Language of document : ECLI:EU:F:2008:113

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tielet Awla)

11 ta’ Settembru 2008 (*)

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Kompetizzjoni miftuħa – Nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ riżerva – Evalwazzjoni tal-eżamijiet bil-miktub u orali”

Fil-Kawża F‑127/07,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA,

Juana Maria Coto Moreno, uffiċjal tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, residenti f’Gaborone (Botswana), irrappreżentata minn K. Lemmens u C. Doutrelepont, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn B. Eggers u M. Velardo, bħala aġenti,

konvenuta,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tielet Awla),

komposta minn P. Mahoney, President, H. Kanninen u S. Gervasoni (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Ġunju 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ rikors li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-30 ta’ Ottubru 2007 b’faks (il-preżentata tal-oriġinal saret fis-6 ta’ Novembru 2007), J. M. Coto Moreno titlob, essenzjalment, lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jannulla d-deċiżjoni tat-12 ta’ Frar 2007 li biha l-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni EPSO/AD/28/05 rrifjuta li jinkludi isimha fil-lista ta’ riżerva, jiddeċiedi li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinkludu isimha fl-imsemmija lista ta’ riżerva u jikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ħlas ta’ danni b’kumpens għad-danni professjonali, finanzjarji u morali li hija tallega li ġarrbet.

 Il-fatt li wasslu għall-kawża

2        Fis-16 ta’ Settembru 2004, ir-rikorrenti nħatret uffiċjal fil-grad B*3 u ġiet assenjata lid-delegazzjoni tal-Kummissjoni f’Botswana.

3        Sussegwentement ir-rikorrenti applikat sabiex tipparteċipa fil-kompetizzjoni EPSO/AD/28/05 intiża sabiex tiġi kkostitwita lista ta’ riżerva ta’ 100 kandidat li għaddew mill-kompetizzjoni għar-reklutaġġ ta’ amministraturi tal-grad AD5 fil-qasam “Ġestjoni tar-riżorsi finanzjarji”.

4        Kif jirriżulta mill-avviż tal-kompetizzjoni EPSO/AD/28/05 ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-20 ta’ Lulju 2005 (ĠU C 178 A, p. 3, iktar ’il quddiem l-“avviż tal-kompetizzjoni”), din il-kompetizzjoni kienet tinkludi tliet fażijiet.

5        L-ewwel nett, il-kompetizzjoni bdiet bi tliet testijiet ta’ preselezzjoni, fit-tieni lingwa magħżula mill-kandidat, li kienu jikkonsistu f’domandi b’għażla multipla. Il-kandidati li kisbu l-minimu meħtieġ f’kull wieħed minn dawn it-testijiet u li ġew ikklassifikati fost l-aħjar 300 kandidat li ġew aċċettati sabiex jagħmlu l-eżami bil-miktub.

6        It-tieni nett, l-eżami bil-miktub, fil-lingwa prinċipali tal-kandidat, kien jirrigwarda suġġett magħżul minn dan tal-aħħar b’rabta mal-qasam tal-kompetizzjoni u kien intiż sabiex jevalwa l-konoxxenzi tal-kandidat, il-kapaċitajiet tiegħu ta’ komprensjoni, ta’ analiżi u ta’ sinteżi, kif ukoll il-kapaċitajiet tiegħu ta’ redazzjoni. L-eżami ngħata marka minn 0 sa 50 punt u l-minimu meħtieġ kien ta’ 25 punt. Il-kandidati li kisbu l-minimu meħtieġ fl-eżami bil-miktub u li ġew ikklassifikati fost l-aħjar 150 kandidat ġew mistiedna jagħmlu l-eżami orali.

7        It-tielet nett, l-eżami orali, dejjem fil-lingwa prinċipali tal-kandidat, kellu jippermetti lill-Bord tal-Għażla jevalwa l-idoneità ta’ dan tal-aħħar sabiex iwettaq il-funzjonijiet li jikkorrispondu għall-postijiet li l-kompetizzjoni kellha l-għan li timla. Huwa kien jirrigwarda l-konoxxenzi speċifiċi marbuta mal-qasam tal-kompetizzjoni u l-konoxxenza tal-Unjoni Ewropea, tal-istituzzjonijiet u tal-politiki tagħha. Ġew ukoll eżaminati l-konoxxenzi tat-tieni lingwa, kif ukoll il-kapaċità ta’ adattament għax-xogħol, fi ħdan is-servizz pubbliku Ewropew, f’ambjent multikulturali. L-eżami ngħata marka minn 0 sa 50 punt, b’minimu meħtieġ ta’ 25 punt.

8        It-testijiet ta’ preselezzjoni u l-eżami bil-miktub saru fil-31 ta’ Marzu 2006. Ir-rikorrenti għaddiethom b’suċċess u ġiet mistiedna tagħmel l-eżami orali, li sar fl-10 ta’ Jannar 2007 fi Brussell.

9        B’ittra tat-12 ta’ Frar 2007, l-Uffiċċju Ewropew għall-Għażla tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej (EPSO) informa lir-rikorrenti li l-Bord tal-Għażla ma kienx inkluda isimha fil-lista ta’ riżerva, billi r-riżultat tagħha ma kienx fost l-aħjar 100 riżultat (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Fil-fatt, filwaqt li l-aħħar kandidat aċċettat kien kiseb 56.1 punti, ir-rikorrenti kellha biss total ta’ 54 punt, jiġifieri 25/50 fl-eżami bil-miktub u 29/50 fl-eżami orali.

10      F’posta elettronika mibgħuta lill-EPSO fit-22 ta’ Frar 2007, ir-rikorrenti qalet li stagħġbet bil-marka li kisbet fl-eżami orali, għamlet osservazzjonijiet fuq dan l-eżami u, fl-aħħar nett, talbet li jsir eżami mill-ġdid mill-Bord tal-Għażla tal-eżamijiet bil-miktub u orali.

11      B’ittra tat-22 ta’ Marzu 2007, il-president tal-Bord tal-Għażla rrisponda lir-rikorrenti li l-Bord tal-Għażla, wara li eżamina mill-ġdid l-eżamijiet bil-miktub u orali, kien ikkonferma r-riżultat tar-rikorrenti u bagħtilha kopja tal-karta tagħha tal-eżami bil-miktub kif ukoll in-nota ta’ evalwazzjoni ta’ din il-karta magħmula mill-Bord tal-Għażla.

12      Min-nota ta’ evalwazzjoni tal-karta tar-rikorrenti magħmula mill-Bord tal-Għażla jirriżulta li dan tal-aħħar iddeċieda li r-risposta tar-rikorrenti għall-ewwel domanda kienet “suffiċjenti iżda kienet nieqsa mid-dettalji” mill-aspett tal-konoxxenzi, u “tajba” mill-aspett tal-kapaċitajiet ta’ analiżi, ta’ sinteżi u ta’ redazzjoni. Fir-rigward tar-risposta għad-domanda Nru 3, magħżula bħala s-suġġett tal-eżami mir-rikorrenti fost id-domandi Nru 2, Nru 3 u Nru 4, il-Bord tal-Għażla kkonstata li “ċerti kunċetti kienu neqsin”, filwaqt li kkwalifikat ir-risposta bħala “suffiċjenti”, mill-aspett tal-konoxxenzi, u bħala “tajba”, mill-aspett tal-kapaċitajiet ta’ analiżi, ta’ sinteżi u ta’ redazzjoni.

13      Fid-29 ta’ Marzu 2007, ir-rikorrenti bagħtet posta elettronika mill-ġdid lill-EPSO, li fiha sostniet li hija ma kinitx kisbet risposta suffiċjenti għar-rimarki tagħha fuq l-eżami orali u dehrilha li l-kummenti tal-Bord tal-Għażla kienu partikolarment qosra. Hija talbet ukoll l-ekwivalenza f’termini ta’ punti tal-kummenti “suffiċjenti” u “tajba”. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti kkontestat l-evalwazzjoni tar-risposta tagħha għad-domanda Nru 3 tal-eżami bil-miktub.

14      B’ittra tat-2 ta’ Mejju 2007, il-president tal-Bord tal-Għażla rrisponda lir-rikorrenti mill-ġdid. B’mod partikolari, huwa ġġustifika l-evalwazzjoni tal-karta tar-rikorrenti mill-Bord tal-Għażla. Huwa spjega li l-erba’ kriterji ta’ evalwazzjoni ta’ dan l-eżami ma kellhomx l-istess valur, billi l-konoxxenzi fil-qasam tal-eżami kienu kkunsidrati iktar importanti mill-kapaċitajiet ta’ komprensjoni, ta’ analiżi u ta’ espressjoni. Il-president tal-Bord tal-Għażla spjega li, f’dak li jirrigwarda l-ewwel domanda, il-lakuni fil-kontenut tal-esej kienu ġew ikkumpensati bil-kwalità tal-analiżi, tas-sinteżi u tar-redazzjoni, ħaġa li ppermettiet lir-rikorrenti tikseb il-marka ta’ 25/50.

15      F’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tar-risposta għad-domanda Nru 3, il-president tal-Bord tal-Għażla ta l-ispjegazzjonijiet li ġejjin fl-ittra tat-2 ta’ Mejju 2007:

“Billi inti tlabt iktar dettalji b’mod partikolari dwar ir-risposta tiegħek għad-domanda 3, l-opinjoni tal-Bord tal-Għażla hija li r-risposta tiegħek kien fiha diversi punti debboli. L-ewwel nett, il-kriterji għall-għażla la kienu spjegati u lanqas iġġustifikati. Liema kienu l-għanijiet tal-livelli massimi proposti? Għaliex id-dħul mill-bejgħ għandu jkun għaxar darbiet iktar mill-valur tas-suq? Għaliex 50 % tad-dħul mill-bejgħ għandu jiġi mill-qasam tal-kuntratti pubbliċi? Għaliex 50 % tal-persunal għandu jiġi ddedikat għall-qasam tal-kuntratti pubbliċi? etc.

F’dak li jirrigwarda l-kriterji għall-għoti, ma ssemma xejn dwar l-effiċjenza fil-funzjonament u l-kwalità tat-tagħmir. Kriterji bħal, pereżempju, ir-rata tad-deprezzament u r-relazzjoni bejn l-ispiża għax-xiri u l-ispiża għall-manutenzjoni ma ssemmewx. Il-kriterji tal-esperjenza tal-persunal u tal-kumpannija huma kjarament kriterji għall-għażla u mhux kriterji għall-għoti; lanqas id-data sempliċi iżda kruċjali tal-kunsinna ma ssemmiet.

Barra minn hekk, il-klawżoli kuntrattwali msemmija mhux dejjem kienu rilevanti (pereżempju, il-garanzija ta’ prefinanzjament) għal tali suq, iżda klawżoli possibbli oħra ta’ iktar importanza, bħal klawżola dwar is-sanzjonijiet f’każ ta’ dewmien jew non-funzjonament, ir-responsabbiltà kuntrattwali għad-danni kkawżati minn ħtija, l-obbligu li tinħareġ assigurazzjoni professjonali, kienu neqsin. Klawżoli għall-annullament tal-kuntratt f’każ ta’ imġiba professjonali ħażina wkoll ma ssemmewx.” (Traduzzjoni libera)

(“As you specifically requested more detail as regards your answer to question 3, the opinion of the Board is that your answer contained many weaknesses. First, the selection criteria were not explained or justified. What were the purposes of the proposed ceilings ? Why would the turnover have to be 10 times the value of the market ? Why did 50 % of the turnover have to come from the tender domain? Why would 50 % of the personnel have to be dedicated to the tender domain ? etc.

As regards the award criteria there was no mention of performance and quality of the equipment. Criteria such as the rate of becoming obsolete and the purchase cost versus maintenance, for example, were not mentioned. The criteria on the experience of the personnel and the company are clearly selection criteria and not award criteria ; the simple but crucial date of delivery was also not mentioned.

Further the contractual clauses given were not always pertinent (e.g. Pre-financing guarantee) for such a market, but other more important possible clauses were missing such as a clause for the sanctions in case of delay or non-function, the contractual responsibility for damages resulting from faults, the obligation to subscribe a professional insurance. Clauses for cancelling the contract in case of professional misconduct were also not mentioned.”)

16      Fit-3 ta’ Mejju 2007, ir-rikorrenti ppreżentat ilment kontra d-deċiżjoni kkontestata. B’deċiżjoni tal-31 ta’ Lulju 2007, l-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet dan l-ilment.

 It-talbiet tal-partijiet

17      Ir-rikorrenti titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni tħallasha kumpens fl-ammont ta’ EUR 25 000 għad-danni morali li hija tallega li ġarrbet;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni tħallasha kumpens fl-ammont ta’ EUR 8 000 li jikkorrispondi għad-drittijiet tal-avukati tagħha;

–        jiddeċiedi, prinċipalment, li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinkludu isimha fil-lista ta’ riżerva jew, sussidjarjament, fin-nuqqas ta’ tali inklużjoni, iħallsuha kumpens fl-ammont ta’ EUR 384 000 għad-danni materjali li hija tallega li ġarrbet;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

18      Il-Kummissjoni titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors;

–        jikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fuq it-talbiet għal annullament

19      Ir-rikorrenti tqajjem erba’ motivi insostenn tat-talbiet tagħha għal annullament:

–        l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni li allegatament wettaq il-Bord tal-Għażla fl-evalwazzjoni tar-risposti tagħha għall-eżamijiet bil-miktub u orali;

–        it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-avviż tal-kompetizzjoni, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza u tal-“prinċipju ta’ raġonevolezza”;

–        it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni;

–        ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni marbut man-nuqqas ta’ konkordanza bejn il-marka mogħtija għall-eżami bil-miktub u l-evalwazzjonijiet letterali tal-Bord tal-Għażla.

 Fuq l-ewwel u r-raba’ motivi, ibbażati fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Bord tal-Għażla

 L-argumenti tal-partijiet

–       Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni li allegatament wettaq il-Bord tal-Għażla fl-evalwazzjoni tar-risposti tar-rikorrenti għall-eżamijiet bil-miktub u orali

20      Ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel lok, li l-Bord tal-Għażla wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonstata “diversi punti debboli” fir-risposta tagħha għad-domanda Nru 3 tal-eżami bil-miktub. Minn naħa, ma jistax jiġi allegat fil-konfront tar-rikorrenti li hija ma spjegatx u ma ġġustifikatx il-kriterji għall-għażla relattivi għall-kapaċità ekonomika u teknika tal-impriżi offerenti, billi l-kandidati ntalbu jiddefinixxu kriterji għall-għażla u mhux jiġġustifikaw l-għażla tagħhom. Barra minn hekk, il-kriterji għall-għażla proposti mir-rikorrenti huma tant evidenti li l-motivazzjoni jew il-ġustifikazzjoni tal-għażla tagħhom kienet tkun superfluwa. Min-naħa l-oħra, il-kriterji għall-għażla proposti mir-rikorrenti huma kemm rilevanti kif ukoll użati komunement fil-prattika, billi jinsabu fil-“Gwida prattika għall-proċeduri kuntrattwali fil-kuntest tal-azzjonijiet esterni” tal-Kummissjoni. Billi r-rikorrenti kienet semmiet il-kriterji ta’ din il-gwida tal-Kummissjoni, il-Bord tal-Għażla ma setax jikkunsidra li r-risposta tagħha kien fiha “diversi punti debboli”.

21      Fit-tieni lok, il-Bord tal-Għażla wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni wkoll meta kkunsidra li r-rikorrenti kienet żbaljat meta semmiet l-esperjenza tal-persunal u dik tal-impriża bħala kriterji għall-għoti tal-kuntratt, meta dawn huma kriterji għall-għażla. Fil-fatt, il-“Gwida prattika għall-proċeduri kuntrattwali fil-kuntest tal-azzjonijiet esterni” tal-Kummissjoni ssemmi l-curriculum vitae tal-esperti proposti, fost il-kriterji għall-għoti tal-kuntratti għal servizzi. Għalhekk, il-Bord tal-Għażla injora r-regoli li l-Kummissjoni stabbilixxiet għaliha nfisha u, għaldaqstant, kiser il-prinċipju patere legem quam ipse fecisti.

22      Fit-tielet lok, il-Bord tal-Għażla żbalja meta sostna li l-klawżoli kuntrattwali proposti mir-rikorrenti sabiex tiġi ggarantita l-kwalità tal-prodotti u tas-servizzi u jiġu limitati r-riskji finanzjarji mhux dejjem kienu rilevanti. Il-garanzija ta’ prefinanzjament, imsemmija bħala eżempju mill-Bord tal-Għażla fl-ittra tagħha tat-2 ta’ Mejju 2007, hija, għall-kuntrarju, mhux biss rilevanti, iżda saħansitra obbligatorja fil-kuntratti tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ).

23      Fl-aħħar nett, għad-domanda, magħmula waqt l-eżami orali, dwar kif seta’ jitnaqqas ir-riskju ta’ telf finanzjarju b’riżultat ta’ varjazzjonijiet fir-rati tal-kambju fil-kuntest ta’ kuntratt konkluż bejn partijiet ta’ żewġ pajjiżi li għandhom muniti differenti, ir-rikorrenti kienet tat risposta konformi mal-prassi tal-FEŻ: il-prezz jitħallas billi jintużaw iż-żewġ muniti u jiġu previsti klawżoli kuntrattwali li jippermettu r-reviżjoni tal-prezzijiet. Għalhekk il-Bord tal-Għażla żbalja meta kkunsidra li din ir-risposta kienet insuffiċjenti.

24      Il-Kummissjoni tfakkar fin-natura ristretta tal-istħarriġ imwettaq mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fir-rigward tal-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Għażla.

25      F’dak li jirrigwarda l-eżami bil-miktub, il-Kummissjoni tqis li d-diversi referenzi għall-“Gwida tal-Uffiċċju ta’ kooperazzjoni EuropAid” magħmula mir-rikorrenti fir-rikors tagħha sabiex turi li r-risposti tagħha kienu fondati jiżvelaw żball ta’ perspettiva. Din il-gwida tittratta l-kuntratti għal servizzi konklużi mill-FEŻ filwaqt li t-termini tad-domandi tal-eżami bil-miktub ma semmewx il-FEŻ u kienu jirrigwardaw il-kuntratti għal provvisti.

–       Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq in-nuqqas manifest ta’ konkordanza bejn il-marka mogħtija għall-eżami bil-miktub u l-evalwazzjonijiet letterali tal-Bord tal-Għażla

26      Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Għażla wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, meta qaleb f’marka l-evalwazzjoni tal-eżami bil-miktub tagħha. Billi l-Bord tal-Għażla kkunsidra r-risposti tagħha “suffiċjenti” fir-rigward tal-konoxxenzi u “tajba” fir-rigward tal-kapaċitajiet ta’ komprensjoni, ta’ analiżi, ta’ sinteżi u ta’ redazzjoni li taw xhieda tagħhom dawn ir-risposti, il-Bord tal-Għażla żbalja manifestament meta taha l-marka ta’ 25/50, jiġifieri l-marka minima sabiex wieħed jiġi aċċettat sabiex jagħmel l-eżami orali.

27      Barra minn hekk, billi ta lir-rikorrenti l-marka ta’ 25/50, il-Bord tal-Għażla kiser il-prinċipju ta’ ugwaljanza. Fil-fatt, il-Bord tal-Għażla ttratta lir-rikorrenti bħal kwalunkwe kandidat li kiseb darbtejn l-evalwazzjoni “suffiċjenti” fir-rigward tal-konoxxenzi tagħha u darbtejn l-evalwazzjoni “suffiċjenti” fir-rigward tal-kapaċitajiet ta’ analiżi u ta’ sinteżi, ta’ komprensjoni u ta’ redazzjoni. Ir-rikorrenti tqis li l-marka tagħha kien imissha rriflettiet il-fatt li hija kienet kisbet il-kwalifikazzjoni “tajba” fir-rigward tal-kriterji kollha li ma kinux jirrigwardaw il-konoxxenzi.

28      F’kull każ, il-marka miksuba fl-eżami bil-miktub ma kinitx proporzjonata għall-evalwazzjoni li tinsab fin-nota ta’ evalwazzjoni.

29      Il-Kummissjoni twieġeb li m’hemm ebda inkoerenza bejn il-marka ta’ 25/50 u l-kummenti. Fil-fatt, kif spjega l-president tal-Bord tal-Għażla fl-ittra tiegħu tat-2 ta’ Mejju 2007, il-konoxxenzi fil-qasam tal-kompetizzjoni kellhom importanza predominanti fl-evalwazzjoni tal-kandidati. Anki kieku kellu jitqies li hemm inkoerenza bejn il-marka u l-kummenti, din l-inkoerenza hija negliġibbli għalkollox u f’ebda każ mhija manifesta.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

30      Ir-rikorrenti tinvoka żewġ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, l-ewwel waħda tivvizzja l-evalwazzjoni mill-Bord tal-Għażla tal-prestazzjoni tal-kandidati, it-tieni waħda taffettwa l-konkordanza tal-marka mogħtija għall-eżami bil-miktub mal-evalwazzjonijiet letterali tal-Bord tal-Għażla.

31      Preliminarjament, għandha tiġi mfakkra l-portata tal-istħarriġ imwettaq mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fir-rigward ta’ deċiżjoni li biha Bord tal-Għażla jirrifjuta li jinkludi lil kandidat fil-lista ta’ dawk li għaddew mill-kompetizzjoni.

32      Meta jkollu jiddeċiedi dwar il-legalità ta’ tali deċiżjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jivverifika jekk ikunux ġew osservati r-regoli ġuridiċi applikabbli, jiġifieri b’mod partikolari r-regoli proċedurali, iddefiniti mir-Regolamenti tal-Persunal u mill-avviż tal-kompetizzjoni, u dawk li jirregolaw ix-xogħol tal-Bord tal-Għażla, b’mod partikolari d-dmir ta’ imparzjalità tal-Bord tal-Għażla u r-rispett minn dan tal-aħħar tat-trattament ugwali tal-kandidati (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Marzu 2003, Staelen vs Il-Parlament, T‑24/01, ĠabraSP p. I‑A‑79 u II‑423, punti 47 sa 52; tal-25 ta’ Ġunju 2003, Pyres vs Il-Kummissjoni, T‑72/01, ĠabraSP p. I‑A‑169 u II‑861, punti 32 sa 42, u tal-10 ta’ Novembru 2004, Vonier vs Il-Kummissjoni, T‑165/03, ĠabraSP p. I‑A‑343 u II‑1575, punt 39), kif ukoll in-nuqqas ta’ abbuż tas-setgħa (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Ottubru 1974, Campogrande et vs Il-Kummissjoni, 112/73, 144/73 u 145/73, Ġabra p. 957, punti 34 sa 53; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Frar 1999, Jiménez vs UASI, T‑200/97, ĠabraSP p. I‑A‑19 u II‑73, punti 43 sa 57). F’ċerti każijiet, li fihom il-Bord tal-Għażla ma jkollux marġni ta’ diskrezzjoni, dan l-istħarriġ jista’ jirrigwarda l-eżattezza tal-fatti li fuqhom ikun ibbaża ruħu l-Bord tal-Għażla sabiex jieħu d-deċiżjoni tiegħu (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Marzu 2008, Giannini vs Il-Kummissjoni, T‑100/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 277 u 278).

33      Min-naħa l-oħra, l-evalwazzjonijiet li jagħmel Bord tal-Għażla meta jevalwa l-konoxxenzi u l-idoneità tal-kandidati mhumiex suġġetti għall-istħarriġ tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (sentenza Campogrande et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-26 ta’ Jannar 2005, Roccato vs Il-Kummissjoni, T‑267/03, ĠabrsSP p. I‑A‑1 u II‑1, punt 42).

34      Dan ma japplikax għall-konkordanza tal-marka mal-evalwazzjonijiet letterali tal-Bord tal-Għażla. Fil-fatt, din il-konkordanza, li tiggarantixxi t-trattament ugwali tal-kandidati, hija waħda mir-regoli li jirregolaw ix-xogħol tal-Bord tal-Għażla u li l-qorti, skont il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, għandha tivverifika jekk ikunux ġew osservati. Barra minn hekk, il-konkordanza tal-marka u tal-evalwazzjoni letterali tista’ tkun is-suġġett ta’ stħarriġ min-naħa tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jkun indipendenti minn dak tal-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-kandidati magħmula mill-Bord tal-Għażla, li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirrifjuta li jeżerċita, bil-kundizzjoni li l-istħarriġ tal-konkordanza jkun limitat għall-verifika tan-nuqqas ta’ inkoerenza manifesta. Huwa għalhekk li, fis-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, Van Neyghem vs Il-Kummissjoni (F‑73/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 87), it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku eżamina jekk, fid-dawl tal-evalwazzjoni letterali magħmula fuq in-nota ta’ evalwazzjoni ta’ karta ta’ eżami, il-Bord tal-Għażla kienx wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ta l-marka fir-rigward ta’ din il-karta.

35      Fl-ewwel lok, mill-ġurisprudenza li għaliha ssir referenza fil-punt 33 ta’ din is-sentenza jirriżulta li r-rikorrenti ma tistax tinvoka utilment quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni li bih, fil-fehma tagħha, hija vvizzjata l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-kandidati mill-Bord tal-Għażla u li, għaldaqstant, l-ewwel motiv ma jistax ma jiġix miċħud.

36      Fit-tieni lok, mill-punt 34 ta’ din is-sentenza jirriżulta li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu, min-naħa l-oħra, jivverifika jekk il-Bord tal-Għażla tax lir-rikorrenti marka manifestament inkoerenti mal-evalwazzjonijiet letterali li huwa għamel fuq in-nota ta’ evalwazzjoni tal-karta tal-eżami tagħha.

37      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Bord tal-Għażla wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta taha 25/50 fir-rigward tal-eżami bil-miktub, jiġifieri l-iktar marka baxxa li tippermetti li wieħed jiġi aċċettat sabiex jagħmel l-eżami orali, meta huwa kien ikkunsidra r-risposti għaż-żewġ domandi tal-eżami bil-miktub “suffiċjenti”, f’dak li jirrigwarda l-konoxxenzi, u “tajba”, mill-aspett tal-kapaċitajiet ta’ analiżi, ta’ sinteżi u ta’ redazzjoni.

38      Għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest ta’ kompetizzjoni, il-valur tal-prestazzjoni tal-kandidati huwa evalwat b’mod relattiv u li xejn ma jipprekludi, b’mod partikolari, li jkunu biss il-kandidati kkunsidrati ta’ livell tajjeb li jiġu aċċettati sabiex jagħmlu l-eżami orali. Għalhekk, ir-rikorrenti m’għandhiex raġun tiddeduċi mill-marka li kisbet fl-eżami bil-miktub (25/50), suffiċjenti bl-eżatt sabiex tiġi aċċettata tagħmel l-eżami orali, li l-Bord tal-Għażla ma kkunsidrax il-karta tal-eżami tagħha sodisfaċenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li r-rikorrenti kisbet il-marka minima li tippermettilha tagħmel l-eżami orali, meta r-risposti bil-miktub tagħha kienu ġew ikkunsidrati globalment li kienu iktar milli suffiċjenti, ma jurix li hemm diskordanza bejn il-marka u l-evalwazzjoni letterali. Għaldaqstant, f’dan il-każ, ma jistax jiġi dedott żball manifest ta’ evalwazzjoni mill-paragun bejn il-marka mogħtija għall-karta tal-eżami tal-persuna kkonċernata u l-evalwazzjonijiet letterali magħmula mill-Bord tal-Għażla fir-rigward ta’ din il-karta.

39      Għaldaqstant, ir-raba’ motiv tar-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-avviż tal-kompetizzjoni, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza u tal-“prinċipju ta’ raġonevolezza”

 L-argumenti tal-partijiet

40      Skont ir-rikorrenti, filwaqt li l-avviż tal-kompetizzjoni kien jipprovdi li l-eżami bil-miktub kien intiż sabiex jeżamina “il-konoxxenzi tal-kandidat, il-kapaċitajiet tiegħu ta’ komprensjoni, ta’ analiżi u ta’ sinteżi, kif ukoll il-kapaċitajiet tiegħu ta’ redazzjoni”, il-Bord tal-Għażla evalwa biss il-konoxxenzi tar-rikorrenti. F’kull każ, il-kriterju tal-konoxxenzi ngħata prijorità għad-detriment tal-kriterji l-oħra.

41      Peress li r-rispett tal-avviż tal-kompetizzjoni jfittex li jiżgura t-trattament ugwali tal-kandidati, it-trattament ugwali ma baqax iggarantit, billi l-avviż tal-kompetizzjoni ma ġiex irrispettat.

42      Il-marka miksuba mir-rikorrenti fl-eżami bil-miktub, suffiċjenti bl-eżatt sabiex tiġi aċċettata tagħmel l-eżami orali, tirrifletti biss l-evalwazzjoni “suffiċjenti” magħmula mill-Bord tal-Għażla fir-rigward tal-konoxxenzi tar-rikorrenti u mhux l-evalwazzjoni favorevoli li l-karta tal-eżami tagħha rċeviet fir-rigward tal-kriterji tal-analiżi, tas-sinteżi u tar-redazzjoni. Id-diskordanza bejn il-marka u l-evalwazzjonijiet letterali għalhekk juru li l-kriterju tal-konoxxenza ngħata valur eċċessiv, jew saħansitra ttieħed inkunsiderazzjoni b’mod esklużiv. Għalhekk il-Bord tal-Għażla kiser il-“prinċipju ta’ raġonevolezza”.

43      Il-Kummissjoni tirrileva li l-eżami bil-miktub ġie evalwat fid-dawl tal-kriterji kollha previsti u tqis li, billi din kienet kompetizzjoni organizzata għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali b’kompetenza speċifika fil-qasam tal-ġestjoni tar-riżorsi finanzjarji, kien raġonevoli li tingħata importanza predominanti lill-konoxxenzi tal-kandidati f’dan il-qasam.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

44      Ir-rikorrenti tressaq żewġ argumenti insostenn tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-avviż tal-kompetizzjoni, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza u tal-“prinċipju ta’ raġonevolezza”.

45      Fl-ewwel lok, hija tallega li l-Bord tal-Għażla ħa biss inkunsiderazzjoni l-konoxxenzi tal-kandidati fil-qasam tal-kompetizzjoni, jiġifieri l-ġestjoni tar-riżorsi finanzjarji, u mhux il-kriterji l-oħra ta’ evalwazzjoni tal-eżami bil-miktub imsemmija fl-avviż tal-kompetizzjoni. Din l-allegazzjoni hija kjarament kontradetta mill-evalwazzjonijiet letterali magħmula mill-Bord tal-Għażla fuq in-nota ta’ evalwazzjoni tal-karta tal-eżami tar-rikorrenti. Fil-fatt, dawn l-evalwazzjonijiet jirrigwardaw kemm il-konoxxenzi tar-rikorrenti, li ġew ikkunsidrati “suffiċjenti”, kif ukoll il-kapaċitajiet ta’ analiżi, ta’ sinteżi u ta’ redazzjoni, li ġew ikkwalifikati bħala “tajba”.

46      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tqis, mhux mingħajr kontradizzjoni mal-argument preċedenti, li, fost il-kriterji ta’ għażla elenkati fl-avviż tal-kompetizzjoni, il-Bord tal-Għażla ta illegalment valur predominanti lill-kriterju tal-konoxxenzi fil-qasam tal-kompetizzjoni. Mhuwiex ikkontestat li l-Bord tal-Għażla effettivament ikkunsidra dan il-kriterju bħala l-iktar wieħed importanti.

47      Madankollu, l-organizzazzjoni tal-kriterji f’ordni ta’ prijorità magħmula mill-Bord tal-Għażla ma tmurx kontra l-avviż tal-kompetizzjoni, billi dan tal-aħħar ma indikax li l-kriterji elenkati kellhom l-istess importanza fl-evalwazzjoni tal-kandidati.

48      Minbarra dan, l-organizzazzjoni tal-kriterji f’ordni ta’ prijorità, fiha nfisha, ma tmurx kontra l-prinċipju tat-trattament ugwali tal-kandidati. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma sostnietx li l-Bord tal-Għażla applika dawn il-kriterji lill-kandidati l-oħra b’mod differenti.

49      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tibbaża ruħha esklużivament fuq id-diskordanza, li skontha hija manifesta, bejn il-marka li hija kisbet fl-eżami bil-miktub u l-evalwazzjonijiet letterali tal-Bord tal-Għażla fir-rigward tal-karta tal-eżami tagħha sabiex issostni li l-Bord tal-Għażla ta importanza manifestament sproporzjonata lill-kriterju tal-konoxxenzi. Issa, kif ġie spjegat fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, ma ġiet irrilevata ebda diskordanza manifesta bejn il-marka miksuba mir-rikorrenti fl-eżami bil-miktub u l-evalwazzjonijiet letterali tal-Bord tal-Għażla, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti.

50      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

51      Skont ir-rikorrenti, il-president tal-Bord tal-Għażla afferma, f’ittra tat-2 ta’ Mejju 2007, li r-risposta tagħha għad-domanda Nru 3 tal-eżami bil-miktub kien fiha “diversi punti debboli”, meta, fuq in-nota ta’ evalwazzjoni, il-Bord tal-Għażla kien indika li l-imsemmija risposta ħalliet barra ċerti kunċetti iżda kienet suffiċjenti. Fid-dawl ta’ dawn il-kontradizzjonijet, l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Għażla ma tistax titqies li hija mmotivata.

52      F’ebda waħda mir-risposti tiegħu għall-ittri li bagħtitlu r-rikorrenti l-Bord tal-Għażla ma ġġustifika fhiex ma kinitx sodisfaċenti r-risposta orali ta’ din tal-aħħar għad-domanda dwar ir-riskji finanzjarji li jġibu magħhom il-varjazzjonijiet fir-rati tal-kambju. Għaldaqstant il-Bord tal-Għażla kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu.

53      Il-Kummissjoni ssostni li, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-4 ta’ Lulju 1996, Il-Parlament vs Innamorati (C‑254/95 P, Ġabra p. I‑3423, punt 31), il-komunikazzjoni tal-marki miksuba fid-diversi eżamijiet tikkostitwixxi motivazzjoni suffiċjenti tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla. Minn dan l-istituzzjoni tiddeduċi li n-nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistax ikun ibbażat fuq allegata inkoerenza bejn żewġ dokumenti fformulati wara l-għoti tal-marka. Barra minn hekk, ir-rikorrenti kisbet l-ispjegazzjonijiet kollha neċessarji għall-istadji tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid u tal-proċedura prekontenzjuża. Il-Kummissjoni tirrileva li r-rikorrenti kisbet il-komunikazzjoni mhux biss tal-karta tal-eżami tagħha, iżda wkoll tan-nota ta’ evalwazzjoni ta’ din tal-aħħar.

54      F’dak li jirrigwarda d-domana magħmula lir-rikorrenti waqt l-eżami orali dwar il-mod kif wieħed għandu jilqa’ għar-riskju finanzjarju marbut mal-varjazzjoni fir-rati tal-kambju, il-Bord tal-Għażla diġà spjega lir-rikorrenti li r-risposta tagħha ma kinitx totalment żbaljata iżda li kienu jeżistu risposti iktar adegwati u argumentati aħjar minn tagħha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

55      L-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ Bord tal-Għażla għandu, minn naħa, ikun irrekonċiljat mal-obbligu ta’ segretezza li għalih huwa suġġett ix-xogħol magħmul minn dan tal-aħħar. Ir-rispett ta’ dan l-obbligu ta’ segretezza jipprekludi kemm l-iżvelar tal-attitudnijiet adottati mill-membri individwali tal-bordijiet tal-għażla kif ukoll l-iżvelar ta’ kull element relattiv għal evalwazzjonijiet ta’ natura personali jew komparattiva li jirrigwardaw il-kandidati (sentenza Il-Parlament vs Innamorati, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).

56      Min-naħa l-oħra, huwa importanti li l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jtaqqalx b’mod intollerabbli l-ħidma tal-bordijiet tal-għażla u x-xogħol tal-amministrazzjoni tal-persunal (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Frar 1980, Bonu vs Il-Kunsill, 89/79, Ġabra p. 553, punt 6, u, a contrario, tat-28 ta’ Frar 2008, Neirinck vs Il-Kummissjoni, C‑17/07 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 58). Huwa għalhekk li, f’kompetizzjoni b’parteċipazzjoni numeruża, il-komunikazzjoni tal-marki tikkostitwixxi motivazzjoni suffiċjenti tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla (sentenza Il-Parlament vs Innamorati, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).

57      F’dan il-każ, wara t-testijiet ta’ preselezzjoni, 300 kandidat ġew aċċettati sabiex jagħmlu l-eżami bil-miktub tal-kompetizzjoni u finalment ġiet stabbilita lista ta’ riżerva ta’ 100 kandidat. Għalhekk il-kompetizzjoni li fiha pparteċipat ir-rikorrenti kienet kompetizzjoni b’parteċipazzjoni numeruża. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif ġie mfakkar fil-punt preċedenti, il-komunikazzjoni tal-marki miksuba fid-diversi eżamijiet kienet tikkostitwixxi motivazzjoni suffiċjenti tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Bord tal-Għażla fir-rigward ta’ kull kandidat. Huwa paċifiku li r-rikorrenti kisbet il-komunikazzjoni tal-marki tagħha. Barra minn hekk, f’kull każ, ir-rikorrenti rċeviet elementi oħra li ppermettewla ssir taf b’mod iktar preċiż ir-raġunijiet għalfejn hija ma għaddietx mill-kompetizzjoni, bħalma huma l-karta tagħha tal-eżami bil-miktub, in-nota ta’ evalwazzjoni ta’ din il-karta u ittra ta’ spjegazzjonijiet, datata 2 ta’ Mejju 2007, li bagħtilha l-president tal-Bord tal-Għażla. Minn dan isegwi li t-tielet motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma jistax jintlaqa’.

58      Għaldaqstant, it-talbiet għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-talbiet għad-danni

59      Ir-rikorrenti titlob li tiġi kkumpensata għad-danni materjali u morali li tallega li kkawżatilha d-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, iċ-ċaħda tat-talbiet diretti kontra din id-deċiżjoni timplika ċ-ċaħda tat-talbiet tar-rikors għal kumpens.

60      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

61      Skont l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura, id-dispożizzjonijiet tat-tmien Kapitolu tat-tielet Titolu tal-imsemmija regoli, dwar l-ispejjeż ġudizzjarji, huma applikabbli biss għall-kawżi mressqa quddiem it-Tribunal minn mindu jidħlu fis-seħħ dawn ir-regoli, jiġifieri l-1 ta’ Novembru 2007. Id-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza li huma rilevanti f’dan il-qasam għandhom jibqgħu jkunu applikabbli mutatis mutandis għall-kawżi pendenti quddiem it-Tribunal qabel din id-data.

62      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, skont l-Artikolu 88 ta’ dawn ir-regoli, fil-kawżi bejn il-Komunitajiet u l-impjegati tagħhom, l-istituzzjonijiet għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tielet Awla)

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      Ir-rikors ta’ J. M. Coto Moreno huwa miċħud.

2)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Mahoney

Kanninen

Gervasoni

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fil-11 ta’ Settembru 2008.

W. Hakenberg

 

      P. Mahoney

Reġistratur

 

       Il-President

Fid-deċiżjonijiet iċċitati, il-qrati Komunitarji huma identifikati b’ittra li tippreċedi n-numru tal-kawża: “C” għall-Qorti tal-Ġustizzja, “T” għall-Qorti tal-Prim’Istanza u “F” għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Id-deċiżjonijiet li n-numru tal-kawża tagħhom mhuwiex ippreċedut b’ittra, ġew adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja qabel is-16 ta’ Novembru 1989.

It-testi ta’ din id-deċiżjoni kif ukoll tad-deċiżjonijiet tal-qrati Komunitarji ċċitati fiha u li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra huma disponibbli fuq is-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja: www.curia.europa.eu


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.