Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (Chancery Division) (ir-Renju Unit) fil-5 ta' Jannar 2011 - Daiichi Sankyo Company vs Comptroller-General of Patents

(Kawża C-6/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court of Justice (Chancery Division).

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Daiichi Sankyo Company

Konvenut: Comptroller-General of Patents

Domandi preliminari

Ir-Regolament Nru 469/2009 (iktar 'il quddiem ir-"Regolament") 1 jirrikonoxxi fost ir-raġunijiet l-oħra identifikati fil-premessi, il-ħtieġa li l-għoti ta' ĊPS minn kull Stat Membru tal-Komunità lill-proprjetarji ta' privattivi nazzjonali jew Ewropej ikun taħt l-istess kundizzjonijiet, kif indikat fil-premessi 7 u 8. Fin-nuqqas ta' armonizzazzjoni Komunitarja tal-liġi dwar il-privattivi, xi jrid ifisser l-Artikolu 3(a) tar-Regolament meta jgħid "il-prodott ikun protett minn privattiva bażika fis-seħħ" u liema huma l-kriterji sabiex dan jiġi deċiż?

F'każ bħal dan li jinvolvi prodott mediċinali li jinkludi iktar minn ingredjent attiv wieħed, hemm kriterji ulterjuri jew differenti sabiex jiġi ddeterminat jekk "il-prodott ikun protett minn privattiva bażika fis-seħħ" jew le skont l-Artikolu 3(a) tar-Regolament u, jekk ikun il-każ, liema huma dawn il-kriterji ulterjuri jew differenti?

Sabiex kombinazzjoni ta' ingredjenti attivi ċċitati f'awtorizzazzjoni sabiex prodott mediċinali jitqiegħed fis-suq ikun is-suġġett ta' ĊPS, u fid-dawl tal-kliem tal-Artikolu 4 tar-Regolament, il-kundizzjoni li "l-prodott ikun protett minn privattiva bażika" skont l-Artikoli 1 u 3 tar-Regolament huwa sodisfatt jekk il-prodott jikser il-privattiva bażika taħt il-liġi nazzjonali?

Sabiex kombinazzjoni ta' ingredjenti attivi ċċitati f'awtorizzazzjoni għal tqegħid fil-kummerċ ta' prodott mediċinali ikun is-suġġett ta' ĊPS, u fid-dawl tal-kliem tal-Artikolu 4 tar-Regolament, l-issodisfar tal-kundizzjoni li "l-prodott ikun protett minn privattiva bażika" skont l-Artikoli 1 u 3 tar-Regolament jiddependi fuq jekk il-privattiva bażika tinkludix pretensjoni waħda (jew iktar) li jsemmu b'mod speċifiku kombinazzjoni ta' (1) klassi ta' kompożiti li tinkludi waħda mill-ingredjenti attivi li jinsabu fil-prodott imsemmi u (2) klassi ta' ingredjenti attivi ulterjuri li tista' ma tkunx speċifikata iżda li tinkludi l-ingredjent attiv l-ieħor għall-prodott imsemmi; jew huwa biżżejjed li l-privattiva bażika tinkludi pretensjoni waħda (jew iktar) li (1) għandha pretensjoni għal klassi ta' kompożiti li tinkludi waħda mill-ingredjenti attivi tal-prodott imsemmi u (2) tuża lingwaġġ speċifiku li bħala kwistjoni ta' liġi nazzjonali testendi l-portata tal-protezzjoni sabiex tinkludi l-preżenza ta' ingredjenti attivi oħra li ma humiex speċifikati inkluż l-ingredjent attiv l-ieħor li jinsab fil-prodott imsemmi?

____________

1 - ĠU L 152, p.1