtorizzazzjoni mid-detentur tad-drittijiet fejn ikunu meħtieġa għall-użu tal-programm tal-kompjuter minn min jiksbu legalment skont il-fini maħsub tiegħu, inkluża l-korrezzjoni ta’ żball.

2.      It-twettiq ta’ kopja ta’ rinforz minn persuna li jkollha dritt li tħaddem il-programm tal-kompjuter tista’ ma tkunx miżmuma b’kuntratt għal kemm żmien ikun meħtieġ għal dak l-użu.”

 Id-Direttiva 91/250/KEE

5        L-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/250/KEE, tal-14 ta’ Mejju 1991, dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 114), kien jipprovdi:

“Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 5 u 6, id-drittijiet esklussivi tad-detentur tad-drittijiet skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 2, għandhom jinkludu d-dritt li jagħmlu jew li jawtorizzaw:

(a)      ir-riproduzzjoni permanenti jew temporanja ta’ programm tal-kompjuter b’kull mezz u f’kull forma, f’parti jew kollha. Inkwantu għat-tlugħ, wiri, tħaddim, trasmissjoni jew ħażna tal-programm tal-komputer jinneċessitaw din ir-riproduzzjoni, dawn l-atti għandhom ikunu suġġetti għall-awtorizzazzjoni mid-detentur tad-drittijiet;

[...]

(ċ)      kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku, inkluż il-kiri, tal-programm oriġinali tal-kompjuter jew kopji tiegħu. L-ewwel bejgħ fil-Komunità ta’ kopja ta’ programm mid-detentur tad-drittijiet jew bil-kunsens tiegħu għandu jeżawrixxi d-dritt ta’ distribuzzjoni fil-Komunità ta’ dik il-kopja, bl-eċċezzjoni tad-dritt biex jikkontrolla aktar il-kiri tal-programm jew kopja tiegħu.”

6        L-Artikolu 5(1) u (2) tal-imsemmija direttiva kien jaqra kif ġej:

“1.      Fl-assenza ta’ disposizzjonijiet speċifiċi kuntrattwali, l-atti msemmija fl-Artikolu 4(a) u (b) m’għandhomx jeħtieġu awtorizzazzjoni mid-detentur tad-drittijiet fejn ikunu meħtieġa għall-użu tal-programm tal-kompjuter minn min jiksbu legalment skond il-fini maħsub tiegħu, inkluża l-korrezzjoni ta’ żball.

2.      L-għemil ta’ kopja ta’ rinforz minn persuna li jkollha dritt li tħaddem il-programm tal-kompjuter tista’ ma tkunx miżmuma b’kuntratt għal kemm żmien ikun meħtieġ għal dak l-użu.”

7        L-Artikolu 7(1) tal-istess direttiva kien ifformulat kif ġej:

“Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet tal-Artikoli 4, 5 u 6, l-Istati Membri għandhom jipprovdu, skond il-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, rimedji xierqa kontra persuna li tikkommetti xi wieħed mill-atti elenkati fis-sottoparagrafi (a), (b) u (ċ) kif ġej:

(a)      kull att li jqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni kopja ta’ programm tal-kompjuter waqt li jaf, jew li jkollu raġuni għalfejn jemmen, li hija kopja illegali;

(b)      il-pussess, għal finijiet kummerċjali, ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter waqt li jkun jaf, jew ikollu raġuni għalfejn jemmen, li tkun kopja illegali;

[...]”

8        Id-Direttiva 91/250 tħassret mid-Direttiva 2009/24.

 Id-dritt Latvjan

9        L-Artikolu 32 tal-Autortiesību likums (liġi dwar id-drittijiet tal-awtur), intitolat “Eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni”, jipprovdi li d-dritt li xogħol jiġi ddistribwit jiġi eżawrit fil-mument li fih ix-xogħol jinbiegħ jew jiġi ttrasferit mod ieħor għall-ewwel darba fl-Unjoni Ewropea, jekk il-bejgħ isir mill-awtur innifsu jew bil-kunsens tiegħu. Din id-dispożizzjoni tapplika biss għax-xogħlijiet materjali jew għall-kopji tagħhom.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10      Ittieħdu proċeduri kriminali kontra A. Ranks u J. Vasiļevičs talli, bejn it-28 ta’ Diċembru 2001 u t-22 ta’ Diċembru 2004, biegħu f’suq online diversi programmi tal-kompjuter ppubblikati minn Microsoft Corp., bħal verżjonijiet tas-softwer Microsoft Windows u tas-softwer għall-uffiċċju Microsoft Office, li huma protetti mid-drittijiet tal-awtur.

11      In-numru ta’ kopji ta’ programmi tal-kompjuter mibjugħa, li ġie stmat li huwa iktar minn 3 000, ma setax jiġi ddeterminat bi preċiżjoni matul l-investigazzjoni, kif lanqas ma seta’ jiġi ddeterminat bi preċiżjoni l-ammont eżatt ta’ dħul minn dan il-bejgħ. Madankollu, l-ammont tad-dannu materjali kkawżat lil Microsoft mill-attivitajiet ta’ A. Ranks u J. Vasiļevičs ġie stmat, abbażi tas-somom ikkreditati lill-kont PayPal tagħhom, għal 293 548.40 dollaru tal-Istati Uniti (USD) (bejn wieħed u ieħor EUR 265 514).

12      Ittieħdu proċeduri kriminali kontra A. Ranks u J. Vasiļevičs għal diversi reati taħt il-liġi kriminali Latvjana u, b’mod iktar speċifiku, l-ewwel nett, għal bejgħ illegali, f’assoċjazzjoni kriminali, ta’ oġġetti protetti mid-drittijiet tal-awtur, it-tieni nett, għal użu intenzjonali illegali tat-trade mark ta’ ħaddieħor u, it-tielet nett, għal twettiq ta’ attività kummerċjali mingħajr reġistrazzjoni.

13      Permezz ta’ sentenza tat-3 ta’ Jannar 2012, huma nstabu ħatja, fl-ewwel istanza, ta’ bejgħ illegali, f’assoċjazzjoni kriminali, ta’ oġġetti protetti mid-drittijiet tal-awtur u ta’ użu intenzjonali illegali tat-trade mark ta’ ħaddieħor, li huma reati previsti u puniti mill-Artikolu 149(3) u mill-Artikolu 206(2), rispettivament, tal-liġi kriminali Latvjana, u ġew ikkundannati jikkumpensaw parzjalment lil Microsoft għad-dannu mġarrab minnha u jħallsu l-ispejjeż kollha tal-proċedura.

14      Il-prosekutur, A. Ranks u J. Vasiļevičs kif ukoll Microsoft appellaw minn dik is-sentenza quddiem ir-Rīgas apgabaltiesas Krimināllietu tiesu kolēģija (qorti reġjonali ta’ Riga, kulleġġ tal-kawżi kriminali, il-Latvja) li, permezz ta’ sentenza tat-22 ta’ Marzu 2013, invalidat l-imsemmija sentenza sa fejn din tal-aħħar iddikjarat lil A. Ranks u lil J. Vasiļevičs ħatja tar-reat ta’ bejgħ illegali, f’assoċjazzjoni kriminali, ta’ oġġetti protetti mid-drittijiet tal-awtur u sa fejn ikkundannathom għal piena.

15      Il-prosekutur kif ukoll A. Ranks u J. Vasiļevičs ippreżentaw, kull wieħed minnhom, rikors għal reviżjoni quddiem l-Augstākās tiesas Senāts (senat tal-qorti suprema, il-Latvja) li, permezz ta’ digriet tat-13 ta’ Ottubru 2013, annulla s-sentenza tar-Rīgas apgabaltiesas Krimināllietu tiesu kolēģija (qorti reġjonali ta’ Riga, kulleġġ tal-kawżi kriminali) u bagħat lura l-kawża quddiem qorti tal-appell sabiex tiġi eżaminata mill-ġdid.

16      Matul l-eżami mill-ġdid tal-kawża, A. Ranks u J. Vasiļevičs stiednu lir-Rīgas apgabaltiesas Krimināllietu tiesu kolēģija (qorti reġjonali ta’ Riga, kulleġġ tal-kawżi kriminali pénales) tressaq talba għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) u tal-Artikolu 5(1) u (2) tad-Direttiva 2009/24.

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rīgas apgabaltiesas Krimināllietu tiesu kolēģija (qorti reġjonali ta’ Riga, kulleġġ tal-kawżi kriminali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Persuna li akkwistat programm tal-kompjuter b’liċenzja “użat” [irreġistrat] fuq diska li ma hijiex oriġinali, li topera u li l-ebda utent ieħor ma juża, tista’, skont l-Artikoli 5(1) u 4(2) tad-Direttiva 2009/24, tinvoka l-eżawriment tad-dritt li titqassam kopja ta’ dan il-programm tal-kompjuter li l-ewwel xerrej ikun akkwista mingħand id-detentur tad-drittijiet flimkien mad-diska oriġinali, [meta din i]d-diska ddeterjorat, jekk l-ewwel xerrej ħassar il-kopja tagħha jew ma għadux jużaha?

2)      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija fl-affermattiv, persuna li tista’ tinvoka l-eżawriment tad-dritt li titqassam kopja tal-programm tal-kompjuter għandha d-dritt li terġa’ tbigħ dan il-programm tal-kompjuter fuq diska li ma hijiex l-oriġinali lil terz, fis-sens tal-Artikoli 4(2) u 5(2) tad-Direttiva 2009/24?”

 Fuq id-domandi preliminari

18      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 4 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-Direttiva 2009/24, li l-Artikolu 10 tagħha jħassar id-Direttiva 91/250, daħlet fis-seħħ fil-25 ta’ Mejju 2009, skont l-Artikolu 11 tagħha. Issa mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li ttieħdu proċeduri kriminali kontra A. Ranks u J. Vasiļevičs għal fatti mwettqa bejn it-28 ta’ Diċembru 2001 u t-22 ta’ Diċembru 2004. Minn dan isegwi li t-tilwima fil-kawża prinċipali taqa’ taħt id-Direttiva 91/250 u mhux taħt id-Direttiva 2009/24.

19      Konsegwentement, iż-żewġ domandi, li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva tal-aħħar, li jistabbilixxi r-regola tal-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur, u tal-Artikolu 5(1) u (2) tal-imsemmija direttiva, li jipprevedi eċċezzjonijiet għad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni ta’ dan id-detentur, għandhom jiġu interpretati bħala li jirreferu għad-dispożizzjonijiet ekwivalenti tad-Direttiva 91/250, jiġifieri l-Artikolu 4(ċ) tagħha, minn naħa, u l-Artikolu 4(a) tagħha, kif ukoll l-Artikolu 5(1) u (2) tagħha, min-naħa l-oħra.

 Fuq l-ammissibbiltà

20      Il-Gvern Latvjan esprima dubji dwar l-ammissibbiltà tad-domandi, billi sostna li l-qorti tar-rinviju tidher li tqis li A. Ranks J. Vasiļevičs akkwistaw oġġetti protetti mid-drittijiet tal-awtur legalment, minkejja li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-programmi tal-kompjuter kontenzjużi huma ffalsifikati.

21      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà li tagħti d-deċiżjoni, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tagħti deċiżjoni (ara s-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2010, Rosenbladt, C‑45/09, EU:C:2010:601, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara s-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2010, Rosenbladt, C‑45/09, EU:C:2010:601, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      F’dan il-każ, il-kawża prinċipali tirrigwarda d-domanda jekk il-bejgħ mill-ġdid ta’ kopji ta’ programmi tal-kompjuter użati li wettqu A. Ranks u J. Vasiļevičs huwiex leġittimu fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/250. Ir-risposta li għandha tingħata għal din id-domanda għalhekk tiddependi direttament mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(ċ) ta’ din id-direttiva, li jistabbilixxi r-regola tal-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur, kif ukoll tal-Artikolu 4(a) u tal-Artikolu 5(1) u (2) tal-imsemmija direttiva, li jagħtu lil dan id-detentur dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni u li jipprevedu eċċezzjonijiet għal dan id-dritt.

24      Minn dan isegwi li d-domandi huwa ammissibbli.

 Fuq il-mertu

25      Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(a) u (ċ) u l-Artikolu 5(1) u (2) tad-Direttiva 91/250 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-akkwirent ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter użat, irreġistrata fuq mezz fiżiku li ma huwiex oriġinali, jista’, skont ir-regola tal-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni tad-detentur tad-drittijiet, ibigħ mill-ġdid tali kopja meta, minn naħa, tkun ġrat ħsara lill-mezz fiżiku oriġinali ta’ dan il-programm, ikkunsinnat lill-akkwirent inizjali u meta, min-naħa l-oħra dan l-akkwirent inizjali jkun ħassar il-kopja tiegħu jew ikun waqaf jużaha.

26      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar qabelxejn li, skont l-Artikolu 4(ċ) tal-imsemmija direttiva, l-ewwel bejgħ fl-Unjoni ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter, mid-detentur tad-drittijiet jew bil-kunsens tiegħu, jeżawrixxi d-dritt ta’ distribuzzjoni fl-Unjoni ta’ din il-kopja.

27      Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni tal-kopja ta’ programm tal-kompjuter huwa suġġett għall-kundizzjoni dupliċi li din tkun tqiegħdet fis-suq u, b’mod iktar speċifiku, tkun inbiegħet mid-detentur tad-drittijiet jew bil-kunsens tiegħu, u li din il-kummerċjalizzazzjoni tkun seħħet fl-Unjoni [ara, b’analoġija, fir-rigward tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230), is-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2006, Laserdisken, C‑479/04, EU:C:2006:549, punt 21, u tat-22 ta’ Jannar 2015, Art & Allposters International, C‑419/13, EU:C:2015:27, punt 31].

28      Issa l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li t-terminu “bejgħ” previst mill-imsemmija dispożizzjoni, li għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’, jinkludi l-forom kollha ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter li huma kkaratterizzati mill-għoti ta’ dritt ta’ użu ta’ din il-kopja, għal żmien illimitat, permezz tal-ħlas ta’ prezz intiż li jippermetti lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur fuq l-imsemmi programm jikseb remunerazzjoni li tikkorrispondi għall-valur ekonomiku tal-imsemmija kopja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012, UsedSoft, C‑128/11, EU:C:2012:407, punt 49).

29      Huwa paċifiku li l-ewwel kummerċjalizzazzjoni fl-Unjoni, mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur, ta’ kopja tal-programm tal-kompjuter tiegħu rreġistrata fuq mezz fiżiku bħal floppy disks, CD-ROM jew DVD-ROM, tikkostitwixxi l-ewwel bejgħ ta’ din il-kopja fis-sens tal-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 91/250. Barra minn hekk, għandu jitqies li, fl-assenza ta’ kwalunkwe indikazzjoni opposta fid-deċiżjoni tar-rinviju, tali bejgħ isir flimkien ma’ liċenzja illimitata għall-użu tal-imsemmija kopja.

30      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, skont l-Artikolu 4(ċ) tal-imsemmija direttiva, id-detentur tad-drittijiet tal-awtur fuq programm tal-kompjuter li jkun biegħ, fl-Unjoni, kopja ta’ dan il-programm fuq mezz fiżiku, bħal CD-ROM jew DVD-ROM, flimkien ma’ liċenzja illimitata għall-użu tal-imsemmi programm, ma jistax iktar jopponi l-bejgħ mill-ġdid sussegwenti mill-akkwirent inizjali jew mill-akkwirenti suċċessivi ta’ din il-kopja, minkejja l-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet kuntrattwali li jipprojbixxu kull trasferiment ulterjuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Lulju 2012, UsedSoft, C‑128/11, EU:C:2012:407, punt 77).

31      Madankollu, id-domandi magħmula ma jirrigwardawx il-każ tal-bejgħ ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter użat, irreġistrata du  mezz fiżiku oriġinali, mill-akkwirent inizjali tagħha, iżda dak tal-bejgħ ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter użat, irreġistrata fuq mezz fiżiku li ma huwiex oriġinali, minn persuna li tkun akkwistatha mill-akkwirent inizjali jew minn akkwirent sussegwenti.

32      F’dan ir-rigward, Microsoft, il-Gvern Taljan u l-Gvern Pollakk kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea jsostnu, fl-osservazzjonijiet tagħhom, li r-regola tal-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni prevista fl-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 91/250 tapplika biss għall-mezz fiżiku oriġinali (floppy disk, CD-ROM jew DVD-ROM), mibjugħ lill-ewwel akkwirent, li fuqu hija rreġistrata l-kopja tal-programm tal-kompjuter imqiegħda fis-suq mid-detentur tad-drittijiet jew bil-kunsens tiegħu, u mhux għall-mezz fiżiku li ma huwiex oriġinali, ta’ din il-kopja.

33      Dan l-argument ma jistax jintlaqa’ bħala tali.

34      Fil-fatt, l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni previst fl-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 91/250 jirrigwarda l-kopja tal-programm tal-kompjuter stess u l-liċenzja għall-użu li jkollha magħha u mhux il-mezz fiżiku li fuqu din il-kopja, jekk ikun il-każ, tkun tqiegħdet għall-ewwel darba għall-bejgħ fl-Unjoni mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur jew bil-kunsens tiegħu.

35      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2009/24, li jirriproduċi l-kontenut tal-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 91/250, jirreferi, mingħajr ma jispeċifika iktar, għall-“bejgħ [...] ta’ kopja ta’ programm [tal-kompjuter]” u għalhekk ma jagħmel ebda distinzjoni skont il-forma materjali jew immaterjali tal-kopja inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012, UsedSoft, C‑128/11, EU:C:2012:407, punt 55).

36      Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet, b’mod partikolari, li l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni previst fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24 jiskatta wara l-ewwel bejgħ ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter fl-Unjoni mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur jew bil-kunsens tiegħu, indipendentement minn jekk il-bejgħ jirrigwardax kopja materjali jew immaterjali ta’ dan il-programm (sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012, UsedSoft, C‑128/11, EU:C:2012:407, punti 55 u 61).

37      Madankollu, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 91/250 jagħti wkoll lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur fuq programm tal-kompjuter id-dritt esklużiv li jagħmel jew li jawtorizza r-riproduzzjoni permanenti jew temporanja ta’ dan il-programm, kompletament jew parzjalment, b’kull mezz u f’kull forma, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikoli 5 u 6 ta’ din id-direttiva.

38      L-akkwirent leġittimu ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter, li tkun tqiegħdet fis-suq mid-detentur tad-drittijiet jew bil-kunsens tiegħu, jista’, konsegwentement, ibigħ mill-ġdid dan il-programm użat, skont ir-regola tal-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni previst fl-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 91/250, sakemm dan it-trasferiment ma jippreġudikax id-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni ggarantit lil dan id-detentur mill-Artikolu 4(a) ta’ din id-direttiva u għalhekk bil-kundizzjoni li kwalunkwe att ta’ riproduzzjoni tal-imsemmi programm ikun awtorizzat mill-imsemmi detentur jew jaqa’ taħt l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikoli 5 u 6 tal-imsemmija direttiva.

39      A. Ranks u J. Vasiļevičs kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu fl-osservazzjonijiet tagħhom li r-regola tal-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni tippermetti l-bejgħ mill-ġdid ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter, irreġistrata fuq mezz fiżiku li ma huwiex oriġinali fil-każ li tkun ġrat ħsara lill-mezz fiżiku oriġinali, bla ħsara għall-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-3 ta’ Lulju 2012, UsedSoft (C‑128/11, EU:C:2012:407). F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-akkwirent inizjali ta’ kopja ta’ programm, irreġistrata fuq mezz fiżiku oriġinali, għandu jkollu liċenzja illimitata għall-użu ta’ dan il-programm u jirrendi inutilizzabbli kull kopja tal-imsemmi programm li tkun għadha fil-pussess tiegħu fil-mument tal-bejgħ mill-ġdid tagħha. F’każ bħal dan, it-twettiq ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter fuq mezz fiżiku li ma huwiex oriġinali jkun awtorizzat abbażi tal-eċċezzjonijiet għad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni previsti fl-Artikolu 5(1) u (2) tal-istess direttiva.

40      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 91/250 jipprovdi li persuna li għandha d-dritt tuża programm tal-kompjuter ma tistax tinżamm permezz ta’ kuntratt milli tagħmel kopja ta’ riżerva tiegħu sa fejn dan ikun meħtieġ għal dan l-użu. L-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva jispeċifika li kull dispożizzjoni kuntrattwali li tmur kontra dan l-Artikolu 5(2) għandha tkun nulla u bla effett.

41      Kif jirriżulta mill-Artikolu 5(2) tal-imsemmija direttiva, it-twettiq ta’ kopja ta’ riżerva ta’ programm tal-kompjuter huwa għalhekk suġġett għal żewġ kundizzjonijiet. Din il-kopja, minn naħa, għandha titwettaq minn persuna li għandha dritt tuża dan il-programm u, min-naħa l-oħra, għandha tkun meħtieġa għal dan l-użu.

42      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, din id-dispożizzjoni, li tistabbilixxi eċċezzjoni għad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur fuq programm tal-kompjuter, għandha tingħata interpretazzjoni stretta (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Painer, C‑145/10, EU:C:2011:798, punt 109).

43      Minn dan isegwi li kopja ta’ riżerva ta’ programm tal-kompjuter tista’ titwettaq u tintuża biss sabiex tissodisfa l-bżonnijiet tal-persuna li għandha dritt tuża dan il-programm biss u li, għalhekk, din il-persuna, minkejja li tkun għamlet ħsara lill-mezz fiżiku oriġinali ta’ dan il-programm, iddistruġġietu jew tilfitu, ma tistax tuża din il-kopja għall-finijiet tal-bejgħ mill-ġdid tal-imsemmi programm użat lil terz.

44      Konsegwentement, kif isostnu Microsoft u l-Gvern Taljan u l-Gvern Pollakk fl-osservazzjonijiet tagħhom, l-akkwirent leġittimu ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter li jkollha magħha liċenzja illimitata għall-użu, liema akkwirent ikollu l-intenzjoni li jbigħha mill-ġdid, wara l-eżawriment tad-drittijiet ta’ distribuzzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur skont l-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 91/250, ma jistax, fl-assenza ta’ awtorizzazzjoni ta’ dan id-detentur, jittrasferixxi lis-subakkwirent il-kopja ta’ riżerva ta’ dan il-programm imwettqa skont l-Artikolu 5(2) tal-imsemmija direttiva, minħabba li jkun għamel ħsara lill-mezz fiżiku oriġinali li nbiegħ lilu mill-imsemmi detentur jew bil-kunsens tiegħu, iddistruġġih jew tilfu.

45      F’dan il-każ, għalkemm jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li A. Ranks u J. Vasiļevičs biegħu mill-ġdid kopji ta’ programmi tal-kompjuter irreġistrati fuq mezzi fiżiċi li ma humiex oriġinali, ma huwiex speċifikat fid-deċiżjoni tar-rinviju jekk, billi huma l-akkwirenti inizjali ta’ dawn il-programmi, wettqux huma stess il-kopji mibjugħa mill-ġdid jew jekk dawn tal-aħħar twettqux mill-persuni li huma akkwistawhom mingħandhom, irrispettivament minn jekk dawn tal-aħħar humiex akkwirenti leġittimi inizjali jew le.

46      Madankollu għandu jiġi kkonstatat li, irrispettivament miċ-ċirkustanzi li fihom A. Ranks u J. Vasiļevičs akkwistaw il-kopji tal-programmi tal-kompjuter li huma biegħu mill-ġdid, huma jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/250, jekk jiġi stabbilit li qiegħdu fiċ-ċirkulazzjoni u żammew għal finijiet kummerċjali kopji illegali ta’ programmi tal-kompjuter.

47      Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju biss li għandha l-kompitu li tiddetermina, fid-dawl tal-punti ta’ fatt li hija tkun identifikat, għal kull kopja ta’ programm tal-kompjuter mibjugħa mill-ġdid minn A. Ranks u J. Vasiļevičs, jekk din tal-aħħar hijiex kopja illegali fis-sens tal-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva u li, jekk ikun il-każ, tislet il-konsegwenzi minn din id-determinazzjoni.

48      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/250, meta l-att ta’ riproduzzjoni jkun meħtieġ sabiex jippermetti lill-akkwirent leġittimu juża l-programm skont il-fini maħsub tiegħu, huwa ma għandux ikun suġġett għall-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet kuntrattwali speċifiċi.

49      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-fatt li l-akkwirent ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter jixtri u jniżżel din il-kopja li tinsab fuq is-sit internet tad-detentur tad-drittijiet jikkostitwixxi riproduzzjoni tagħha li hija awtorizzata skont l-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva, sa fejn din tkun meħtieġa sabiex tippermettilu juża l-imsemmi programm skont il-fini maħsub tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012, UsedSoft, C‑128/11, EU:C:2012:407, punt 75).

50      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-każ ta’ bejgħ mill-ġdid tal-kopja tal-programm tal-kompjuter li l-ewwel akkwirent xtara u niżżel mis-sit internet tad-detentur tad-drittijiet, is-subakkwirent ta’ din il-kopja, li huwa akkwirent leġittimu fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/250, ukoll għandu dritt, skont din id-dispożizzjoni, iniżżel l-imsemmija kopja fuq il-kompjuter tiegħu, liema tniżżil jikkostitwixxi riproduzzjoni meħtieġa ta’ dan il-programm li għandha tippermettilu jużah skont il-fini maħsub tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012, UsedSoft, C‑128/11, EU:C:2012:407, punti 80 u 81).

51      Għandu madankollu jiġi rrilevat li l-fatti tal-kawża prinċipali huma differenti minn dawk inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012, UsedSoft (C‑128/11, EU:C:2012:407). Mid-dokumenti tal-proċess li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha jirriżulta, fil-fatt, li A. Ranks u J. Vasiļevičs ikkummerċjalizzaw fuq l-internet kopji ta’ programmi tal-kompjuter fuq mezzi fiżiċi li ma humiex oriġinali, li fir-rigward tagħhom xejn ma jippermetti li jiġi preżunt li huma inizjalment xtrawhom u niżżluhom mis-sit internet tad-detentur tad-drittijiet.

52      Jibqa’ l-fatt li s-sitwazzjoni tal-akkwirent leġittimu ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter, li tinbiegħ bħala rreġistrata fuq mezz fiżiku li tkun ġratlu ħsara, ġie distrutt jew intilef u dik tal-akkwirent leġittimu ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter mixtrija u mniżżla mill-internet huma, fir-rigward tar-regola tal-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni u tad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni mogħti lid-detentur tad-drittijiet, paragunabbli.

53      L-akkwirent leġittimu ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter, li jkollu liċenzja illimitata għall-użu ta’ dan il-programm iżda li ma jkollux iktar il-mezz fiżiku oriġinali li fuq din il-kopja kienet ġiet inizjalment ikkunsinnata għaliex ikun iddistruġġih, għamillu ħsara jew tilfu, ma jistax, għal din ir-raġuni biss, jiċċaħħad minn kull possibbiltà li jbigħ mill-ġdid l-imsemmija kopja użata lil terz, peress li dan iċaħħad mill-effett utli l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni previst fl-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 91/250 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012, UsedSoft, C‑128/11, EU:C:2012:407, punt 83).

54      Għaldaqstant, kif irrikonoxxiet Microsoft fit-tweġiba bil-miktub tagħha għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-akkwirent leġittimu tal-liċenzja illimitata għall-użu ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter użat għandu jkun jista’ jniżżel dan il-programm mis-sit internet tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur, liema tniżżil jikkostitwixxi riproduzzjoni meħtieġa ta’ programm tal-kompjuter li tippermettilu jużah skont il-fini maħsub tiegħu, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012, UsedSoft (C‑128/11, EU:C:2012:407, punt 85).

55      Madankollu, għandu jitfakkar li l-akkwirent inizjali ta’ kopja tal-programm tal-kompjuter, li fir-rigward tagħha d-dritt ta’ distribuzzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur ġie eżawrit skont l-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 91/250, li jbigħ mill-ġdid din il-kopja użata, għandu, sabiex jevita li jikser id-dritt esklużiv ta’ dan id-detentur għar-riproduzzjoni tal-programm tal-kompjuter tiegħu, previst fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, jirrendi inutilizzabbli kull kopja li tkun fil-pussess tiegħu fil-mument tal-bejgħ mill-ġdid tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012, UsedSoft (C‑128/11, EU:C:2012:407, punti 70 u 78).

56      Barra minn hekk, għandu jiġi speċifikat li l-akkwirent tal-liċenzja illimitata għall-użu ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter użat li, billi jibbaża ruħu fuq ir-regola tal-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni, jniżżel kopja ta’ dan il-programm fuq il-kompjuter tiegħu mis-sit internet tad-detentur tad-drittijiet għandu jistabbilixxi, permezz ta’ kull mezz ta’ prova, li huwa akkwista din il-liċenzja legalment.

57      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 4(a) u (ċ) u l-Artikolu 5(1) u (2) tad-Direttiva 91/250 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, għalkemm l-akkwirent inizjali ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter li jkollha magħha liċenzja illimitata għall-użu għandu dritt ibigħ mill-ġdid din il-kopja użata u l-liċenzja tagħha lil subakkwirent, huwa min-naħa l-oħra ma jistax, meta l-mezz fiżiku oriġinali tal-kopja li tkun ġiet inizjalment ikkunsinnata lilu tiġrilu ħsara, jiġi distrutt jew jintilef, jipprovdi l-kopja ta’ riżerva tiegħu ta’ dan il-programm lil dan is-subakkwirent mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet.

 Fuq l-ispejjeż

58      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 4(a) u (ċ) u l-Artikolu 5(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/250/KEE, tal-14 ta’ Mejju 1991, dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, għalkemm l-akkwirent inizjali ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter li jkollha magħha liċenzja illimitata għall-użu għandu dritt ibigħ mill-ġdid din il-kopja użata u l-liċenzja tagħha lil subakkwirent, huwa min-naħa l-oħra ma jistax, meta l-mezz fiżiku oriġinali tal-kopja li tkun ġiet inizjalment ikkunsinnata lilu tiġrilu ħsara, jiġi distrutt jew jintilef, jipprovdi l-kopja ta’ riżerva tiegħu ta’ dan il-programm lil dan is-subakkwirent mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.