Language of document : ECLI:EU:F:2015:102

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

15 ta’ Settembru 2015

Kawża F‑21/15

Patrick Wanègue

vs

Il-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Kundizzjonijiet tax-xogħol – Sahra – Artikolu 56 tar-Regolamenti tal-Persunal – Artikolu 3 tal-Anness VI tar-Regolamenti tal-Persunal – Xufier fi grad AST 6 – Tneħħija tad-dritt għal allowance fissa ta’ sahra – Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura – Rikors parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat fid-dritt”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat bis-saħħa tal-Artikolu 270 TFUE, li bih P. Wanègue jitlob, sostanzjalment, l-annullament tad-deċiżjoni li biha l-aġent direttur tal-amministrazzjoni u tal-finanzi tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni, huwa u jaġixxi bħala Awtorità tal-Ħatra, neħħielu l-benefiċċju tal-allowance fissa ta’ sahra, mill-1 ta’ Lulju 2014, kif ukoll il-kundanna tal-Kumitat tar-Reġjuni sabiex tħallsu mill-ġdid din l-allowance minn din id-data, bl-interessi moratorji, u l-kumpens mill-Kumitat tar-Reġjuni tad-danni materjali u morali li d-deċiżjoni hawn fuq indikata kkawżatlu.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud billi huwa parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat. P. Wanègue għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mill-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Kundizzjonijiet tax-xogħol – Direttiva interna ta’ istituzzjoni – Effetti legali – Limiti – Osservanza tal-ġerarkija tar-regoli

(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 56)

2.      Uffiċjali – Kundizzjonijiet tax-xogħol – Allowance fissa ta’ sahra – Kundizzjonijiet għall-għoti – Interpretazzjoni stretta

(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni u tielet paragrafi tal-Artikolu 56, u Anness VI, Artikolu 3)

3.      Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u Direttiva 2003/88 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Kamp ta’ applikazzjoni – Remunerazzjoni – Esklużjoni

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 31(2); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88, Artikolu 7(1))

4.      Rikorsi tal-uffiċjali – Ġurisdizzjoni sħiħa – Tilwim ta’ natura pekunjarja fis-sens tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal – Kunċett – Azzjoni intiża li tikseb il-ħlas ta’ somma allegatament dovuta bis-saħħa tar-Regolamenti tal-Persunal jew ta’ att ġuridiku ieħor – Inklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(1))

1.      Uffiċjali ma jistax jibbaża ruħu fuq interpretazzjoni ta’ direttiva interna li tmur kontra t-test innifsu tad-dispożizzjonijiet ġenerali tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex jikkontesta l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tneħħi allowance fissa ta’ sahra unikament minħabba l-promozzjoni fil-grad AST 5, u wara fil-grad AST 6.

F’dan ir-rigward, mill-formulazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta ċarament li s-sahra mwettqa mill-uffiċjali tal-grupp ta’ funzjonijiet AST fil-gradi AST 5 sa AST 1l ma tagħtix dritt għal kumpens u lanqas għal remunerazzjoni.

F’kull każ, id-direttivi interni adottati mill-istituzzjonijiet u organi tal-Unjoni Ewropea ma jistgħux legalment, fl-ebda każ, jimponu regoli li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ġerarkikament superjuri, bħad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-leġiżlazzjoni adottata għall-applikazzjoni tiegħu.

(ara l-punti 54 sa 56)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Fardoom u Reinard vs Il-Kummissjoni, T‑43/04, EU:T:2005:374, punt 36

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza tat-30 ta’ Novembru 2009, Voslamber vs Il-Kummissjoni, F‑86/08, EU:F:2009:161, punt 53

2.      F’dak li jirrigwarda l-allowance ta’ sahra msemmija fl-Artikolu 56 tar-Regolamenti tal-Persunal, it-tieni u t-tielet subparagrafi ta’ din id-dispożizzjoni jeskludu espliċitament l-uffiċjali tal-grupp tal-funzjonijiet AD u dawk tal-grupp ta’ funzjonijiet AST fil-gradi AST 5 sa AST 11 minn kull dritt għal kumpens jew għal remunerazzjoni għas-sahra mwettqa eventwalment u ma jipprevedi l-ebda eċċezzjoni fir-rigward tan-natura tal-funzjonijiet eżerċitati jew tan-natura abitwali tas-sahra mwettqa. Barra minn hekk, uffiċjal ma jkunx fondat li jippretendi li dan il-limitu ma japplikax għall-uffiċjali mitluba jwettqu sahra abitwalment, bħal ma huma x-xufiera, b’mod li huma jkunu fid-dritt li jikkonservaw il-benefiċċju tal-allowance fissa ta’ sahra matul il-karriera kollha tagħhom, indipendentement mill-klassifikazzjoni tagħhom fil-grad.

F’dan ir-rigward, minn qari konġunt tal-ewwel, tat-tieni u tat-tielet paragrafi tal-Artikolu 56 tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li l-leġiżlatur ried jipproteġi l-uffiċjali minn kull obbligu li jinħadem numru ta’ sigħat ta’ xogħol eċċessiv, filwaqt li jirriżerva l-benefiċċju ta’ kumpens jew ta’ remunerazzjoni għas-sahra mwettqa biss għall-uffiċjali fl-ewwel livelli tal-iskala tal-gradi u li jirċievu, minħabba dan il-fatt, remunerazzjoni inqas għolja minn kollegi oħra li jkollhom, b’mod partikolari minħabba l-anzjanità tagħhom, grad u remunerazzjoni ogħla.

Barra minn hekk, l-Anness VI tar-Regolamenti tal-Persunal, dwar il-modalitajiet ta’ kumpens u ta’ remunerazzjoni tas-sahra, jimplementa l-Artikolu 56 tar-Regolamenti tal-Persunal u jippreċiża, fil-limiti imposti minn dan l-artikolu, il-forma u l-ammont tal-allowance li tkun tista’ tingħata lill-uffiċjali tal-grupp ta’ funzjonijiet AST/SC fil-gradi SC 1 sa SC 6 u tal-grupp ta’ funzjonijiet AST fil-gradi AST 1 sa AST 4. Ma tistax għaldaqstant tiġi dedotta, mill-Anness VI tar-Regolamenti tal-Persunal, u lanqas, a fortiori, mill-Artikolu 3 tal-imsemmi anness, xi deroga mill-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 56 tar-Regolamenti tal-Persunal favur uffiċjali tal-grupp ta’ funzjonijiet AST fil-gradi AST 5 sa AST 1l.

F’kull każ, il-benefiċċju tal-allowance fissa ta’ sahra ma għandhiex tiġi estiża lil kategoriji ta’ uffiċjali barra min dawk li huma espressament iddefiniti mill- Artikolu 3 tal-Anness VI tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet li jagħtu dritt għal allowances finanzjarji għandhom jiġu interpretati strettament.

(ara l-punti 65 u 67 sa 70)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenzi tat-18 ta’ Settembru 2003, Lebedef et vs Il‑Kummissjoni, T‑221/02, EU:T:2003:239, punt 38, u tal-15 Lulju 2004, Valenzuela Marzo vs Il-Kummissjoni, T‑384/02, EU:T:2004:239, punt 104

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2009, Pappas vs Il‑Kummissjoni, F‑101/08, EU:F:2009:137, punt 65

3.      L-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/88, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, li jimponu limitazzjoni tat-tul massimu tax-xogħol kif ukoll l-obbligu li jiġu previsti perijodi ta’ mistrieħ kull jum u kull ġimgħa, ma jikkonċernawx ir-remunerazzjoni tal-ħaddiema u lanqas, a fortiori, ir-remunerazzjoni tas-sahra permezz tal-għoti ta’ allowance fissa.

(ara l-punt 72)

4.      Jikkostitwixxu “kwistjonijiet ta’ natura pekunjarja” skont l-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal mhux biss l-azzjonijiet għal responsabbiltà mressqa mill-uffiċjali jew membri tal-persunal kontra istituzzjoni, iżda wkoll dawk l-azzjonijiet kollha li huma intiżi għall-ħlas minn naħa ta’ istituzzjoni lil uffiċjal ta’ somma li huwa jqis li hija dovuta lejh bis-saħħa tar-Regolamenti tal-Persunal jew ta’ att ieħor li jirregola r-relazzjonijiet ta’ xogħol tagħhom.

Bis-saħħa tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sħiħa, li jagħtiha l-kompitu li ssib soluzzjoni sħiħa għat-tilwim li jitressaq quddiemha, jiġifieri li tiddeċiedi dwar id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal, ħlief jekk tirrinvija lill-istituzzjoni inkwistjoni l-eżekuzzjoni, taħt is-sorveljanza tagħha, ta’ din il-parti tas-sentenza taħt il-kundizzjonijiet speċifiċi li hija tistabbilixxi. Hija l-qorti tal-Unjoni li għandha, jekk ikun il-każ, tiddeċiedi fil-konfront ta’ istituzzjoni kundanna għall-ħlas ta’ ammont li l-persuna kkonċernata jkollha dritt għalih bis-saħħa tar-Regolamenti tal-Persunal jew ta’ att ġuridiku ieħor.

(ara l-punti 93 u 94)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Weißenfels vs Il‑Parlament, C‑135/06 P, EU:C:2007:812, punt 65

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza tat-2 Lulju 2009, Giannini vs Il‑Kummissjoni, F‑49/08, EU:F:2009:76, punti 40 sa 42